12.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 138/7 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Serron (Il-Greċja) fil-5 ta’ Marzu 2012 — Ioannis Christodoulou, Nikolaos Christodoulou, Afoi N. Christodoulou A.E. vs Elliniko Dimosio
(Kawża C-116/12)
(2012/C 138/11)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Dioikitiko Protodikeio Serron
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ioannis Christodoulou, Nikolaos Christodoulou, Afoi N. Christodoulou A.E.
Konvenuta: Elliniko Dimosio
Domandi preliminari
(1) |
Il-valur doganali tal-merkanzija importata għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/1992, anki fil-każ fejn il-kuntratt ikun jikkonċerna l-ipproċessar jew it-trasformazzjoni ta’ materjali (materjali li ġew importati fil-pajjiż tal-ipproċessar mingħajr ma ġew issuġġettati għall-proċedura doganali tal-ipproċessar passiv bil-ħsieb li jiġu esportati mill-ġdid) li ma jilħaqx il-livell previst mill-Artikolu 24 ta’ dan l-istess regolament jew li, fin-nuqqas, huwa insuffiċjenti sabiex il-merkanzija li ġiet prodotta tingħata l-oriġni tal-pajjiż fejn twettqu dan l-ipproċessar jew din it-trasformazzjoni? |
(2) |
F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, ir-risposta kienet tkun differenti f’każ li l-importazzjoni, abbażi ta’ rċevuti iżda wkoll ta’ dokumenti oħra kkunsidrati bħala foloz, tkun tidher li twettqet fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ, meta jiġi pprovat li l-kuntratt kien jipprevedi pproċessar mhux sostanzjali tal-materjali li joriġinaw mill-pajjiżi tal-importazzjoni, b’remunerazzjoni preċiża, li tista’ tiġi ddeterminata, u li l-valur doganali ddikjarat ma jikkorrispondix għall-prezz li għandu jitħallas jew li effettivament tħallas? |
(3) |
F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, ir-risposta kienet tkun differenti f’każ li jiġi stabbilit ukoll li ġiet implementata prattika li tikkonsisti f’użu abbużiv mid-dispożizzjonijiet Komunitarji bl-għan li l-persuna kkonċernata tikseb vantaġġ? |
(4) |
F’każ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/1992 jistgħu jiġu applikati mhux biss f’każ bħal dak deskritt fit-tieni domanda, iżda anki meta jiġu sodisfatti ċ-ċirkustanzi oġġettivi kif ukoll l-element suġġettiv tat-tielet domanda, x’għandu jkun il-valur ta’ element (f’dan il-każ iz-zokkor) li jkun ġie inkorporat fil-prodott importat u li jkun ġie pprovdut bla ħlas mill-importatur, meta l-imsemmi element, li ma setgħax jiġi ssuġġettat għall-proċedura tal-ipproċessar bil-għan li jiġi esportat mill-ġdid, skont l-Artikolu 146(1) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, ma jkunx ġie prodott minnu, iżda akkwistat minnu bil-prezz ta’ esportazzjoni (inqas mill-prezz applikabbli fis-suq intern, minħabba l-fatt li l-prodott kien ssuġġettat għal skema ta’ rifużjoni)? |