28.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 126/8


Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2012 minn Louis Vuitton Malletier kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawża T-237/10 — Louis Vuitton Malletier vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Friis Group International ApS

(Kawża C-97/12)

2012/C 126/16

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Louis Vuitton Malletier (rappreżentanti: P. Roncaglia, G. Lazzeretti, M. Boletto, E. Gavuzzi, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Friis Group International ApS

Talbiet tal-appellant

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn ċaħdet l-appell ippreżentat mill-appellanti kontra s-sentenza appellata u b’hekk tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell sa fejn iddikjarat li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva Nru 3693116 bħala invalida għal “apparat u strumenti ottiċi, inklużi nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx u l-kaxxi tan-nuċċalijiet” fil-klassi 9, “kaxxi għall-ġojjelli magħmula minn metalli prezzjużi, il-ligi tagħhom jew miksija bihom” fil-klassi 14, u “basktijiet tal-ivvjaġġar, settijiet tal-ivvjaġġar (prodotti magħmulin mill-ġilda), bagolli u bagalji, basktijiet għall-ħwejjeġ għall-ivvjaġġar, vanity cases, rucksacks, shoulder bats, handbags, valiġetti, valiġetti għad-dokumenti u briefcases tal-ġilda, pouches, kartieri, portmonijiet, kaxxi għaċ-ċwievet, kaxxi għall-karti tal-logħob” fil-klassi 18;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż li saru minn Louis Vuitton Malletier S.A. matul din il-kawża;

tikkundanna lil Friis goup International ApS għall-ispejjeż sostnuti minn Louis Vuitton Malletier S.A. matul din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell għandu l-għan li juri li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(l)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) billi jsostni li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja figurattiva Nru 3693116 (imsejħa “FERMOIR S”) fir-rigward tal-prodotti kollha li tkopri fil-klassijiet 9, 14 u 18, ħlief għal “ġojjelli, inklużi ċrieket, ktajjen għaċ-ċwievet, bokkli u msielet, buttuni tal-pulzieri, brazzuletti, biġutterija, labar li jintlibsu mal-ħwejjeġ tan-nisa, ġiżirajjen, labar għall-ingravata, ornamenti, medaljuni; arloġġi u strumenti u apparat kronometriċi, inklużi arloġġi tal-idejn, kaxxetti għall-arloġġi tal-idejn, żveljarini; għodda għat-tiksir tal-ġewż magħmula b’metall prezzjuż, il-ligi tagħhom jew miksija bihom, gandlieri magħmula b’metall prezzjuż, il-ligi tagħhom jew miksija bihom” fil-klassi 14 u “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda” u “umbrellel” fil-klassi 18.

L-ewwelnett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-ġurisprudenza dwar it-trade marks f’forma tridimensjonali għall-kawża preżenti (mill-inqas fir-rigward tal-maġġoranza tal-prodotti koperti mit-trade mark kkontestata) u għalhekk ħolqot rekwiżit legali għall-karattru distintiv li l-“FERMOIR S”“tmur lil hinn min-norma u mid-drawwiet tas-settur”, li huwa livell ogħla minn dak ġenerali (jiġifieri, il-“karattru distintiv minimu”)

Fil-fatt, il-ġurisprudenza turi b’mod ċar li, l-applikazzjoni ta’ limitu li “b’mod sinjifikattiv [i]mur lil hinn”, minn dak oriġinarjament imfassal għall-trade marks f’forma tridimensjonali biss, is-sinjal rilevanti għandu jkun inekwivokabbilment relatat mal-prodotti kkonċernati, li jfisser li dak is-sinjal għandu jikkonsisti, u jiġi pperċepit mill-konsumaturi bħala, rappreżentazzjoni fidila jew tal-prodott kollu jew ta’ waħda mill-partijiet prinċipali tiegħu, immedjatament rikonoxxibbli bħala tali.

B’kuntrast, il-Qorti Ġenerali qieset li kull sinjal li jirrappreżenta l-forma ta’ parti ta’ prodott huwa suġġett għall-prinċipji stabbiliti inkonnessjoni ma’ trade marks f’forma tridimensjonali sakemm dan ikun assolutament impossibbli li dan is-sinjal jitqies kunċettwalment bħala parti mill-prodotti li huma koperti. Minn dan jirriżulta, li minflok tistaqsi jekk it-trade mark ikkontestata tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala parti essenzjali mill-prodotti li hija tkopri, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tistabbilixxi jekk din it-trade mark tistax teoretikament tintuża bħala mekkaniżmu tal-għeluq għall-prodotti fil-klassijiet 9, 14, u 18.

It-tieni nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta evalwat il-validità tal-marka kkontestata fir-rigward ta’ dawk l-prodotti li setgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ għeluq, bi ksur tar-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova u b’distorsjoni tas-sens ċar tal-provi.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti importanza suffiċjenti lill-preżunzjoni ta’ validità mogħtija għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji billi obbligat lill-appellanti “tipprovdi informazzjoni speċifika u sostanzjata li turi li t-trade mark mitluba għandha karattru distintiv inerenti” u b’hekk l-oneru tal-prova tal-invalidità tat-trade mark kkontestata ma baqax fuq Friis.

Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, sa fejn hija laqgħet parzjalment id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-24 Frar 2010, fil-Każ R 1590/2008-1 li kienet iddikjarat it-trade mark kkontestata bħala invalida għall-prodotti li tkopri fil-klassijiet 9, 14 u 18.


(1)  ĠU L 11, p. 1