|
28.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 126/6 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (Ir-Rumanija) fl-14 ta’ Frar 2012 — Asociația ACCEPT vs Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării
(Kawża C-81/12)
2012/C 126/12
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel București
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Asociația ACCEPT
Konvenut: Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării
Domandi preliminari
|
(1) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1) huma applikabbli meta azzjonist ta’ klabb tal-futbol, li jippreżenta lilu nnifsu, u jitqies fil-mezzi tax-xandir u fis-soċjetà, bħala id-direttur prinċipali (“patron”) tal-imsemmi klabb tal-futbol, jiddikjara fil-mezzi tax-xandir li: “Anki jekk inxolji l-iSteaua, jien mhux ser naċċetta omosesswali fit-tim. Ix-xniegħat huma xniegħat, iżda kif setgħet tinkiteb ukoll jekk ma tkunx vera u saħansitra fl-ewwel paġna. Forsi ma huwiex omosesswali. Iżda jekk fil-fatt huwa? […]. Fil-familja tiegħi ma rridux ikollna x’naqsmu mal-omosesswali u l-iSteaua hija l-familja tiegħi. Pjuttost milli jkolli omosesswali, nippreferi li nilagħbu bi plejer mit-tim taż-żgħar. Għalija din ma hijiex diskriminazzjoni. Ħadd ma jista’ jobbligani naħdem ma’ ħaddieħor. Jien ukoll għandi d-dritt li naħdem ma’ min irrid, hekk kif huma ukoll għandhom drittijiet.” “Anki jekk inxolji l-iSteaua, jien mhux ser naċċetta omosesswali fit-tim! Forsi ma huwiex omosesswali. Iżda jekk fil-fatt huwa? Fil-familja tiegħi ma rridux ikollna x’naqsmu mal-omosesswali u l-iSteaua hija l-familja tiegħi. Pjuttost milli jkolli omosesswali fil-grawnd, nippreferi li nilagħbu bi plejer mit-tim taż-żgħar. Għalija din ma hijiex diskriminazzjoni. Ħadd ma jista’ jobbligani naħdem ma’ ħaddieħor. Jien ukoll għandi d-dritt li naħdem ma’ min irrid, hekk kif huma ukoll għandhom drittijiet. Anki jekk waqt ħolma Alla jiggarantili 100% li X ma huwiex omosesswali, xorta ma naċċettahx! Il-gazzetti kitbu wisq dwar il-fatt li huwa omosesswali. Anki jekk is-CSKA tagħtihuli b’xejn jien ma naċċettahx! Jista jkun l-ikbar ġellied, l-ikbar alkoħoliku … jekk huwa omosesswali, jien ma rridx naf bih.” |
|
(2) |
L-istqarrijiet imsemmija iktar ’il fuq sa fejn jistgħu jiġu deskritti bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, fir-rigward tal-konvenut KS Fotbal Club Steaua București SA? |
|
(3) |
Sa fejn ikun hemm jew le kwistjoni ta’ “probatio diabolica” jekk ikun hemm inverżjoni tal-oneru tal-prova, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u l-konvenut KS Fotbal Club Steaua București S.A. jintalab jipproduċi prova tal-fatt li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, b’mod partikolari, li jipproduċi prova li l-orjentazzjoni sesswali ma għandha l-ebda influwenza fuq ir-reklutaġġ? |
|
(4) |
L-impossibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-forma ta’ multa f’każijiet ta’ diskriminazzjoni fl-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 6 xhur mid-data ta’ meta seħħew il-fatti, skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 2/2001 dwar il-qafas ġuridiku ta’ kontravenzjonijiet, tmur kontra l-Artikolu 17 tad-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, fis-sens li s-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet ta’ diskriminazzjoni? |
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 4 p. 79