|
21.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 118/18 |
Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2012 minn Deutsche Post AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-421/07, Deutsche Post AG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-77/12 P)
2012/C 118/29
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Deutsche Post AG (rappreżentanti: J. Sedemund u T. Lübbig, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, UPS Europe NV/SA, UPS Deutschland Inc. & Co. OHG
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
— |
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawża T-421/07 fl-intier tagħha; |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż |
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell jittratta, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE. B’mod partikolari, il-kwistjoni tqum fir-rigward ta’ jekk deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura bħal din, b’żieda ma’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura preċedenti adottata li allegatament kienet tittratta l-istess miżuri ta’ għajnuna, tipproduċix effetti legali vinkolanti awtonomi.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura tal-2007 fil-Każ C 36/07 (ex NN 25/07), li hija kkontestata fil-kawża preżenti, tikkonċerna l-istess miżuri li kienu diġà fformaw is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura tal-1999 fil-Każ C 61/99 (ex NN 153/96), qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura kkontestata. Il-fatt li fil-proċedura ta’ investigazzjoni li saret qabel il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ewlenija fil-kawża preżenti kienet, ħames snin qabel, wasslet għal deċiżjoni negattiva fis-sens tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, ma jaffettwax lil din l-evalwazzjoni, peress li tali deċiżjoni negattiva għalqet biss parzjalment il-proċedura ta’ investigazzjoni preċedenti.
L-appellanti ssostni erba’ aggravji:
|
(1) |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura tal-2007 ipproduċiet effetti legali awtonomi inkwantu din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura kienet tirrigwarda l-miżuri ta’ għajnuna li marru ferm lil hinn minn dawk li għalihom il-Kummissjoni kienet oġġezzjonat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura tagħha tal-1999. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ investigazzjoni prinċipali, li infetħet fl-1999, ingħalqet kompletament permezz ta’ deċiżjoni negattiva tal-2002 (2002/753/KE), għalhekk id-deċiżjoni li ta’ ftuħ ta’ proċedura tal-1999 ma setax ikollha iktar effett legali. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, hija kisret l-Artikolu 263(4) TFUE, inkwantu, skont din ir-regola, kull deċiżjoni li għandha effetti legali awtonomi għandha tkun suġġetta għal stħarriġ. |
|
(2) |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx il-portata tal-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tabja u l-effett ta’ dan il-ksur fuq din il-proċedura ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, għall-Qorti Ġenerali, il-Kummssjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta — mingħajr ma ċċarat dan b’mod suffiċjenti lill-Gvern Federali u lill-appellanti — ikkunsidrat, ex post, li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl-1999 ma kinitx konkluża fl-aspetti kollha tagħha u reġgħet fetħitha ħames snin wara l-għeluq formali tagħha. |
|
(3) |
Fit-tielet lok, il-fatt li, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ċaħdet lill-appellanti minn kull rimedju legali dirett kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura tal-2007 jikkostitwixxi rifjut ta’ protezzjoni ġudizzjarja li jikser direttament il-prinċipju fundamentali ta’ rimedju effettiv quddiem qorti, li l-appellanti għandha taħt l-Artikolu 6(1) TUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(3) TUE flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
(4) |
Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ma tat ebda spjegazzjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza fir-rigward tal-aħħar żewġ punti hawn fuq imsemmija, li ġew kompletament injorati fis-sentenza appellata. B’tali ommissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li joriġina mill-prinċipju tal-istat tad-dritt. |