31.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di Pace di Revere (L-Italja) fit-2 ta’ Frar 2012 — Proċeduri kriminali kontra Xiamie Zhu et

(Kawża C-51/12)

2012/C 98/32

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di Pace di Revere

Partijiet fil-kawża prinċipali

Xiamie Zhu, Guo Huo Xia, Xie Fmr Ye, Jian Hui Luo, Ua Zh Th

Domandi preliminari

(1)

Fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ effettività tad-direttivi, l-Artikoli 2, 4, 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2008/115/KE (1) jipprekludu l-possibbiltà li, saħansitra qabel in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ta’ tkeċċija maħruġa mill-awtorità amministrattiva, ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu titqies illegali mill-Istat Membru jiġi ssanzjonat b’multa ssostitwita, bħala sanzjoni kriminali, b’piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju (“detenzione domiciliare”) minħabba s-sempliċi fatt li dan iċ-ċittadin daħal u baqa’ f’dan l-Istat Membru b’mod illegali?

(2)

Fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ effettività tad-direttivi, l-Artikoli 2, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115/KE jipprekludu l-possibbiltà li, sussegwentement għall-promulgazzjoni tad-Direttiva, Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu titqies illegali mill-Istat Membru għandu jiġi ssanzjonat b’multa ssostitwita, bħala sanzjoni kriminali, bit-tkeċċija eżegwibbli immedjatament mingħajr osservanza tal-proċedura u tad-drittijiet tal-persuni barranin stabbiliti mid-Direttiva?

(3)

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun adottata matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva bil-għan li tiġi evitata jew, fi kwalunkwe każ, limitata, l-applikazzjoni tad-Direttiva, u liema miżuri għandha tieħu l-qorti jekk tikkonstata dan l-għan?


(1)  ĠU L 348, p. 98