24.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/17


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2012 minn Saupiquet mis-sentenza mogħtja fil-Qorti Ġeneral (Il-Ħames Awla) fl-24 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-131/10, Saupiquet vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-37/12 P)

2012/C 89/26

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Saupiquet SAS (rappreżentant: R. Ledru, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġeneral tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-131/10, Saupiquet vs Il-Kummissjoni;

tilqa’, fl-intier tagħhom, it-talbiet ta’ dan l-appell u t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mill-kumpannija Saupiquet;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji fundamentali ta’ trattament ugwali u nondiskriminazzjoni u, konsegwentement, tal-Artikoli 2 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jagħti kompetenza lil din tal-aħħar, b’mod partikolari, responsabbiltà esklużiva f’dak li għandu x’jaqsam mad-dwana.

It-tielet nett, l-appellanti invokat il-ksur tal-Artikoli 247 u 247a tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (1).

Ir-raba’ u l-aħħar nett, l-appellanti tallega l-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 975/2003 (2).

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, jirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tat-testi msemmija iktar ’il fuq li l-Kummissjoni għandha tinżamm responsabbli għal konsegwenzi negattivi tal-għeluq tal-uffiċċji doganali nhar ta’ Ħadd f’xi Stati Membri u għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tagħmel tajjeb għall-imsemmija konsegwenzi.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 4 p. 307).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/2003, tal-5 ta’ Ġunju 2003, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tat-tariffa għall-importazzjoni tat-tonn tal-bott koperti mill-kodiċi NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13 p. 419).