10.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 73/23 |
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-28/12)
2012/C 73/40
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Valero Jordana, K. Simonsson, S. Bartelt, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (2011/708/UE) (1); |
— |
tordni li l-effetti tad-Deċiżjoni 2011/708/UE jinżammu; |
— |
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
(1) |
Permezz ta’ dan ir-rikors il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-“Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill” tas-16 ta’ Ġunju 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” jew “il-miżura kkontestata”) li kienet ġiet adottata fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Din tirrigwarda l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-adeżjoni tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti, minn naħa, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Anċillari tiegħu. |
(2) |
Ir-rikors huwa bbażat fuq it-tliet motiv li ġejjin: |
(3) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li billi adotta d-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill kiser l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) flimkien mal-Artikolu 218(2) u (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sa fejn jirriżulta mill-Artikolu 218(2) u (5) TFUE li l-Kunsill huwa l-istituzzjoni inkarigata li tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kellha tittieħed biss mill-Kunsill u mhux ukoll mill-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. |
(4) |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 100(2) TFUE li jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, ma hijiex deċiżjoni tal-Kunsill, iżda att meħud mill-Istati Membri kollettivament bħala membri tal-gvernijiet tagħhom u mhux fil-kapaċità tagħha bħala membri tal-Kunsill. Minħabba n-natura tiegħu, tali att jeħtieġ unanimità. Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjoni bħala waħda u li din tal-aħħar tiġi suġġetta għall-unanimità tippriva r-regola ta’ maġġoranza kwalifika stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE min-natura tagħha stess. |
(5) |
Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser l-għanijiet previsti fit-Trattat u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-poteri tiegħu b’tali mod li ma jaħrabx mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni u l-proċeduri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 218 TFUE, u kellu jagħmel dan b’konformità mal-għanijiet stabbiliti fit-Trattati. |
(1) ĠU L 283, p. 1