SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u tariffa doganali komuni — Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu — Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 — Prova tal-oriġini — Ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 — Ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 ta’ sostituzzjoni maħruġ meta l-merkanzija ma tkunx iktar taħt il-kontroll tal-awtorità doganali ta’ ħruġ — Rifjut ta’ applikazzjoni tal-iskema preferenzjali”

Fil-Kawża C‑613/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Helm Düngemittel GmbH

vs

Hauptzollamt Krefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Helm Düngemittel GmbH, minn H. Nehm, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewropew-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2001, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE, tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 304, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu”, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 għall-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni EU-Eġittu Nru 1/2006, tas-17 ta’ Frar 2006 (ĠU L 73, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 4”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn Helm Düngemittel GmbH (iktar ’il quddiem “Helm Düngemittel”) u l-Hauptzollamt Krefeld (amministrazzjoni doganali ta’ Krefeld), fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-”Konvenzjoni ta’ Vjenna”), intitolat “Ambitu ta’ din il-konvenzjoni”, din tapplika għal trattati bejn Stati.

4

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Ftehim internazzjonali li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplika la għall-ftehim internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali jew bejn dawn is-suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali u lanqas għall-ftehim internazzjonali li ma ġewx konklużi bil-miktub ma tippreġudikax:

[…]

b)

L-applikazzjoni għal dawn il-ftehim tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-konvenzjoni li huma suġġetti għalihom skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-imsemmija konvenzjoni;

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Pacta sunt servanda”, jipprovdi:

“Kull trattat li jkun fis‑seħħ jorbot lill‑partijiet kontraenti u għandu jiġi eżegwit minnhom in bona fide.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”, jipprovdi:

“Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu

7

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

8

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim:

“1.   Ftehim ta’ Assoċċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Eġittu, min-naħa l-oħra huwa b’dan stabbilit.

2.   L-iskopijiet ta’ dan il-ftehim huma illi:

[…]

jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ ta’ prodotti, ta’ servizzi u ta’ kapital,

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Taħt it-Titolu II ta’ dan il-ftehim, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar jiddisponi:

“Il-Komunità u l-Eġittu għandhom jistabbilixxu gradwalment żona ta’ kummerċ ħieles fuq perijodu tranżitorju taż-żmien li ma jaqbiżx it-12-il sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim skont il-modalitajiet stabbiliti f’dan it-titolu u skont id-disposizzjonijet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u l-ftehim l-oħra multi-laterali dwar il-kummerċ ta’ merkanzija annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 8 ta’ dan l-istess ftehim, li b’mod konformi mat-titolu tat-Titolu II tal-Kapitolu 1 tiegħu, japplika għal prodotti industrijali, huwa fformulat kif ġej:

“Il-prodotti li joriġinaw mill-Eġittu huma importati fil-Komunità ħielsa mid-dazji doganali, mit-taxxi li jkollhom effett ekwivalenti, mir-restrizzjonijiet kwantitattivi u minn restrizzjonijiet oħra ta’ effett ekwivalenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Skont l-Artikolu 27 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu:

“Il-kunċett ta’ ‘prodotti li joriġinaw’ għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan it-titolu u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu magħhom huma stabbiliti fil-Protokoll Nru 4.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

Skont l-Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 4, li jinsab taħt it-Titolu V ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Prova tal-oriġini”:

“Il-prodotti li joriġinaw mill-Komunità għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-importazzjoni fl-Eġittu, bl-istess mod li l-prodotti li joriġinaw mill-Eġittu għall-importazzjoni fil-Komunità, permezz tal-preżentazzjoni ta’ waħda minn dawn il-provi ta’ oriġini li ġejjin:

a)

ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 […]

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Skont l-Artikolu 17(1) tal-Protokoll Nru 4 “[i]ċ-ċertifikat tal-moviment tal-merkanzija EUR.1 jew EUR-MED jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 jiddisponi:

“Meta prodotii li joriġinaw jitpoġġew taħt il-kontroll ta’ uffiċju tad-dwana fil-Komunità jew fl-Eġittu, għandu jkun possibbli li l-prova tal-oriġini oriġinali tiġi ssostitwita b’ċertifikat wieħed jew iktar ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 jew EUR-MED bl-għan li dawn il-prodotti kollha jew uħud minnhom jintbgħatu x’imkien ieħor fil-Komunità jew fl-Eġittu. Iċ-ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 jew EUR-MED ta’ sostituzzjoni għandhom jinħarġu mill-uffiċċju doganali li taħtu tqiegħdu l-kontroll tal-prodotti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Helm Düngemittel xtrat lott ta’ 9300 tunnellata metrika ta’ urea fl-Eġittu u kriet vapur sabiex tittrasporta parti minnu f’Terneuzen (il-Pajjiżi l-Baxxi) u l-parti l-oħra f’Hamburg (il-Ġermanja). Fit-2 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet doganali Eġizzjani kienu stabbilixxew ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ moviment”) għall-merkanzija kollha li tindika l-Eġittu bħala pajjiż ta’ oriġini.

16

Fil-11 ta’ Frar 2009, Helm Düngemittel ippreżentat dan iċ-ċertifikat lill-awtoritajiet doganali Olandiżi u talbithom joħorġu ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 ta’ sostituzzjoni (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni”) għad-diviżjoni tal-merkanzija u għall-konsenja ta’ parti minnha lejn il-Ġermanja.

17

Fit-12 ta’ Frar 2009, il-vapur wasal fil-port ta’ Terneuzen, fejn il-parti mill-merkanzija għall-Pajjiżi l-Baxxi nħattet. Fit-13 ta’ Frar 2009, il-vapur ħalla l-Pajjiżi l-Baxxi. Il-parti tal-merkanzija li kien għad fadal inħattet f’Hamburg u tqiegħdet f’moviment liberu fis-16 ta’ Frar 2009.

18

Fl-24 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet doganali Olandiżi ħarġu ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni għall-parti mill-merkanzija mibgħuta mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja.

19

Fit-2 ta’ Marzu 2009, Helm Düngemittel ippreżentat dikjarazzjoni doganali kumplimentari dwar ix-xahar ta’ Frar 2009, għall-parti mill-merkanzija li kienet tqiegħdet f’moviment liberu fil-Ġermanja. Ma’ din id-dikjarazzjoni, annettiet iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali Olandiżi u talbet li tibbenefika mill-iskema doganali preferenzjali prevista taħt il-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu għall-parti mill-merkanzija fuq imsemmija.

20

Fil-15 ta’ April 2009, il-Hauptzollamt Krefeld għamlet mistoqsijiet lill-awtoritajiet doganali Olandiżi dwar iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ minnhom. Fir-risposta tagħhom, dawn l-awtoritajiet indikaw li, fil-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat, il-merkanzija inkwistjoni diġà kienet telqet mill-Pajjiżi l-Baxxi u li konsegwentement dan iċ-ċertifikat kien ġie maħruġ bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4, għaldaqstant il-merkanzija ma kinitx iktar taħt il-kontroll tagħhom fil-mument tal-ħruġ ta’ dan l-istess ċertifikat.

21

Fid-19 ta’ Novembru 2010, il-Hauptzollamt Krefeld bagħat avviż ta’ tassazzjoni lil Helm Düngemittel ta’ ammont ta’ EUR 68 382.54 ta’ dazji fuq l-importazzjoni minħabba li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni ma kienx ta’ natura tali li tipprova l-oriġini preferenzjali Eġizzjana tal-parti tal-merkanzija inkwistjoni għall-Ġermanja.

22

Fl-24 ta’ Frar 2011, bi tweġiba għal talba ġdida mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, l-awtoritajiet doganali Olandiżi indikaw li l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni kien korrett u li għalhekk ma kienx ser jiġi annullat jew iddikjarat invalidu.

23

Helm Düngemittel ressqet ilment kontra l-avviż ta’ tassazzjoni maħruġ mill-Hauptzollamt Krefeld, li dan tal-aħħar ċaħad bid-deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2011.

24

Helm Düngemittel appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet għall-annullament tal-avviż ta’ tassazzjoni tad-19 ta’ Novembru 2010. Hija ssostni li l-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 jipprovdi għad-dritt li jinkiseb ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni u li dan id-dritt ma jiddependix fuq il-perijodu li matulu l-uffiċċju doganali jista’ jispezzjona l-merkanzija. L-impożizzjoni a posteriori jkun, barra minn hekk, inkompatibbli mad-dritt għal trattament preferenzjali taħt il-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu. L-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur tkun fil-fatt determinanti sabiex ikun ikkjarifikat jekk merkanzija hijiex ta’ oriġini preferenzjali. F’din il-kawża, iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali Olandiżi għandu jingħata l-istess valur bħall-prova tal-oriġini bħallikieku nħareġ mill-Istat ta’ esportazzjoni.

25

Il-Hauptzollamt Krefeld titlob iċ-ċaħda tal-appell. Fil-fehma tiegħu, il-Protokoll Nru 4 ma jipprovdix ħruġ a posteriori ta’ ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni. Iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni inkwistjoni għalhekk ma jippermettix li tiġi stabbilita l-oriġini tal-parti tal-merkanzija importata fil-Ġermanja.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li l-merkanzija inkwistjoni oriġinat fl-Eġittu. L-uniku punt li jqajjem dubji, fil-fehma tagħha, huwa dak dwar jekk iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni ppreżentat minn Helm Düngemittel huwa ta’ natura li juri l-oriġini preferenzjali tal-parti tal-merkanzija importata fil-Ġermanja fis-sens tal-Protokoll Nru 4. Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 20 ta’ dan il-Protokoll, ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni jista’ jinħareġ biss meta l-merkanzija titqiegħed taħt il-kontroll tal-uffiċċju doganali tal-Istat Membru li joħroġ dan iċ-ċertifikat sabiex dan ikun jista’ jivverifika jekk din il-merkanzija hijiex identika għall-merkanzija deskritta fiċ-ċertifikat ta’ moviment inizjali. Madankollu, peress illi l-merkanzija inkwistjoni diġà tinsab f’moviment liberu fil-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hemm eċċezzjonijiet għall-prinċipju li t-trattament preferenzjali jista’ biss jingħata mal-preżentazzjoni ta’ prova valida tad-dritt għal dan. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza f’dan ir-rigward li, f’din il-kawża, ir-rifjut ta’ għarfien taċ-ċertifikat ta’ sostituzzjoni bħala prova tal-oriġini hija bbażata fuq raġunijiet purament formali.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Għandu jiġi kkunsidrat li l-oriġini ta’ merkanzija ma hijiex stabbilita jekk iċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija ikun maħruġ għal parti biss minn din il-merkanzija skont l-Artikolu 20 tal-Protokoll 4 […], minkejja li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx sodisfatti għaliex fil-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat, il-merkanzija ma kinitx taħt is-superviżjoni tal-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu għandux jiġi interpretat fis-sens li l-oriġini Eġizzjana ta’ merkanzija, fis-sens tal-iskema doganali preferenzjali stabbilita permezz ta’ dan il-ftehim, tista’ tiġi pprovata anki meta l-merkanzija kienet diviża mal-wasla tagħha fl-ewwel Stat Membru bil-għan ta’ konsenja ta’ parti minn din lejn it-tieni Stat Membru u li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-ewwel Stat Membru għal parti minn din il-merkanzija mibgħuta lejn it-tieni Stat Membru ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 għal dan il-ftehim għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat.

29

Preliminarjament, għandu jingħad li skont l-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4, meta prodotti li joriġinaw fi Stat Membru jew fl-Eġittu “jitpoġġew taħt il-kontroll” ta’ uffiċċju tad-dwana ta’ Stat Membru jew ta’ uffiċċju tad-dwana fl-Eġittu, għandu jkun possibbli, b’mod partikolari għall-finijiet tal-konsenja ta’ dawn il-prodotti jew ta’ xi wħud minnhom x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea, li l-prova tal-oriġini inizjali tkun issostitwita permezz ta’ wieħed jew iktar ċertifikati ta’ moviment ta’ sostituzzjoni li jinħarġu mill-uffiċċju doganali “li taħtu tqiegħdu l-kontroll tal-prodotti”.

30

Għaldaqstant, jirriżulta mill-kliem ta’ din l-aħħar frażi li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali meta l-merkanzija tkun taħt il-kontroll tagħhom jew, fil-każ ta’ kontroll reali tal-merkanzija minn dawn l-awtoritajiet, insegwitu għal dan il-kontroll u dan kemm jista’ jkun malajr.

31

F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet diviża fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex parti minn din tintbagħat lejn il-Ġermanja. Iċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni dwar din il-parti tal-merkanzija kienet inħarġet mill-awtoritajiet doganali Olandiżi ħdax-il jum wara li dawn kienu telqu mit-territorju Olandiż. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-oriġini ta’ din il-parti tal-merkanzija ma tistax tiġi stabbilita skont id-dritt tal-Unjoni.

32

Għalkemm skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iċ-ċertifikat ta’ moviment jikkostitwixxi l-evidenza dokumentarja tal-oriġini preferenzjali ta’ merkanzija, jekk kellu jiġi aċċettat li mezzi ta’ prova oħra jistgħu jiġu invokati flimkien ma’ dawn il-provi tal-oriġini, tiddgħajjef l-unità u s-sigurtà tal-applikazzjoni tal-ftehim dwar kummerċ ħieles konkluż ma’ pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 1995, Bonapharma, C-334/93, Ġabra p. I-319, punt 16). Ir-rekwiżit ta’ prova valida tal-oriġini għalhekk ma tistax titqies li hija sempliċi formalità li tista’ tibqa’ inosservata sakemm il-post tal-oriġini jiġi stabbilit permezz ta’ mezzi ta’ prova oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, Ġabra p. I-1289, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huma l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni li jistabbilixxu l-oriġini ta’ merkanzija u li l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri għandhom bħala prinċipju jirrikonoxxu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, b’mod partikolari meta l-iskema preferenzjali hija stabbilita permezz ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni ma’ Stat terz fuq il-bażi ta’ obbligi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, Ġabra p. I-13331, punt 29, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, ir-rikonoxximent mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni marbuta fir-rigward tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sistema ta’ kummerċ ħieles, huwa neċessarju sabiex l-Unjoni tkun tista’ titlob mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, ir-rispett tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri dwar l-oriġini tal-prodotti esportati mill-Unjoni lejn dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Les Rapides Savoyards et, 218/83, Ġabra p. 3105, punt 27).

35

Jirriżulta miċ-ċirkustanzi deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma humiex ikkontestati, li l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija importata mill-Eġittu minn Helm Düngemittel ġiet ikkonfermata permezz ta’ ċertifikat ta’ moviment maħruġ mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, tali ċertifikat jorbot lill-awtoritajiet doganali kollha tal-Unjoni dwar l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija msemmija hawnhekk.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li sitwazzjoni bħal dik relatata mal-kawża prinċipali ma tistax titqabbel ma’ sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikat ta’ moviment maħruġ mill-Istat ta’ esportazzjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll Nru 4. Fil-fatt, f’dan it-tieni każ, l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija kollha importata fl-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita, meta, fl-ewwel każ, l-oriġini tal-merkanzija inkwistjoni importata fl-Unjoni tibqa’ stabbilita permezz taċ-ċertifikat ta’ moviment maħruġ regolarment mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani.

37

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt internazzjonali tat-trattati kien ikkodifikat, essenzjalment, permezz tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u li r-regoli li jinsabu f’din il-konvenzjoni japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ konswetudni (ara, b’analoġija, is-sentenza Brita, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

38

Sitwazzjoni li fiha importatur proprjetarju ta’ ċertifikat ta’ moviment stabbilit mill-Istat ta’ esportazzjoni esportatur skont il-Protokoll Nru 4 jiġi rrifjutat mill-għoti ta’ skema preferenzjali fir-rigward tal-merkanzija li importa fl-Unjoni tkun inkompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 26 u 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, kif ukoll mal-għanijiet tal-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu, elenkati fl-Artikolu 1 tiegħu u jkun kontra l-Artikolu 8 tiegħu.

39

Madankollu, meta l-merkanzija inkwistjoni hija diviża mal-wasla tagħha fl-Unjoni għall-finijiet tal-konsenja ta’ parti minnha x’imkien ieħor fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4, huwa l-importatur li jkun inħariġlu ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma kinux sodisfatti, iżda li madankollu jixtieq jagħmel użu miċ-ċertifikat ta’ moviment maħruġ mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani li għandu jistabbilixxi li din il-parti tal-merkanzija tikkorrispondi għall-merkanzija li l-oriġini preferenzjali tagħha huwa stabbilit permezz taċ-ċertifikat ta’ moviment maħruġ mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani.

40

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Ftehim Ewro-Mediterranju mal-Eġittu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-oriġini Eġizzjana ta’ merkanzija, fis-sens tal-iskema doganali preferenzjali stabbilita permezz ta’ dan il-ftehim, tista’ tiġi pprovata anki meta l-merkanzija kienet diviża mal-wasla tagħha fl-ewwel Stat Membru bil-għan ta’ konsenja ta’ parti minn din lejn it-tieni Stat Membru u li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-ewwel Stat Membru għal parti minn din il-merkanzija mibgħuta lejn it-tieni Stat Membru ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4.

41

Madankollu, l-amministrazzjoni ta’ tali prova teħtieġ, minn naħa, li l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija inizjalment importata mill-Eġittu tkun stabbilita permezz ta’ ċertifikat ta’ moviment maħruġ mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani skont dan il-protokoll u, min-naħa l-oħra, li l-importatur juri li l-parti tal-merkanzija diviża fl-ewwel Stat Membru u mibgħuta lejn it-tieni Stat Membru tikkorrispondi għal parti mill-merkanzija importata mill-Eġittu fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Ftehim Ewropew-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2001, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE, tal-21 ta’ April 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-oriġini Eġizzjana ta’ merkanzija, fis-sens tal-iskema doganali preferenzjali stabbilita permezz ta’ dan il-ftehim, tista’ tiġi pprovata anki meta l-merkanzija kienet diviża mal-wasla tagħha fl-ewwel Stat Membru bil-għan ta’ konsenja ta’ parti minn din lejn it-tieni Stat Membru u li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ sostituzzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-ewwel Stat Membru għal parti minn din il-merkanzija mibgħuta lejn it-tieni Stat Membru ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-Protokoll Nru 4 għal dan il-ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni EU-Eġittu Nru 1/2006, tas-17 ta’ Frar 2006.

 

Madankollu, l-amministrazzjoni ta’ tali prova teħtieġ, minn naħa, li l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija inizjalment importata mill-Eġittu tkun stabbilita permezz ta’ ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali Eġizzjani skont dan il-protokoll u, min-naħa l-oħra, li l-importatur juri li l-parti tal-merkanzija diviża fl-ewwel Stat Membru u mibgħuta lejn it-tieni Stat Membru tikkorrispondi għal parti mill-merkanzija importata mill-Eġittu fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.