SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ April 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel — Ittikkettjar u preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-ikel — Artikolu 10(2) — Applikazzjoni ratione temporis — Artikolu 28(5) u (6) — Miżuri tranżitorji”

Fil-Kawża C‑609/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Ehrmann AG

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský, A. Prechal u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ehrmann AG, minn A. Meyer, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9, u r-rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad‑9 ta’ Frar 2010 (ĠU L 37, p. 16, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1924/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ehrmann AG (iktar ’il quddiem “Ehrmann”) u z-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (Assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem il-“Wettbewerbszentrale”) dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1, 9 u 35 tar-Regolament Nru 1924/2006:

“(1)

Numru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq iridu jkunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq. Dieta varjata u bbilanċjata hija prerekwiżit għas-saħħa u prodotti individwali għandhom importanza relattiva fil-kuntest tad-dieta kollha.

[...]

(9)

Hemm firxa kbira ta’ nutrijenti u sustanzi oħrajn li jinkludu, iżda mhux limitati għal, vitamini, minerali li jinkludu oligo-elementi, aċidi amino, aċidi tax-xaħam essenzjali, fibra, pjanti diversi u estratti ta’ ħxejjex b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li jistgħu jkunu preżenti f’ikel u jkunu s-suġġett ta’ stqarrija. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali li japplikaw għall-istqarrijiet kollha magħmula fuq l-ikel sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex lill-konsumatur tingħatalu l-informazzjoni meħtieġa biex l-għażliet tiegħu jagħmilhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, kif ukoll biex jinħolqu kondizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fl-industrija ta’ l-ikel.

[...]

(35)

Miżuri ta’ transizzjoni adegwati huma meħtieġa biex l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel jadattaw għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

Fil-każ ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux ippakkjat minn qabel (inklużi prodotti friski bħall-frott, ħxejjex jew ħobż) li jitqiegħed għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari jew ’lill-caterers tal-massa’ kif ukoll prodotti ta’ l-ikel ippakkjati fil-punt tal-bejgħ fuq talba tax-xerrej, jew ippakkjat minn qabel bil-ħsieb li se jinbiegħ immedjatament, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 10(2)(a) u (b) m’għandhomx japplikaw. Jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali sakemm, eventwalment, jiġu adottati miżuri Komunitarji mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jiġi supplimentat, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

[...]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

1)

‘indikazzjoni’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[...]

4)

‘indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet ta’ nutriment partikolari ta’ benefiċċju minħabba:

a)

l-enerġija (valur kalorifiku) li :

i)

jipprovdi,

ii)

jipprovdi b’rata mnaqqsa jew miżjuda, jew

iii)

ma jipprovdix, u/jew

b)

in-nutrijenti jew sustanzi oħra li:

i)

jikkontjeni,

ii)

jikkontjeni fi proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew

iii)

ma jikkontjenix;

5)

‘indikazzjoni dwar is-saħħa’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

[...]”

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha”, huwa redatt kif ġej:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit-ttikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II [li jinkludi l-Artikoli 3 sa 7 tal-imsemmi regolament] u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu [li jinkludi l-Artikoli 10 sa 19 tal-istes regolament] u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

2.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fuq it-tikketta, jew jekk tali tikketta ma teżistix, fil-preżentazzjoni u r-reklamar:

a)

dikjarazzjoni li tindika l-importanza ta’ dieta varjata u bilanċjata u stil ta’ ħajja san;

b)

il-kwantità ta’ l-ikel u l-mod tal-konsum meħtieġa biex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat;

c)

fejn xieraq, dikjarazzjoni indirizzata lejn persuni li għandhom jevitaw l-użu ta’ dak l-ikel; u

d)

twissija adegwata għal prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa jekk ikkunsmati eċċessivament.

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar issaħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14.”

8

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju ta’ mard u għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal” jistabbilixxi li fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Indikazzjonijiet li jiddeskrivu jew jirreferu għal:

a)

l-irwol ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra fit-tkabbir, l-iżvilupp u l-funzjonijiet tal-ġisem, jew

b)

il-funzjonijiet psikoloġiċi u ta’ mġieba, jew

c)

bla ħsara għad-Direttiva [tal-Kummissjoni] 96/8/KE [tas-26 ta’ Frar 1996, dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż], dieta jew kontroll tal-piż jew tnaqqis fis-sens ta’ ġuħ jew żieda fis-sens ta’ xaba’ jew għat-tnaqqis ta’ l-enerġija disponibbli mid-dieta,

li huma indikati fil-lista prevista fil-paragrafu 3 jistgħu jsiru mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 19, jekk ikunu:

i)

ibbażati fuq evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, u

ii)

mifhuma sew mill-konsumatur medju.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’listi ta’ indikazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn 31 ta’ Jannar 2008 akkumpanjati mill-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom u b’referenzi għall-ġustifikazzjoni xjentifika rilevanti.

3.   Wara li tikkonsulta lill-Awtorità [Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel], il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), lista Komunitarja, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah, ta’ indikazzjonijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010.”

9

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Indikazzjonijiet dwar tnaqqis fir-riskju ta’ mard u indikazzjonijiet relatati ma’ l-iżvilupp u mas-saħħa tat-tfal”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva [2000/13] l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jsiru fejn ġew awtorizzati b’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 15, 16, 17 u 19 ta’ dan ir-Regolament għall-inklużjoni f’lista Komunitarja ta’ tali allegazzjonijiet permessi flimkien mal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet:

a)

tnaqqis fl-indikazzjonijiet [indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis] ta’ riskju ta’ mard;

b)

indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

2.   Minbarra l-ħtiġijiet ġenerali stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-paragrafu 1, għal indikazzjonijiet dwar tnaqqis fir-riskju ta’ mard, l-ittikettjar jew, jekk tikketta ma teżistix, il-preżentazzjoni jew l-irreklamar għandu jkun fihom dikjarazzjoni li turi li l-marda, li għaliha tirreferi l-indikazzjoni, għandha fatturi multipli ta’ riskju u li meta wieħed minn dawn il-fatturi ta’ riskju jkun mibdul jista’ jkollu jew ma jkollux effett ta’ benefiċċju.”

10

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri transitorji”, jipprovdi fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:

“5.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(a) jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3), taħt ir-responsabbiltà tan-negozju bil-kondizzjoni li dawn ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u ma’ disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u bla ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 24.

6.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1)(a) u fl-Artikolu 14(1)(a), li ntużaw b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu soġġetti għal dan li ġej:

a)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru għandhom jiġu awtorizzati kif ġej:

i)

l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn 31 ta’ Jannar 2008, dawk l-indikazzjonijiet flimkien ma’ rapport li jevalwa d-data xjentifika bħala sostenn għall-indikazzjoni;

ii)

wara li tikkonsulta lill-Awtorità [Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel], il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), tadotta deċiżjoni dwar l-indikazzjonijiet dwar issaħħa awtorizzati b’dan il-mod u mfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah.

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw sa sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni;

b)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma ġewx issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru: tali indikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jintużaw bil-kondizzjoni li ssir applikazzjoni skond dan ir-Regolament sa 19 ta’ Jannar 2008, indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw għal sitt xhur wara li tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 17(3).”

11

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1924/2006:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”

Id-dritt Ġermaniż

12

Taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki qarrieqa”, l-Artikolu 11 tal-Kodiċi dwar il-prodotti tal-ikel, il-prodotti ta’ konsum regolari u l-prodotti intiżi għall-għalf tal-annimali (Lebensmittel, Bedarfsgegenstände und Futtermittelgesetzbuch), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LFGB”), jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huwa pprojbit li jiġu kkummerċjalizzati prodotti tal-ikel taħt denominazzjoni qarrieqa jew b’indikazzjonijiet jew preżentazzjoni qarrieqa jew li jiġu rreklamati b’mod ġenerali jew f’każ partikolari permezz ta’ preżentazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra qarrieqa. B’mod partikolari, ikun hemm prattika qarrieqa

1.

meta fir-rigward ta’ prodott tal-ikel, jintużaw denominazzjonijiet, indikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, deskrizzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra li jistgħu jqarrqu dwar il-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari, dwar it-tip, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, it-tul ta’ żmien li jista’ jinħażen, l-oriġini, il-provenjenza jew il-mod kif inhu mmanufatturat jew prodott dan l-oġġett;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Ehrmann tipproduċi u tiddistribwixxi prodotti tal-ħalib, li fosthom hemm ġobon abjad bil-frott imsejjaħ “Monsterbacke” li huwa propost fil-kummerċ f’unitajiet ta’ sitt vażetti ta’ 50 gramma (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”).

14

Skont it-tabella ta’ valuri nutrizzjonali li hemm fuq il-pakkett tal-prodott inkwistjoni, 100 g ta’ dan il-prodott fih valur kalorifiku ta’ 105 kcal, kontenut ta’ zokkor ta’ 13 g, kontenut ta’ lipidi ta’ 2.9 g u kontenut ta’ kalċju ta’ 130 mg. Il-qorti tar-rinviju tindika, bħala paragun, li, f’100 g ta’ ħalib tal-baqra, il-kontenut ta’ kalċju huwa wkoll ta’ 130 mg, filwaqt li l-kontenut ta’ zokkor huwa biss ta’ 4.7 g.

15

Matul is-sena 2010, is-slogan pubbliċitarju “Importanti daqs it-tazza ħalib ta’ kuljum!” (iktar ’il quddiem is-“slogan”) twaħħal mal-wiċċ ta’ kull unità tal-prodott inkwistjoni. L-ittikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ dan il-prodott ma kienu jinkludu l-ebda indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 1924/2006.

16

Il-Wettbewerbszentrale qieset li s-slogan kien jikkostitwixxi denominazzjoni qarrieqa, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB għaliex il-kontenut ferm ogħla ta’ zokkor fil-prodott inkwistjoni pparagunat mal-ħalib ma kienx ġie indikat. Barra minn hekk, is-slogan kien kiser ir-Regolament Nru 1924/2006 sa fejn kien jinkludi indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni kif ukoll indikazzjonijiet dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ir-riferiment għall-ħalib jindika, għall-inqas indirettament, li l-prodott inkwistjoni fih huwa wkoll kwantità kbira ta’ kalċju, għalkemm dan ir-riferiment ma jikkostitwixxix indikazzjoni sempliċi ta’ kwalità iżda jwiegħed ukoll lill-konsumatur vantaġġ f’termini ta’ saħħa.

17

Konsegwentement, il-Wettbewerbszentrale adixxiet lil-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart) b’azzjoni ta’ kassazzjoni u ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni.

18

Quddiem din il-qorti, Ehrmann talbet li din l-azzjoni tiġi miċħuda, billi sostniet li għalkemm il-prodott inkwistjoni huwa prodott tal-ikel paragunabbli mal-ħalib, il-konsumatur ma jqabblux mal-ħalib. Barra minn hekk, id-differenza fil-kontenut ta’ zokkor bejn dan il-prodott u l-ħalib hija minima wisq biex tkun sinjifikattiva. Barra minn hekk, is-slogan ma qed jesprimi l-ebda kwalità nutrizzjonali speċifika tal-imsemmi prodott u għalhekk jikkostitwixxi biss indikazzjoni ta’ kwalità mhux koperta bir-Regolament Nru 1924/2006. Ehrmann sostniet ukoll li, abbażi tal-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament ma kienx japplika fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.

19

B’sentenza tal-31 ta’ Mejju 2010, il-Landgericht Stuttgart ċaħdet l-azzjoni ppreżentata mill-Wettbewerbszentrale.

20

Peress li din tal-aħħar ippreżentat appell, l-Oberlandesgericht Stuttgart (qorti reġjonali superjuri ta’ Stuttgart), b’sentenza tat-3 ta’ Frar 2011 laqgħet it-talba ta’ kassazzjoni u għal rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni. Skont din il-qorti, is-slogan la kien jikkostitwixxi indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u lanqas indikazzjoni dwar is-saħħa, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006, u għalhekk, ma kienx jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Madankollu, is-slogan kien jikkostitwixxi denominazzjoni qarrieqa fis-sens tal-ewwel sentenza u tat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB għaliex il-prodott inkwistjoni kien jinkludi, f’kwantità ugwali, kwantità ta’ zokkor ħafna ogħla mill-ħalib mhux xkumat.

21

Ehrmann ippreżentat azzjoni ta’ “Reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Stuttgart quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-Ġustizzja), u quddiemha hija reġgħet sostniet it-talbiet intiżi għaċ-ċaħda tat-talba ppreżentata mill-Wettbewerbszentrale.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, is-slogan ma kienx jikkostitwixxi denominazzjoni qarrieqa fis-sens tal-ewwel sentenza u tat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB, u ma jistax jiġi kklassifikat bħala indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006. Madankollu, is-slogan kien jikkostitwixxi indikazzjoni dwar is-saħħa, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, il-ħalib għandu effett benefiku fuq is-saħħa, b’mod partikolari għat-tfal u ż-żgħar, b’mod partikolari minħabba l-minerali li għandu. Is-slogan jagħti lill-prodott inkwistjoni effett benefiku billi jqabblu mat-tazza ħalib ta’ kuljum. Issa, relazzjoni bejn dan il-prodott u s-saħħa tal-konsumatur tissuġġerixxi tali relazzjoni suffiċjenti li tiġi stabbilita indikazzjoni dwar is-saħħa skont is-sentenza Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 34 u 35).

23

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma kinitx tinsab fuq it-tikketta tal-imsemmi prodott fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, jiġifieri matul is-sena 2010.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 kellhom diġà jiġu sodisfatti fl-2010?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti ħlief jekk huma skont l-Artikoli 3 sa 7 ta’ dan ir-regolament, skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-Artikoli 10 sa 19 tal-imsemmi regolament u jekk dawn huma awtorizzati skont l-istess regolament.

26

Mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2008 jirriżulta wkoll li, sabiex tkun tista’ tiġi użata skont dan ir-regolament, indikazzjoni dwar is-saħħa għandha tinsab fil-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmi regolament. Tali kundizzjoni timplika li l-listi msemmija f’dawn l-artikoli ġew adottati u ppubblikati.

27

Issa, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva fid-deċiżjoni tagħha li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-listi msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma kinux għadhom ġew adottati u ppubblikati.

28

Minbarra l-fatt li indikazzjoni dwar is-saħħa għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, hija għandha wkoll ikollha l-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament.

29

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma awtorizzati biss jekk l-informazzjoni li tissemma’ fihom tkun tinsab fit-tikketta jew, fin-nuqqas ta’ tikketta, tkun ġiet ikkomunikata fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-prodott jew tal-pubbliċità magħmula għalih.

30

Issa, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 jiġu eżatt wara l-iffissar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament sabiex indikazzjoni dwar is-saħħa ma tkunx ipprojbita. Għalhekk, skont interpretazzjoni sistematika tal-imsemmi regolament, dawn għandhom jiġu miżjuda ma’ dawn il-kundizzjonijiet u jippreżumu li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ssodisfatti sabiex id-dikjarazzjoni tas-saħħa tiġi awtorizzata abbażi tal-istess regolament.

31

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxi miżuri tranżitorji, li, kif stabbilit fil-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jippermettu lill-operaturi tan-negozju fis-settur tal-ikel li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament. Fir-rigward tal-indikazzjoni dwar is-saħħa, dawn il-miżuri tranżitorji huma previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament.

32

Skont l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament setgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u sal-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) tal-istess regolament, taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi tan-negozju fis-settur tal-ikel, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mar-Regolament Nru 1924/2006 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u bla ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

33

Mill-kliem tal-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament jirriżulta li operatur tan-negozju fis-settur tal-ikel seta’, taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fil-kundizzjonijiet iddefiniti, juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa matul il-perijodu li jinsab bejn id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament u l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2007 u ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

34

L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikoli 13(1)(a) u 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 huma s-suġġett tal-miżura tranżitorja msemmija fl-Artikolu 28(6) tal-imsemmi regolament.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew użati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri qabel id-19 ta’ Jannar 2007. Issa, f’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-slogan beda jitwaħħal fuq il-prodott inkwistjoni matul is-sena 2010. L-Artikolu 28(6) ta’ dan ir-regolament ma jistax għalhekk japplika f’kawża bħalma hija l-kawża prinċipali.

36

Konsegwentement, bla ħsara għal applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, is-slogan jaqax taħt l-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament u, fil-każ li iva, jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament.

37

Jekk dan huwa l-każ, mill-interpretazzjoni sistematika msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li indikazzjoni dwar is-saħħa, meta tkun ipprojbita abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-regolament, għandu jkollha wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament.

38

F’dan is-sens, l-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jsiru bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mar-Regolament Nru 1924/2006, fatt li jimplika li dawn għandhom b’mod partikolari josservaw l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament.

39

Din l-interpretazzjoni sistematika hija kkorroborata mill-fatt li la l-Artikolu 10, la l-Artikolu 28(5) u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jipprovdi li l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament japplika biss wara l-adozzjoni tal-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament.

40

Barra minn hekk, kif l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxi, dan tal-aħħar huwa intiż li jiggarantixxi l-funzjonament effikaċi tas-suq intern billi jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-premessi 1 u 9 tal-imsemmi regolament jippreċiżaw li b’mod partikolari l-konsumatur għandu jingħata l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq għażliet b’għarfien sħiħ.

41

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-preżenza tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 tippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur mhux biss meta l-prodott tal-ikel ikun is-suġġett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa li tinsab fil-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll meta tali indikazzjoni tintuża skont il-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament.

42

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ indikazzjoni li ma kinitx ipprojbita abbażi tal-Artikolu 10(1), moqri flimkien mal-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-fatt li l-lista tal-indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament ma kinitx għadha ġiet adottata ma jiġġustifikax li operatur tan-negozju fis-settur tal-ikel ma għandux l-obbligu tiegħu li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament.

43

Fil-fatt, fil-kuntest tal-miżuri tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, operatur tan-negozju li jkun ħa d-deċiżjoni li juża indikazzjoni dwar is-saħħa għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikun jaf l-effetti tal-prodott tal-ikel inkwistjoni fuq is-saħħa u, għalhekk, huwa diġà jkollu l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament kienu diġà fis-seħħ matul is-sena 2010 għal dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma kinux ipprojbiti abbażi tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament kienu diġà fis-seħħ matul is-sena 2010 għal dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma kinux ipprojbiti abbażi tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.