Kawża C‑595/12

Loredana Napoli

vs

Ministero della Giustizia – Dipartimento dell’Amministrazione penitenziaria

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol — Kors ta’ taħriġ għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ uffiċjal — Esklużjoni minħabba assenza fit-tul — Assenza dovuta għal leave tal-maternità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Marzu 2014

  1. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Taħriġ professjonali li jagħmel parti sħiħa mill-impjieg u li huwa obbligatorju biex persuna tkun tista’ tippretendi ħatra definittiva f’pożizzjoni ta’ uffiċjal kif ukoll sabiex tkun tista’ tibbenefika minn titjib tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mara fuq leave tal-maternità minn tali taħriġ filwaqt li tiggarantilha d-dritt li tipparteċipa fit-taħriġ suċċessiv organizzat f’data inċerta – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikolu 15)

  2. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirriżervax attività partikolari biss għall-ħaddiema ta’ rġiel iżda li ddewwem l-aċċess għal din l-attività tal-ħaddiema nisa li ma jipparteċipawx fit-taħriġ professjonali minħabba leave tal-maternità – Esklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikolu 14(2))

  3. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Artikoli 14(1)(ċ) u 15 – Effett dirett – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoniijiet nazzjonali kuntrarji

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikoli 14(1)(ċ) u 15)

  1.  L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, lil mara fuq leave tal-maternità minn taħriġ professjonali li jagħmel parti sħiħa mill-impjieg tagħha u li huwa obbligatorju sabiex hija tkun tista’ tistenna ħatra definittiva f’pożizzjoni ta’ uffiċjal kif ukoll sabiex tibbenefika minn titjib fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħha, filwaqt li din il-leġiżlazzjoni tiggarantilha d-dritt li tipparteċipa fit-taħriġ suċċessiv organizzat, iżda li d-data tiegħu hija inċerta.

    Fil-fatt, l-esklużjoni mill-ewwel taħriġ u l-projbizzjoni sussegwenti milli mara tipparteċipa fl-eżami li jiċċertifika dan it-taħriġ għandhom bħala konsegwenza t-telf ta’ opportunità għaliha li tibbenefika, bl-istess mod bħall-kollegi tagħha, minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u għaldaqstant għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu trattament sfavorevoli fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54.

    Anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, skont iċ-ċirkustanzi, ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw miżuri li huma jqisu li huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika fi Stat Membru, huma madankollu għandhom l-obbligu, ġaladarba jġibu fis-seħħ miżuri li jidderogaw minn dritt fundamentali, bħall-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, li fir-rigward ta’ dan id-dritt id-Direttiva 2006/54 hija intiża li tiżgura l-implementazzjoni, li jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi l-esklużjoni awtomatika mill-korsijiet ta’ taħriġ u li tagħmilha impossibbli li persuna tippreżenta ruħha għall-eżami organizzat fi tmiem il-kors mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, la l-istadju tal-imsemmija korsijiet li fih bdiet l-assenza minħabba leave tal-maternità u lanqas it-taħriġ diġà mwettaq u li jirrikonoxxi lill-mara li ħadet tali leave id-dritt li tipparteċipa f’kors ta’ taħriġ organizzat f’data ulterjuri iżda inċerta, ma tidhirx li hija konformi mal-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (ara l-punti 33, 35, 36, 39, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/54, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirriżervax attività speċifika biss għall-ħaddiema ta’ sess maskili, iżda li ddewwem l-aċċess għal din l-attività tal-ħaddiema nisa li ma setgħux jibbenefikaw minn taħriġ professjonali komplet minħabba leave tal-maternità obbligatorju.

    (ara l-punt 43 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 14(1)(ċ) li jinkludi dispożizzjonijiet li jimplementaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, u l-Artikolu 15, dwar ir-ritorn mil-leave tal-maternità, tad-Direttiva 2006/54, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati biex ikunu jistgħu jipproduċu effett dirett.

    Għalhekk, dawn l-artikoli jistgħu jiġu invokati minn parti f’kawża kontra l-Istat Membru kkonċernat u applikati minn qorti nazzjonali sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni nazzjonali mhux konformi mal-imsemmija artikoli.

    (ara l-punti 50, 51 u d-dispożittiv 3)