SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Mejju 2015 ( *1 )
“Appell — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Artikoli 20 u 76 — Regolament (KE) Nru 874/2009 — Artikolu 51 — Talba għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ annullament ta’ dritt Komunitarju — Prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio — Proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO — Provi sostanzjali”
Fil-Kawża C‑546/12 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2012,
Ralf Schräder, residenti f’Lüdinghausen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Leidereiter, avukat,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, bħala aġent, assistit minn A. von Mühlendahl, avukat,
konvenut fl-ewwel istanza,
Jørn Hansson, irrappreżentat minn G. Würtenberger, avukat,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2014,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Novembru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Schräder vs CPVO – Hansson (LEMON SYMPHONY) (T‑133/08, T‑134/08, T‑177/08 u T‑242/09, EU:T:2012:430, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), tat-23 ta’ Jannar 2009 (Każ A 010/2007), dwar talba għall-annullament tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti lill-varjetà LEMON SYMPHONY (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2506/95, tal-25 ta’ Ottubru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 255, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2100/94”), jipprovdi li, sabiex tingħata dritt Komunitarju, varjetà għandha tkun, b’mod partikolari, distinta u ġdida. |
|
3 |
Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament: “1. Varjetà [għandha titqies] li [hija] distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull [varjetà] oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data ta’ l-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 51. [...]” |
|
4 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2100/94 jiddefinixxi l-kriterji li jirrigwardaw il-kundizzjoni tal-oriġinalità ta’ varjetà li għaliha jkun intalab dritt Komunitarju. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, dwar l-annullament ta’ dan id-dritt: “1. [Is-CPVO] għandu jiddikjara d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti null u bla effett jekk jiġi stabbilit:
2. Meta d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti ikun ġie dikjarat null u bla effett, għandu jiġi meqjus li ma jkun qatt kellu, mill-bidu nett, l-effetti speċifikati f’dan ir-Regolament.” |
|
6 |
L-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament jiddeskrivu l-eżami sostantiv u l-eżami tekniku li għalihom għandha tkun suġġetta varjetà ta’ pjanta sabiex tikseb dritt Komunitarju. |
|
7 |
Fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti quddiem is-CPVO, l-Artikolu 75 tal-istess regolament jipprovdi: “Id-deċiżjonijiet [tas-CPVO] għandhom ikollhom magħhom dikjarazzjoni tal-bażi li fuqhom ikunu bbażati. Għandhom ikunu bbażati biss fuq bażi jew xiehda li tagħhom il-partijiet fil-proċeduri kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom orali jew bil-miktub.” |
|
8 |
L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi: “Fi proċeduri quddiemu [s-CPVO] għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu, sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55. Għandu jiskarta fatti jew bċejjeċ ta’ xiehda li ma jkunux intbagħtu fil-limitu ta’ żmien stabbilit [mis-CPVO].” |
|
9 |
L-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2100/94, dwar il-prinċipji ġenerali, huwa fformulat kif ġej: “1. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali f’dan ir-Regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati skont dan ir-Regolament, [is-CPVO] għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali li jkunu ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri. [...]” |
|
10 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009, tas-17 ta’ Settembru 2009, jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94, fir-rigward tal-proċedimenti quddiem is-CPVO (ĠU L 251, p. 3). |
|
11 |
Fir-rigward tal-appelli mid-deċiżjonijiet tas-CPVO, l-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Għajr jekk ipprovvdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-proċedimenti quddiem [is-CPVO] għandhom japplikaw għall-proċedimenti tal-appell mutatis mutandis; il-partijiet fil-proċedimenti għandhom f’dan ir-rigward jiġu ttrattati bħala partijiet fil-proċedimenti tal-appell.” |
|
12 |
L-Artikolu 63 tal-istess regolament jistabbilixxi: “1. Il-minuti tal-proċedimenti orali u tat-teħid tax-xiehda għandhom iniżżlu l-essenzjali fil-proċedimenti orali jew tat-teħid tax-xiehda, id-dikjarazzjonijiet rilevanti magħmula mill-partijiet fil-proċedimenti, ix-xhieda tal-partijiet fil-proċedimenti, tax-xhieda jew tal-esperti u r-riżultat ta’ kull spezzjoni. 2. Il-minuti tax-xhieda ta’ xhud, espert jew ta’ parti fil-proċedimenti għandhom jinqraw jew jiġu sottomessi lilhom sabiex ikunu jistgħu jeżaminawhom. Għandu jiġi nnotat fil-minuti illi din il-formalità tkun saret u li l-persuna li tkun tat ix-xhieda tapprova l-minuti. Meta l-approvazzjoni tagħha ma tingħatax, l-oġġezzjonijet tagħha jiġu nnotati. 3. Il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-impjegat li jkun fassalhom u mill-impjegat li jkun mexxa l-proċedimenti orali jew it-teħid tax-xhieda. 4. Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu pprovvduti b’kopja u, meta xieraq, bi traduzzjoni tal-minuti.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
|
13 |
Il-Qorti Ġenerali ppreżentat il-fatti li wasslu għall-kawża b’dan il-mod:
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007
[...]
[...]
[...]
[...] Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każ A 010/2007
[...]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
14 |
Permezz ta’ rikors tal-24 ta’ Ġunju 2009, l-appellant ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
15 |
Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2010, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad ir-rikorsi ppreżentati mill-appellant kontra d-Deċiżjonijiet A 007/2007 (Kawża T‑133/08), A 006/2007 (Kawża T‑134/08), A 005/2007 (Kawża T‑177/08) u A 010/2007 (Kawża T‑242/09) għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Il-Kawża T‑242/09
|
16 |
Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑242/09, ir-rikorrent invoka erba’ motivi ta’ annullament. |
|
17 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dritt Komunitarju prevista fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 76. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 128 u 129 tas-sentenza appellata, li l-oneru tal-prova li varjetà ta’ pjanta ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dritt Komunitarju jaqa’ fuq il-parti kkonċernata li tkun qiegħda tikkontesta l-imsemmi dritt. |
|
18 |
Filwaqt li kkonstatat li r-regoli stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 2100/94 huma konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam ta’ disinni u ta’ mudelli Komunitarji, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv bħala ineffettiv. |
|
19 |
Madankollu, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, fi kwalunkwe każ, il-proċedimenti quddiem is-CPVO ma għandhomx natura purament investigattiva peress li l-partijiet huma meħtieġa jinvokaw fi żmien raġonevoli l-fatti li jkunu jixtiequ li jiġu kkonstatati mis-CPVO u huma meħtieġa jipproduċu l-provi li jkunu jixtiequ li s-CPVO juża għal dan il-għan. |
|
20 |
Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, fil-punti 135 sa 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi tal-argumenti mressqa mill-appellant. |
|
21 |
Fir-rigward tar-rifjut mis-CPVO li jilqa’ t-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji mressqa mill-appellant, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li applikat b’analoġija s-soluzzjoni mħaddna fil-konklużjoni tas-sentenza ILFO vs L-Awtorità Għolja (51/65, EU:C:1966:21), ikkonstatat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-appellant f’ebda mument tal-proċedimenti quddiem is-CPVO ma kien ressaq xi prova jew xi indizju sabiex jissostanzja l-konklużjonijiet tiegħu. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u dwar l-amministrazzjoni tal-prova u qieset li l-appellant kien fil-fatt qiegħed jipprova jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi rilevanti mill-Qorti Ġenerali. |
|
22 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni skont jekk il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Bord tal-Appell kinux ir-riżultat ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet kumplessi li jeħtieġu perizja jew konoxxenzi xjentifiċi, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal stħarriġ ta’ żball manifest. |
|
23 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni tan-natura tal-materjal veġetali użat sabiex jitwettaq l-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY matul is-sena 1997, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien qies li kien magħruf b’mod ġenerali li l-prassi tat-tirqid kienet normali. F’dan ir-rigward, hija applikat b’analoġija l-ġurisprudenza dwar l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) li minnha jirriżulta li l-bordijiet ta’ dan tal-aħħar ma jistgħux ikunu meħtieġa jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, in-natura eżatta ta’ fatti magħrufa. |
|
24 |
Il-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni tal-effett tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir fuq il-kampjuni veġetali pprovduti sabiex jitwettaq l-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY kienet tinvolvi evalwazzjoni botanika kumplessa. Issa, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat li l-appellant ma kien ressaq ebda element li permezz tiegħu seta’ jiġi identifikat żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
25 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tal-appellant dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni oriġinali tal-varjetà LEMON SYMPHONY matul is-sena 2006 fir-rigward tal-karatteristika “dehra taz-zkuk”, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kienx irnexxielu juri li din il-karatteristika kienet determinanti għall-għoti tad-dritt Komunitarju lil din il-varjetà ta’ pjanta. |
|
26 |
Barra minn hekk, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-karatteristika “dehra taz-zkuk”, li l-livelli ta’ espressjoni sabiex tiġi deskritta din il-karatteristika jvarjaw minn “wieqfa” sa “niżla l-isfel”, ma kinitx assoluta u setgħet, fejn ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni komparattiva relattiva bejn il-varjetajiet tal-istess speċi. |
|
27 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv. |
|
28 |
Fir-rigward tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 20 tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fid-dawl tal-elementi mressqa fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv dwar it-trattament kimiku u mekkaniku tal-materjal użat għall-eżami tekniku mwettaq matul is-sena 1997 u dwar l-użu ta’ materjal meħud minn tirqid. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata, li d-dritt għal smigħ ma kienx ifisser li huwa meħtieġ li l-qorti tisma’ lill-partijiet fir-rigward ta’ kull punt tal-evalwazzjoni legali tagħha. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali wriet li l-użu ta’ tirqid għall-finijiet ta’ eżami tekniku kien prassi normali magħrufa mill-appellant. |
|
30 |
Fir-rigward tar-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 874/2009, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-Bord tal-Appell ma kien wettaq ebda żball proċedurali. |
|
31 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu. |
Il-Kawżi T‑133/08, T‑134/08 u T‑177/08
|
32 |
Fir-rigward tar-rikorsi fil-Kawżi T‑133/08, T‑134/08 u T‑177/08, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, li t-terminu minimu ta’ xahar għad-dehra fis-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2007 quddiem il-Bord tal-Appell ma kienx ġie osservat fir-rigward tal-appellant. |
|
33 |
Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 237 tas-sentenza appellata, li kien hemm difett proċedurali sostanzjali li kien jimplika l-annullament tat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest tal-Kawżi T‑133/08, T‑134/08 u T‑177/08. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-bidla tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni. |
Fuq l-appell
|
34 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji li huma maqsuma f’diversi argumenti. |
|
35 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravji tiegħu, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova, kif ukoll il-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti. Permezz tat-tielet u tar-raba’ aggravji tiegħu, l-appellant jinvoka ksur tal-obbligu ta’ stħarriġ tal-legalità u nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Fil-kuntest tal-ħames u tas-sitt aggravji, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiżgura d-dritt għal smigħ tiegħu u li naqset milli twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
36 |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma setax jaġixxi ex officio u li kisret id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
37 |
Fl-ewwel lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali minħabba li ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94 ma kienx applikabbli għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, u jsostni li għalhekk kisret l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 874/2009. |
|
38 |
Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni fil-punt 129 tas-sentenza appellata fis-sens li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem is-CPVO u quddiem il-Bord tal-Appell tiegħu huma proċedimenti akkużatorji ma hijiex kompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94. In-natura inkwiżitorja hija barra minn hekk ikkonfermata minn paragun mad-dispożizzjonijiet korrispondenti relatati mat-trade mark Komunitarja u mad-disinni jew mudelli Komunitarji. |
|
39 |
Fit-tielet lok, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tal-ewwel istanza mressqa mill-appellant. |
|
40 |
Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal rimedju effettiv meta rrifjutat li teżamina l-elementi li huwa kien ippreżenta quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
41 |
Is-CPVO jfakkar il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedimenti quddiemu. B’mod partikolari, huwa jenfasizza li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94 jikkonċernaw esklużivament eżami ex officio. Għaldaqstant, f’tali proċedimenti ma jkunx hemm parti u s-CPVO huwa obbligat jeżamina oġġettivament il-fatti rilevanti kollha. J. Hansson isostni li s-CPVO għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi ppreżentati minn terz sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ tali proċedimenti. |
|
42 |
Fil-kawża ineżami, is-CPVO applika dawn il-prinċipji u rrifjuta li jiftaħ il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mitluba mill-appellant. |
|
43 |
Mill-bqija, is-CPVO u J. Hansson iqisu li l-argumenti tal-appellanti huma, l-iktar l-iktar, ineffettivi u, minn tal-inqas, inammissibbli, sa fejn huma intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
Sa fejn l-appellant qiegħed jikkontesta l-mod kif il-Qorti Ġenerali interpretat il-kwistjoni tal-amministrazzjoni u tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-proċedimenti mressqa quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi f’dan il-kuntest. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94 jillimita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti għal dawk il-fatti li jkunu s-suġġett tal-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 ta’ dan ir-regolament. |
|
46 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 874/2009, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti miftuħa quddiem is-CPVO japplikaw mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ appell. B’hekk, il-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti japplika wkoll f’tali proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
47 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti ma japplikax għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
48 |
Madankollu, tali żball ta’ liġi kif ukoll l-iżviluppi magħmula fil-punt 135 tas-sentenza appellata li eventwalment wasslu għal dan l-iżball, ma jwasslux fihom innifishom għall-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali, minkejja kollox, ivverifikat, mill-punt 136 tas-sentenza appellata, jekk il-provi mressqa mill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell kinux jissodisfaw il-kriterji marbuta mal-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti. |
|
49 |
B’hekk, għandu jiġi vverifikat sussegwentement jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
|
50 |
Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-proċedimenti li wasslu għad-deċiżjoni kontenzjuża huma proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li quddiemu tressaq appell minn deċiżjoni tas-CPVO li kienet irrifjutat li tiddikjara l-invalidità ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti fuq il-bażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2100/94. |
|
51 |
Skont din id-dispożizzjoni, is-CPVO għandu jiddikjara d-dritt Komunitarju null u bla effett jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 jew 10 tar-Regolament Nru 2100/94 ma kinux issodisfatti fid-data tal-għoti ta’ dan id-dritt. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mad-distinzjoni u mal-oriġinalità huma, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, kundizzjonijiet sine qua non għall-għoti ta’ dritt Komunitarju. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, id-dritt mogħti jkun illegali u jkun fl-interess ġenerali li jiġi ddikjarat null u bla effett. |
|
53 |
Huma minnu li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dritt mogħti indebitament tista’ tingħata wkoll fl-interess ta’ terz, b’mod partikolari meta dan ikun ippreżenta applikazzjoni għal dritt ta’ varjetà ta’ pjanta li tkun miċħuda minħabba l-assenza ta’ natura distintiva tal-varjetà kandidata meta mqabbla ma’ dik protetta indebitament bi dritt. |
|
54 |
Madankollu, dan ma jistax jiġġustifika li terz jitħalla jitlob, fi kwalunkwe ċirkustanza u mingħajr raġunijiet speċifiċi, l-invalidità ta’ dan id-dritt wara l-proċedimenti għall-għoti ta’ dritt u wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2100/94 għall-preżentazzjoni minn terzi tal-oġġezzjonijiet tagħhom. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedimenti għall-għoti ta’ dritt, il-varjetà ta’ pjanta kandidata tkun is-suġġett, skont l-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament, ta’ eżami sostantiv u ta’ eżami tekniku approfondit u kumpless. |
|
56 |
B’hekk, is-CPVO għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-annullament ta’ dritt ta’ varjetà ta’ pjanta, fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn il-varjetà protetta kienet is-suġġett tal-eżami msemmi fil-punt preċedenti. Għaldaqstant, huma biss dubji serji dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 jew 10 ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti fid-data tal-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament li jistgħu jiġġustifikaw eżami mill-ġdid tal-varjetà protetta permezz tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2100/94. |
|
57 |
F’dan il-kuntest, it-terz li jkun qiegħed jitlob l-annullament ta’ dritt ta’ varjetà ta’ pjanta għandu jipproduċi provi u elementi fattwali sostanzjali li fuqhom ikunu jistgħu jiġu bbażati dubji serji dwar il-legalità tal-għoti tad-dritt ta’ varjetà ta’ pjanta mogħti wara l-eżami previst fl-Artikoli 54 u 55 tal-imsemmi regolament. |
|
58 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellant kellu juri li, fid-dawl tal-fatti u tal-provi dwar l-eżami sostantiv u tekniku li huwa ressaq quddiem is-CPVO, dan tal-aħħar kien obbligat iwettaq l-istħarriġ previst fl-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94. |
|
59 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li, fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-istħarriġ tagħha tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “investigazzjoni ex officio tal-fatti” mill-Bord tal-Appell. |
|
60 |
Issa, fir-rigward tal-elementi li l-appellant ressaq sabiex jiġġustifika l-invalidità tad-dritt mogħti preċedentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-appellant f’ebda mument ma kien ressaq xi prova jew xi indizju li setgħu jservu bħala bidu sabiex jipprova l-allegazzjoni tiegħu li trattament mekkaniku u kimiku jew tirqid bħal dak imwettaq f’dan il-każ setgħu jinvalidaw ir-riżultat tal-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY matul is-sena 1997. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-appellant f’ebda mument tal-proċedimenti ma kien ressaq xi indizju jew xi prova konkreti ta’ natura li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett persistenti tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir. |
|
62 |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal rimedju effettiv, mill-proċess jirriżulta li l-appellant, insostenn tal-appell tiegħu quddiem il-Bord tal-Appell, sostna li l-materjal veġetali li fuqu kien twettaq l-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY matul is-sena 1997 kien difettuż minħabba li l-pjanti użati għall-eżami, minn naħa, kienu s-suġġett ta’ trattament mekkaniku u kimiku, u, min-naħa l-oħra, kienu tirqid ta’ pjanti mibgħuta minn J. Hansson. |
|
63 |
Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u fid-dawl tal-prinċipji esposti fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-amministrazzjoni tal-prova meta ddeċidiet li l-appellant ma kienx ressaq, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-elementi fattwali u l-provi li permezz tagħhom seta’ jiġi stabbilit li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94 ma kinitx issodisfatta meta twettaq l-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY, li kien jiġġustifika d-dikjarazzjoni ta’ invalidità fis-sens tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
64 |
Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal rimedju effettiv ma jistgħux jintlaqgħu. |
|
65 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
66 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali essenzjalment kisret, fil-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata, ir-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova. |
|
67 |
Permezz tal-ewwel argument żviluppat fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ittrasponiet għat-talbiet għal miżuri istruttorji mressqa quddiem is-CPVO l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza ILFO vs L-Awtorità Għolja (51/65, EU:C:1966:21), li minnha jirriżulta li talba għal miżuri istruttorji mressqa minn parti ma tistax tintlaqa’ jekk din it-talba ma toffrix bidu ta’ prova suffiċjenti sabiex ikun hemm lok li jiġu ordnati tali miżuri. |
|
68 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet, skont l-appellant, erba’ żbalji ta’ liġi. Fl-ewwel lok, il-prinċipji tal-ġurisprudenza ċċitati iktar ’il fuq ma humiex kompatibbli mal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ma speċifikatx għaliex kien opportun li tiġi trasposta tali ġurisprudenza. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq billi introduċiet kundizzjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja li ma ssemmiet f’ebda mument tal-proċedura. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali rripproduċiet il-ġurisprudenza ċċitata b’mod żbaljat, peress li din il-ġurisprudenza ma ssemmix il-ħtieġa ta’ bidu ta’ prova għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja. |
|
69 |
Permezz tat-tieni argument tiegħu, l-appellant jenfasizza li, anki jekk jitqies li huwa kien imissu pproduċa bidu ta’ prova sabiex jissostanzja l-argumenti tiegħu, is-sentenza appellata hija xorta waħda vvizzjata minn żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi mressqa minnu, b’mod partikolari fir-rigward tal-influwenza tat-trattament mekkaniku u kimiku tal-materjal veġetali kif ukoll fir-rigward tal-multiplikazzjoni permezz tat-tirqid. |
|
70 |
Is-CPVO u J. Hansson isostnu li s-sentenza appellata “hija korretta”, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-appellant kellux oneru tal-prova jew bidu ta’ oneru ta’ prova, sa fejn il-Bord tal-Appell evalwa l-argumenti u l-pożizzjoni sostnuti mill-appellant. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli, esposti b’dan il-mod, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
71 |
Fir-rigward tal-ewwel argument tal-appellant, ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
|
72 |
Fil-fatt, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Issa, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat l-applikazzjoni b’analoġija tal-prinċipji esposti fis-sentenza ILFO vs L-Awtorità Għolja (51/65, EU:C:1966:21) għall-Bord tal-Appell minħabba li dan tal-aħħar huwa korp ta’ natura kważi ġudizzjarja. |
|
74 |
Barra minn hekk, il-prinċipju stess ta’ investigazzjoni ex officio tal-fatti skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jipprekludix tali applikazzjoni peress li, kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ talba għall-ftuħ tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, huwa min iressaq it-talba li għandu jressaq l-elementi sostanzjali li juru l-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-legalità tad-dritt ikkontestat. |
|
75 |
Min-naħa l-oħra, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li l-prinċipji ġenerali tad-dritt proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri għandhom japplikaw għall-proċedimenti mressqa quddiem is-CPVO. |
|
76 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli kkonstatat li l-appellant kien imissu ppreżenta, quddiem il-Bord tal-Appell, bidu ta’ prova sabiex jikseb, min-naħa tal-Bord tal-Appell, l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja. |
|
77 |
Fit-tieni lok, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji misluta mis-sentenza ILFO vs L-Awtorità Għolja (51/65, EU:C:1966:21). |
|
78 |
Fil-fatt, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellant f’ebda stadju ma kien ressaq xi prova jew xi indizju sabiex jiġġustifika t-talba tiegħu. |
|
79 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant ma jistax isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li huwa ma setax jitlob l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja peress li ma kienx ippreżenta bidu ta’ prova. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi li huwa kien ressaq fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem is-CPVO, minn naħa, dwar l-influwenza tat-trattament kimiku u mekkaniku tal-materjal li ntuża għall-finijiet tal-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY u, min-naħa l-oħra, dwar l-użu ta’ tirqid ta’ din il-varjetà għal dan l-eżami. |
|
81 |
Għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata jew tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u tal-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tislet minn din il-klassifikazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
Fl-ewwel lok, l-appellant jirreferi għall-ittra tat-13 ta’ Jannar 1997 mingħand l-aġent tal-Bundessortenamt, responsabbli għall-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY, li tindika li “hemm riskju li l-eżami tekniku ma jagħmilx progress b’mod sodisfaċenti [minħabba li l-materjal li ntbagħat kien ittrattat bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir]”. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, u kif jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, l-imsemmi aġent tal-Bundessortenamt attesta, matul is-seduta li nżammet quddiem il-Bord tal-Appell fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007, fl-4 ta’ Diċembru 2007, li ma kienx hemm “dubji dwar il-kwalità tat-testijiet li saru f’Lulju/Awwissu 1997”, peress li l-effett tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir kien intemm. |
|
84 |
Min-naħa l-oħra, fil-punt 164 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-setgħa diskrezzjonali tal-uffiċċju nazzjonali kompetenti tkopri l-kwistjoni tal-eżami jew tad-deċiżjoni, matul l-eżami tekniku, dwar jekk il-materjal veġetali mibgħut minn J. Hansson huwiex effettivament inadegwat jew jekk, bħal f’dan il-każ, it-teknika tat-tirqid tippermettix li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet li inizjalment kellu dan il-materjal. |
|
85 |
Sa fejn l-appellant f’ebda mument ma kkontesta d-dikjarazzjoni tal-aġent tal-Bundessortenamt sussegwenti għall-elementi invokati minnu u li tindika li l-effetti tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir kienu ntemmu meta twettaq l-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY, il-Qorti Ġenerali ma żnaturat ebda fatt tal-kawża u ebda prova mressqa mill-appellant meta qieset li dan tal-aħħar ma kien ressaq ebda element li permezz tiegħu setgħet tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. |
|
86 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-appellant dwar ir-riskji marbuta mal-użu ta’ materjal miksub mill-multiplikazzjoni permezz ta’ tirqid ta’ varjetà sabiex jitwettaq l-eżami tekniku, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-imsemmi appellant iqis li peress li tali riskju kien magħruf b’mod ġenerali, ma kienx meħtieġ li jressaq elementi li jipprovaw l-eżistenza ta’ dan ir-riskju f’dan il-każ. |
|
87 |
Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex alternattiva oħra ħlief li tikkonstata li l-appellant ma kienx issodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja. |
|
88 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat il-fatti tal-kawża jew il-provi mressqa mill-appellant. |
|
89 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni aggravju ma jistax jintlaqa’. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
90 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 141 sa 151 tas-sentenza appellata, kisret l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-legalità u żnaturat il-fatti. |
|
91 |
L-ewwel nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li s-sempliċi perizja tas-CPVO, dwar il-prassi tat-tirqid, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “fatt li jafu kulħadd [magħruf b’mod ġenerali]”. Fi kwalunkwe każ, dan il-“fatt” ġie żnaturat u din il-klassifikazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità. |
|
92 |
It-tieni nett, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli timmotiva l-konstatazzjoni tagħha li r-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa “kompatibbli mad-data oġġettiva tal-kawża, kif tirriżulta mill-proċess”. |
|
93 |
It-tielet nett, l-appellant jindika ċerti żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 147 tas-sentenza appellata, fir-riferimenti tagħha għal ċerti fatti tal-kawża. |
|
94 |
Is-CPVO jsostni li dan l-aggravju, fil-parti l-kbira tiegħu, jikkonsisti f’repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-aggravji preċedenti. |
|
95 |
J. Hansson jikkonstata li l-iżbalji ta’ fatt osservati mill-appellant ma għandhom ebda effett fuq il-legalità tas-sentenza appellata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
96 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-argumenti tal-appellant huma fil-verità intiżi sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, kontestazzjoni li, kif tfakkar fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell sakemm ma jkunx hemm żnaturament tal-fatti. |
|
97 |
B’hekk, meta l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat li, għall-eżami tekniku, l-użu ta’ tirqid meħud minn materjal veġetali mibgħut minn J. Hansson huwa fatt magħruf b’mod ġenerali, l-appellant jitlaq neċessarjament mill-premessa li l-materjal meħud minn tirqid ma huwiex adegwat sabiex jitwettaq dan l-eżami, għaliex inkella dan l-argument ikun ineffettiv. |
|
98 |
Issa, l-eżami ta’ tali element jeżiġi neċessarjament evalwazzjoni tal-fatti li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell. |
|
99 |
Fi kwalunkwe każ, kien l-appellant li kellu jipproduċi, f’dan ir-rigward, provi insostenn tal-kontestazzjonijiet tiegħu, ħaġa li, kif ġie deċiż fil-punti 84 sa 86 ta’ din is-sentenza, l-appellant ma għamilx. |
|
100 |
Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-indikazzjoni tal-ismijiet tal-aġenti tas-CPVO u tal-Bundessortenamt, l-appellant ma jindikax kif dawn l-iżbalji jistgħu jdaħħlu inkwistjoni l-legalità tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex evidenti li tali żbalji jimplikaw tali kontestazzjoni fil-mertu tal-imsemmija sentenza. |
|
101 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir-raba ’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
102 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, li jikkonċerna l-punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata, l-appellant essenzjalment jakkuża lill-Qorti Ġenerali b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
103 |
Permezz tal-ewwel argument żviluppat fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija kontradittorja sa fejn, minn naħa, fil-punt 10 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-trattament mekkaniku u kimiku tal-materjal veġetali mibgħut kien ta’ riskju għall-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY u, min-naħa l-oħra, fil-punt 156 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellant ma kien ressaq ebda indikazzjoni konkreta li tistabbilixxi li l-materjal veġetali eżaminat ma kienx adegwat sabiex jitwettaq dan l-eżami. |
|
104 |
Permezz tat-tieni argument tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha stħarrġet jekk il-provi invokati kinux jikkostitwixxu l-qafas sħiħ ta’ data rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dan il-qafas kienx ta’ natura li jissostanzja l-konklużjonijiet li kienu misluta minnu. |
|
105 |
Is-CPVO jsostni li l-appellant qiegħed jikkontesta biss il-konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, it-tieni argument żviluppat fil-kuntest tar-raba’ aggravju huwa kompletament infondat. |
|
106 |
J. Hansson jenfasizza li kien l-appellant li kellu jistabbilixxi, jew minn tal-inqas, iressaq indizji li jistabbilixxu li l-prodotti li jirregolaw it-tkabbir kienu jwasslu mhux biss għal evalwazzjoni żbaljata tal-kriterji li jiddeterminaw id-dritt iżda wkoll għal evalwazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ distinzjoni previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
107 |
Peress li permezz ta’ dan l-aggravju l-appellant qiegħed jallega, fl-ewwel lok, li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bundessortenamt kien qies li ma kienx hemm dubju dwar il-kwalità tal-materjal veġetali użat għall-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma fiha ebda kontradizzjoni meta jiġi kkonstatat, fil-punt 157 tagħha, li l-appellant ma pprovda ebda indikazzjoni li turi l-kuntrarju. |
|
108 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, kif jirriżultaw mill-punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata li l-appellant qiegħed jikkontesta permezz ta’ dan l-aggravju, saru għal finijiet ta’ kompletezza inkonnessjoni mal-punti 141 sa 151 tal-istess sentenza. Għaldaqstant, anki jekk ir-raba’ aggravju invokat mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu jintlaqa’, dan xorta waħda ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
109 |
Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq il-ħames u s-sitt aggravji
L-argumenti tal-partijiet
|
110 |
Fil-kuntest tal-ħames aggravju, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kif jirriżultaw mill-punti 159 sa 162 tas-sentenza appellata. |
|
111 |
Fil-fehma tiegħu, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94 permezz tal-konstatazzjoni tagħha, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, fis-sens li n-natura distintiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-varjetà LEMON SYMPHONY ma kinitx stabbilita “b’mod esklużiv, u saħansitra b’ebda mod” b’riferiment għall-karatteristika “dehra taz-zkuk”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali estendiet ukoll, b’mod illegali, is-suġġett tat-tilwima. |
|
112 |
Fit-tieni lok, l-appellant jindika li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti meta kkonstatat li d-deskrizzjoni aġġustata tal-varjetà LEMON SYMPHONY tal-2006 ma kinitx differenti mid-deskrizzjoni oriġinali tal-1997. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2100/94 minħabba li ma ddeċidietx li l-varjetà li d-deskrizzjoni tagħha kienet ġiet emendata ma kienx imissha ngħatat dritt. |
|
113 |
Fil-kuntest tas-sitt aggravju, li huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 165 sa 168 tas-sentenza appellata, l-appellant isostni, l-ewwel nett, li dik il-qorti żnaturat il-fatti, fis-sens li l-appellant ma kienx illimita l-argumenti tiegħu għall-kwistjoni tan-natura relattiva jew assoluta tad-“dehra taz-zkuk”. |
|
114 |
It-tieni nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali estendiet b’mod illegali s-suġġett tal-kawża għal argumenti mqajma fil-kuntest tal-proċedura fil-Kawża T‑177/08. |
|
115 |
Fl-aħħar nett, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża billi ma laqgħetx l-argument tal-appellant fis-sens li l-Bord tal-Appell ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-argumenti tiegħu. |
|
116 |
Fir-rigward tal-ħames aggravju, is-CPVO jsostni li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 159 tas-sentenza appellata għandha tinftiehem fis-sens li, matul is-sena 1997, ma kienet disponibbli ebda varjetà paragunabbli. |
|
117 |
J. Hansson iqis li l-konstatazzjonijiet ikkritikati ma humiex deċiżivi fir-rigward tal-kwistjoni tan-natura distinta tal-varjetà protetta. |
|
118 |
Fir-rigward tas-sitt aggravju, is-CPVO jsostni li l-appellant qiegħed jinterpreta s-sentenza appellata b’mod żbaljat. Barra minn hekk, ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet dwar id-dehra taz-zkuk ma hija determinanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tas-sentenza appellata. |
|
119 |
J. Hansson isostni li l-evalwazzjoni tad-distinzjoni ta’ varjetà hija bbażata fuq paragun bejn il-varjetà mitluba u l-varjetajiet magħrufa tal-istess speċi. Għaldaqstant, il-kriterji distintivi jistgħu jiġu evalwati biss permezz ta’ tali paragun. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
120 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li permezz tal-ħames u tas-sitt aggravji tiegħu, l-appellant qiegħed jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jirriżultaw mill-punti 150 sa 162 u 165 sa 168 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw l-argumenti tal-appellant li l-Qorti Ġenerali qieset li kienu ineffettivi, kif enfasizzat fil-punt 158 tas-sentenza appellata. |
|
121 |
Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-appellant ma kien ressaq ebda element u ebda prova li permezz tagħhom jista’ jiġi kkontestat l-eżami tekniku li kien wassal għall-għoti tad-dritt tal-varjetà LEMON SYMPHONY, l-argumenti tal-appellant dwar il-livell ta’ espressjoni mogħti lill-karatteristika “dehra taz-zkuk” ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
122 |
B’hekk, sa fejn l-appellant ma rnexxilux juri li l-materjal veġetali użat għall-eżami tekniku tal-varjetà LEMON SYMPHONY ma kienx adegwat u li għalhekk il-kriterji DUS ma kinux issodisfatti, l-argumenti dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni ta’ din il-varjetà huma wkoll ineffettivi. |
|
123 |
Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi u l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, sakemm ma jkunux żnaturati, ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
124 |
F’dan ir-rigward, l-appellant ma jistax jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ espressjoni mogħtija lill-karatteristika “dehra taz-zkuk” fir-rigward tal-varjetà LEMON SYMPHONY. |
|
125 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat kull wieħed mill-argumenti żviluppati insostenn tal-ħames u tas-sitt aggravji. |
|
126 |
L-ewwel nett, l-appellant isostni li l-karatteristika “dehra taz-zkuk” taqa’ neċessarjament fl-eżami tan-natura distintiva ta’ varjetà, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94. |
|
127 |
Madankollu, meta jikkritika lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-imsemmi artikolu minħabba li, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-evalwazzjoni tan-natura distinta ta’ varjetà ta’ pjanta ma ġietx stabbilita b’mod esklużiv, u saħansitra b’ebda mod, b’riferiment għall-karatteristika “dehra taz-zkuk”, l-appellant qiegħed jinterpreta s-sentenza appellata b’mod żbaljat. |
|
128 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma sostnietx li, fil-kuntest tal-eżami tan-natura distintiva ta’ varjetà previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94, ma kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristika “dehra taz-zkuk”. Madankollu huwa evidenti li l-eżami tan-natura distintiva ta’ varjetà ta’ pjanta jeħtieġ neċessarjament l-eżistenza ta’ varjetajiet ta’ pjanti ta’ referenza. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-eżistenza ta’ tali varjetajiet li l-karatteristika “dehra taz-zkuk” għandha tiġi eżaminata u li għandu jkollha rwol iktar jew inqas determinanti fir-rigward tan-natura distintiva tal-varjetà ta’ pjanta li għandha tingħata dritt. |
|
129 |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ħames aggravju kif ukoll it-tielet argument żviluppat insostenn tas-sitt aggravju għandhom jiġu miċħuda. |
|
130 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli qieset li l-aġġustament tad-deskrizzjoni tal-karatteristika “dehra taz-zkuk” ma kienx idaħħal inkwistjoni d-dritt tal-varjetà LEMON SYMPHONY. Fil-fatt, sa fejn l-imsemmija karatteristika hija ddeterminata permezz ta’ paragun ma’ varjetajiet ta’ pjanti oħra, huwa inevitabbli li d-deskrizzjoni tiġi rfinata meta jiġu żviluppati varjetajiet ta’ pjanti oħra. |
|
131 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u r-raba’ argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda. |
|
132 |
Fl-aħħar nett, l-appellant ma jistax, mingħajr ma jikkontradixxi lilu nnifsu, jakkuża lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li tat deċiżjoni dwar argumenti marbuta mal-proċedura fil-Kawża T‑177/08, meta kien l-appellant stess li ressaq dawn l-argumenti u, min-naħa l-oħra, li ma wettqitx stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni argumenti mressqa mill-appellant dwar in-natura tal-karatteristika “dehra taz-zkuk”, u fl-istess ħin jikkritika lill-Qorti Ġenerali li tat deċiżjoni preċiżament dwar in-natura ta’ din il-karatteristika. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni argumenti żviluppati fil-kuntest tas-sitt aggravju għandhom jiġu miċħuda. |
|
133 |
Peress li l-ħames u s-sitt aggravji għandhom jiġu miċħuda, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
134 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li R. Schräder tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mis-CPVO. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.