SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern — Obbligu ta’ rkupru — Artikolu 108(2) TFUE — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 14(3) — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑527/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u F. Erlbacher, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 108(2) TFUE u 288 TFUE, tal-prinċipju ta’ effettività, tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/471/UE, tal-14 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/05 (ex NN 52/04) mill-Ġermanja favur il-grupp Biria (ĠU 2011, L 195, p. 55), billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji biex tippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni permezz tal-irkupru tal-għajnuna msemmija.

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999 tipprovdi:

“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.

3

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 185 tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”

4

Skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjonijiet u sentenzi”:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament f’konformità ma’ l-Artikolu [108(2) TFUE].”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

MB System GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “MB System”) tifforma parti mill-grupp Biria. MB System kienet timmanifattura biċikletti sal-aħħar tal-2005, f’liema data hija waqfet il-produzzjoni ta’ biċikletti u ttrasferiet l-attiv materjali li kienet tuża għal dan il-għan. Minn dakinhar, l-għan korporattiv ta’ MB System jikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ beni immobbli.

6

Technologie‑Beteiligungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “TBG”) hija sussidjarja miżmuma totalment minn Kreditanstalt für Wiederaufbau, organiżmu pubbliku kkontrollat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din tiffinanzja lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju fis-settur tat-teknoloġija permezz ta’ xiri ta’ ishma. Wara diversi ristrutturazzjonijiet, TBG ħadet, fl-2003, l-attiv kollu ta’ gbb‑Beteiligungs AG, li kienet, fl-2001, iffinanzjat lil Bike Systems GmbH & Co. Thüringer Zweiradwerk KG, predeċessur legali ta’ MB System, taħt forma ta’ parteċipazzjoni siekta fil-kapital ta’ din il-kumpannija. Dan ix-xiri ta’ ishma ma kienx ġie nnotifikat lill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat. Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn ir-rata ta’ interessi miftiehma għall-ħlas tagħha kienet inqas minn dak tas-suq.

7

Ix-xiri ta’ ishma msemmi iktar ’il fuq kien sar permezz ta’ kuntratt privat.

8

Fl-20 ta’ Ottubru 2005, wara diversi lmenti mressqa minn kompetituri, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali b’mod konformi mal-Artikolu 108(2) TFUE.

9

Bid-Deċiżjoni 2007/492/KE, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2005 (ex NN 52/2004) mogħtija mill-Ġermanja lill-grupp Biria (ĠU L 183, p. 27), il-Kummissjoni kkunsidrat li x-xiri ta’ ishma kkunsidrat kien jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tipproċedi bl-irkupru tagħha (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”). Din id-deċiżjoni ġiet annullata fit-3 ta’ Marzu 2010 b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni (T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62).

10

Wara din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, TBG bagħtet lil MB System, fis-16 ta’ Frar 2007, talba għar-rimbors tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat korrispondenti għall-vantaġġ li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi inferjuri għal dik tas-suq. MB System irrifjutat li tħallas.

11

L-ammont definittiv li kellu jiġi rkuprat kien ġie deċiż b’mod konġunt mill-partijiet f’Ottubru 2007 u kien jammonta għal EUR 697 456.

12

Fl-10 ta’ April 2008, wara r-rifjut ta’ MB System li tikkonforma ruħha ma talba ġdida għall-ħlas lura, TBG ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Mühlhausen (qorti reġjonali ta’ Mühlhausen) intiż biex jinkiseb il-ħlas tal-ammont imsemmi. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq l-ewwel deċiżjoni kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch) minħabba n-nuqqas ta’ notifika tal-għajnuna inkwistjoni.

13

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Ġermaniżi, kuntratt li jistabbilixxi għajnuna mill-Istat, konkluż bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, huwa null fid-dritt Ġermaniż b’mod konformi mal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili. Għal din ir-raġuni, l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ma kellux il-konsegwenza li jinvalida r-rikors pendenti quddiem il-Landgericht Mühlhausen.

14

Is-seduta quddiem il-Landgericht Mühlhausen inżammet fis-26 ta’ Novembru 2008 fl-assenza tal-mandatarju ta’ MB System. Għal din ir-raġuni, din il-qorti adottat deċiżjoni fil-kontumaċja, eżekuttiva provviżorjament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fil-kontumaċja”), li kienet tippermetti lil TBG li tipproċedi bl-irkupru forzat tal-kreditu tagħha mill-patrimonju ta’ MB System. Fid-19 ta’ Diċembru 2008, MB System ippreżentat oppożizzjoni minn din id-deċiżjoni.

15

B’digriet tad-9 ta’ Jannar 2009, il-qorti msemmija ssospendiet l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni fil-kontumaċja bil-kundizzjoni tal-kostituzzjoni minn MB System ta’ garanzija ta’ EUR 840 000 taħt forma jew ta’ depożitu mal-Landgericht Mühlhausen, jew taħt forma ta’ kawzjoni.

16

Fid-dawl tal-proċedura li dak iż-żmien kienet pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Landgericht Mühlhausen ordnat, fis-17 ta’ Marzu 2009, is-sospensjoni tal-kawża pendenti quddiemha.

17

Fis-7 ta’ April 2009, TBG ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni quddiem it-Thüringer Oberlandesgericht (qorti reġjonali superjuri ta’ Thüringen). Dan l-appell ġie miċħud fil-25 ta’ Jannar 2010. Fil-25 ta’ Frar 2010, TBG ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti tal-ġustizzja federali). B’digriet tas-16 ta’ Settembru 2010, din il-qorti kkunsidrat li d-digriet tal-Landgericht Mühlhausen, tas-17 ta’ Marzu 2009, li jordna s-sospensjoni tal-kawża kif ukoll dak tat-Thüringer Oberlandesgericht, tal-25 ta’ Jannar 2010, li jikkonferma lil din tal-aħħar, kienu saru inapplikabbli wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali.

18

Wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/471 inkwistjoni f’dan il-każ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li d-dispożittiv tagħha jipprovdi:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-istat mogħtija mill-Ġermanja lil Bike Systems GmbH & Co. Thüringer Zweiradwerk KG (issa MB System), Sachsen Zweirad GmbH, u Biria GmbH [(iktar ’il quddiem l-‘għajnuna kkontestata’)] hija inkompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna tikkonsisti f’awn il-miżuri:

a)

miżura 1: il-parteċipazzjoni siekta (stille Einlage) li tammonta għal EUR 2 070 732 mogħtija lil Bike Systems GmbH & Co. Thüringer Zweiradwerk KG (issa MB System);

[…]

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand ir-riċevitur.

2.   L-irkuprar għandu jsir mingħajr dewmien u skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, kemm-il darba dawn jippermettu l-infurzar immedjat u effettiv ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika tad-Deċiżjoni.

[…]

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.”

19

Ir-rikors ta’ MB System ippreżentat kontra d-deċiżjoni inkwistjoni ġie miċħud fit-3 ta’ Lulju 2013 bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali MB System vs Il-Kummissjoni (T‑209/11, EU:T:2013:338).

20

Fil-21 ta’ Marzu 2011, TBG ressqet quddiem l-Amtsgericht Nordhausen (qorti tad-distrett ta’ Nordhausen) talba għar-reġistrazzjoni ta’ ipoteki ġudizzjarji b’eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni fil-kontumaċja. Fl-1 ta’ Ġunju 2011, l-ipoteki ġudizzjarji mitluba ġew irreġistrati. Fil-21 ta’ Lulju 2011, wara li TBG ressqet talba għal bejgħ b’irkant tal-beni immobbli ta’ MB System, l-Amtsgericht Nordhausen ordnat perizja tal-valur tas-suq tagħhom.

21

Fil-kuntest tal-proċedura relattiva għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Landgericht Mühlhausen reġa’ ssospenda l-proċedura b’digriet tat-30 ta’ Marzu 2011, fuq talba ta’ MB System. Fl-14 ta’ April 2011, TBG ippreżentat, għal darb’oħra, appell quddiem it-Thüringer Oberlandesgericht, li ċaħdet l-appell tagħha b’digriet tat-28 ta’ Diċembru 2011. Fis-26 ta’ Jannar 2012, TBG ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof, li annullat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri fit-13 ta’ Settembru 2012. B’hekk, il-proċedura pendenti quddiem il-Landgericht Mühlhausen kompliet mis-27 ta’ Marzu 2013.

22

Fil-25 ta’ Lulju 2012, l-Amtsgericht Nordhausen, abbażi ta’ perizja tat-22 ta’ Mejju 2012, stabbilixxiet il-valur tas-suq tal-beni immobbli ta’ MB System għal ammont ta’ EUR 1 893 700. Id-data tal-bejgħ b’irkant ta’ dawn il-beni ġiet iffissata għall-10 ta’ April 2013. Fid-data tas-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-4 ta’ Diċembru 2013, dan il-bejgħ b’irkant kien għadu mingħajr riżultat, b’tali mod li l-għajnuna kkontestata ma setgħetx tiġi rkuprata.

23

Wara li kkunsidrat li d-deċiżjoni inkwistjoni, kważi sentejn wara l-adozzjoni tagħha, kienet għadha ma ġietx eżegwita, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u l-obbligu tagħha li tirkupra l-għajnuna kkontestata mingħand MB System. Il-partijiet jaqblu li l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat kien jammonta għal EUR 816 630 fid-data tal-preżentata tar-rikors mill-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

L-argumentazzjoni tal-partijiet

24

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konvenuta ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji biex tippermetti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-irkupru tal-għajnuna kkontestata.

25

Prinċipalment, il-Kummissjoni tosserva li, b’mod konformi mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-Istat Membru kkonċernat huwa fil-prinċipju liberu li jagħżel il-metodi li bihom għandu jiżgura, b’applikazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali tiegħu, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, madankollu bil-kundizzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-metodu magħżul mill-konvenuta f’dan il-każ għall-irkupru tal-għajnuna, jiġifieri rikors għar-rimbors ippreżentat quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi, ma kienx ta’ natura li jippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, minħabba t-tul normali tal-proċeduri ġudizzjarji, kien impossibbli għall-konvenuta li tirkupra effettivament l-għajnuna kkontestata fit-terminu ta’ erba’ xhur iffissat mid-deċiżjoni inkwistjoni.

26

B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, minħabba l-fatt li l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni inkwistjoni ma ġietx żgurata mill-użu tal-proċeduri tad-dritt ċivili Ġermaniż, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 id-dritt proċedurali nazzjonali kellu jitneħħa fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni u l-konvenuta kellha hija stess tistabbilixxi titolu eżekuttiv bl-adozzjoni ta’ att amministrattiv li jordna l-irkupru tal-għajnuna kkontestata, billi tibbaża ruħha direttament fuq id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt joffri bażijiet legali li jippermettu lill-konvenuta tadotta tali att amministrattiv. Id-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi tali bażi f’dan ir-rigward, minkejja l-fatt li din ma tobbligax direttament lil MB System biex tirrestitwixxi l-għajnuna kkontestata. Jikkostitwixxu wkoll tal-bażijiet l-Artikoli 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE.

27

Il-Kummissjoni ssostni b’mod ġenerali f’dan il-kuntest li, fil-każ ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, l-Istat Membru kkonċernat huwa suġġett għal obbligu ta’ riżultat li jorbtu biex jirkupra b’mod effettiv din l-għajnuna fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni, u mhux għal obbligu ta’ metodu li huwa limitat għat-tressiq ta’ proċedura ta’ rkupru f’dan it-terminu. F’dan il-każ, l-irkupru tal-għajnuna kkontestata kellu jseħħ fit-terminu ffissat fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-konvenuta tassumi r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan ir-riżultat, sa fejn din l-għajnuna kellha effettivament titlaq mill-patrimonju tal-benefiċjarju qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti.

28

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni fil-kontumaċja provviżorjament eżekuttiva kienet ta’ natura li tippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni inkwistjoni, f’kull każ, il-konvenuta ma użatx dan it-titolu biex tirkupra immedjatament u effettivament l-għajnuna kkontestata.

29

Il-Kummissjoni tirrileva li l-konvenuta, minkejja l-fatt li t-terminu ffissat fid-deċiżjoni inkwistjoni għall-irkupru tal-għajnuna kkontestata kien ta’ erba’ xhur, ressqet talba għal eżekuzzjoni forzata abbażi tad-deċiżjoni fil-kontumaċja biss fit-12 ta’ Marzu 2011, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

30

Barra minn hekk, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, bejn id-data tat-talba għal eżekuzzjoni forzata msemmija iktar ’il fuq u l-10 ta’ April 2013, id-data li kienet prevista għall-bejgħ b’irkant tal-beni immobbli tal-benefiċjarju tal-għajnuna kkontestata, għaddew kważi sentejn, ikkaratterizzati mill-inattività manifest tal-konvenuta.

31

Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri l-forma li biha dawn għandhom jagħtu għajnuna mill-Istat. B’mod konformi mad-dritt Ġermaniż, li jippermetti l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat permezz ta’ atti amministrattivi, ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ kuntratti privati, l-għażla tal-forma tal-att li bih tingħata għajnuna jiddetermina l-forma li biha din l-għajnuna tista’ tiġi rkuprata. F’dan il-każ, l-għajnuna kkontestata ngħatat lil MB System fil-kuntest ta’ kuntratt privat minn TBG, kumpannija ta’ investiment privata, li l-Istat Ġermaniż huwa l-proprjetarju tagħha. Konsegwentement, peress li MB System ma kkonformatx mat-talba għar-rimbors ta’ din l-għajnuna, l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jeżegwixxu huma stess id-deċiżjoni inkwistjoni, iżda għandhom jinvokaw id-dritt tagħhom għar-rimbors tal-għajnuna msemmija quddiem il-qrati ċivili.

32

Il-Gvern Ġermaniż josserva li, b’applikazzjoni tal-prinċipji tal-legalità tal-atti tal-awtorità pubblika u tad-distinzjoni tal-atti pubbliċi u privati, mid-dritt Ġermaniż u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 20(3) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland), jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx is-setgħa li jaġixxu permezz ta’ att amministrattiv bil-għan li jirkupraw għajnuna mill-Istat, ħlief meta din l-għajnuna tkun ingħatat taħt forma ta’ att amministrattiv pubbliku u jekk tkun teżisti bażi legali li tagħtihom is-setgħa li jadottaw tali att. Id-dritt Ġermaniż ma jippermettix li awtorità pubblika tintervjeni u twaqqaf kuntratt privat permezz ta’ att ta’ setgħa pubblika. Lanqas ma tipprevedi setgħa ġenerali li tawtorizza lil tali awtorità taġixxi fil-kważi totalità tal-oqsma.

33

Il-Gvern Ġermaniż iżid li, f’kull każ, anki att amministrattiv adottat minn awtorità pubblika Ġermaniża jista’ jiġi kkuntestat quddiem qorti mid-destinatarju tal-għajnuna. Għalhekk, xi dewmien huwa dejjem possibbli. Tali sitwazzjoni hija s-sempliċi konsegwenza tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-adozzjoni ta’ att amministrattiv effettivament tippermetti rkupru iktar rapidu tal-għajnuna kkontestata mit-tressiq ta’ kawża ċivili.

34

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni lanqas ma jistgħu, fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, jitqiesu li jikkostitwixxu bażijiet legali li jippermettulha tadotta att amministrattiv. Fil-fatt, id-deċiżjoni inkwistjoni hija indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma tippreċiża l-metodi skont liema l-proċess nazzjonali ta’ rkupru tal-għajnuna kkunsidrat għandu jseħħ. Barra minn hekk, lanqas l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 ma fih elementi relattivi għall-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna. Kemm din id-dispożizzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bħal dik inkwistjoni jillimitaw ruħhom biex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u jirreferu, għall-bqija, għad-dritt proċedurali nazzjonali. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex eżawrjenti biżżejjed biex joħloq effett dirett fir-rigward tal-individwi u jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, preliminarjament, tadotta deċiżjoni vinkolanti intiża għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

35

Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li t-terminu ffissat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni bħal dik inkwistjoni għandu jiġi interpretat bħala terminu li fih għandha tittieħed azzjoni u mhux bħala terminu ta’ eżekuzzjoni. F’dan it-terminu, l-Istat Membru kkonċernat huwa biss marbut li jintroduċi u li jimplementa l-miżuri kollha neċessarji biex jippermetti l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u biex jerġa’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirreferi għall-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, TBG ħadet il-miżuri kollha neċessarji biex timplementa d-deċiżjoni inkwistjoni qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti minnha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm fl-argumentazzjonijiet tagħhom il-partijiet jirreferu għal sitwazzjonijiet u għal fatti preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonċerna n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li lilha wkoll ser tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. Din ma għandhiex titlob l-irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

38

L-irkupru għandu jsir, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, mingħajr dewmien u b’mod konformi mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn tal-aħħar ikunu jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, b’mod konformi mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament, jieħdu l-miżuri kollha previsti mis-sistemi legali rispettivi tagħhom, inklużi l-miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni.

39

Għalkemm il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu tirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività (sentenza Scott u Kimberly Clark, C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 20), minnha jirriżulta wkoll li l-applikazzjoni, għal dan il-għan ta’ rkupru, tal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat għandha ssir b’mod konformi mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dan tal-aħħar fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward u fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għal proċedura ekwa, inklużi d-drittijiet tad-difiża. Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-irkupru ta’ għajnuna illegali min-naħa ta’ awtorità nazzjonali kompetenti mingħand il-benefiċjarju jsir biss fuq abbażi tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni.

40

L-Istat Membru kkonċernat huwa liberu li jagħżel il-metodi li bihom jeżegwixxi l-obbligu tiegħu ta’ rkupru ta’ għajnuna meqjusa inkompatibbli mas-suq intern, sakemm il-miżuri magħżula ma jipprekludux il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Scott u Kimberly Clark, EU:C:2010:294, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dak li jikkonċerna l-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta’ rkupru ta’ tali għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-libertà hija limitata għaliex dawn il-metodi ma jistgħux iwasslu biex ikun prattikament impossibbli l-irkupru meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, liema kundizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑243/10, EU:C:2012:182, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu adatti biex jerġgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni li ġew distorti bl-għoti tal-għajnuna illegali li ġie ordnat l-irkupru tagħha permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza Scott u Kimberly Clark, EU:C:2010:294, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, il-kwistjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat, bl-għażla ta’ dawn il-metodi, issodisfax l-obbligi tiegħu ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern fir-rigward tar-rekwiżit ta’ effettività għandha tiġi evalwata każ b’każ, skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.

44

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi lmentat talli l-konvenuta għażlet id-dritt ċivili tagħha u talli bdiet proċedura quddiem il-qrati ordinarji sabiex tirkupra l-għajnuna kkontestata. Fil-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jeżisti ebda element li jista’ jeskludi a priori l-użu ta’ dan id-dritt u ta’ dawn il-qrati, bla ħsara, madankollu, taċ-ċirkustanzi konkreti tal-applikazzjoni tad-dritt imsemmi mill-konvenuta u tad-diliġenza ta’ din tal-aħħar fl-irkupru effettiv tal-għajnuna kkontestata.

45

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, ta’ titolu eżekuttiv maħruġ għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u l-eventwali annullament ta’ tali titolu għandhom jitqiesu bħala s-sempliċi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scott u Kimberly Clark, EU:C:2010:294, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-konvenuta qatt ma kkontestat l-obbligu tagħha li tirkupra l-għajnuna kkontestata u li, barra minn hekk, hija tat bidu għal proċeduri konkreti intiżi għal dan l-irkupru.

47

Madankollu, huwa stabbilit li, la fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni u lanqas fid-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna kkontestata ma kinitx irkuprata, peress li din kienet għadha ma ħarġitx mill-patrimonju tal-impriża benefiċjarja.

48

F’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni eventwali ta’ dan id-dewmien kunsiderevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 94/87, EU:C:1989:46, punt 8, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-impossibbiltà assoluta tista’ tkun ukoll ta’ natura legali meta din tkun tirriżulta mid-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali sakemm dawn id-deċiżjonijiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

50

F’dan ir-rigward, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet segwenti f’dak li jikkonċerna lil din il-kawża.

51

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna, dan għandu jġib dawn il-problemi għall-attenzjoni ta’ din tal-aħħar billi jitlob b’mod motivat l-estensjoni tat-terminu mogħti u billi jipproponi emendi xierqa għal din id-deċiżjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni dettaljata. F’tali każ, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, obbligi reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali bil-għan li jegħlbu dawn id-diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, EU:C:1989:46, punt 9; Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2012:182, punti 41 u 42, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑263/12, EU:C:2013:673, punt 32).

52

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-konvenuta ma adottatx il-proċeduri neċessarji fis-sens indikat minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jistgħu jwasslu biex il-Kummissjoni tikkoopera magħha bil-għan li jiġu megħluba diffikultajiet li eventwalment instabu fl-applikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u biex tipparteċipa fit-tfittxija ta’ soluzzjoni xierqa. B’mod partikolari, il-konvenuta ma ppreżentatx għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni problemi marbuta mal-irkupru tal-għajnuna kkontestata fit-terminu mogħti u lanqas ma talbet lill-Kummissjoni li dan it-terminu jiġi estiż.

53

Fit-tieni lok, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna kkontestata sal-preżentata tar-rikors mill-Kummissjoni, u lanqas sas-seduta għas-sottomissjonijiet li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuta tosserva, minn naħa, li kienet TBG, bħala entità pubblika li tat din l-għajnuna, li kellha tibda l-proċeduri neċessarji għall-irkupru tal-għajnuna msemmija u, min-naħa l-oħra, li, b’mod konformi mas-sistema legali Ġermaniża, għajnuna mogħtija abbażi ta’ regoli tal-liġi ċivili tista’ tiġi rkuprata biss skont il-proċeduri ta’ din il-liġi.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-debitur tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna kkontestata ma kinitx biss TBG, iżda l-awtoritajiet pubbliċi kollha ta’ dan l-Istat Membru, kull waħda fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

55

F’dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni relattiv għas-sistema legali Ġermaniża, għandu jiġi osservat li l-konvenuta ma argumentatx li l-proċedura adottata kienet l-unika waħda possibbli biex tiġi rkuprata l-għajnuna kkontestata, u li ma kinux jeżistu mezzi oħra li jippermettu rkupru fit-terminu mogħti fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-każ li jirriżulta li r-regoli tal-liġi ċivili ma jippermettux li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-għajnuna kkontestata, jista’ jkun neċessarju, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ikkunsidrat, li regola nazzjonali ma tiġix applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, C‑232/05, EU:C:2006:651, punt 53) u li jintużaw mezzi oħra, liema miżuri ma jistgħux jiġu esklużi għal raġunijiet relatati mas-sistema legali nazzjonali.

56

Fl-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 4(3) TUE joħloq ukoll għall-qrati nazzjonali obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni u mal-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha dawn għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari xierqa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u għandhom iżommu lura milli jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaset, EU:C:2014:71, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għandu jiġi rrilevat ukoll, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-rekwiżiti ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65) u Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (C‑465/93, EU:C:1995:369) japplikaw ukoll għall-kawżi intiżi biex tinkiseb, fuq il-livell nazzjonali, is-sospensjoni tal-proċedura intiża għall-irkupru ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha.

58

F’dan il-każ, ir-rekwiżiti ffissati minn din il-ġurisprudenza ma ġewx osservati, hekk kif jixhed il-fatt li l-Bundesgerichtshof annullat, fit-13 ta’ Settembru 2012, l-aħħar deċiżjonijiet ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ rkupru adottati mil-Landgericht Mühlhausen u mit-Thüringer Oberlandesgericht billi kkunsidrat li dawn il-qrati ma kinux evalwaw korrettement il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dewmien li jikkonċerna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma huwiex ġustifikat. il-konvenuta ma pprovatx li hija kienet tinsab fl-impossibbiltà legali assoluta li timplementa miżuri xierqa biex tagħti effett sħiħ lil din id-deċiżjoni.

60

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 288 TFUE, li fuqu l-Kummissjoni tibbaża wkoll ir-rikors tagħha, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, filwaqt li l-għajnuna mill-Istat hija rregolata b’mod speċifiku mill-Artikolu 108 TFUE u mir-Regolament Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, ma għandux jiġi kkonstatat ukoll nuqqas abbażi tal-Artikolu 288 TFUE. L-istess konstatazzjoni tapplika f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mill-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

61

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju tagħha l-għajnuna kkontestata kkunsidrata mid-deċiżjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 108(2) TFUE u 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll skont l-Artikoli 1 sa 3 ta’ din id-deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju tagħha l-għajnuna mill-Istat ikkunsidrata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/471/UE, tal-14 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/05 (ex NN 52/04) tal-Ġermanja favur il-grupp Biria, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 108(2) TFUE u 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], kif ukoll skont l-Artikoli 1 sa 3 ta’ din id-deċiżjoni.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.