Kawża C‑474/12

Schiebel Aircraft GmbH

vs

Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-ħaddiema — Nondiskriminazzjoni — Artikolu 346(1)(b) TFUE — Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li r-rappreżentanti legali ta’ kumpannija li teżerċita l-kummerċ ta’ armi, ta’ munizzjoni u ta’ materjal tal-gwerra f’dan l-Istat għandu jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat imsemmi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Relazzjoni bejn l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE

    (Artikoli 18 TFUE, 45(2) TFUE u 49 TFUE)

  2. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Possibbiltà għal persuna li timpjega li tinvoka r-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament

    (Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE)

  3. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Article 49 TFUE – Skop

    (Artikolu 49 TFUE)

  4. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Kummerċ ta’ armamenti u ta’ munizzjoni militari u intermedjar fix-xiri u fil-bejgħ tagħhom – Kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-membri tal-organi ta’ rappreżentazzjoni legali jew għas-soċju direttur ta’ kumpannija – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikoli 45 TFUE, 49 TFUE u 346(1)(b) TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 20, 21)

  2.  Ir-regola tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE, tista’ tiġi invokata wkoll minn persuna li timpjega bil-għan li timpjega, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, lil ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor.

    Din il-kunsiderazzjoni, relattiva għal sitwazzjoni fejn kumpannija stabbilita fi Stat Membru kienet prekluża minn dispożizzjoni nazzjonali milli teżerċita attività hemmhekk minħabba li l-amministratur impjegat tagħha ma kienx residenti f’dan l-Istat Membru, japplika wkoll, b’analoġija, meta l-kundizzjoni inkwistjoni tikkonċerna lil amministratur li jopera b’mod indipendenti.

    Fil-fatt, ir-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu faċilment ostakolati kieku kien suffiċjenti għall-Istati Membri, biex jaħarbu mill-projbizzjonijiet stabbiliti minnhom, li jimponu fuq il-persuni li jimpjegaw, għall-finijiet tal-impjieg ta’ ħaddiem, kundizzjonijiet li dan għandu josserva u li, jekk dawn jiġu direttament imposti fuqu, ikunu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu li dan jista’ jinvoka abbażi tal-Artikolu 45 TFUE. Issa, tali konstatazzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn persuna li timpjega tkun tixtieq timpjega mhux lil impjegat, iżda lil ħaddiem li jopera b’mod indipendenti, li s-sitwazzjoni tiegħu tidħol fil-kamp tal-Artikolu 49 TFUE.

    (ara l-punti 25, 26)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 27)

  4.  L-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-kumpanniji li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet fil-qasam tal-kummerċ ta’ armi u ta’ munizzjoni militari u f’dak tal-intermedjar fix-xiri u fil-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar, li l-membri tal-korpi ta’ rappreżentanza legali tagħhom jew is-soċju direttur tagħhom ikollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru.

    Fil-fatt din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament abbażi tan-nazzjonalità pprojbita, fil-prinċipju, kemm mill-Artikolu 49 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 45(2) TFUE.

    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE bil-għan li jiġġustifika tali leġiżlazzjoni jistax jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga stabbilita f’din id-dispożizzjoni bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

    F’dan ir-rigward, minn naħa, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 346 TFUE għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu jsemmi miżuri li l-Istat Membru jista’ jqis bħala meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, madankollu dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat permezz tas-sempliċi invokazzjoni tal-imsemmija interessi. Fil-fatt, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga stabbilita minn din id-dispożizzjoni bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

    Anki jekk jitqies li huwa pprovat l-għan intiż biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-persuni awtorizzati biex jeżerċitaw attivitajiet fil-qasam tal-kummerċ ta’ armi u ta’ munizzjoni militari u f’dak tal-intermedjar fix-xiri u fil-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar, l-għan ta’ sigurtà tal-ksib ta’ materjal għad-difiża u l-għan intiż biex jiġi prekluż it-tixrid ta’ informazzjoni strateġika jikkostitwixxu interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, xorta jkun hemm bżonn li l-kundizzjoni tan-nazzjonalità, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li jkun xieraq u neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex.

    (ara l-punti 29, 33-35, 37, 39 u d-dispożittiv)