Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C‑472/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Panasonic Italia SpA,

Panasonic Marketing Europe GmbH ,

Scerni Logistics Srl

vs

Agenzia delle Dogane di Milano,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, A. Rosas u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Panasonic Italia SpA, Panasonic Marketing Europe GmbH u Scerni Logistics Srl, minn P.  Vander Schueren, avukat, kif ukoll minn G. Cambareri u L. Pierallini, avukati,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u D. Recchia kif ukoll minn B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Motivi tas-sentenza

Sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha li suċċessivament jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Panasonic Italia SpA, Panasonic Marketing Europe GmbH u Scerni Logistics Srl u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia delle Dogane di Milano (aġenzija doganali ta’ Milano, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ skrins tal-plażma fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-merkanzija

3. Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Dognali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), twaqqaf bil-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4. Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. Kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u li ma temendax il-portata tagħhom.

5. L-ODD tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-pariri dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

6. Fil-verżjoni tagħhom adottati matul is-sena 2002, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471 ġew redatti kif ġej:

“I. Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u unitajiet tagħhom;

[...]

D. Unitajiet ippreżentati waħedhom

[...]

Titqies li tifforma parti mis-sistema sħiħa għall-ipproċessar tal-informazzjoni kull unità li teżerċita funzjoni ta’ pproċessar tal-informazzjoni u li simultanjament tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

a) hija ta’ tip użata esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar tal-informazzjoni;

b) tista’ titqabbad mal-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità oħra jew iktar, u

c) tista’ tirċievi jew tipprovdi data f’forma - kodiċijiet jew sinjali - li tista’ tintuża mis-sistema.

Fil-każ li l-unità teżerċita funzjoni oħra li ma hijiex l-ipproċessar tal-informazzjoni, din għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura korrispondenti għall-funzjoni tagħha jew fin-nuqqas ta’ dan, f’intestatura residwa (ara n-nota 5 E tal-Kapitolu).

[...]

Fost l-unitajiet kostitwenti msemmija, għandhom jissemmew l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni li jirrappreżentaw b’mod grafiku d-data pproċessata. Dawn jingħarfu mill-monitors tal-video u mir-riċevituri tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 taħt diversi profili, u, b’mod partikolari l-punti segwenti:

1) L-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni jistgħu jirċievu sinjal li jirriżulta biss minn unità ċentrali għall-ipproċessar tal-informazzjoni u ma humiex għalhekk f’pożizzjoni li jirriproduċu immaġni bil-kulur abbażi ta’ sinjal video kompost li l-frekwenzi tiegħu għandhom forma li tikkorrispondi għall-istandard de diffussio (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC jew oħrajn). Fil-fatt, dawn għandhom konnetturi tipiċi tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni (pereżempju, interface RS 232 jew konnetturi DIN jew SUB D) u ma għandhomx ċirkwit awdjo. Dawn huma ttelekomandati b’adapters speċjali (pereżempju adapters monokrom jew grafiċi) li huma integrati fl-unità ċentrali tal-magna awtomatika tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

2) Dawn l-unitajiet li juru stampa huma kkaratterizzatti minn emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa. Għandhom dot pitch li jibda minn 0.41 mm għar-riżoluzzjonijiet medji, li tonqos iktar hekk kif iżżid ir-riżoluzzjoni.

3) Sabiex ikunu rrappreżentati immaġini żgħar, iżda b’definizzjoni ċara, l-iskrins ikklassifikati taħt din l-intestatura jużaw pixel ta’ daqsijiet iżgħar u standards ta’ konverġenza ikbar meta pparagunati ma’ dawk applikabbli għall-monitors tal-video u għar-riċevituri tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 85.28 (il-konverġenza hija l-kapaċità tal-electron gun(s) li jolqot punt wieħed fuq il-wiċċ tal-iskrin katodiku mingħajr ma jolqot il-punti ta’ maġenbu.)

4) F’dawn l-unitajiet li juru stampa, il-frekwenza tal-video (bandwidth), li hija l-miżura li tiddetermina n-numru ta’ punti (dots) li jistgħu jiġu trażmessi kull sekonda sabiex tiġi fformata l-immaġini, hija ġeneralment ta’ 15 MHz jew iktar filwaqt li fil-każ tal-monitors tal-video tal-intestatura Nru 8528, il-bandwidth ma taqbiżx ġeneralment is-6 MHz. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali ta’ dawn l-unitajiet li juru stampa tvarja skont l-istandards użati għal numru ta’ forom ta’ display, ġeneralment minn 15 kHz sa iktar minn 155 kHz. Bosta tipi ta’ unitajiet li juru stampa jistgħu jużaw frekwenzi multipli ta’ scanning orizzontali. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali tal-monitors tal-video tal-intestatura 8528 hija fissa, ġeneralment 15.6 jew 15.7 kHz, skont l-istandard televiżiv użat. Barra minn hekk, l-unitajiet li juru stampa tal-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni ma jaħdmux skont l-istandards ta’ frekwenza internazzjonali jew nazzjonali adottati fil-qasam tax-xandir pubbliku jew skont l-istandards ta’ frekwenza adottati għat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq.

5) L-unitajiet li juru stampa ta’ din l-intestatura jinkludu fin-numru kbir tad-drabi mekkaniżmi li jippermettu li jiġu rregolati l-inklinazzjoni u l-impernjar, tal-iskrins bla riflessjoni (anti-reflexive), mingħajr ċaqliq jew karatteristiċi ergonomiċi oħra intiżi sabiex jippermettu lill-operatur li jaħdem bla ma jgħajja matul perijodi twal viċin l-unità.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7. Fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2002, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8528 kienu redatti kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi apparat ta’ riċezzjoni tat-televiżjoni (inkluż video monitors u video projectors) anki jekk jinkorpora fih apparat ta’ riċezzjoni tax-xandir bir-radju jew apparat għall-irrekordjar jew għar-riproduzzjoni tal-ħoss jew tal-immaġni.

Fost l-apparat ta’ din l-intestatura, wieħed jista’ jikkwota:

1) Ir-riċevituri tat-televiżjoni tat-tipi użati fid-djar (riċevituri fuq mejda, consoles eċċ), inklużi t-televiżjonijiet li joperaw meta tiddaħħal munita fihom. Huma inklużi wkoll hawn ir-riċevituri bi skrin magħmul minn kristalli likwidi jew skrin tal-plażma.

[...]

Huma esklużi minn din l-intestatura:

a) L-unitajiet li juru stampa ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, anki ppreżentati waħedhom (Nru 8471).

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

8. In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-SA, li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt ċifri, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw suddiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

9. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirripproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazju doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena segwenti.

10. Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li huma mifruxa mis-sena 2001 sas-sena 2004, huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 2388/2000, 2031/2001, 1832/2002 u 1789/2003. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tan-NM, li huma msemmija iktar ’il quddiem, huma redatti b’mod identiku f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet.

11. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, tagħha jipprovdu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

[...]

2. a) Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[...]”

12. It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, bit-titolu “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom, strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

13. In-noti 3 u 5 tat-Taqsima XVI tan-NM huma redatti kif ġej:

“3. Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.

[...]

5. Għall-għanijiet ta’ dawn in-noti, l-espressjoni ‘magna’ tfisser kull magna, makkinarju, impjant, tagħmir, apparat jew għodda imsemmijin fl-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85.”

14. It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi l-Kapitolu 84 bit-titolu “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; partijiet tagħhom”.

15. In-nota 5 ta’ dan il-Kapitolu 84 huwa redatt kif ġej:

“B Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kondizzjonijiet kollha:

a) hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;

b) tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar;

u

c) tista’ tilqa’ jew twassal data f’forma (kowds jew sinjali) li tista’ tintuża mis-sistema.

C. Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471.

[...]

E. Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa.”

16. In-nota 7 tal-Kapitolu 84 tan-NM hija redatta kif ġej:

“Suġġett għal nota 2 għal dan il-kapitlu u nota 3 għal Taqsima XVI, magna li l-iskop prinċipali tagħha mhuwiex deskritt f’ebda titlu jew li għaliha ebda skop ma huwa l-iskop prinċipali għandha, sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, tkun kklassifikata f’titlu 8479.

[...]”

17. L-intestatura 8471 tan-NM hija redatta kif ġej:

“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kkodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

[...]

8471 60 – Unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ, li fihom jew le unitajiet ta’ ħażna fl-istess għata:

8471 60 10 – – intiżi għal ajruplani ċivili

– – Oħrajn:

8471 60 40 – – – Printers

8471 60 50 – – – Tastieri

8471-60-90 – – – Oħrajn

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18. It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi wkoll Kapitolu 85, bit-titolu “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproċuduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproċuduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ oġġetti”.

19. L-intestatura 8528 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“8528 Tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni, sew jekk jinkorpora riċevituri għal xandir bir-radju jew tagħmir għal reġistrazzjoni jew riproduzzjoni tal-ħoss jew ta’ l-immaġni; video monitors u video projjeturi:

[...]

– Monitur vidjo:

8528 21 – – kulur:

[...]

8528 21 90 – – – oħrajn

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament (KE) Nru 754/2004

20. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004, tal-21 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 16, p. 93), li daħal fis-seħħ wara l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreċiża l-klassifikazzjoni fi ħdan in-NM ta’ ċerti skrins tal-plażma, bil-kulur, bi skrin djagonali ta’ 106 cm, li jkollu l-karatteristiċi deskritti fl-anness tal-imsemmi regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21. Matul is-snin 2001 sa 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali importaw fl-Italja, minn pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea, skrins tal-plażma li l-karatteristiċi tagħhom huma deskritti mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

– dawn l-iskrins huma monitors tal-kulur b’dimensjoni djagonali ta’ 106.6 cm.

– fl-istat tagħhom meta dawn jiġu importati, l-imsemmija skrins jistgħu biss jirriproduċu data li tkun ġejja minn magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni;

– madankollu, meta tiddaħħal video card fl-ispazju previst għal dan il-għan, l-istess skrins ikunu jistgħu jxandru sinjali komposti video AV, u għalhekk jistgħu jiġu konnessi ma’ apparati ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni tal-ħoss u tal-immaġni, DVD reader, camcorders jew riċevituri tat-televiżjoni bis-satellita;

– l-iskrins ikkonċernati ma jkollhomx video card meta jiġu importati, iżda tali video card tista’ tinxtara separatament għal prezz baxx ħafna u tista’ tiddaħħal b’faċilità fl-ispazju previst għal dan il-għan;

– meta jiġu importati, dawn l-iskrins ikollhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-iskrin jintuża biex jirċievi sinjali komposti video AV, wara li tiddaħħal video card;

– il-ktieb dwar l-użu tal-imsemmija skrins isemmi espliċitament il-funzjonalitajiet awdjoviżivi tal-prodott u l-possibbiltà li tiddaħħal video card sabiex ikunu jista’ jiġu riċevuti sinjali televiżivi.

22. Għall-finijiet tad-dikjarazzjoni doganali tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kklassifikaw l-iskrins importati taħt l-intestatura 8471 60 90 tan-NM, bħala skrins esklużivament iddestinati għat-trażmissjoni ta’ immaġni provenjenti minn komputer, u l-konsegwenza ta’ dan hija eżenzjoni mid-dazji doganali u l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud bir-rata ta’ 20 %.

23. L-Aġenzija madankollu tqis li dawn l-iskrins għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8528 tan-NM, li tikkonċerna fost l-oħrajn l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors, u l-konsegwenza ta’ dan hija l-applikazzjoni ta’ dazji dognali bir-rata ta’ 14 %.

24. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjonijiet quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (kummissjoni fiskali tal-provinċja ta’ Milano), li ċaħdet l-imsemmija azzjonijiet minħabba l-fatt li l-possibbiltà li l-imsemmija skrins ikunu jistgħu jirċievu sinjali komposti video permezz tas-sempliċi dħul ta’ video card teskludi l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8471 tan-NM, sa fejn din tneħħi r-rekwiżit li jipprevedi li l-istess skrins għandhom ikunu s-suġġett ta’ użu prinċipali jew predominanti f’sistema awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni.

25. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mis-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-Commissione tributaria regionale di Milano (kummissjoni fiskali tar-reġjun ta’ Milano). Hija kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-iskrins importati taħt l-intestatura tariffarja 8528 tan-NM, iżda ddeċidiet li tannulla s-sanzjonijiet amministrattivi imposti fid-dawl tal-inċertezzi oġġettivi ta’ interpretazzjoni.

26. Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll l-Aġenzija ppreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenzi mogħtija fl-appell. Fl-appell tagħhom, l-imsemmija rikorrenti żammew il-pożizzjoni tagħhom li l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM, sa fejn dawn, fid-data tal-importazzjoni, ma kellhomx video card u għalhekk setgħu biss jittrażmettu immaġni provenjenti minn kompjuter. L-Aġenzija reġgħet sostniet il-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-iskrins taħt l-intestatura 8528 tan-NM u kkontestat l-annullament, mill-qorti tal-appell, tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti.

27. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8528 tan-NM, li tirrigwarda fost l-oħrajn l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors, għar-raġunijiet segwenti. Minn naħa, ir-riċezzjoni ta’ sinjali komposti video tifforma parti mill-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn l-iskrins saħansitra qabel id-dħul ta’ video card, fid-dawl tal-ispazju espressament previst għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, l-ebda raġuni ekonomika jew teknoloġika ma tiġġustifika l-ħolqien tal-imsemmija skrins, li jsiru adatti li jirċievu sinjali komposti video biss wara l-inklużjoni ta’ video card, b’mod li l-unika spjegazzjoni possibbli hija li hemm ir-rieda li jitnissel profitt abbużiv mit-trattament doganali iktar favorevoli, previst għall-iskrins tal-kompjuter.

28. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’mod retroattiv id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 754/2004, li abbażi tagħhom l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8528 tan-NM.

29. Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Prinċipalment, skrin tal-plażma tal-kulur (ta’ daqs li jikkorrispondi ma’ djagonali ta’ 106.6 ċm, li għandu żewġ loudspeakers u remote control u li għandu dispożittiv ta’ aċċess diġà previst sabiex tiddaħħal video card (ta’ spiża żgħira ħafna, li tista’ faċilment tinkiseb u tiddaħħal), li ma huwiex importat mal-iskrin u li, ladarba jiddaħħal, l-iskrin, li jista’ jiġi konness mhux biss ma’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni, iżda wkoll ma’ apparat ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofoniċi, ma’ DVD readers, ma’ camcorders u ma’ riċevituri tat-televizjoni bis-satellita, ikun jista’ jirċievi sinjali komposti AV, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8471 jew fis-subintestatura 8528, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 754/2004 ?

2) F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, [...] il-klassifikazzjoni ta’ tali skrin fis-subintestatura 8528 [tan-NM hija] imposta mir-Regolament [Nru 754/2004] u f’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, [...] id-dispożizzjonijiet [rilevanti tal-imsemmi] regolament [huma] interpretattivi u, minħabba dan il-fatt, retroattivi bil-kundizzjoni tal-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet preċedenti espressi f’sens kuntrarju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-iskrins fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-NM jew fl-intestatura 8528 tan-NM.

31. Għandu jiġi rrilevat li kliem l-intestatura 8471 tan-NM jirrigwarda, b’mod partikolari, il-magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom, filwaqt li l-formulazzjoni tal-intestatura 8528 tan-NM tikkonċerna, b’mod partikolari, l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors. Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM l-unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ li ma humiex printers u tastieri li jistgħu jinkludu, fl-istess grupp, unitajiet ta’ memorja, filwaqt li s-subintestatura 8528 21 90 tirrigwarda video monitors tal-kulur (sentenza Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 33).

32. Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tkun tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenzi Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26; Digitalnet et , C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61, kif ukoll X, C‑380/12, EU:C:2014:21, punt 34).

33. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi bil-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmulha lilha (sentenza X, EU:C:2014:21, punt 35).

34. Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiddetermina jekk l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-NM jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-intestatura 8528 tan-NM.

35. Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-isħarriġ, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi RUMA, C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 27, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punt 34).

36. Il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji fin-NM għandu jiġi mfittex fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif ippreżentati fid-dawl tal-iżdoganar tagħhom. Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi għandhom jiġu vverifikati waqt l-iżdoganar (sentenzi Foods Import, C‑38/95, EU:C:1996:488, punt 17, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, EU:C:2007:553, punt 36).

37. F’dan ir-rigward, mill-karatteristiċi oġġettivi elenkati fil-punti 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-mument tal-importazzjoni tagħhom, l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu biss jirriproduċu data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoin, iżda li, wara d-dħul, fl-ispazju previst għal dan il-għan, ta’ video card mibjugħa separatament u għal prezz baxx ħafna, dawn l-iskrins ikunu jistgħu jirriproduċu sinjali komposti video wkoll.

38. Minn dawn il-karatteristiċi oġġettivi jirriżulta wkoll li dawn l-iskrins għandhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-imsemmija skrins jintużaw biex jirċievu s-sinjali komposti video, u li l-ktieb dwar l-użu jsemmi espliċitament il-funzjonalitajiet awdjoviżivi tal-prodott u l-possibbiltà li tiddaħħal video card sabiex ikunu jistgħu jiġu riċevuti sinjali televiżivi.

39. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha (ara s-sentenzi RUMA, EU:C:2007:110, punt 36 u X, EU:C:2014:21, punt 39).

40. Skont din il-ġurisprudenza, hemm lok, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni doganali tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, iddefinit fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom. Fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi li ġew deskritti mill-qorti tar-rinviju, l-għan inerenti tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tiġi rriprodotta, minn naħa, id-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-sinjali komposti video.

41. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-prodottur tal-imsemmija skrins espressament ħoloqhom b’mod li jkunu jistgħu jirriproduċu sinjali komposti video, billi ġew inkorporati fihom l-elementi li jippermettu r-riproduzzjoni ta’ tali sinjali wara li tiddaħħal video card, li prezzha huwa baxx ħafna, fl-ispazju previst għal dan il-għan, billi ġew inklużi żewġ loudspeakers u remote control li jistgħu biss jintużaw jekk l-imsemmija skrins jintużaw biex jirċievu sinjali komposti video, u billi din il-funzjoni hija msemmija fil-ktieb dwar l-użu.

42. F’dan is-sens, il-fatti tal-kawża preżenti għandhom jiġu distinti minn dawk li taw lok għas-sentenza Medion u Canon Deutschland (EU:C:2007:553), li kienet tikkonċerna camcorders li jsiru adatti, wara manipulazzjoni, biex jirreġistraw immaġni u ħsejjes provenjenti mis-sorsi vidjofoniċi esterni, minbarra dawk provenjenti mill-kamera u mill-mikrofonu integrati. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmija camcorders ma nħolqux espressament biex jissodisfaw din il-funzjoni, peress li dawn tal-aħħar isiru adatti biss wara manipulazzjoni relattivament kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medion u Canon Deutschland, EU:C:2007:553, punti 40 u 42).

43. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, tad-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, mis-sinjali komposti video.

44. Għad hemm il-bżonn li jiġi ddeterminat il-metodu li għandu jiġi segwit għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali skrins, li għandhom il-kapaċità li jirriproduċu, minn naħa, id-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-sinjali komposti video.

45. Issa, fis-sentenza Kamino International Logistics (EU:C:2009:105), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kriterji li għandhom jiġu implementati sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali skrins, li jistgħu jirriproduċu kemm data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni kif ukoll sinjali komposti video.

46. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li tipprevedi li n-noti li jippreċedu l-kapitoli tan-NM, barra minn hekk, bħan-noti ta’ spjega tan-nomenkatura tal-ODD, jikkostitiwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi Siemens Nixdorf, C‑11/93, EU:C:1994:206, punt 12, kif ukoll Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 32).

47. F’din il-kawża, in-nota 5B(a) sa (ċ) tal-Kapitolu 84 tan-NM tistabbilixxi li l-iskrins bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 8471 tan-NM bħala unitajiet ta’ magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni meta jissodisfaw simultanjament tliet kundizzjonijiet, jiġifieri jkunu tat-tip użat esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, ikunu konnessi mal-unità ċentrali tal-ipproċessar, u jkunu jistgħu jirċievu jew jipprovdu data taħt forma użata mis-sistema (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 41).

48. L-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li, fil-kawża prinċipali, it-tieni u t-tielet kundizzjonijiet, hawn fuq ipprovduti, ma humiex issodisfatti.

49. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni mfakkra iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi possibbiltà li jiġu rriprodotti immaġni provenjenti minn sorsi li ma jinkludux magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni ma tistax teskludi l-klassifikazzjoni ta’ skrin fl-intestatura 8471 tan-NM, fid-dawl tal-kliem tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, li jirreferi għall-unitajiet użati “esklużivament jew prinċipalment” f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punti 43 sa 45).

50. Fir-rigward il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-iskrins bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tat-tip bħal dawk użati “prinċipalment” f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li għandhom jintużaw in-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari l-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 59).

51. Mill-imsemmija punti jirriżulta li l-monitors użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni jistgħu jiġu identifikati, barra mill-fatt li huma mgħammra b’tip ta’ sokit adegwat għall-konnessjoni ma’ sistemi li jipproċessaw id-data, minn karattertistiċi tekniċi oħra, b’mod partikolari mill-fatt li dawn ġew maħsuba għal xogħol mill-viċin, li ma għandhomx il-possibbiltà li jirriproduċu sinjali ta’ televiżjoni, li għandhom emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa, li l-pitch tal-iskrin tagħhom jibda minn 0.41 għal riżoluzzjoni medja u tonqos meta r-riżoluzzjoni tiżdied, li l-bandwidth tagħhom hija ta’ 15 MHz jew iktar kif ukoll mill-fatt li d-dimensjoni tal-pixels fuq l-iskrin hija iżgħar minn dik tal-video monitors tal-intestatura 8528 tan-NM, filwaqt li l-konverġenza tal-ewwel hija iktar b’saħħitha minn dik ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 60).

52. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li ċerti karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jidhru li jindikaw li ma humiex intiżi biex jintużaw prinċipalment għar-riproduzzjoni ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-dimsenjonijiet sinjifikattivi tagħhom għandhom djagonali ta’ 106.6 cm, li d-dot pitch tagħhom hija bil-bosta iktar minn 0.41 u li għandhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-iskrin jintuża biex jirċievi sinjali komposti video.

53. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni, jekk l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex monitors użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u jekk għandhomx, konsegwentement, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM.

54. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja fi ħdan in-NM tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ sinjali komposti video. Tali skrins għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 60 tan-NM jekk jintużaw esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, fis-sens tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, jew taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM jekk dan ma huwiex il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

55. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament Nru 754/2004 għandux japplika b’mod retroattiv.

56. Ir-Regolament Nru 754/2004 jimponi l-klassifikazzjoni, taħt l-intestatura 8528 21 90 tan-NM, ta’ skrins tal-plażma bil-kulur, b’tul djagonali ta’ 106 cm u li jkollhom il-karatteristiċi deskritti fl-anness ta’ dan ir-regolament. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew f’data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 754/2004.

57. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regolament jiġi applikat b’mod retroattiv, u dan irrispettivament mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata, ħlief meta jkun hemm indikazzjoni suffiċjentement ċara jew fi kliem l-imsemmi regolament, jew fl-għanijiet tiegħu, li jippermettu li jiġi konkluż li dan ir-regolament ma japplikax biss għall-ġejjieni (sentenza Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, l-ebda element li jinsab fil-preamboli tar-Regolament Nru 754/2004, fil-kliem tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew fl-anness tiegħu ma jissuġġerixxi li dan ir-regolament għandu jiġi applikat b’mod retroattiv.

58. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li regolament li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni f’intestatura jew f’subintestatura tariffarja tan-NM ma jistax jipproduċi effetti retroattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Siemers, 30/71, EU:C:1971:111, punt 8; Gervais-Danone, 77/71, EU:C:1971:129, punt 8, u Biegi, 158/78, EU:C:1979:87, punt 11).

59. Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda hija li r-Regolament Nru 754/2004 ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv.

Fuq l-ispejjeż

60. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja fi ħdan in-Nomenklatura Maqgħuda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha li suċċessivament jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ sinjali komposti video. Tali skrins għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 60 tan-NM jekk jintużaw esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, fis-sens tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, jew taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM jekk dan ma huwiex il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni

2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004, tal-21 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv.


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8471 u 8528 — Skrins tal-plażma — Funzjonalità ta’ skrin ta’ kompjuter — Funzjonalità potenzjali ta’ skrin ta’ televiżjoni, wara li tiddaħħal video card”

Fil-Kawża C‑472/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Panasonic Italia SpA,

Panasonic Marketing Europe GmbH,

Scerni Logistics Srl

vs

Agenzia delle Dogane di Milano,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, A. Rosas u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Panasonic Italia SpA, Panasonic Marketing Europe GmbH u Scerni Logistics Srl, minn P. Vander Schueren, avukat, kif ukoll minn G. Cambareri u L. Pierallini, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u D. Recchia kif ukoll minn B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha li suċċessivament jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Panasonic Italia SpA, Panasonic Marketing Europe GmbH u Scerni Logistics Srl u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia delle Dogane di Milano (aġenzija doganali ta’ Milano, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ skrins tal-plażma fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-merkanzija

3

Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Dognali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), twaqqaf bil-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. Kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u li ma temendax il-portata tagħhom.

5

L-ODD tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-pariri dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

6

Fil-verżjoni tagħhom adottati matul is-sena 2002, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471 ġew redatti kif ġej:

“I. Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u unitajiet tagħhom;

[...]

D. Unitajiet ippreżentati waħedhom

[...]

Titqies li tifforma parti mis-sistema sħiħa għall-ipproċessar tal-informazzjoni kull unità li teżerċita funzjoni ta’ pproċessar tal-informazzjoni u li simultanjament tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

a)

hija ta’ tip użata esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar tal-informazzjoni;

b)

tista’ titqabbad mal-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità oħra jew iktar; u

c)

tista’ tirċievi jew tipprovdi data f’forma — kodiċijiet jew sinjali — li tista’ tintuża mis-sistema.

Fil-każ li l-unità teżerċita funzjoni oħra li ma hijiex l-ipproċessar tal-informazzjoni, din għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura korrispondenti għall-funzjoni tagħha jew fin-nuqqas ta’ dan, f’intestatura residwa (ara n-nota 5 E tal-Kapitolu).

[...]

Fost l-unitajiet kostitwenti msemmija, għandhom jissemmew l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni li jirrappreżentaw b’mod grafiku d-data pproċessata. Dawn jingħarfu mill-monitors tal-video u mir-riċevituri tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 taħt diversi profili, u, b’mod partikolari l-punti segwenti:

1)

L-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni jistgħu jirċievu sinjal li jirriżulta biss minn unità ċentrali għall-ipproċessar tal-informazzjoni u ma humiex għalhekk f’pożizzjoni li jirriproduċu immaġni bil-kulur abbażi ta’ sinjal video kompost li l-frekwenzi tiegħu għandhom forma li tikkorrispondi għall-istandard de diffussio (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC jew oħrajn). Fil-fatt, dawn għandhom konnetturi tipiċi tas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni (pereżempju, interface RS 232 jew konnetturi DIN jew SUB D) u ma għandhomx ċirkwit awdjo. Dawn huma ttelekomandati b’adapters speċjali (pereżempju adapters monokrom jew grafiċi) li huma integrati fl-unità ċentrali tal-magna awtomatika tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

2)

Dawn l-unitajiet li juru stampa huma kkaratterizzatti minn emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa. Għandhom dot pitch li jibda minn 0.41 mm għar-riżoluzzjonijiet medji, li tonqos iktar hekk kif iżżid ir-riżoluzzjoni.

3)

Sabiex ikunu rrappreżentati immaġini żgħar, iżda b’definizzjoni ċara, l-iskrins ikklassifikati taħt din l-intestatura jużaw pixel ta’ daqsijiet iżgħar u standards ta’ konverġenza ikbar meta pparagunati ma’ dawk applikabbli għall-monitors tal-video u għar-riċevituri tat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 85.28 (il-konverġenza hija l-kapaċità tal-electron gun(s) li jolqot punt wieħed fuq il-wiċċ tal-iskrin katodiku mingħajr ma jolqot il-punti ta’ maġenbu).

4)

F’dawn l-unitajiet li juru stampa, il-frekwenza tal-video (bandwidth), li hija l-miżura li tiddetermina n-numru ta’ punti (dots) li jistgħu jiġu trażmessi kull sekonda sabiex tiġi fformata l-immaġini, hija ġeneralment ta’ 15 MHz jew iktar filwaqt li fil-każ tal-monitors tal-video tal-intestatura Nru 8528, il-bandwidth ma taqbiżx ġeneralment is-6 MHz. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali ta’ dawn l-unitajiet li juru stampa tvarja skont l-istandards użati għal numru ta’ forom ta’ display, ġeneralment minn 15 kHz sa iktar minn 155 kHz. Bosta tipi ta’ unitajiet li juru stampa jistgħu jużaw frekwenzi multipli ta’ scanning orizzontali. Il-frekwenza ta’ scanning orizzontali tal-monitors tal-video tal-intestatura 8528 hija fissa, ġeneralment 15.6 jew 15.7 kHz, skont l-istandard televiżiv użat. Barra minn hekk, l-unitajiet li juru stampa tal-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni ma jaħdmux skont l-istandards ta’ frekwenza internazzjonali jew nazzjonali adottati fil-qasam tax-xandir pubbliku jew skont l-istandards ta’ frekwenza adottati għat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq.

5)

L-unitajiet li juru stampa ta’ din l-intestatura jinkludu fin-numru kbir tad-drabi mekkaniżmi li jippermettu li jiġu rregolati l-inklinazzjoni u l-impernjar, tal-iskrins bla riflessjoni (anti-reflexive), mingħajr ċaqliq jew karatteristiċi ergonomiċi oħra intiżi sabiex jippermettu lill-operatur li jaħdem bla ma jgħajja matul perijodi twal viċin l-unità.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2002, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8528 kienu redatti kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi apparat ta’ riċezzjoni tat-televiżjoni (inkluż video monitors u video projectors) anki jekk jinkorpora fih apparat ta’ riċezzjoni tax-xandir bir-radju jew apparat għall-irrekordjar jew għar-riproduzzjoni tal-ħoss jew tal-immaġni.

Fost l-apparat ta’ din l-intestatura, wieħed jista’ jikkwota:

1)

Ir-riċevituri tat-televiżjoni tat-tipi użati fid-djar (riċevituri fuq mejda, consoles eċċ), inklużi t-televiżjonijiet li joperaw meta tiddaħħal munita fihom. Huma inklużi wkoll hawn ir-riċevituri bi skrin magħmul minn kristalli likwidi jew skrin tal-plażma.

[...]

Huma esklużi minn din l-intestatura:

a)

L-unitajiet li juru stampa ta’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, anki ppreżentati waħedhom (Nru 8471).

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

8

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-SA, li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt ċifri, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw suddiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirripproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazju doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena segwenti.

10

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li huma mifruxa mis-sena 2001 sas-sena 2004, huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 2388/2000, 2031/2001, 1832/2002 u 1789/2003. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tan-NM, li huma msemmija iktar ’il quddiem, huma redatti b’mod identiku f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet.

11

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-Ewwel Parti, Taqsima I, A, tagħha jipprovdu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

[...]

2.

a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[...]”

12

It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, bit-titolu “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom, strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

13

In-noti 3 u 5 tat-Taqsima XVI tan-NM huma redatti kif ġej:

“3.

Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.

[...]

5.

Għall-għanijiet ta’ dawn in-noti, l-espressjoni ‘magna’ tfisser kull magna, makkinarju, impjant, tagħmir, apparat jew għodda imsemmijin fl-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85.”

14

It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi l-Kapitolu 84 bit-titolu “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; partijiet tagħhom”.

15

In-nota 5 ta’ dan il-Kapitolu 84 huwa redatt kif ġej:

“B

Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kondizzjonijiet kollha:

a)

hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;

b)

tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar;

u

c)

tista’ tilqa’ jew twassal data f’forma (kowds jew sinjali) li tista’ tintuża mis-sistema.

C.

Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8471.

[...]

E.

Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa.”

16

In-nota 7 tal-Kapitolu 84 tan-NM hija redatta kif ġej:

“Suġġett għal nota 2 għal dan il-kapitlu u nota 3 għal Taqsima XVI, magna li l-iskop prinċipali tagħha mhuwiex deskritt f’ebda titlu jew li għaliha ebda skop ma huwa l-iskop prinċipali għandha, sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, tkun kklassifikata f’titlu 8479.

[...]”

17

L-intestatura 8471 tan-NM hija redatta kif ġej:

“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kkodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

[...]

8471 60 – Unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ, li fihom jew le unitajiet ta’ ħażna fl-istess għata:

8471 60 10 – – intiżi għal ajruplani ċivili

– – Oħrajn:

8471 60 40 – – – Printers

8471 60 50 – – – Tastieri

8471-60-90 – – – Oħrajn

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18

It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi wkoll Kapitolu 85, bit-titolu “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproċuduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproċuduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ oġġetti”.

19

L-intestatura 8528 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“8528 Tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni, sew jekk jinkorpora riċevituri għal xandir bir-radju jew tagħmir għal reġistrazzjoni jew riproduzzjoni tal-ħoss jew ta’ l-immaġni; video monitors u video projjeturi:

[...]

– Monitur vidjo:

8528 21 – – kulur:

[...]

8528 21 90 – – – oħrajn

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament (KE) Nru 754/2004

20

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004, tal-21 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 16, p. 93), li daħal fis-seħħ wara l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreċiża l-klassifikazzjoni fi ħdan in-NM ta’ ċerti skrins tal-plażma, bil-kulur, bi skrin djagonali ta’ 106 cm, li jkollu l-karatteristiċi deskritti fl-anness tal-imsemmi regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Matul is-snin 2001 sa 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali importaw fl-Italja, minn pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea, skrins tal-plażma li l-karatteristiċi tagħhom huma deskritti mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

dawn l-iskrins huma monitors tal-kulur b’dimensjoni djagonali ta’ 106.6 cm.

fl-istat tagħhom meta dawn jiġu importati, l-imsemmija skrins jistgħu biss jirriproduċu data li tkun ġejja minn magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni;

madankollu, meta tiddaħħal video card fl-ispazju previst għal dan il-għan, l-istess skrins ikunu jistgħu jxandru sinjali komposti video AV, u għalhekk jistgħu jiġu konnessi ma’ apparati ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni tal-ħoss u tal-immaġni, DVD reader, camcorders jew riċevituri tat-televiżjoni bis-satellita;

l-iskrins ikkonċernati ma jkollhomx video card meta jiġu importati, iżda tali video card tista’ tinxtara separatament għal prezz baxx ħafna u tista’ tiddaħħal b’faċilità fl-ispazju previst għal dan il-għan;

meta jiġu importati, dawn l-iskrins ikollhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-iskrin jintuża biex jirċievi sinjali komposti video AV, wara li tiddaħħal video card;

il-ktieb dwar l-użu tal-imsemmija skrins isemmi espliċitament il-funzjonalitajiet awdjoviżivi tal-prodott u l-possibbiltà li tiddaħħal video card sabiex ikunu jista’ jiġu riċevuti sinjali televiżivi.

22

Għall-finijiet tad-dikjarazzjoni doganali tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kklassifikaw l-iskrins importati taħt l-intestatura 8471 60 90 tan-NM, bħala skrins esklużivament iddestinati għat-trażmissjoni ta’ immaġni provenjenti minn komputer, u l-konsegwenza ta’ dan hija eżenzjoni mid-dazji doganali u l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud bir-rata ta’ 20 %.

23

L-Aġenzija madankollu tqis li dawn l-iskrins għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8528 tan-NM, li tikkonċerna fost l-oħrajn l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors, u l-konsegwenza ta’ dan hija l-applikazzjoni ta’ dazji dognali bir-rata ta’ 14 %.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjonijiet quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (kummissjoni fiskali tal-provinċja ta’ Milano), li ċaħdet l-imsemmija azzjonijiet minħabba l-fatt li l-possibbiltà li l-imsemmija skrins ikunu jistgħu jirċievu sinjali komposti video permezz tas-sempliċi dħul ta’ video card teskludi l-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8471 tan-NM, sa fejn din tneħħi r-rekwiżit li jipprevedi li l-istess skrins għandhom ikunu s-suġġett ta’ użu prinċipali jew predominanti f’sistema awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni.

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mis-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-Commissione tributaria regionale di Milano (kummissjoni fiskali tar-reġjun ta’ Milano). Hija kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-iskrins importati taħt l-intestatura tariffarja 8528 tan-NM, iżda ddeċidiet li tannulla s-sanzjonijiet amministrattivi imposti fid-dawl tal-inċertezzi oġġettivi ta’ interpretazzjoni.

26

Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll l-Aġenzija ppreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenzi mogħtija fl-appell. Fl-appell tagħhom, l-imsemmija rikorrenti żammew il-pożizzjoni tagħhom li l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM, sa fejn dawn, fid-data tal-importazzjoni, ma kellhomx video card u għalhekk setgħu biss jittrażmettu immaġni provenjenti minn kompjuter. L-Aġenzija reġgħet sostniet il-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-iskrins taħt l-intestatura 8528 tan-NM u kkontestat l-annullament, mill-qorti tal-appell, tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8528 tan-NM, li tirrigwarda fost l-oħrajn l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors, għar-raġunijiet segwenti. Minn naħa, ir-riċezzjoni ta’ sinjali komposti video tifforma parti mill-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn l-iskrins saħansitra qabel id-dħul ta’ video card, fid-dawl tal-ispazju espressament previst għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, l-ebda raġuni ekonomika jew teknoloġika ma tiġġustifika l-ħolqien tal-imsemmija skrins, li jsiru adatti li jirċievu sinjali komposti video biss wara l-inklużjoni ta’ video card, b’mod li l-unika spjegazzjoni possibbli hija li hemm ir-rieda li jitnissel profitt abbużiv mit-trattament doganali iktar favorevoli, previst għall-iskrins tal-kompjuter.

28

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’mod retroattiv id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 754/2004, li abbażi tagħhom l-iskrins importati għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8528 tan-NM.

29

Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Prinċipalment, skrin tal-plażma tal-kulur (ta’ daqs li jikkorrispondi ma’ djagonali ta’ 106.6 ċm, li għandu żewġ loudspeakers u remote control u li għandu dispożittiv ta’ aċċess diġà previst sabiex tiddaħħal video card (ta’ spiża żgħira ħafna, li tista’ faċilment tinkiseb u tiddaħħal), li ma huwiex importat mal-iskrin u li, ladarba jiddaħħal, l-iskrin, li jista’ jiġi konness mhux biss ma’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni, iżda wkoll ma’ apparat ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni vidjofoniċi, ma’ DVD readers, ma’ camcorders u ma’ riċevituri tat-televizjoni bis-satellita, ikun jista’ jirċievi sinjali komposti AV, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8471 jew fis-subintestatura 8528, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 754/2004 ?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, [...] il-klassifikazzjoni ta’ tali skrin fis-subintestatura 8528 [tan-NM hija] imposta mir-Regolament [Nru 754/2004] u f’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, [...] id-dispożizzjonijiet [rilevanti tal-imsemmi] regolament [huma] interpretattivi u, minħabba dan il-fatt, retroattivi bil-kundizzjoni tal-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet preċedenti espressi f’sens kuntrarju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-iskrins fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-NM jew fl-intestatura 8528 tan-NM.

31

Għandu jiġi rrilevat li kliem l-intestatura 8471 tan-NM jirrigwarda, b’mod partikolari, il-magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom, filwaqt li l-formulazzjoni tal-intestatura 8528 tan-NM tikkonċerna, b’mod partikolari, l-apparati riċevituri tat-televiżjoni u l-video monitors. Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM l-unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ li ma humiex printers u tastieri li jistgħu jinkludu, fl-istess grupp, unitajiet ta’ memorja, filwaqt li s-subintestatura 8528 21 90 tirrigwarda video monitors tal-kulur (sentenza Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 33).

32

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tkun tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenzi Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26; Digitalnet et, C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 61, kif ukoll X, C‑380/12, EU:C:2014:21, punt 34).

33

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi bil-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmulha lilha (sentenza X, EU:C:2014:21, punt 35).

34

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiddetermina jekk l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-NM jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-intestatura 8528 tan-NM.

35

Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-isħarriġ, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi RUMA, C‑183/06, EU:C:2007:110, punt 27, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punt 34).

36

Il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji fin-NM għandu jiġi mfittex fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif ippreżentati fid-dawl tal-iżdoganar tagħhom. Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi għandhom jiġu vverifikati waqt l-iżdoganar (sentenzi Foods Import, C‑38/95, EU:C:1996:488, punt 17, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, EU:C:2007:553, punt 36).

37

F’dan ir-rigward, mill-karatteristiċi oġġettivi elenkati fil-punti 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-mument tal-importazzjoni tagħhom, l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu biss jirriproduċu data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoin, iżda li, wara d-dħul, fl-ispazju previst għal dan il-għan, ta’ video card mibjugħa separatament u għal prezz baxx ħafna, dawn l-iskrins ikunu jistgħu jirriproduċu sinjali komposti video wkoll.

38

Minn dawn il-karatteristiċi oġġettivi jirriżulta wkoll li dawn l-iskrins għandhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-imsemmija skrins jintużaw biex jirċievu s-sinjali komposti video, u li l-ktieb dwar l-użu jsemmi espliċitament il-funzjonalitajiet awdjoviżivi tal-prodott u l-possibbiltà li tiddaħħal video card sabiex ikunu jistgħu jiġu riċevuti sinjali televiżivi.

39

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha (ara s-sentenzi RUMA, EU:C:2007:110, punt 36 u X, EU:C:2014:21, punt 39).

40

Skont din il-ġurisprudenza, hemm lok, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni doganali tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, iddefinit fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom. Fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi li ġew deskritti mill-qorti tar-rinviju, l-għan inerenti tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tiġi rriprodotta, minn naħa, id-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-sinjali komposti video.

41

B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-prodottur tal-imsemmija skrins espressament ħoloqhom b’mod li jkunu jistgħu jirriproduċu sinjali komposti video, billi ġew inkorporati fihom l-elementi li jippermettu r-riproduzzjoni ta’ tali sinjali wara li tiddaħħal video card, li prezzha huwa baxx ħafna, fl-ispazju previst għal dan il-għan, billi ġew inklużi żewġ loudspeakers u remote control li jistgħu biss jintużaw jekk l-imsemmija skrins jintużaw biex jirċievu sinjali komposti video, u billi din il-funzjoni hija msemmija fil-ktieb dwar l-użu.

42

F’dan is-sens, il-fatti tal-kawża preżenti għandhom jiġu distinti minn dawk li taw lok għas-sentenza Medion u Canon Deutschland (EU:C:2007:553), li kienet tikkonċerna camcorders li jsiru adatti, wara manipulazzjoni, biex jirreġistraw immaġni u ħsejjes provenjenti mis-sorsi vidjofoniċi esterni, minbarra dawk provenjenti mill-kamera u mill-mikrofonu integrati. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmija camcorders ma nħolqux espressament biex jissodisfaw din il-funzjoni, peress li dawn tal-aħħar isiru adatti biss wara manipulazzjoni relattivament kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medion u Canon Deutschland, EU:C:2007:553, punti 40 u 42).

43

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, tad-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, mis-sinjali komposti video.

44

Għad hemm il-bżonn li jiġi ddeterminat il-metodu li għandu jiġi segwit għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali skrins, li għandhom il-kapaċità li jirriproduċu, minn naħa, id-data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-sinjali komposti video.

45

Issa, fis-sentenza Kamino International Logistics (EU:C:2009:105), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kriterji li għandhom jiġu implementati sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali skrins, li jistgħu jirriproduċu kemm data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni kif ukoll sinjali komposti video.

46

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li tipprevedi li n-noti li jippreċedu l-kapitoli tan-NM, barra minn hekk, bħan-noti ta’ spjega tan-nomenkatura tal-ODD, jikkostitiwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi Siemens Nixdorf, C‑11/93, EU:C:1994:206, punt 12, kif ukoll Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 32).

47

F’din il-kawża, in-nota 5B(a) sa (ċ) tal-Kapitolu 84 tan-NM tistabbilixxi li l-iskrins bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 8471 tan-NM bħala unitajiet ta’ magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni meta jissodisfaw simultanjament tliet kundizzjonijiet, jiġifieri jkunu tat-tip użat esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, ikunu konnessi mal-unità ċentrali tal-ipproċessar, u jkunu jistgħu jirċievu jew jipprovdu data taħt forma użata mis-sistema (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 41).

48

L-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li, fil-kawża prinċipali, it-tieni u t-tielet kundizzjonijiet, hawn fuq ipprovduti, ma humiex issodisfatti.

49

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni mfakkra iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi possibbiltà li jiġu rriprodotti immaġni provenjenti minn sorsi li ma jinkludux magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni ma tistax teskludi l-klassifikazzjoni ta’ skrin fl-intestatura 8471 tan-NM, fid-dawl tal-kliem tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, li jirreferi għall-unitajiet użati “esklużivament jew prinċipalment” f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punti 43 sa 45).

50

Fir-rigward il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-iskrins bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tat-tip bħal dawk użati “prinċipalment” f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li għandhom jintużaw in-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari l-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 59).

51

Mill-imsemmija punti jirriżulta li l-monitors użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni jistgħu jiġu identifikati, barra mill-fatt li huma mgħammra b’tip ta’ sokit adegwat għall-konnessjoni ma’ sistemi li jipproċessaw id-data, minn karattertistiċi tekniċi oħra, b’mod partikolari mill-fatt li dawn ġew maħsuba għal xogħol mill-viċin, li ma għandhomx il-possibbiltà li jirriproduċu sinjali ta’ televiżjoni, li għandhom emissjonijiet elettromanjetiċi mnaqqsa, li l-pitch tal-iskrin tagħhom jibda minn 0.41 għal riżoluzzjoni medja u tonqos meta r-riżoluzzjoni tiżdied, li l-bandwidth tagħhom hija ta’ 15 MHz jew iktar kif ukoll mill-fatt li d-dimensjoni tal-pixels fuq l-iskrin hija iżgħar minn dik tal-video monitors tal-intestatura 8528 tan-NM, filwaqt li l-konverġenza tal-ewwel hija iktar b’saħħitha minn dik ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Kamino International Logistics, EU:C:2009:105, punt 60).

52

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li ċerti karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jidhru li jindikaw li ma humiex intiżi biex jintużaw prinċipalment għar-riproduzzjoni ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-dimsenjonijiet sinjifikattivi tagħhom għandhom djagonali ta’ 106.6 cm, li d-dot pitch tagħhom hija bil-bosta iktar minn 0.41 u li għandhom żewġ loudspeakers u remote control li jintużaw biss jekk l-iskrin jintuża biex jirċievi sinjali komposti video.

53

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni, jekk l-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex monitors użati prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u jekk għandhomx, konsegwentement, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja fi ħdan in-NM tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ sinjali komposti video. Tali skrins għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 60 tan-NM jekk jintużaw esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, fis-sens tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, jew taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM jekk dan ma huwiex il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament Nru 754/2004 għandux japplika b’mod retroattiv.

56

Ir-Regolament Nru 754/2004 jimponi l-klassifikazzjoni, taħt l-intestatura 8528 21 90 tan-NM, ta’ skrins tal-plażma bil-kulur, b’tul djagonali ta’ 106 cm u li jkollhom il-karatteristiċi deskritti fl-anness ta’ dan ir-regolament. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew f’data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 754/2004.

57

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regolament jiġi applikat b’mod retroattiv, u dan irrispettivament mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata, ħlief meta jkun hemm indikazzjoni suffiċjentement ċara jew fi kliem l-imsemmi regolament, jew fl-għanijiet tiegħu, li jippermettu li jiġi konkluż li dan ir-regolament ma japplikax biss għall-ġejjieni (sentenza Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, l-ebda element li jinsab fil-preamboli tar-Regolament Nru 754/2004, fil-kliem tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew fl-anness tiegħu ma jissuġġerixxi li dan ir-regolament għandu jiġi applikat b’mod retroattiv.

58

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li regolament li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni f’intestatura jew f’subintestatura tariffarja tan-NM ma jistax jipproduċi effetti retroattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Siemers, 30/71, EU:C:1971:111, punt 8; Gervais-Danone, 77/71, EU:C:1971:129, punt 8, u Biegi, 158/78, EU:C:1979:87, punt 11).

59

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda hija li r-Regolament Nru 754/2004 ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja fi ħdan in-Nomenklatura Maqgħuda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha li suċċessivament jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, tal-iskrins li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan inerenti tagħhom, li jikkonsisti fir-riproduzzjoni, minn naħa, ta’ data provenjenti minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ sinjali komposti video. Tali skrins għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 60 60 tan-NM jekk jintużaw esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, fis-sens tan-nota 5B(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM, jew taħt is-subintestatura 8528 21 90 tan-NM jekk dan ma huwiex il-każ, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-iskrins inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8471 tas-SA, b’mod partikolari fil-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu ID tas-SA, li tirrigwarda l-unitajiet li juru stampa ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni.

 

2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004, tal-21 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.