SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Trasferiment ta’ impriżi — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment tar-relazzjonijiet ta’ xogħol fil-każ ta’ trasferiment legali ta’ parti minn stabbiliment li ma jistax jiġi identifikat bħala entità ekonomika awtonoma preeżistenti”

Fil-Kawża C‑458/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Trento (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Lorenzo Amatori et

vs

Telecom Italia SpA,

Telecom Italia Information Technology Srl, li kienet Shared Service Center Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Amatori et, minn R. Bolognesi, avukat,

għal Telecom Italia SpA u Telecom Italia Information Technology Srl, li kienet Shared Service Center Srl, minn A. Maresca, R. Romei u F. R. Boccia, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4 p. 98).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Amatori kif ukoll 74 rikorrent ieħor u Telecom Italia SpA (iktar ’il quddiem “Telecom Italia”) u Telecom Italia Information Technology Srl, li kienet Shared Service Center Srl (iktar ’il quddiem “TIIT”), dwar il-klassifikazzjoni bħala “trasferiment ta’ parti minn impriża” tal-kontribuzzjoni minn Telecom Italia ta’ fergħa ta’ attività informatika msejħa “IT Operations” (iktar ’il quddiem il-“fergħa IT Operations”) lil TIIT.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriża, kummerċ jew partijiet minn impriżi jew kummerċ (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88).

4

Il‑premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tistabbilixxi s-segwenti:

“Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.”

5

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“a)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)

Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

6

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

7

L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huma redatti kif ġej:

“Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju jippreservaw l-awtonomija tagħhom, l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegati milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegat ikunu sodisfatti.

[…]

Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju ma jippreservawx l-awtonomija tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti li kienu rappreżentati qabel it-trasferiment jibqgħu jiġu rappreżentati b’mod addattat waqt il-perjodu neċessarju biex terġa’ titwaqqaf jew terġa’ tiġi maħtura r-rappreżentanza ta’ l-impjegati skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali.”

8

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23:

“Din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 2112(1) u (5) tal-Kodiċi Ċivili, mill-formulazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 32 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003, dwar l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol previsti mil-Liġi Nru 30, tal-14 ta’ Frar 2003 (decreto legislativo Nru 276 — Attuazione delle deleghe in materia di occupazione e mercato del lavoro, di cui alla legge 14 febbraio 2003, n. 30), tal-10 ta’ Settembru 2003 (suppliment normali tal-GURI Nru°235, tad-9 ta’ Ottubru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi s-segwenti:

“1.   Fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titkompla maċ-ċessjonarju […]

[…]

5.   Għall-għan u għall-effetti ta’ dan l-artikolu, it-trasferiment ta’ impriża jfisser kull tranżazzjoni li, wara trasferiment jew inkorporazzjoni legali, iwassal għal bidla [fil-kontroll] ta’ attività ekonomika organizzata bi skop jew mingħajr skop ta’ lukru, li kienet teżisti qabel it-trasferiment u li żżomm, wara t-trasferiment, l-identità proprju tagħha, irrispettivament mit-tip ta’ att ġuridiku jew mill-miżura li abbażi tagħha seħħ it-trasferiment, inkluż l-użufrutt jew il-kera tal-impriża. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu japplikaw ukoll għat-trasferiment ta’ parti minn impriża meqjusa bħala fergħa li topera b’mod awtonomu minn attività ekonomika organizzata, identifikata bħala tali mill-persuna li tittrasferixxi u miċ-ċessjonarju fil-mument tat-trasferiment tagħha.”

10

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-aħħar sentenza ta’ dan l-Artikolu 2112(5), kif kien redatt qabel l-imsemmi digriet leġiżlattiv, kienet tipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu japplikaw ukoll għat-trasferiment ta’ parti minn impriża meqjusa bħala fergħa li topera b’mod awtonomu minn attività ekonomika organizzata fis-sens ta’ dan il-paragrafu, li teżisti bħala tali qabel it-trasferiment u li żżomm l-identità proprju tagħha matul it-trasferiment.”

11

Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ rinviju jippreċiża li fl-assenza ta’ “trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża” fis-sens tal-Artikolu 2112(5) tal-Kodiċi Ċivili, it-trasferiment tal-kuntratti ta’ xogħol mill-persuna li timpjega jaqa’ taħt l-Artikolu 1406 tal-istess kodiċi. Dan l-artikolu jipprovdi li dan it-trasferiment jeħtieġ il-kunsens tal-ħaddiem.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fix-xahar ta’ Frar 2010, Telecom Italia pproċediet b’riorganizzazzjoni interna.

13

Qabel din ir-riorganizzazzjoni, l-istruttura ta’ Telecom Italia kienet tinkludi diviżjoni msejħa “Technology and Operations” ifformata minn sensiela ta’ dipartimenti li jinkludu b’mod partikolari l-fergħa “Information Technology”. Din tal-aħħar kienet ikkostitwita minn struttura unika li kienu jaqgħu taħtha l-attivitajiet ta’ operazzjonijiet informatiċi ta’ innovazzjoni, ta’ ħolqien, ta’ eżekuzzjoni, ta’ esplojtazzjoni, ta’ applikazzjoni u ta’ esplojtazzjoni ta’ infrastrutturi. Matul din ir-riorganizzazzjoni interna, Telecom Italia qasmet din il-fergħa f’bosta fergħat li jinkludu dawk imsejħa “IT Operations”, “IT Governance” u “Inġenjeriji”. Il-fergħa “Inġenjeriji” ġabret fi ħdanha l-funzjonijiet ta’ innovazzjoni u ta’ ħolqien.

14

Tliet sottodiviżjonijiet, fosthom id-dipartiment “Software and test factory” impenjat fi funzjonijiet ta’ eżekuzzjoni, ġew assenjati lill-fergħa IT Operations.

15

Wara l-ħolqien tal-fergħa IT Operations, il-ħaddiema assenjati lill-fergħa “Inġenjeriji” u lid-dipartiment “Software and test factory” baqgħu jikkollaboraw flimkien.

16

Barra minn hekk, wara l-ħolqien u t-trasferiment tal-fergħa IT Operations, id-dipartiment “Software and test factory” irċieva struzzjonijiet speċifiċi li ħarġu mingħand Telecom Italia.

17

Fit-28 ta’ April tal-istess sena, Telecom Italia ttrasferiet din il-fergħa lis-sussidjarja tagħha TIIT fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, assenjati lil din il-fergħa mingħajr ma taw il-kunsens tagħhom komplew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom maċ-ċessjonarju skont l-Artikolu 2112(1) tal-Kodiċi Ċivili.

18

Billi qiesu li l-imsemmija kontribuzzjoni ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala trasferiment ta’ parti ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 2112(5) tal-Kodiċi Ċivili, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem it-Tribunale di Trento (Tribunal ta’ Trento), li qed jiddeċiedi bħala tribunal industrijali, sabiex jiġi kkonstatat li l-istess kontribuzzjoni ma kinitx tapplika għalihom u li, konsegwentement, ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma’ Telecom Italia tkompliet.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, insostenn tar-rikors tagħhom, li qabel il-kontribuzzjoni tal-fergħa IT Operations lill-kapital ta’ TIIT, din il-fergħa ma kinitx tikkostitwixxi sottodiviżjoni li topera b’mod awtonomu mill-istruttura ta’ Telecom Italia. Barra minn hekk, l-imsemmija fergħa ma kinitx teżisti qabel dan it-trasferiment. Barra minn hekk, il-pressjoni qawwija eżerċitata mill-persuna li qed tittrasferixxi fuq iċ-ċessjonarju hija wkoll ta’ natura li toħloq ostakolu biex din il-kontribuzzjoni tiġi kklassifikata bħala trasferiment ta’ impriża.

20

Barra minn hekk, wara l-kontribuzzjoni tal-fergħa IT Operations, TIIT kompliet twettaq parti prinċipali tal-attività tagħha għal Telecom Italia.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trento ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ ‘trasferiment ta’ parti minn impriża’ (b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b) [tad-Direttiva 2001/23/KE], b’riferiment għall-Artikolu 3(1), [ta’ din id-direttiva], tipprekludi regola interna, bħal dik prevista fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, li tippermetti s-suċċessjoni taċ-ċessjonarju fir-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ min jagħmel it-trasferiment, mingħajr ma jkun neċessarju li l-impjegati ttrasferiti jagħtu l-kunsens tagħhom, inkluż fl-ipoteżi fejn il-parti tal-impriża ttrasferita ma tikkostitwixxix entità ekonomika funzjonalment awtonoma u li kienet diġà teżisti qabel it-trasferiment u li tista’ tiġi kkwalifikata bħala tali minn min jagħmel it-trasferiment u miċ-ċessjonarju fil-mument tat-trasferiment tagħha?

2)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ “trasferiment ta’ parti minn impriża” (b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b), [tad-Direttiva 2001/23/KE], b’riferiment għall-Artikolu 3(1) [ta’ din id-direttiva], tipprekludi regola interna, bħal dik prevista fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, li tippermetti s-suċċessjoni taċ-ċessjonarju fir-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ min jagħmel it-trasferiment, mingħajr ma jkun neċessarju li l-impjegati ttrasferiti jagħtu l-kunsens tagħhom, inkluż fl-ipoteżi fejn, wara t-trasferiment, l-impriża li tagħmel it-trasferiment teżerċita, fir-rigward taċ-ċessjonarju, kontroll kbir u suprem li jimmanifesta ruħu permezz ta’ relazzjoni kummerċjali stretta u tqassim tar-riskju tal-impriża?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, matul it-trasferiment ta’ parti minn impriża, tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li din il-parti minn impriża ma tikkostitwixxix entità ekonomika funzjonalment awtonoma li kienet diġà teżisti qabel it-trasferiment tagħha.

Fuq l-ammissibbiltà

23

Telecom Italia u TIIT iqisu li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn tipproċedi fuq bażi infondata li tipprovdi li l-parti li hija s-suġġett tat-trasferiment għandha tikkostitwixxi entità li kienet diġà teżisti qabel it-trasferiment. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “preeżistenza” ma huwiex preżenti la fir-redazzjoni ġdida tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, la fid-Direttiva 2001/23 u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din l-oġġezzjoni, inkwantu tirreferi għall-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, tqajjem il-kwistjoni mhux dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda iżda dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Issa, għalkemm skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi, abbażi ta’ domandi preliminari, fuq l-interpretazzjoni tat-Trattati u fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

26

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jippretendu Telecom Italia u TIIT, il-qorti tar-rinviju mhux qed titlob mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li dwarha hija stess diġà pproċediet.

27

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “preeżistenza” ma huwiex preżenti fid-Direttiva 2001/23 ma teċċedix il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda iżda tirrigwarda l-fondatezza ta’ din il-kwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, punt 46).

28

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda magħmula mit-Tribunale di Trento hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2001/23 tapplika f’kull ipoteżi ta’ tibdil, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuni fiżiki jew ġuridiċi responsabbli mill-operat tal-impriża, li tassumi l-obbligi tal-persuna li timpjega favur l-impjegati tal-impriża (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, Ġabra p. I-95, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx “trasferiment” tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, il-kriterju deċiżiv huwa dak dwar jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet lura mill-persuna li timpjega l-ġdida (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, Ġabra p. I-7491, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Dan it-trasferiment għandu jirrigwarda entità ekonomika organizzata b’mod stabbli li l-attività tagħha ma tikkonċernax sempliċement l-eżekuzzjoni ta’ xogħol determinat. Tikkostitwixxi tali entità kull entità organizzata ta’ persuni u ta’ elementi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li ssegwi għan proprju u li hija strutturata u awtonoma biżżejjed (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et, C-127/96, C-229/96 u C-74/97, Ġabra p. I-8179, punti 26 u 27, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C-458/05, Ġabra p. I-7301, punt 31, kif ukoll Scattolon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

32

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-entità ekonomika kkonċernata għandha, qabel it-trasferiment, tgawdi, b’mod partikolari, minn awtonomija funzjonali suffiċjenti, peress li l-kunċett ta’ awtonomija jirreferi għas-setgħat, mogħtija lill-persuni responsabbli mill-grupp ta’ ħaddiema kkonċernat, li jorganizzaw, b’mod relattivament liberu u indipendenti, ix-xogħol fi ħdan l-imsemmi grupp u, b’mod iktar partikolari, li jagħtu istruzzjonijiet u li jqassmu funzjonijiet lill-ħaddiema suġġetti li jappartjenu għal dan il-grupp, u dan mingħajr l-intervent dirett min-naħa ta’ strutturi oħra ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega (sentenza Scattolon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ewwel u mir-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema, li jipprovdu li din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, kemm jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment u kemm jekk le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C-466/07, Ġabra p. I-803, punt 50).

34

Fil-fatt, l-użu, f’dawn l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tal-kelma “jippreservaw” jimplika li l-awtonomija tal-entità li ġiet ittrasferita għandha, fi kwalunkwe każ, teżisti qabel it-trasferiment.

35

Għalhekk, jekk fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-entità ttrasferita inkwistjoni ma kellhiex, qabel it-trasferiment, awtonomija funzjonali suffiċjenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan it-trasferiment ma jkunx jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/23. F’tali ċirkustanzi, ma hemmx l-obbligu li jirriżulta minn din id-direttiva li jinżammu d-drittijiet tal-ħaddiema ttrasferiti.

36

Dan premess, l-imsemmija direttiva ma għandhiex tinqara bħala li tipprojbixxi Stat Membru milli jkun jista’ jżomm id-drittijiet tal-ħaddiema f’sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

37

Fil-fatt, il-premessa 3 tal-istess direttiva tiddikjara li dispożizzjonijiet huma neċessarji sabiex jiġu protetti l-ħaddiema fil-każ li tinbidel it-tmexxija tal-impriża, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa.

38

Għalhekk, l-imsemmija premessa tenfasizza r-riskju li tirrappreżenta, għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, is-sitwazzjoni ta’ tibdil fit-tmexxija ta’ impriża u l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-ħaddiema mir-riskju tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet mibdula.

39

Għalhekk, is-sempliċi assenza ta’ awtonomija funzjonali tal-entità ttrasferita ma tistax waħedha tostakola lil Stat Membru milli jiggarantixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema wara l-bidla fit-tmexxija tal-impriża.

40

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23, li jipprovdi li din ma tippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-impjegati.

41

Fil-fatt, din id-direttiva tirrigwarda biss armonizzazzjoni parzjali tal-qasam inkwistjoni u ma hijiex intiża li tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi għall-Unjoni kollha skont kriterji komuni, iżda li tiżgura li l-ħaddiema involuti jiġu protetti fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċessjonarju bl-istess mod ta’ kif ir-relazzjonijiet tagħhom kienu mal-persuna li ttrasferit, u dan skont ir-regoli tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen, C-209/91, Ġabra p. I-5755, punt 27, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2003, Martin et C-4/01, Ġabra p. I-12859, punt 41).

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, matul trasferiment ta’ parti minn impriża, tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li din il-parti minn impriża ma tikkostitwixxix entità ekonomika funzjonalment awtonoma li teżisti qabel it-trasferiment tagħha.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li, wara t-trasferiment tal-parti mill-impriża kkunsidrata, din il-persuna li tittrasferixxi teżerċita, fil-konfront ta’ dan iċ-ċessjonarju, setgħa importanti ta’ supremazija.

Fuq l-ammissibbiltà

44

Telecom Italia u TIIT iqisu li t-tieni domanda hija inammissibbli peress li tinvolvi evalwazzjoni tal-fatti.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, intiża li ssir taf jekk id-Direttiva 2001/23 tapplikax ukoll fl-ipoteżi li, wara t-trasferiment ta’ parti minn impriża, il-persuna li tittrasferixxi teżerċita fuq iċ-ċessjonarju, setgħa importanti ta’ supremazija, tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u, għalhekk tad-dritt tal-Unjoni.

46

Peress li, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi, abbażi ta’ domanda preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni domanda magħmula mit-Tribunal di Trento hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

47

Qabelxejn, mill-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/23 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppjana li l-indipendenza taċ-ċessjonarju fir-rigward tal-persuna li tittrasferixxi tikkundizzjona l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

48

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement qieset li d-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50, essenzjalment imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2001/23, għandha l-intenzjoni li tirregola kull bidla legali li sseħħ fil-persuna li timpjega, fil-każ li l-kundizzjonijiet l-oħra li hija tistabbilixxi huma barra minn hekk issodisfatti u li tista’ għalhekk tapplika għal trasferiment bejn żewġ sussidjarji tal-istess grupp, li jikkostitwixxu persuni ġuridiċi distinti li kull waħda minnhom hija impenjata fir-relazzjonijiet ta’ xogħol speċifiċi mal-impjegati tagħhom. Il-fatt li l-kumpanniji inkwistjoni għandhom mhux biss l-istess proprjetarju, iżda wkoll l-istess bord ta’ diretturi u l-istess bini u li jaħdmu fl-istess qasam, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C-234/98, Ġabra p. I-8643, punt 17).

49

Xejn ma jiġġustifika li, għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-unità tal-aġir fis-suq tal-kumpannija parent u tas-sussidjarji tagħha tipprevali fuq is-separazzjoni formali bejn dawn il-kumpanniji li għandhom personalitajiet legali distinti. Fil-fatt, tali soluzzjoni, li twassal biex teskludi t-trasferimenti bejn il-kumpanniji tal-istess grupp mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, tmur eżattament kontra l-għan ta’ din tal-aħħar li huwa li tiżgura, sa fejn possibbli, iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża biex tippermettilhom jibqgħu fid-dipartiment tat-tmexxija tal-impriża l-ġdida bl-istess kundizzjonijiet li kellhom mal-persuna li tittrasferixxi (sentenza Allen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

50

Konsegwentement, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-impriża li tittrasferixxi teżerċita, fir-rigward taċ-ċessjonarju, setgħa importanti ta’ supremazija li timmanifesta ruħha permezz ta’ relazzjoni kummerċjali stretta u tqassim tar-riskju tal-impriża, ma tistax waħedha tostakola l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

51

Fl-aħħar nett, interpretazzjoni differenti tippermetti li jiġi evitat b’mod faċli l-għan ta’ din id-direttiva intiża, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jeżistu fil-kuntest ta’ entità ekonomika, irrispettivament mill-bdil tal-proprjetarju (sentenza Klarenberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li, wara t-trasferiment ta’ parti mill-impriża kkunsidrata, din il-persuna li tittrasferixxi teżerċita, fil-konfront ta’ dan iċ-ċessjonarju, setgħa importanti ta’ supremazija.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, matul trasferiment ta’ parti minn impriża, tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li din il-parti minn impriża ma tikkostitwixxix entità ekonomika funzjonalment awtonoma li teżisti qabel it-trasferiment tagħha.

 

2)

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti s-suċċessjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol miċ-ċessjonarju lill-persuna li tittrasferixxi fl-ipoteżi li, wara t-trasferiment ta’ parti mill-impriża kkunsidrata, din il-persuna li tittrasferixxi teżerċita, fil-konfront ta’ dan iċ-ċessjonarju, setgħa importanti ta’ supremazija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.