SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
12 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 21(1) TFUE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru wara residenzi qosra fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑456/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2012, fil-proċeduri
O.
vs
Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,
u
Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel
vs
B.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Borg Barthet u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal O., minn J. Canales u J. van Bennekom, advocaten, |
— |
għal B., minn C. Chen, F. Verbaas u M. van Zantvoort, advocaten, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, C. Schillemans u C. Wissels, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u M. Wolff, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam u N. Grünberg, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn K. Pawłowska kif ukoll minn M. Szpunar, B. Majczyna u M. Arciszewski, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) kif ukoll l-Artikolu 21(1) TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi rispettivament bejn O. u l-Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (Ministru tal-Immigrazzjoni, tal-Integrazzjoni u tal-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u dan tal-aħħar u B. fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rifjut li tingħatalhom attestazzjoni li tiċċertifika r-residenza regolari tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2004/38
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi:
[…]” |
4 |
Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva 93/104 jipprovdi li: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
|
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi li: “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.” |
6 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38: “1. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur […] 2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.” |
7 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:
2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).” |
8 |
L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.” |
9 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2004/38, “[i]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk”. Il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu jipprovdi li “[i]l- paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin”. |
Id-dritt Olandiż
10 |
Il-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), u d-Digriet tal-2000 dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, Stb. 2000, Nru 497) ittrasponew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt intern Olandiż. |
11 |
L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin jipprovdi: “Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha, [...]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Persuna barranija għandha d-dritt li tirrisjedi b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi biss: […]
|
13 |
Skont l-Artikolu 9(1) tal-istess liġi, il-Ministru għandu jipprovdi lill-barrani li jirrisjedi legalment skont id-dritt tal-Unjoni, fit-territorju Olandiż, dokument li juri l-legalità tar-residenza tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ residenza”). |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Is-sitwazzjoni ta’ O.
14 |
O. li għandu nazzjonalità Niġerjana, iżżewweġ fl-2006 ċittadina Olandiża (iktar ’il quddiem “sponsor”). Huwa ddikjara li għex fi Spanja bejn l-2007 u April tal-2010. Skont id-dokumenti pprovduti mill-komun ta’ Malaga (Spanja), O. u l-isponsor O. huma rreġistrati fl-istess indirizz f’dan il-komun sa mis-7 ta’ Awwissu 2009. Barra minn hekk, O. ipproduċa dokument ta’ residenza, validu sal-20 ta’ Settembru 2014, minn fejn jirriżulta li rrisjeda bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea fi Spanja. |
15 |
Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ sponsor O. din irrisjediet, matul il-perijodu bejn l-2007 u April 2010, xahrejn għand O., fi Spanja, iżda, peress li ma setgħetx issib xogħol, reġgħet lura fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, l-isponsor O., matul dan l-istess perijodu, qattgħet, b’mod regolari, vaganzi fi Spanja għand O. |
16 |
Sa mill-1 ta’ Lulju 2010, O. huwa rreġistrat fir-reġistru Olandiż tal-popolazzjoni bħala resident fl-istess indirizz bħall-isponsor. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2010, il-Ministru ċaħad it-talba ta’ O. intiża għall-ksib tad-dokument ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin. Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011, huwa ddikjara infondat l-ilment ippreżentat minn O. kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2011, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn O. kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011. |
19 |
O. appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Is-sitwazzjoni ta’ B.
20 |
B. ta’ nazzjonalità Marokkina, iddikjara li kkoabita fil-Pajjiżi l-Baxxi, minn Diċembru 2002 u għal diversi snin, mas-sieħba tiegħu (iktar ’il quddiem “sponsor B.”) li għandha nazzjonalità Olandiża. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2005, B. ġie iddikjarat persuna mhux mixtieqa fit-territorju Olandiż wara kundanna għal piena ta’ xahrejn ħabs għall-użu ta’ passaport falz. Sussegwentement, B. mar joqgħod f’Retie (il-Belġju) fl-appartament li l-isponsor B. kienet kriet matul il-perijodu bejn Ottubru 2005 sa Mejju 2007. L-isponsor B. iddikjarat li rrisjediet hemmhekk f’kull tmien il-ġimgħa matul dak il-perijodu. |
22 |
F’April 2007, B. reġa’ lura l-Marokk, peress li kien ġie rrifjutat ir-residenza fil-Belġju wara d-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2005. |
23 |
Fil-31 ta’ Lulju 2007, B. u l-isponsor B. iżżewġu. Fit-30 ta’ Diċembru 2008, huwa talab l-irtirar tal-imsemmija deċiżjoni li tiddikjarah persuna mhux mixtieqa. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2009, il-Ministru ċaħad din l-applikazzjoni. |
24 |
Matul Ġunju 2009, B. beda joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi għand l-isponsor B. |
25 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2009, l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istati għall-Ġustizzja) ċaħad it-talba ta’ B. għall-kisba ta’ dokument ta’ residenza. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2010, il-Ministru ddikjara infondat l-ilment ippreżentat minn B. kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2010, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage laqgħet ir-rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2010, annullaha u ordna lill-Ministru jadotta deċiżjoni ġdida filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza. |
27 |
Il-Ministru appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Id-domandi preliminari
28 |
Peress li O. u B. kienu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 fid-dati meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jiċħdu t-talbiet rispettivi tagħhom għal dokumenti ta’ residenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi qabel xejn dwar il-punt jekk din id-direttiva tagħtihomx dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ fejn dawn iċ-ċittadini għandhom in-nazzjonalità. |
29 |
Huwa konċepibbli, skont il-qorti tar-rinviju, li permezz tal-kliem “jiċċaqilqu”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, wieħed jifhem il-fatt li wieħed imur, mingħajr ma jirrisjedi, fi Stat Membru differenti minn dak ta’ fejn l-imsemmija ċittadini għandhom in-nazzjonalità u li jerġa’ jmur. Huwa wkoll konċepibbli li l-kliem “jingħaqdu magħhom” fis-sens tal-istess Artikolu 3(1) għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-fatt li jingħaqdu maċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ fejn dawn għandhom in-nazzjonalità. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) u (2) jidhru li jeskludu tali interpretazzjoni peress li jsemmu espressament “Stat Membru ieħor” u “l-Istat Membru ospitanti” bħala l-Istat Membru fir-rigward ta’ liema jista’ jintalab dritt ta’ residenza. Is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, Ġabra p. I-3375), tikkonferma li l-imsemmija Artikoli 6 u 7 jirregolaw is-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li ma għandux in-nazzjonalità tiegħu. |
30 |
Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tfakkar li mis-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719), jirriżulta li l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li juża d-dritt ta’ moviment liberu għandu jkollu, meta dan tal-aħħar jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, tal-inqas l-istess drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza bħal dawk li jirrikonoxxilu d-dritt tal-Unjoni jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jagħżel li jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. L-imsemmija qorti madankollu tesprimi dubji dwar jekk din il-ġurisprudenza tapplikax f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li kuntrarjament għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Singh u Eind, iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati fil-kawżi prinċipali rrisjedew fl-Istat Membru ospitanti mhux bħala ħaddiema, iżda bħala ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(1) TFUE u bħala benefiċjarji ta’ prestazzjonijiet ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu TFUE. |
31 |
Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Singh u Eind kellha tapplika f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju titlob sa fejn huwa meħtieġ li r-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu tkun ta’ tul minimu stabbilit sabiex, wara li dan iċ-ċittadin jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, il-membru tal-familja li għandu nazzjonalità ta’ pajjiż terz ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza f’dan l-aħħar Stat Membru. Fil-kawża li tikkonċerna lil B., il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk id-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar fil-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Direttiva 2004/38 huwiex affettwat bil-fatt li ngħaqad mal-isponsor B. fl-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ din tal-aħħar iktar minn sentejn wara li din reġgħet lura f’dan l-Istat. |
32 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, fejn l-ewwel tlieta huma fformulati f’termini identiċi f’dak li jikkonċerna l-każ ta’ O. u ta’ B., u hija biss ir-raba’ waħda li hija partikolari għall-każ ta’ dan tal-aħħar.
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sat-tielet domanda
33 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru, meta dan iċ-ċittadin jerġa’ lura f’dan l-istess Stat Membru, meta l-imsemmi ċittadin, qabel ma jerġa’ lura, jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 21(1) TFUE, billi jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, u, f’każ ta’ risposta pożittiva, liema huma l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett”. |
35 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li din hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, Ġabra p. I-6241, punti 59 u 82, tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C-162/09, Ġabra p. I-9217, punt 30, kif ukoll McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). |
36 |
L-Artikolu 21(1) TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini tal-Istati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 66, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, C‑87/12, punt 34). Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil tali ċittadini mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma derivati mill-eżerċizzju tal-moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Iida, punt 67; Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, punt 35; kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa et, C‑86/12, punt 22). |
37 |
Issa, minn interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li dawn ma jippermettux li jiġi bbażat dritt ta’ residenza derivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità. |
38 |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi bħala “Benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija minnha “ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr f’dak fejn għandhom in-nazzjonalità tagħhom, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”. |
39 |
Għalhekk, id-Direttiva 2004/38 tipprovdi dritt ta’ residenza derivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva biss, meta dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Metock et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 56; Iida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O. et, C‑356/11 u C‑357/11, punt 41). |
40 |
Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7(1) u (2) u 16(1) u (2) jirreferu għad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u għad-dritt ta’ residenza derivat tal-membri tal-familja tiegħu jew fi “Stat Membru ieħor”, jew fl-“Istat Membru ospitanti”, u b’hekk jikkonfermaw li ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jistax jibbenefika, abbażi ta’ din id-direttiva, minn dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru ta’ fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, McCarthy, punt 37, u Iida, punt 64). |
41 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li din għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan tagħha jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
42 |
Peress li, skont prinċipju ta’ dritt internazzjonali, Stat ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt ta’ dħul fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu hemmhekk, id-Direttiva 2004/38 għandha l-għan unikament li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu (ara s-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). |
43 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva għalhekk lanqas ma għandha l-għan li tikkonferixxi dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu. |
44 |
Peress li ċittadini ta’ Stat terz li jinsabu f’sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ O. u B. ma jistgħux jibbenefikaw, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ kull wieħed mill-isponsor, għandu jiġi eżaminat jekk dritt ta’ residenza derivat jistax, skont il-każ, jiġi bbażat fuq l-Artikolu 21(1) TFUE. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmi dritt ta’ residenza derivat huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li tgħid li r-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ tali dritt huwa ta’ natura li jippreġudika l-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Iida, punt 68; Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, punt 35; kif ukoll Alokpa et, punt 22). |
46 |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu għal perijodu li jaqbeż, rispettivament, sentejn u nofs u sena u nofs, u kien jeżerċita attività bi ħlas, dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandu, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, dritt ta’ residenza derivat f’dan l-aħħar Stat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Singh, punt 25, u Eind, punt 45). Kieku dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz ma kellux tali dritt, il-ħaddiem, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jiġi dissważ milli jitlaq l-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità sabiex jeżerċita attività bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza, għal dan il-ħaddiem, li ma jkunx jista’ jkompli, wara li jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini, ħajja tal-familja possibbilment mibdija permezz taż-żwieġ jew tar-riunifikazzjoni tal-familja, fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eind, punti 35 u 36, kif ukoll Iida, punt 70). |
47 |
Għaldaqstant, l-ostakolu għall-ħruġ mill-Istat Membru fejn il-ħaddiem għandu n-nazzjonalità, kif osservat fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Singh u Eind, jirriżulta mir-rifjut li jingħata, meta dan il-ħaddiem jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, dritt ta’ residenza derivat għall-membri tal-familja tal-imsemmi ħaddiem, ċittadin ta’ Stat terz, meta dan tal-aħħar ikun irrisjeda ma’ dan fl-Istat Membru ospitanti skont u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. |
48 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-imsemmija sentenzi għandhiex l-għan li tapplika b’mod ġenerali għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li, wara li użaw id-drittijiet li jagħtihom l-Artikolu 21(1) TFUE, jkunu rrisjedew fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom, qabel ma jerġgħu lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom. |
49 |
Dan huwa l-każ. Fil-fatt, l-għoti, meta ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li dan tal-aħħar kien joqgħod miegħu, fis-sempliċi kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, skont u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, huwa intiż sabiex jiġi eliminat l-istess tip ta’ ostakolu għall-ħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu bħal kif imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, billi tiġi ggarantita lill-imsemmi ċittadin il-possibbiltà li jkompli, f’dan l-aħħar Stat Membru, il-ħajja tal-familja li kien żviluppa jew ikkonsolida fl-Istat Membru ospitanti. |
50 |
F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għoti, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, ta’ dritt ta’ residenza derivat abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li dan tal-aħħar kien joqgħod miegħu, fis-sempliċi kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti, dawn ma għandhomx, bħala regola, ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu billi joqgħod fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, hija għandha tiġi applikata b’analoġija għall-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, peress li fiż-żewġ każijiet huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa l-isponsor sabiex ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza derivat. |
51 |
Ostakolu bħal dak imfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jinħoloq biss meta r-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti tkun ikkaratterizzata minn biżżejjed effettività sabiex tippermettilu jiżviluppa jew jikkonsolida ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, l-Artikolu 21(1) TFUE ma jeħtieġx li kull residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti akkumpanjat minn membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, timplika neċessarjament l-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat lil dan il-membru tal-familja fl-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu fil-mument meta jerġa’ lura f’dan l-Istat Membru. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-drittijiet li jikkonferilu l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jfittix li joqgħod fl-Istat Membru ospitanti b’mod li huwa propizju għall-iżvilupp jew għall-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja f’dan l-aħħar Stat Membru. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rifjut li jingħata, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, dritt ta’ residenza derivat lill-membri tal-familja tal-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz, mhux se jiddiswadi tali ċittadin milli jeżerċita d-drittijiet li għandu taħt l-Artikolu 6. |
53 |
Min-naħa l-oħra, ikun hemm ir-riskju li jinħoloq ostakolu bħal dak imfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jfittex li jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, residenza fl-Istat Membru ospitanti skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva tixhed, bħala regola, l-istabbiliment, u għalhekk in-natura effettiva tar-residenza, taċ-ċittadin tal-Unjoni f’dan l-aħħar Stat Membru u hija ta’ natura li tmur flimkien mal-iżvilupp jew il-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru. |
54 |
Issa, meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-aħħar Stat Membru, l-effettività tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ li l-ħajja tal-familja li dan iċ-ċittadin ikun għex fl-Istat Membru ospitanti tkun tista’ titkompla meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, permezz tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat, lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza derivat, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma għandux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġni tiegħu ħajja tal-familja flimkien mal-qraba tiegħu kif żviluppata jew ikkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eind, punti 35 u 36, kif ukoll Iida, punt 70). |
55 |
Iktar u iktar, l-effettività tal-Artikolu 21(1) TFUE teħtieġ li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jkompli, meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, il-ħajja tal-familja li kellu fl-Istat Membru ospitanti, jekk dan iċ-ċittadin u l-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz, jkunu kisbu f’dan l-aħħar Stat Membru, dritt ta’ residenza permanenti bis-saħħa, rispettivament, tal-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38. |
56 |
Għaldaqstant, hija r-residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fl-Artikolu 7(1) u (2) jew fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 li jagħti lok, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, għal dritt ta’ residenza derivat, abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, liċ-ċittadin ta’ Stat terz li miegħu l-imsemmi ċittadin għex ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti. |
57 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-isponsors O. u B., li huma ċittadini tal-Unjoni, jkunux qagħdu u, għaldaqstant, irrisjedew b’mod effettiv, fl-Istat Membru ospitanti u jekk, minħabba l-ħajja tal-familja li għexu matul ir-residenza effettiva, O. u B. ibbenefikawx minn dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru ospitanti skont u b’osservanza tal-Artikoli 7(2) jew 16(2) tad-Direttiva 2004/38. |
58 |
Għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża tant li tkopri prattiki abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 51, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt, C-303/08, Ġabra p. I-13445, punt 47), fid-dawl tal-fatt li l-prova ta’ tali prattika teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Is-Slovakkja, C-364/10, punt 58). |
59 |
Fir-rigward tal-punt jekk l-effett kumulattiv ta’ diversi residenzi għal żmien qasir fl-Istat Membru ospitanti huwiex tali li jagħti lok għal dritt ta’ residenza derivat għal membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, għandu jitfakkar li hija biss residenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 7 jew 16 tad-Direttiva 2004/38, li hija tali li tagħti lok għal tali dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward, residenza għal żmien qasir, bħal tmiem il-ġimgħa jew vaganzi li wieħed iqatta’ fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità taċ-ċittadin, anki jekk ikkunsidrata flimkien, taqa’ taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 u ma tissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet. |
60 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ O., li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu karta ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li jirrikonoxxu liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, dritt ta’ residenza derivat minħabba s-sempliċi fatt li, fl-Istat Membru ospitanti, dan iċ-ċittadin kellu tali karta ta’ residenza valida (ara s-sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Fil-fatt, karta ta’ residenza mogħtija skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 għandha natura dijkarattiva u ma tikkostitwixxix dritt (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias, C-325/09, Ġabra p. I-6387, punt 49). |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz meta rrisjeda effettivament, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva japplikaw b’analoġija meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura, flimkien mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, fl-Istat Membru ta’ oriġni tiegħu. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar, bħala regola, ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi joqgħod fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. |
Fuq ir-raba’ domanda
62 |
Kif jirriżulta mill-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza, B. kiseb il-kwalità ta’ membru tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, ta’ ċittadin tal-Unjoni f’mument li seħħ wara r-residenza tal-isponsor B. fl-Istat Membru ospitanti. |
63 |
Issa, ċittadin ta’ Stat terz, li ma kellux, tal-inqas matul parti mir-residenza fl-Istat Membru ospitanti, il-kwalità ta’ membru tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, ma setax jibbenefika f’dan l-Istat Membru minn dritt ta’ residenza derivat skont l-Artikoli 7(2) jew 16(2) tad-Direttiva 2004/38. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz lanqas ma jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 21(1) TFUE sabiex jikseb dritt ta’ residenza derivat meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu. |
64 |
Għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz meta rrisjeda effettivament, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva japplikaw b’analoġija meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura, flimkien mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, fl-Istat Membru ta’ oriġni tiegħu. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar, bħala regola, ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi joqgħod fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.