SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Appell — Trade mark Komunitarja — Trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘BASKAYA’ — Oppożizzjoni — Konvenzjoni bilaterali — Territorju ta’ Stat terz — Kunċett ta’ użu ġenwin”

Fil-Kawża C‑445/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2012,

Rivella International AG, stabbilita f’Rothrist (l-Isvizzera), irrappreżentata minn C. Spintig, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Baskaya di Baskaya Alim e C. Sas, stabbilita fi Grosseto (l-Italja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), M. Berger u S. Rodin, Imħallfin

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Rivella International AG, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2012, Rivella International AG vs UASI - Baskaya di Baskaya Alim (BASKAYA) (T-170/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI), tal-10 ta’ Jannar 2011, (Każ R 534/2010‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn ir-rikorrenti u Baskaya di Bakaya Alim e C. Sas (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

2

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), jipprovdi fil-paragrafu 2:

“Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

a)

trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prijoritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

i)

trade marks Komunitarji,

ii)

trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tal-Benelux Għall-Proprjetà Intellettwali,

iii)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru,

iv)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fil-Komunità;

[…]”

3

L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa ddedikat għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem il-UASI. Huwa fformulat kif ġej:

“[…]

2.   Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), billi jiġi sostitwit l-użu fi Stat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta b’użu fil-Komunità.

[…]”

4

L-Artikolu 160 ta’ dan ir-regolament, dwar l-użu ta’ trade mark li hija suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet [ta]l-Artikolu 42(2), [...] id-data tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 152(2) għandha tieħu l-post tad-data tar-reġistrazzjoni għall-għan li tkun stabbilita d-data li minnha l-marka li hija s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-Komunità Ewropea għandha titqiegħed għal użu ġenwin fil-Komunità.”

Id-Direttiva 2008/95/KE

5

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), huwa fformulat kif ġej:

“Jekk, f’perijodu ta’ ħames snin wara d-data li fiha tkun ġiet kompluta l-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma użax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru in konnessjoni mal-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hi reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perjodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, sakemm hemm raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu.”

L-arranġament ta’ Madrid

6

L-arranġament ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks, tal-14 ta’ April 1891, kif emendat (iktar ’il quddiem l-“arranġament ta’ Madrid”), jipprovdi, fl-Artikolu 4(1):

“Mill-mument tar-reġistrazzjoni [...], il-protezzjoni tat-trade mark f’kull wieħed mill-pajjiżi kontraenti kkonċernati għandha tkun l-istess daqs li kieku din it-trade mark kienet irreġistrata hemmhekk [...]”

Il-Konvenzjoni tal-1892

7

L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja dwar il-protezzjoni reċiproka tal-brevetti, trade marks u disinni, iffirmata f’Berlin fit-13 ta’ April 1892, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1892”), jistabbilixxi li l-konsegwenzi dannużi li, skont il-liġijiet tal-partijiet kontraenti, jirriżultaw mill-fatt li trade mark jew marka tal-kummerċ ma tkunx intużat f’ċertu terminu, ma jseħħux, jekk l-użu jseħħ fuq it-territorju tal-parti l-oħra.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Fit-25 ta’ Ottubru 2007, Baskaya di Baskaya Alim e C. Sas ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

9

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image

10

Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

Klassi 29: “Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; Estratti tal-laħam; Frott u ħaxix ippriservat, iffriżat, imnixxef u msajjar; Ġeli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xiropp, Bajd; Ħalib u prodotti tal-ħalib; Żjut u xaħmijiet li jittieklu”,

Klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, kafè artifiċjali, Ross; Tapjoka u sago; Dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; Ħobż, għaġina u ħlewwiet; Ġelati; Zokkor, għasel, għasel iswed; Ħmira, trab tal-ħami; Melħ; Mustarda; Ħall, zlazi (kondimenti); Ħwawar; Silġ”,

Klassi 32: “Birer; Ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; Xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; Xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”.

11

L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 13/2008, fit-31 ta’ Marzu 2008.

12

Fit‑30 ta’ Ġunju 2008, l-appellanti ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, filwaqt li invokat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

13

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti, irreġistrata fit-30 ta’ Ġunju 1992 taħt in-numru 470542 u estiża sat-30 ta’ Ġunju 2012, b’effetti fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Awstrija u fil-pajjiżi tal-Benelux, għall-prodotti fil-klassi 32 fis-sens tal-arranġament ta’ Nizza jiġifieri “Birer; Ilma minerali u ilma effervexxenti, u xorb ieħor mhux alkoħoliku; Xorb li fih il-frott u sugi tal-frott; Xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”. Din it-trade mark hija riprodotta hawn taħt:

Image

14

Billi ġiet mistiedna sabiex tipproduċi prova tal-użu tat-trade mark preċedenti, l-appellanti, fil-31 ta’ Marzu 2009, ppreċiżat li hija żammet l-oppożizzjoni biss għall-parti Ġermaniża tar-reġistrazzjoni internazzjonali u ppreżentat għadd ta’ dokumenti bħala prova tal-użu fl-Isvizzera. F’dan ir-rigward, hija invokat l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-1892. Skont dan il-ftehim, l-użu fl-Isvizzera kien ekwivalenti għal dak li jsir fil-Ġermanja.

15

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fin-nuqqas ta’ prova tal-użu tat-trade mark preċedenti, ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija kkonstatat li mill-atti prodotti kien jirriżulta li t-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet biss tintuża fl-Isvizzera u ċaħdet l-applikazzjoni tal-Ftehim tal-1892.

16

Fis-7 ta’ April 2010, l-appellanti ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

17

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħdet l-appell minħabba li l-prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, invokata insostenn tal-oppożizzjoni, kienet tikkonċerna biss il-Konfiderazzjoni Svizzera. Hija qieset li l-uniku qafas legali rilevanti kien dak tar-Regolament Nru 207/2009 u b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 42(2) u (3) tiegħu, skont liema artikolu t-trade mark preċedenti għandha tintuża b’mod ġenwin fl-Istat Membru fejn din tinsab protetta.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2011, l-appellanti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

19

Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

20

B’mod partikolari, l-appellanti sostniet li, sa fejn, skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni tal-1892, l-użu ta’ trade mark fil-Ġermanja jseħħ meta l-imsemmija marka tintuża fl-Isvizzera, hija ma għandhiex għalfejn tipproduċi l-prova ta’ użu ġenwin ġewwa l-Ġermanja.

21

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 22 sa 36 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar fuq liema territorju għandha tiġi prodotta l-prova ta’ użu ġenwin.

22

Fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat “li l-kwistjonijiet marbuta mal-prova prodotta insostenn tal-motivi ta’ oppożizzjoni għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u l-kwistjonijiet marbuta mal-aspett territorjali tal-użu mit-trade marks huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009”, indipendentement mid-dritt intern tal-Istati Membri. Hija ppreċiżat f’dan ir-rigward, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li n-natura nazzjonali jew internazzjonali ta’ trade mark preċedenti invokata matul proċedimenti ta’ oppożizzjoni Komunitarja ma timplika imkien l-ebda applikazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għal din it-trade mark preċedenti.

23

Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkonstatat li għalkemm il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, mhux l-istess jgħodd għad-determinazzjoni tat-territorju fejn għandu jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, peress li din il-kwistjoni hija rregolata permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

24

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li għalkemm f’ċerti każijiet id-dritt nazzjonali jista’ jkun applikabbli, ir-Regolament Nru 207/2009 ppreveda l-koeżistenza tas-sistemi nazzjonali u tas-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni tat-trade marks.

25

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 37 sa 40 tas-sentenza appellata, li, anki f’dak li jikkonċerna trade mark internazzjonali preċedenti, il-prova tal-użu serju tagħha tista’ tintalab skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li tali trade mark hija mqabbla ma’ trade mark nazzjonali.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tal-appellanti.

It-talbiet tal-partijiet

27

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

28

L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

29

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-uniku aggravju

L-argumenti tal-partijiet

30

L-appellanti tikkunsidra li l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex applikabbli għat-trade marks li kienu suġġetti għal reġistrazzjoni internazzjonali b’effett fi Stat Membru.

31

B’riferiment għall-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-appellanti ssostni li din tikkonċerna speċifikatament biss it-“trade marks Komunitarji preċedenti” kif ukoll it-“trade marks nazzjonali preċedenti”, u mhux il-każijiet l-oħra inkwistjoni msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, dispożizzjoni li tuża l-espressjoni iktar ġenerali ta’ “trade marks preċedenti”. Għalhekk, it-trade mark preċedenti f’kunflitt mat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha hija mitluba taqa’ taħt l-Artikolu 8(2)(a).

32

Peress li din it-trade mark preċedenti kienet suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali talbet lill-appellanti tipprova l-użu tagħha fil-Ġermanja.

33

L-UASI tenfasizza li, skont l-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 207/2009, l-obbligu ta’ użu, kif jirriżulta mill-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, huwa espressament ipprovat fl-Artikolu 160 tal-imsemmi regolament għal reġistrazzjonijiet internazzjonali li tinnomina l-Unjoni Ewropea.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Permezz tal-ewwel parti tal-uniku aggravju tagħha, l-appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat il-kriterju tal-użu ġenwin previst fl-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-trade mark preċedenti li hija proprjetarja tagħha, anki meta tkun trade mark internazzjonali li ma taqax taħt din id-dispożizzjoni.

35

L-ewwel nett, għandu jiġi rrelevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu japplika għat-trade marks Komunitarji preċedenti, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan jikkonċerna t-trade marks nazzjonali preċedenti.

36

Għandu wkoll jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ paragrafi ma jagħmlux distinzjoni bejn it-trade marks nazzjonali u t-trade marks suġġetti għal reġistrazzjoni internazzjonali.

37

Madankollu, it-“trade marks preċedenti”, imsemmija fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jinftiehmu li huma t-trade marks li għandhom effett fi Stat Membru, indipendentement mil-livell nazzjonali jew internazzjonali fejn huma rreġistrati.

38

Fil-fatt, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li r-regoli li jistabbilixxu japplikaw għat-“trade marks nazzjonali preċedenti”, imsemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr madankollu ma jiddistingwi bejn l-erba’ kategoriji ta’ “trade marks preċedenti” stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, it-trade marks li kienu suġġetti għal reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru.

39

Għaldaqstant, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż biss sabiex japplika l-eżiġenza tal-użu ta’ trade mark Komunitarja preċedenti fuq it-territorju Komunitarju, kif jirriżulta mill-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament, fil-każ tat-trade marks nazzjonali preċedenti, fejn huwa ppreċiżat li l-użu huwa meħtieġ fuq it-territorju ta’ Stat Membru.

40

It-tieni nett, l-interpretazzjoni proposta mill-appellanti, li għandha l-effett li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni l-eżiġenza fundamentali tal-użu tat-trade marks internazzjonali, taħrab is-sistema ta’ protezzjoni li jagħmel parti minnha l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 10 tal-imsemmi regolament, li tfakkar il-prinċipju ta’ preċedenza tat-trade mark, ma tagħmel l-ebda distinzjoni skont it-tip tat-trade mark li saret l-oppożizzjoni kontriha. Minn naħa, dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżiġi l-użu fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark internazzjonali fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-data ta’ reġistrazzjoni.

41

Essenzjalment, huwa dan li enfasizzat il-Qorti Ġenerali meta fakkret, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 4(1) tal-arranġament ta’ Madrid, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(a) tal-protokoll dwar l-arranġament ta’ Madrid jipprovdu li l-Artikolu 4(1)(a) tal-Protokoll dwar l-arranġament ta’ Madrid, jipprovdu li l-protezzjoni tat-trade mark f’kull waħda mill-partijiet kontraenti kkonċernati għandha tkun l-istess daqs li kieku din it-trade mark kienet ġiet ippreżentata direttament għand l-Uffiċċju minn din il-parti kontraenti.

42

Għaldaqstant, skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-“trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009, huma suġġetti għall-istess sistema bħat-“trade marks reġistrati fi Stati Membru”, imsemmija f’dan l-Artikolu 8(2)(a)(ii).

43

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-trade mark li l-appellanti hija l-proprjetarja tagħha.

44

B’hekk, l-appellanti ma tistax issostni li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 33 u 38 tas-sentenza appellata huma kontradittorji. Fil-fatt, filwaqt li, fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, essenzjalment, li l-kunċett ta’ użu ġenwin ġie armonizzat fil-kuntest tal-proċedrua ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza, hija tirreferi għall-validità ta’ trade mark internazzjonali fuq it-territorju ta’ Stat Membru.

45

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-uniku aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-uniku aggravju

L-argumenti tal-partijiet

46

Permezz tat-tieni parti tal-uniku aggravju, l-appellanti tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li tikkunsidra l-Qorti Ġenerali, il-kwistjoni tal-“validità territorjali” ta’ trade mark irreġistrata fil-livell nazzjonali hija esklużivament irregolata mid-dritt nazzjonali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għat-trade marks nazzjonali suġġetti għal reġistrazzjoni internazzjonali b’effett fi Stat Membru.

47

L-UASI jqis li l-kunċett ta’ użu tat-trade mark preċedenti għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009, li jirregola b’mod eżawrjenti n-natura tal-użu inkwistjoni kif ukoll it-territorju fejn l-użu għandu jiġi ppruvat. F’dan ir-rigward, kieku l-Konvenzjoni tal-1892 seta’ jkollha konsegwenzi fuq id-dritt Ġermaniż tat-trade marks, din il-konvenzjoni kienet tkun mingħajr effett fuq is-sistema Komunitarja tat-trade marks.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ trade marks Komunitraji hija sistema awtonoma, magħmula minn grupp ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, fejn l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Génesis, C‑190/10, punt 36 u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries, C-320/12, punt 33).

49

F’dan ir-rigward, l-appellanti ma tistax tikkontesta t-tagħlim tal-Qorti Ġenerali bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziara vs UASI (C-234/06 P, Ġabra p. I-7333), fir-rigward tal-kunċett ta’ użu tat-trade mark. Fil-fatt, f’din is-sentenza, kif fakkret il-Qorti Ġenerali, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett nazzjonali ta’ trade mark difensiva, li permezz tagħha trade mark preċedenti tibbenefika minn protezzjoni abbażi tad-dritt nazzjonali, minkejja li l-użu tagħha ma jistax jiġi pprovat, ma jistax jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

50

Dan ikun differenti biss meta r-regoli dwar it-trade mark Komunitarja ma jkunux jarmonizzaw il-kunċett ta’ użu tat-trade mark.

51

Issa, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/95, li għandu l-għan li jarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq it-trade marks, jipprovdi li, lil hinn minn ċertu terminu, it-trade mark li l-proprjetarju tagħha ma jkunx għamel użu ġenwin minnha fl-Istat Membru kkonċernat hija suġġetta għas-sanzjonijiet previsti minn din id-direttiva, fosthom, b’mod partikolari l-invalidità.

52

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kunċett ta’ użu tat-trade mark Komunitarja fuq it-territorju tal-Unjoni huwa rregolat b’mod eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni biss.

53

Għalhekk, it‑tieni parti tal‑uniku aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet parti tal-uniku aggravju

L-argumenti tal-partijiet

54

Skont l-appellanti, il-fatt li l-użu, fuq it-territorju Ġermaniż, tat-trade mark li hija mitluba r-reġistrazzjoni tagħha jista’ jkun ipprojbit abbażi tal-Konvenzjoni tal-1892, iwassal sabiex tiġi affettwata n-natura unitarja tat-trade mark Komunitarja. Issa, għalkemm huwa aċċettat li l-prinċipju tal-uniċità ta’ tali trade mark għandu xi eċċezzjonijiet, dawn tal-aħħar għandhom ikunu espressament previsti mir-Regolament Nru 207/2009, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament.

55

B’riferiment għall-Artikoli 111 u 165 tal-imsemmi regolament, l-UASI jenfasizza li l-prinċipju tan-natura unitarja tat-trade mark Komunitarja ma huwiex assolut.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Għandu jitfakkar li l-prinċipju tan-natura unitarja tat-trade mark għandu eċċezzjonijiet, bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 207/2009.

57

B’mod patikolari, l-Artikolu 111(1) ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-proprjetarju ta’ dritt preċedenti ta’ portata lokali li jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fuq it-territorju fejn dan id-dritt huwa protett, sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tippermettih.

58

Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tan-natura unitarja tat-trade mark ma huwiex assolut.

59

Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-uniku aggravju hija infondata u li, għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan ir-regolament, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI talab li Rivella International AG tiġi kkundannata u din tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Rivella International AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.