Kawża C‑441/12

Almer Beheer BV

u

Daedalus Holding BV

vs

Van den Dungen Vastgoed BV

u

Oosterhout II BVBA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt tal-kumpanniji — Direttiva 2003/71/KE — Artikolu 3(1) — Obbligu li jiġi ppubblikat prospett meta jiġu offruti titoli għall-bejgħ lill-pubbliku — Bejgħ sfurzat ta’ titoli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014

  1. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Direttiva 2003/71 – obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel titoli jiġu offruti lill-pubbliku – Portata – Bejgħ sfurzat ta’ titoli – Esklużjoni – Trattament diskriminatorju tal-investituri – Assenza

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/71, Artikoli 2(1)(d) u 3(1))

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/71 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett qabel kwalunkwe offerta ta’ titoli lill-pubbliku ma huwiex applikabbli għal bejgħ sfurzat ta’ titoli.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma jsir l-ebda riferiment għall-bejgħ sfurzat ta’ titoli fl-imsemmija direttiva.

    Fit-tieni lok, il-protezzjoni tal-investituri u l-funzjonament tajjeb tal-iżvilupp tas-swieq jikkostitwixxu n-nukleu fundamentali tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. In-natura tal-operazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jsir il-bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar hija ferm differenti min-natura ta’ dawk imsemmija mid-Direttiva 2003/71, b’mod partikolari għaliex il-bejgħ sfurzat ma huwiex intiż sabiex jipparteċipa f’attività ekonomika fis-suq tat-titoli, iżda sempliċement sabiex jissodisfa d-drittijiet ta’ kreditur li qed jitlob l-infurzar.

    Minn dan jirriżulta li bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ma huwiex parti mill-għanijiet segwiti mill-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    Fl-aħħar nett, sa fejn is-sitwazzjoni tal-investituri li jixtru titoli fil-kuntest ta’ bejgħ sfurzat ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-investituri li jakkwistaw tali titoli fil-kuntest normali ta’ offerta lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2003/71, ma jistax jeżisti trattament diskriminatorju tal-investituri msemmija l-ewwel meta mqabbla mal-oħrajn.

    (ara l-punti 29, 33, 34, 36, 45, 49, 50 u d-dispożittiv)