SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )
“Taxxi interni — Artikolu 110 TFUE — Taxxa ta’ reġistrazzjoni — Prodotti nazzjonali simili — Newtralità tat-taxxa bejn vetturi bil-mutur użati importati u vetturi simili li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali”
Fil-Kawża C‑437/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof 's-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura
X,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. G. Fernlund (relatur), President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Ó Caoimh u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal X, minn M. de Jong, advocaat, |
|
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans, C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev kif ukoll minn R. Troosters u R. Lyal, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mibdija minn X, persuna ġuridika, dwar is-suġġett tat-taxxa fuq il-karozzi u l-muturi (“belasting personenauto’s en motorrijwielen”, iktar ’il quddiem il-“BPM”) li hija kellha tħallas għar-reġistrazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ vettura bil-mutur li ġejja minn Stat Membru ieħor. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 1 tal-Liġi tal-1992 dwar it-Taxxa fuq il-Karozzi u l-Muturi (Wet op de belasting personenauto’s en motorrijwielen 1992), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “1. Il-karozzi, il-muturi u l-vetturi kummerċjali huma suġġetti għal taxxa msejħa ‘[BPM]’. 2. It-taxxa hija dovuta meta ssir ir-reġistrazzjoni ta’ karozza, ta’ mutur jew ta’ vettura kummerċjali fir-reġistru maħruġ taħt il-Liġi dwar it-Traffiku tat-Toroq [Wegenverkeerswet] tal-1994. [...]” |
|
4 |
Mill-2006 sal-2009, il-BPM ġiet ikkalkolata, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi BPM, abbażi ta’ perċentwali tal-“prezz nett ikkatalogat” tal-vettura kkonċernata, suġġett għat-tnaqqis u għaż-żidiet deskritti f’din id-dispożizzjoni. |
|
5 |
Fir-rigward tal-prezz nett ikkatalogat, l-Artikolu 9(3) u (6) tal-Liġi BPM jipprovdi: “3. Prezz nett ikkatalogat ifisser il-prezz ikkatalogat li minnu titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud [...]) inkluża f’dan il-prezz. [...] 6. Rigward il-vetturi użati [...], il-prezz ikkatalogat applikabbli huwa dak fid-data li fiha l-vettura [...] intużat għall-ewwel darba. [...]” |
|
6 |
Mill-1 ta’ Frar 2008, il-bażi taxxabbli tal-BPM inbidlet. Hija ma għadhiex ikkalkolata biss fuq il-prezz nett ikkatalogat, iżda tinkludi wkoll ammont li jiddependi fuq ir-rata ta’ emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju (iktar ’il quddiem iċ-“CO2”), imkejjel skont id-Direttiva tal-Kunsill 80/1268/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-konsum tal-karburanti mill-vetturi bil-magna (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 6, p. 77). Għaldaqstant, fil-bażi taxxabbli tal-BPM, il-parti relatata mal-prezz nett ikkatalogat gradwalment naqset favur il-parti relatata mar-rata ta’ emissjoni ta’ CO2. |
|
7 |
Matul is-snin 2006 sa 2009, il-perċentwali tal-prezz nett ikkatalogat meħuda inkunsiderazzjoni fil-bażi taxxabbli tal-BPM kienu kif ġej:
|
|
8 |
Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009, minħabba dispożizzjonijiet tranżitorji, il-vetturi użati importati u rreġistrati matul dan il-perijodu, li ntużaw l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008, ma kinux suġġetti għall-BPM ikkalkolata abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2. |
|
9 |
Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-BPM, ikkalkolata fl-istess ħin skont il-prezz nett ikkatalogat u r-rata ta’ emissjoni ta’ CO2, tapplika għar-reġistrazzjoni tal-vetturi kollha, inklużi dawk li ntużaw l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008. |
|
10 |
Fir-rigward tal-ammont tal-BPM għall-vetturi użati, l-Artikolu 10 tal-Liġi BPM jipprovdi: “1. [...] l-ammont tat-taxxa applikabbli [għall-vetturi] [...] huwa kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis. 2. It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 huwa d-deprezzament espress bħala perċentwali tal-valur ta’ xiri fil-Pajjiżi l-Baxxi fid-data tal-ewwel użu tal-vettura. [...] [...]” |
|
11 |
Il-Liġi BPM tagħti lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa d-dritt li tagħżel BPM imnaqqsa jekk l-ammont tal-BPM li kellu jiġi applikat matul l-ewwel użu tal-vettura fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala vettura ġdida, skont id-dispożizzjonijiet legali relatati mal-bażi u mar-rati tat-taxxa kif fis-seħħ f’din id-data, huwa inqas mill-ammont ikkalkolat għall-2010. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
Fil-11 ta’ Jannar 2010, sabiex issir ir-reġistrazzjoni ta’ karozza fil-Pajjiżi l-Baxxi, X għamel dikjarazzjoni relatata mal-BPM ta’ ammont ta’ EUR 5 776 u ħallas dan l-ammont. Il-vettura tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba fil-Ġermanja fit-30 ta’ Mejju 2006 u għaldaqstant kellha pjanċa ta’ reġistrazzjoni Ġermaniża. |
|
13 |
X ressaq ilment kontra l-ammont tal-BPM dovut u mħallas. Peress li l-Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van rijksbelastingdienst ċaħad din it-talba, X ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Breda. Din il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors u tat rimbors tal-BPM ta’ ammont ta’ EUR 1 233. |
|
14 |
X ippreżenta appell quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch kontra s-sentenza mogħtija mir-Rechtbank Breda. X iqis li għall-kalkolu tal-ammont tal-BPM dovuta, dan għandu jkun ibbażat fuq l-ammont tat-taxxa li tkun għadha imposta fuq il-vetturi użati simili rreġistrati matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009, li fil-bażi taxxabbli tagħha ma kinitx inkorporata l-parti relatata mal-emissjonijiet ta’ CO2. X b’hekk talab ir-rimbors tal-BPM imħallsa f’ammont ta’ EUR 2 809. |
|
15 |
X sostna li l-PBM hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-ammont tagħha huwa ogħla minn dak li għadu jolqot il-vetturi użati simili użati għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008 u li, kuntrarjament għall-vettura inkwistjoni, ġew importati u rreġistrati matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Frar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009. Il-vetturi użati importati wara dan il-perijodu għandhom b’hekk jiġu ntaxxati b’mod iktar oneruż mill-vetturi komparabbli rreġistrati matul dan il-perijodu. |
|
16 |
Il-Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van de rijksbelastingdienst iqis li, għall-kalkolu tal-ammont tal-BPM dovut, dan għandu jkun ibbażat fuq l-ammont tat-taxxa li għadha imposta fuq vetturi simili li, bħall-vettura inkwistjoni, ġew użati għall-ewwel darba fl-2006 u li ġew irreġistrati bħala vetturi ġodda fil-Pajjiżi l-Baxxi matul din l-istess sena. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju għandha ċerti dubji dwar il-kompatibbiltà tal-BPM mal-Artikolu 110 TFUE. Hija tistaqsi jekk il-ġbir ta’ din it-taxxa għar-reġistrazzjoni tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-reġistru għandu jiġi miċħud sa fejn dan jiddependi fuq l-emissjonijiet ta’ CO2. Hija tistaqsi wkoll jekk l-ammont tal-BPM mitlub għar-reġistrazzjoni ta’ din il-vettura fl-2010 għandux jiġi mqabbel mal-ammont residwali ta’ din it-taxxa, li għadu inkorporat fl-2010 fil-valur ta’ vetturi simili, importati u rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2006 bħala vetturi ġodda, jew ukoll mal-ammont tal-imsemmija taxxa inkorporat fl-2010 fil-valur tal-vetturi li, bħall-imsemmija vettura inkwistjoni, kienu użati l-ewwel darba fl-2006 u sussegwentement ġew importati u rreġistrati bħala vetturi użati matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009. |
|
18 |
Huwa f’dawn il-ċirkustanzi li r-Rechtbank 's-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
19 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, liema huma, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, il-prodotti nazzjonali simili, komparabbli ma’ vettura użata li ntużat l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008 u li ġiet importata u rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010, kif ukoll, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 110 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħall-BPM fis-seħħ fl-2010. |
Il-prodotti nazzjonali simili
|
20 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li taxxa miġbura minn Stat Membru meta jiġu rreġistrati fit-territorju tiegħu vetturi bil-mutur intiżi li jiċċirkulaw tikkostitwixxi taxxa interna u għaldaqstant għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C-402/09, Ġabra p. I-2711, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Dwar dan is-suġġett, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti simili nazzjonali. |
|
22 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-vetturi bil-mutur preżenti fis-suq fi Stat Membru huma “prodotti nazzjonali” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE (ara s-sentenza Tatu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
|
23 |
Meta dawn il-prodotti huma mibjugħa fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili” għall-vetturi użati importati jekk il-proprjetajiet u l-ħtiġijiet tagħhom jpoġġuhom f’relazzjoni kompetittiva. Il-grad ta’ kompetizzjoni bejn żewġ mudelli jiddependi mill-mod kif jirrispondu għal rekwiżiti differenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-prezz, tad-daqsijiet, tal-kumdità, tal-prestazzjonijiet, tal-konsum, tad-durabbiltà u tal-affidabbiltà. Il-vettura ta’ riferiment għandha tkun dik li jkollha l-eqreb karatteristiċi għal dawk tal-vettura importata. Dan jimplika li jitqiesu l-mudell, it-tip u l-karatteristiċi l-oħra, bħalma huma l-mod ta’ propulsjoni jew it-tagħmir, kemm hija antika kif ukoll il-kilometraġġ, il-kundizzjoni ġenerali jew il-marka (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, Tulliasiamies u Siilin, C-101/00, Ġabra p. I-7487, punti 75 u 76, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-74/06, Ġabra p. I-7585, punti 29 u 37). |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji msemmija fil- paragrafu preċedenti la ġew elenkati b’mod komprensiv u lanqas b’mod imperattiv. Evidentement, il-vettura ta’ riferiment tista’ tvarja skont il-karatteristiċi proprji tal-vettura importata. Żewġ vetturi li għandhom l-istess data tal-ewwel użu mhux neċessarjament huma simili minħabba, pereżempju, differenza ta’ użu. Hija l-qorti nazzjonali, meta tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, li għandha tiddetermina liema huma l-prodotti nazzjonali li għandhom karatteristiċi eqreb lejn dawk tal-vettura importata inkwistjoni. |
|
25 |
Minn dan isegwi li l-prodotti nazzjonali simili, komparabbli għal vettura użata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ntużat l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008 u li hija importata u rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010, huma l-vetturi li huma diġà fis-suq Olandiż li għandhom l-eqreb karatteristiċi ma’ dawk tal-vettura inkwistjoni. |
Il-kompatibbiltà tal-BPM mal-Artikolu 110 TFUE
|
26 |
L-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Huwa intiż sabiex ineħħi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza Tatu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għal dan il-għan, kif huwa indikat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti simili nazzjonali. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE biss jekk jiġi stabbilit li topera b’mod li teskludi f’kull każ li l-prodotti importati jkunu ntaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li f’ebda każ, ma għandha effetti diskriminatorji (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑10/08, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-qasam tal-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, din id-dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża li tiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-47/88, Ġabra p. I-4509, punt 9, u tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 66). |
|
30 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, mill-ħlas ta’ taxxa fuq ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru, l-ammont ta’ din it-taxxa jiġi inkorporat fil-valur tal-vettura. Għalhekk, meta vettura rreġistrata fl-Istat Membru kkonċernat sussegwentement tinbiegħ bħala vettura użata f’dan l-istess Stat Membru, il-valur kummerċjali tagħha, li jinkludi l-ammont residwali tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni, ikun daqs perċentwali, iddeterminat mid-deprezzament ta’ din il-vettura, tal-valur inizjali tagħha (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C-290/05 u C-333/05, Ġabra p. I-10115, punt 54). |
|
31 |
B’hekk, hemm ksur tal-Artikolu 110 TFUE meta l-ammont ta’ din it-taxxa imposta fuq vettura użata li ġejja minn Stat Membru ieħor jeċċedi l-ammont residwali tal-imsemmija taxxa inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili li diġà huma rreġistrati fit-territorju nazzjonali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1995, Nunes Tadeu, C-345/93, Ġabra p. I-479, punt 20; tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C-393/98, Ġabra p. I-1327, punt 23; kif ukoll Tulliasiamies u Siilin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
|
32 |
Fil-fatt, jekk l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni imposta fuq il-vetturi użati jeċċedi l-ammont residwali tiegħu inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fis-suq nazzjonali, dan jirriskja li jiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li għalhekk jiskoraġġixxu l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili. |
|
33 |
Madankollu, l-Artikolu 90 KE ma huwiex intiż sabiex jimpedixxi lil Stat Membru milli jintroduċi taxxi ġodda jew milli jibdel ir-rata jew il-bażi taxxabbli ta’ taxxi eżistenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Nádasdi u Németh, punt 49, kif ukoll Tatu, punt 50). |
|
34 |
Madankollu, is-setgħa tal-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ taxxi ġodda jew il-modifika tar-rati jew tal-bażi taxxabbli tagħhom diġà eżistenti ma hijiex illimitata. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE għandha tapplika kull darba li taxxa tkun tali li tista’ tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għall-benefiċċju ta’ prodotti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tatu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
B’hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu taxxi ġodda jew jagħmlu modifiki f’dawk eżistenti li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiskoraġġixxu l-bejgħ ta’ prodotti importati favur il-bejgħ ta’ prodotti simili disponibbli fis-suq nazzjonali u introdotti fih qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija taxxi jew modifiki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tatu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). |
|
36 |
Fir-rigward tal-BPM, mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din it-taxxa hija dovuta u mħallsa biss fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fit-territorju Olandiż. Il-leġiżlazzjoni Olandiża ġiet emendata diversi drabi mill-2006. Qabel l-1 ta’ Frar 2008, l-imsemmija taxxa kienet ikkalkolata biss skont perċentwali tal-prezz nett ikkatalogat. Minn din id-data, il-bażi tat-taxxa tagħha inkludiet ukoll ammont li jiddependi fuq ir-rata ta’ emissjoni ta’ CO2. F’din il-bażi tat-taxxa, il-parti relattiva tal-prezz nett ikkatalogat gradwalment naqas favur il-parti relattiva tar-rati ta’ emissjoni ta’ CO2. |
|
37 |
Kif ġie enfasizzat mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni Ewropea, kien jidher li, minkejja l-modifika magħmula għall-metodu ta’ kalkolu tal-BPM, il-fatt li kkawżaha, jiġifieri l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jibqa’ l-istess, kemm qabel kif ukoll wara l-modifika inkwistjoni. F’din il-kawża, hija għaldaqstant l-istess taxxa bħal dik ta’ qabel. |
|
38 |
Anki jekk jitqies li hija taxxa ġdida, il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 110 TFUE, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, tapplika kull meta taxxa interjuri ta’ Stat Membru hija tali li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ merkanzija li ġejja minn Stati Membri oħra favur prodotti nazzjonali simili. |
|
39 |
Fil-kawża prinċipali, mill-proċess prodott lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-vetturi użati li ntużaw l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008, iżda li ġew importati u rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009 kienu, minħabba l-eżenzjoni fir-rigward tal-parti tal-BPM li tiddependi mir-rata ta’ emissjoni ta’ CO2 suġġetti għal BPM inqas oneruża minn dik li għaliha ġew suġġetti vetturi użati simili, li ġew importati u rreġistrati mill-1 ta’ Jannar 2010. |
|
40 |
F’dan il-każ, jeżistu fis-suq nazzjonali vetturi użati simili komparabbli ma’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-ammont residwali tal-BPM tagħhom li għadu inkorporat fil-valur tagħhom huwa inqas mill-ammont ta’ din it-taxxa li hija imposta fuq il-vettura inkwistjoni. |
|
41 |
Jekk dan l-aħħar ammont jeċċedi l-ammont residwali l-inqas baxx li għadu inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali, allura ma huwiex stabbilit li l-Liġi BPM hija stabbilita b’mod li teskludi, fi kwalunkwe każ, li l-prodotti importati jkunu ntaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għaldaqstant, li hija ma għandhiex, f’ebda każ, effetti diskriminatorji. |
|
42 |
Tali effetti diskriminatorji jistgħu jiġu evitati biss jekk huwa possibbli li jintgħażel l-ammont residwali tat-taxxa tar-reġistrazzjoni l-iktar baxx li għadu inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali. |
|
43 |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-ammont tal-BPM impost fuq vettura użata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeċċedix jew le l-ammont residwali l-iktar baxx ta’ din it-taxxa li għadu inkorporat fil-valur ta’ vetturi użati simili diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali. |
|
44 |
Isegwi li l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi taxxa bħal dik prevista mil-Liġi BPM, jekk u sa fejn l-ammont ta’ din it-taxxa imposta fuq il-vetturi użati importati matul ir-reġistrazzjoni tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi jaqbeż l-ammont residwali l-iktar baxx tiegħu inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru. |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, il-prodotti nazzjonali simili komparabbli għal vettura użata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ntużat l-ewwel darba qabel l-1 ta’ Frar 2008 u li ġiet importata u rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2010, huma l-vetturi li huma diġà fis-suq Olandiż li għandhom l-eqreb karatteristiċi ma’ dawk tal-imsemmija vettura inkwistjoni. |
|
L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa, bħat-taxxa fuq il-karozzi u l-muturi (“belasting personenauto’s en motorrijwielen”) fis-seħħ fl-2010, jekk u sa fejn l-ammont ta’ din it-taxxa imposta fuq il-vetturi użati importati matul ir-reġistrazzjoni tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi jaqbeż l-ammont residwali l-iktar baxx tiegħu, inkorporat fil-valur tal-vetturi użati simili diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.