SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE — Att iddelegat u att ta’ implementazzjoni — Regolament (UE) Nru 528/2012 — Artikolu 80(1) — Prodotti bijoċidali — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi — Stabbilimenti tad-drittijiet mill-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑427/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, C. Zadra u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u A. Troupiotis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u I. Šulce, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u D. Hadroušek, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo u J. Leppo, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, E. Juhász u M. Safjan, Presidenti ta’ awla, A. Rosas, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, p. 1), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu d-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) permezz ta’ att ibbażat fuq l-Artikolu 291(2) TFUE (iktar ’il quddiem l-“att ta’ implementazzjoni”) u mhux permezz ta’ att adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 290(1) TFUE (iktar ’il quddiem l-“att iddelegat”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 528/2012

2

Ir-Regolament Nru 528/2012, li jarmonizza ċerti regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali, jagħti lill-Aġenzija, kif jirriżulta mill-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, “kompiti speċifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi kif ukoll tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni [mill-Unjoni] ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali [...]”.

3

Il-premessa 64 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“L-ispejjeż tal-proċeduri assoċjati mal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ li jiġu rkuprati minn dawk li jqiegħdu l-prodotti bijoċidali għad-dispożizzjoni fis-suq u dawk [...] li japplikaw sabiex jagħmlu dan flimkien ma’ dawk li jappoġġaw l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. Sabiex jiġi promoss l-operat bla xkiel tas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti prinċipji komuni applikabbli kemm għall-imposti pagabbli lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluża l-ħtieġa li jittieħed kont, skont kif ikun meħtieġ, tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-[impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)].”

4

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(2), l-Artikolu 45(1) u (3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(2), l-Artikolu 54(1) u (3), u l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, l-Aġenzija għandha teżiġi l-ħlas ta’ drittijiet fir-rigward tal-intervent tagħha fil-proċeduri dwar, rispettivament, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew ta’ emenda ulterjuri fil-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, it-tiġdid ta’ tali approvazzjoni, l-awtorizzazzjoni mill-Unjoni ta’ prodotti bijoċidali, it-tiġdid u l-emenda ta’ tali awtorizzazzjoni kif ukoll l-istabbiliment ta’ ekwivalenza teknika ta’ sustanzi attivi. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 77(1) tal-istess regolament, “[j]ista’ jkun hemm drittijiet pagabbli, [...] mill-persuna li tressaq l-appell [kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija]”.

5

Fir-rigward tat-termini għall-ħlas tad-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3), u l-Artikolu 54(3) tar-regolament imsemmi jipprovdu li “[l]-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant bid-drittijiet pagabbli taħt l-Artikolu 80(1) u għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk l-applikant jonqos milli jħallas id-drittijiet fi żmien 30 jum”.

6

L-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 528/2012, dwar il-baġit tal-Aġenzija, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-dħul tal-Aġenzija għandu jikkonsisti minn:

(a)

sussidju mill-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-[Unjoni Ewropea] (it-Taqsima tal-Kummissjoni);

(b)

id-drittijiet mħallsa lill-Aġenzija skont dan ir-Regolament;

(c)

kwalunkwe ħlasijiet mħallsa lill-Aġenzija għas-servizzi li hi tipprovdi taħt dan ir-Regolament;

(d)

kwalunkwe kon[t]ribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri.”

7

L-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Drittijiet u ħlasijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 3, Regolament ta’ implimentazzjoni li jispeċifika:

(a)

id-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija, inklużi d-drittijiet annwali għall-prodotti li jingħataw awtorizzazzjoni tal-Unjoni skont il-Kapitolu VIII u d-drittijiet pagabbli għall-applikazzjonijiet għal rikonoxximent reċiproku skont il-Kapitolu VII;

(b)

ir-regoli li jiddefinixxu l-kondizzjonijiet għad-drittijiet imnaqqsin, eżenzjonijiet mid-drittijiet u r-rimbors tal-membru tal-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali li jaġixxi bħala relatur; u

(c)

il-kondizzjonijiet ta’ pagament.

Dak ir-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 82(3). Għandu japplika biss fir-rigward tad-drittijiet mħallsa lill-Aġenzija.

L-Aġenzija tista’ tiġbor ħlasijiet għal servizzi oħrajn li tipprovdi.

Id-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija għandhom jiġu stabbiliti f’tali livell sabiex jiġi żgurat li d-dħul derivat mid-drittijiet, meta mgħaqqad ma’ sorsi oħra ta’ dħul tal-Aġenzija skont dan ir-Regolament, ikun biżżejjed sabiex ikopri l-kost tas-servizzi mogħtija. Id-drittijiet pagabbli għandhom jiġu ppubblikati mill-Aġenzija.

2.   L-Istati Membri għandhom jitolbu direttament drittijiet mill-applikanti għal servizzi li huma jipprovdu fir-rigward tal-proċeduri taħt dan ir-Regolament, inklużi s-servizzi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jaġixxu bħala awtorità kompetenti li tevalwa.

Abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida rigward struttura armonizzata tad-[drittijiet].

L-Istati Membri jistgħu jimponu drittijiet annwali fir-rigward ta’ prodotti bijoċidali mqegħdin fis-swieq tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jiġbru ħlasijiet għal servizzi oħrajn li jipprovdu.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippublikaw ammont ta’ drittijiet mħallsin [pagabbli] lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

3.   Kemm ir-Regolament ta’ implimentazzjoni imsemmi fil-paragrafu 1 u kemm ir-regoli proprji tal-Istati Membri rigward drittijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

id-drittijiet għandhom ikunu stabbiliti fuq livell sabiex jiżguraw li d-dħul idderivat mid-drittjjiet, huwa, fil-prinċipju, suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż tas-servizzi mwassla u ma għandhomx ikunu aktar minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikopru dawk l-ispejjeż;

(b)

rimborż parzjali tal-imposta [għandu jingħata] jekk l-applikant jonqos milli jibgħat l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien speċifikat;

(c)

il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs għandhom jitqiesu, skont il-każ, inkluża l-possibbiltà ta’ qsim ta’ ħlas f’diversi ħ[l]asijiet bin-nifs u fażijiet;

(d)

l-istruttura u l-ammont tad-[drittijiet] għandhom iqisu jekk it-tagħrif ġiex ippreżentat f’daqqa jew separatament;

(e)

f’ċirkostanzi debitament iġġustifikati u fejn dan jiġi aċċettat mill-Aġenzija jew mill-awtorità kompetenti, id-drittijiet kollha jew parti minnhom jistgħu jkunu eżentati; u

(f)

l-iskadenzi għall-ħlas tad-drittijiet għandhom ikunu stabbiliti b’kont meħud tal-iskadenzi tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament.”

8

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 528/2012, dan ir-regolament għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2013.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

9

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2013, rispettivament, ġew ammessi l-interventi tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq insostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2013, ġie ammess l-intervent tar-Renju tad-Danimarka insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

10

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 sa fejn jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu d-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija permezz ta’ att ta’ implementazzjoni taħt l-Artikolu 291 TFUE u mhux permezz ta’ att iddelegat adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 290 TFUE;

iżżomm fis-seħħ l-effetti tad-dispożizzjoni annullata, kif ukoll ta’ kull att li ser jiġi adottat fuq il-bażi tagħha, sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, ta’ dispożizzjoni ġdida maħsuba sabiex tissostitwixxiha; u

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

11

Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din it-talba għal annullament parzjali tar-regolament imsemmi ma hijiex ammissibbli, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannullah fl-intier tiegħu u żżomm fis-seħħ l-effetti tiegħu ratione temporis.

12

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Parlament jitlob ukoll, sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors, li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm fis-seħħ l-effetti tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012, kif ukoll ta’ kull att adottat fuq il-bażi tiegħu, sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, ta’ dispożizzjoni ġdida maħsuba sabiex tissostitwixxi d-dispożizzjoni annullata.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

14

Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mir-Renju Unit, isostni li t-talba għal annullament parzjali tar-Regolament Nru 528/2012 hija inammissibbli minħabba li l-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament, li l-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tiegħu, ma jistax jinfired mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess regolament. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kunsill u dawn l-Istati Membri jirreferu għall-fatt li l-ħlas tad-drittijiet huwa meħtieġ għall-intervent tal-Aġenzija f’kull stadju tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ prodott bijoċidali.

15

Għall-kuntrarju, il-Parlament, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Finlandja jqisu li l-annullament tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 biss ma huwiex ser ikollu effett fuq is-sustanza ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, it-talba għal annullament parzjali hija ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 45, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, EU:C:2003:514, punt 33). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 528/2012 jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali. Fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, l-Aġenzija teżegwixxi kompiti marbuta mal-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi kif ukoll mal-awtorizzazzjoni, mill-Unjoni, ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali.

18

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 sempliċement jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa neċessarja sabiex tadotta regolament ta’ implementazzjoni li jispeċifika d-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija fir-rigward tal-kompiti eżegwiti fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ dawn id-drittijiet.

19

Minn dan isegwi li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jikkonċerna aspett li jista’ jinfired mill-qafas regolatorju stabbilit minn dan ir-regolament u li, għaldaqstant, l-eventwali annullament tiegħu ma huwiex ser ikollu effett fuq is-sustanza ta’ dan ir-regolament.

20

Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 528/2012 huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

21

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq ksur tat-Trattat FUE minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tas-sistema ta’ attribuzzjoni ta’ setgħat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

22

Fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn l-artikoli, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li s-setgħa mogħtija lilha bis-saħħa tal-Artikolu 291 TFUE hija ta’ natura purament implementattiva, filwaqt li taħt l-Artikolu 290 TFUE hija għandha setgħat ta’ natura kważi leġiżlattiva.

23

It-tieni nett, l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta att iddelegat jew att ta’ implementazzjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi u ċari li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE huma differenti u reċiprokament esklużivi. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-formulazzjoni stess ta’ dawn l-artikoli, l-uniku kriterju deċiżiv li permezz tiegħu tista’ tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn att iddelegat u att ta’ implementazzjoni jikkonċerna n-natura u l-għan tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni. Meta dawn is-setgħat jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ normi ta’ applikazzjoni ġenerali, li ma jkunux essenzjali u li l-funzjoni ġuridika tagħhom tkun li jitlesta l-qafas normattiv tal-att leġiżlattiv ikkonċernat, dawn in-normi jkunu qegħdin jikkompletaw l-att leġiżlattiv inkonformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE. Meta, għall-kuntrarju, l-uniku għan ta’ dawn in-normi jkun li jeżegwixxu r-regoli diġà previsti fl-att bażiku filwaqt li jkunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni fl-Unjoni, dawn in-normi jaqgħu taħt l-Artikolu 291 TFUE. L-eżerċizzju ta’ setgħat implementattivi taħt dan l-artikolu tal-aħħar b’ebda mod ma jista’ jkollu impatt fuq il-kontenut tal-att leġiżlattiv.

24

Skont il-Kummissjoni, la l-fatt li d-dispożizzjoni leġiżlattiva li tattribwixxi s-setgħa lill-Kummissjoni tkun iddettaljata ħafna, la l-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi din l-istituzzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas il-kwistjoni ta’ jekk l-att li għandu jiġi adottat minn din tal-aħħar jistabbilixxix drittijiet u obbligi ġodda ma jistgħu jiġu kkunsidrati, waħedhom, bħala elementi determinanti sabiex issir distinzjoni bejn l-atti ddelegati u l-atti ta’ implementazzjoni. Huma n-natura u l-għan tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li jiddeterminaw jekk din is-setgħa hijiex delega leġiżlattiva jew kompetenza ta’ implementazzjoni.

25

Fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012, il-Kummissjoni ssostni li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni attribwilha, b’mod żbaljat, setgħa ta’ implementazzjoni taħt l-Artikolu 291 TFUE. Fil-fatt, minn eżami tan-natura u tal-għan tas-setgħat li ġew attribwiti lilha b’dan il-mod jirriżulta li hija ser tkun meħtieġa tadotta att li jikkompleta ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE.

26

Il-Kummissjoni tenfasizza, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 528/2012, id-dħul tal-Aġenzija ma joriġinax biss mid-drittijiet imħallsa lil din tal-aħħar iżda wkoll minn sussidju tal-Unjoni, minn kwalunkwe ħlas magħmul lill-Aġenzija għas-servizzi pprovduti minnha kif ukoll minn kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri. Madankollu, l-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament ma jistabbilixxix kriterji maħsuba sabiex ikunu żgurati l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn id-diversi modalitajiet ta’ finanzjament tal-Aġenzija.

27

Fit-tieni lok, minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 3 tal-artikolu 80 tar-Regolament Nru 528/2012 jirriżulta li, skont il-“prinċipji” dwar id-drittijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex biss il-kompitu li tiddetermina, għal kull proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-ammont tad-dritt relatat magħha. Fil-fatt, l-Artikolu 80(1)(a) u (3)(a) jipprevedi, minn naħa, li, “fil-prinċipju”, id-drittijiet għandhom ikunu proporzjonati mas-servizzi pprovduti u għandhom ikopru l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi u, għaldaqstant, li tikkompleta d-dispożittiv leġiżlattiv. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għal drittijiet imnaqqsa, għal eżenzjonijiet mid-drittijiet u għal rimbors, imsemmija fl-Artikolu 80(1)(b) u (3)(e) tal-istess regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma speċifikax iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw li d-dritt, jew parti minnu, ma jkunx dovut. B’hekk, id-dispożizzjonijiet imsemmija jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkompleta l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, billi żżid elementi li ma jkunux essenzjali għal din il-leġiżlazzjoni.

28

Dan jgħodd ukoll, skont il-Kummissjoni, għall-“kondizzjonijiet ta’ pagament” previsti fl-Artikolu 80(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012, kunċett li l-portata tiegħu ma hijiex speċifikata u li għalhekk jista’ jkopri kemm sempliċi modalitajiet ta’ pagament li l-ksur tagħhom ma jkollu ebda impatt fuq il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u kemm kundizzjonijiet li l-ksur tagħhom jista’ jkun, jekk ikun il-każ, ta’ detriment għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

29

Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-fatt li l-Artikolu 80(3)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 jipprovdi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ impriżi ta’ daqs żgħar u medju (SMEs) “skont il-każ”, li jfisser li hija ma għandhiex biss għażla fir-rigward tal-modalitajiet ta’ “implementazzjoni” iżda wkoll is-setgħa li tikkompleta l-qafas leġiżlattiv billi tistabbilixxi kriterji ġenerali dwar it-tnaqqis tad-drittijiet li minnu jistgħu jibbenefikaw l-SMEs.

30

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 528/2012 jispeċifika wkoll il-prinċipji li għandhom josservaw ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet ma għandu ebda impatt fuq il-kwistjoni ta’ jekk is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni jaqgħux taħt l-atti ddelegati fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE jew taħt l-atti ta’ implementazzjoni adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 291 TFUE.

31

Il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll l-Istati Membri kollha li għamlu intervent f’din il-kawża, isostnu li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012, jagħti lill-Kummissjoni, ġustament, setgħa ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE. Fil-fatt, is-sistema ta’ drittijiet kif stabbilita fl-Artikolu 80 hija ddettaljata u ddefinita biżżejjed fuq il-livell leġiżlattiv, b’tali mod li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom biss natura implementattiva fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

L-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta regolament ta’ implementazzjoni, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, dwar id-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija li jkunu marbuta mad-diversi interventi magħmula minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.

33

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 291 TFUE ma jipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ att ta’ implementazzjoni iżda jirreferi sempliċement, fil-paragrafu 2 tiegħu, għall-ħtieġa li jiġi adottat tali att mill-Kummissjoni jew, f’ċerti każijiet speċifiċi, mill-Kunsill, sabiex jiġi żgurat li att tal-Unjoni legalment vinkolanti jiġi implementat f’kundizzjonijiet uniformi fl-Unjoni.

34

Barra minn hekk, mill-Artikolu 291(2) TFUE jirriżulta li huwa biss “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti [li] dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 [TUE] u 26 [TUE], lill-Kunsill”.

35

Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ att ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dak ta’ att iddelegat, kif dan il-kunċett jirriżulta mill-Artikolu 290 TFUE.

36

Fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-espressjoni “poteri ta’ implimentazzjoni” li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE kienet tkopri l-kompetenza li jiġi implementat, fuq il-livell tal-Unjoni, att leġiżlattiv tal-Unjoni jew uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, minn naħa, kif ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, il-kompetenza li jiġu adottati atti normattivi li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, min-naħa l-oħra. Il-Konvenzjoni Ewropea pproponiet distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kompetenzi, li tidher fl-Artikoli I-35 u I-36 tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Eventwalment, din l-emenda ġiet inkluża fit-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

37

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, “[a]tt leġislattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ l-att leġislattiv”.

38

Meta, f’att leġiżlattiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE, din tal-aħħar tkun meħtieġa tadotta regoli li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan l-att. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll id-durata tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu ddefiniti espressament fl-att leġiżlattiv li jagħti tali delega. Dan ir-rekwiżit jimplika li l-attribuzzjoni ta’ setgħa ddelegata hija intiża għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku.

39

Għall-kuntrarju, meta l-istess leġiżlatur jagħti setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, din tal-aħħar tkun meħtieġa tispeċifika l-kontenut ta’ att leġiżlattiv sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha.

40

Għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 291(2) TFUE. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-leġiżlatur setax raġonevolment jikkunsidra, minn naħa, li l-qafas legali stabbilit minnu fir-rigward tas-sistema ta’ drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jeħtieġ biss, sabiex jiġi implementat, li jiġi ppreċiżat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi emendat jew ikkompletat fir-rigward ta’ elementi mhux essenzjali u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 528/2012 dwar din is-sistema jeħtieġu kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni.

41

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li “[t]ispeċifika” d-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija, il-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom kif ukoll ċerti regoli dwar it-tnaqqis, l-eżenzjonijiet u r-rimborsi ta’ drittijiet, “abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 3 [tal-imsemmi artikolu]”.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-premessa 64 tar-Regolament Nru 528/2012 tistabbilixxi l-prinċipju stess tal-ħlas ta’ drittijiet lill-Aġenzija u, it-tieni nett, li dan ir-regolament jistabbilixxi, fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tiegħu, li dawn id-drittijiet “għandhom jiġu stabbiliti f’tali livell sabiex jiġi żgurat li d-dħul derivat mid-drittijiet, meta mgħaqqad ma’ sorsi oħra ta’ dħul tal-Aġenzija skont dan ir-Regolament, ikun biżżejjed sabiex ikopri l-kost tas-servizzi mogħtija”.

43

B’hekk, il-prinċipju li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 ġie stabbilit mil-leġiżlatur stess meta ddeċieda li d-drittijiet għandhom iservu biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-servizz, mingħajr ma huwa possibbli li dawn id-drittijiet iservu għal xi finijiet oħra u mingħajr ma huwa possibbli li l-livell tagħhom jiġi stabbilit f’ammont li jmur oltre l-ispejjeż tas-servizz ipprovdut mill-Aġenzija.

44

Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li r-Regolament Nru 528/2012 ma jistabbilixxix il-kriterji ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament u l-fatt li, skont l-Artikolu 80(3)(a) tal-istess regolament, id-drittijiet li għandhom jinġabru għandhom “fil-prinċipju” jkopru l-ispejjeż b’ebda mod ma jsostnu l-argument li l-Kummissjoni kellha tingħata setgħa ddelegata.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-iffissar tal-ammont tad-drittijiet imħallsa lill-Aġenzija f’livell suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti minnha huwa, min-natura tiegħu, eżerċizzju ta’ stima suġġett għal ċerti fatturi aleatorji bħalma huwa, b’mod partikolari, in-numru ta’ applikazzjonijiet ippreżentati quddiem l-Aġenzija. Kif josservaw il-Parlament u l-Kunsill, l-espressjoni “fil-prinċipju” għalhekk tesprimi essenzjalment id-diffikultà li jiġi żgurat, fiċ-ċirkustanzi kollha, li d-drittijiet miġbura mill-Aġenzija ser ikunu suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll sorsi oħra ta’ finanzjament tal-Aġenzija li, meta kkunsidrati flimkien mad-drittijiet, jippermettu li tiġu żgurata tali kopertura.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa mogħtija lilha bl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 huwa suġġett għal kundizzjonijiet u kriterji oħra, li ġew iddeterminati mil-leġiżlatur tal-Unjoni stess f’dan l-att leġiżlattiv. F’dan id-dawl, l-Artikolu 80(3) jipprovdi li d-dritt għandu jiġi rrimborsat parzjalment meta l-applikant ma jippreżentax l-informazzjoni meħtieġa fit-terminu previst [Artikolu 80(3)(b)]; li l-ħtiġijiet partikolari tal-SMEs għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jekk dan ikun meħtieġ, inkluża l-possibbiltà li l-pagamenti jsiru bin-nifs u f’fażijiet [Artikolu 80(3)(c)]; li l-istruttura u l-ammont tad-drittijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk l-informazzjoni kinitx ippreżentata f’daqqa jew separatament [Artikolu 80(3)(d)]; li f’ċirkustanzi debitament iġġustifikati u meta dan jiġi aċċettat mill-Aġenzija, id-drittijiet kollha jew parti minnhom jistgħu jkunu eżentati [Artikolu 80(3)(e)], u, fl-aħħar nett, li t-termini għall-ħlas tad-drittijiet għandhom jiġu ffissati billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni t-termini tal-proċeduri previsti fl-imsemmi regolament [Artikolu 80(3)(f)].

47

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tar-regoli li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dwar it-tnaqqis, l-eżenzjonijiet u r-rimborsi tad-drittijiet, previsti fl-Artikolu 80(1)(b) u (3)(e) tar-Regolament Nru 528/2012, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma speċifikax iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw li d-dritt ma jkunx jew ma jkunx totalment dovut u għalhekk, b’mod impliċitu, ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkompleta l-att leġiżlattiv. Bl-istess mod, l-Artikolu 80(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 ma josservax l-Artikolu 291 TFUE sa fejn jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddetermina l-“kondizzjonijiet ta’ pagament” tad-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija.

48

Tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment iqis li r-Regolament Nru 528/2012 jistabbilixxi qafas legali komplet fis-sens tal-punt 40 ta’ din is-sentenza fir-rigward tat-tnaqqis, tal-eżenzjonijiet u tar-rimborsi tad-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija meta jipprevedi, fl-Artikoli 7(4), 43(4) u 80(3)(b) ta’ dan ir-regolament, id-diversi sitwazzjonijiet fejn għandu jiġi awtorizzat ir-rimbors parzjali tad-drittijiet, filwaqt li fl-imsemmi Artikolu 80(3)(c) jipprovdi li l-“ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs għandhom jitqiesu” u filwaqt li jipprovdi, fl-Artikolu 80(3)(e), li d-drittijiet kollha jew parti minnhom jistgħu ma jkunux dovuti “f’ċirkostanzi debitament iġġustifikati u fejn dan jiġi aċċettat mill-Aġenzija”.

49

Dan jgħodd ukoll fir-rigward tas-setgħa li tistabbilixxi l-“kondizzjonijiet ta’ pagament” mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 80(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3) u l-Artikolu 54(3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu huma stess terminu ta’ tletin jum għall-ħlas tad-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija fir-rigward tad-diversi interventi min-naħa tagħha. Skont l-Artikolu 80(3)(f), it-termini għall-ħlas tad-drittijiet pagabbli fir-rigward tal-interventi l-oħra tal-Aġenzija “għandhom ikunu stabbiliti b’kont meħud tal-iskadenzi tal-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament”. Fir-rigward ta’ kundizzjonijiet oħra dwar il-ħlas, l-Artikolu 80(3)(c) isemmi “l-possibbiltà ta’ qsim ta’ ħlas f’diversi ħ[l]asijiet bin-nifs u fażijiet” sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs. Għaldaqstant, l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa mogħtija lilha bl-Artikolu 80(1)(c) jaqa’ f’qafas normattiv stabbilit mill-att leġiżlattiv stess li la jista’ jiġi emendat u lanqas ikkompletat, mill-att ta’ implementazzjoni, fir-rigward ta’ elementi mhux essenzjali.

50

Fl-aħħar nett, insostenn tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tinvoka l-fatt li l-Artikolu 80(3)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 jipprovdi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs “skont il-każ”, b’tali mod li, fil-fehma tagħha, dan l-artikolu ma jagħtihiex biss għażla fir-rigward tal-modalitajiet ta’ “implementazzjoni” iżda wkoll is-setgħa li tistabbilixxi kriterji ġenerali li jipprevedu jekk u sa fejn l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet imnaqqsa.

51

Lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’. L-użu tal-kliem “skont il-każ” jindika li r-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni ma għandux jipprevedi drittijiet imnaqqsa għall-SMEs fil-każijiet kollha. Tali tnaqqis għandu jingħata biss meta jkun meħtieġ minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn l-impriżi. B’hekk, l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs “skont il-każ” jikkorrobora l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa neċessarju li jistabbilixxi huwa stess qafas legali komplet, fis-sens tal-punt 40 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tas-sistema tad-drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012. B’hekk, skont l-Artikolu 80(3)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament, id-drittijiet għandhom jiġu stabbiliti f’livell li mhux biss jippermetti, bħala prinċipju, li jiġu koperti l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-Aġenzija, iżda li, fir-rigward tal-SMEs, jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn l-impriżi. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħlas, l-Artikolu 80(3)(c) tar-regolament imsemmi jipprevedi huwa stess il-possibbiltà, għall-SMEs, li l-pagamenti jsiru bin-nifs u f’fażijiet.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkompleta elementi mhux essenzjali ta’ dan l-att leġiżlattiv iżda li tispeċifika l-kontenut normattiv tiegħu, skont l-Artikolu 291(2) TFUE.

53

Fit-tieni lok, peress li s-sistema ta’ drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 tikkonċerna drittijiet pagabbli lil aġenzija tal-Unjoni, l-attribuzzjoni ta’ setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 291(2) TFUE tista’ titqies li hija raġonevoli sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ din is-sistema fl-Unjoni.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha ma huwiex fondat u li, għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

55

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill. Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit, li għamlu intervent insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, għandhom, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli msemmija, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.