SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Appell — Direttiva 2008/50/KE — Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa — Deċiżjoni dwar in-notifika mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-materja partikulata (PM10) — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni, imressqa abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talba inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑401/12 P sa C‑403/12 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Awwissu 2012 (C‑401/12 P u C‑402/12 P) u fis-27 ta’ Awwissu 2012 (C‑403/12 P),

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u G. Corstens, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne, P. Oliver, P. Van Nuffel u G. Valero Jordana kif ukoll minn S. Boelaert, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn D. Hadroušek, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Vereniging Milieudefensie, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn A. van den Biesen, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot (Relatur), Presidenti tal-Awla, E. Levits, C. Toader, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni (T‑396/09, EU:T:2012:301, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din laqgħet it-talba ta’ Vereniging Milieudefensie u ta’ Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C-2009) 6121, tat-28 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħhom intiża sabiex il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha C(2009) 2560 finali, tas-7 ta’ April 2009, li biha tagħti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi deroga temporanja mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

2

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”:

“Għall-finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adattat għas-saħħa u l-benesseri tagħha, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li kull persuna li tqis li t-talba għal informazzjoni li hija ppreżentat skont l-Artikolu 4 ġiet injorata, inġustament miċħuda, kemm jekk kollha kemm hi kif ukoll jekk parzjalment, jew ma ttieħditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq jew ma ġietx ipproċessata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, ikollha l-possibbiltà tressaq proċedura għal reviżjoni mill-ġdid quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbiliti bil-liġi.

Fil-każijiet fejn il-Parti tipprovdi għal tali reviżjoni mill-ġdid quddiem qorti, hija għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha wkoll aċċess għal proċedura mħaffa stabbilita bil-liġi li tkun bla ħlas jew irħisa, bil-għan ta’ eżami mill-ġdid tat-talba minn awtorità pubblika jew tal-eżami tagħha minn korp indipendenti u imparzjali li ma huwiex qorti tal-ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet finali meħuda skont il-paragrafu 1 għandhom jorbtu lill-awtorità pubblika li jkollha t-tagħrif. Ir-raġunijiet għandhom jingħataw bil-miktub, minn tal-inqas meta l-aċċess għat-tagħrif jiġi rrifjutat skont dan il-paragrafu.

2.   Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament,

b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Parti titlob dan bħala prekondizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew omissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk previst mid-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-artikolu. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jeżentaw l-obbligu li jiġu eżawriti l-proċeduri ta’ reviżjoni amministrattiva qabel ma jsir rikors għall-proċeduri ta’ reviżjoni ġudizzjarja, fil-każ fejn tali obbligu ikun previst fid-dritt nazzjonali.

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni mill-ġdid imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull Parti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk applikabbli, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż ordnijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, rapidi u mhux eċċessivament onerużi. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

5.   Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effikaċi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà mogħtija lilu li jressaq proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza bil-ħsieb li jiġu eliminati jew jitnaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

4

Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), jipprovdi fil-premessa 18 tiegħu:

“L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi għal aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra ta’ reviżjoni għall-kontestazzjoni ta’ atti u ommissjonijiet minn persuni fiżiċi u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru disposizzjonijiet tal-liġi relattivi għall-ambjent. Id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li dan ir-Regolament jindirizza biss atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi.”

5

L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt [il-Konvenzjoni ta’ Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

[...]

d)

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att amministrattiv” huwa fformulat kif ġej:

“kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment.”

7

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 intitolat “Talba għal reviżjoni interna tal-atti amministrattivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.”

Id-Direttiva 2008/50

8

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi:

“1.   Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2.   Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istat Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma’ l-iskadenzi.

3.   Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Fil-15 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod konformi mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, innotifika lill-Kummissjoni bil-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħaq il-valur limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu f’disa’ żoni kif ukoll bl-eżenzjoni mill-obbligu li japplikaw il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-materja partikulata li tgħaddi minn entrata b’50 % effiċjenza ta’ separabbiltà f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 µm.

10

Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni aċċettat dan il-posponiment billi adottat id-Deċiżjoni C(2009) 2560 finali.

11

B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2009, Vereniging Milieudefensie, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandha bħala għan il-ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li tiġġieled kontra t-tniġġis tal-arja fir-reġjun ta’ Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

12

Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli minħabba li d-Deċiżjoni C(2009) 2560 finali ma hijiex miżura ta’ portata individwali u ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, li tista’ tkun is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 tiegħu.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht talbu l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

14

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament u l-Kunsill talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament.

16

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tal-imsemmija talba għal eżami mill-ġdid intern u tistabbilixxilha terminu f’dan ir-rigward.

17

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala infondat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li kklassifikat id-deċiżjoni inkwistjoni bħala att ta’ portata ġenerali li ma tistax tiġi kklassifikata bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 u, għaldaqstant, ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq l-illegalità ta’ din l-aħħar dispożizzjoni minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

18

Wara li fakkret, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li, kif jagħmel kull ftehim internazzjonali ieħor li tiegħu hija parti kontraenti l-Unjoni, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tgawdi mis-supremazija fuq l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 53 tal-istess sentenza, li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali ħlief meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekluduhiex u, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed.

19

Madankollu, hija ppreċiżat, billi għamlet riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet ta’ trattat internazzjonali li ma humiex ta’ natura li joħolqu għal parti fil-kawża d-dritt li jinvokahom fil-qorti meta l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew fil-każ fejn l-att ta’ dritt sekondarju jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, meta dan ir-regolament ikun intiż li jimplementa obbligu impost minn dan il-ftehim fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

20

Fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’dan il-każ peress li, minn naħa, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ma kinux invokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, ikkontestaw, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-premessa 18 ta’ dan ir-regolament.

21

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jipprovdi proċedura għal eżami mill-ġdid intern biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

22

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Bl-appell tiegħu, ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑401/12 P), il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż.

24

Permezz tal-appell tiegħu, ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑402/12 P), il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tal-imsemmi partijiet fl-intier tiegħu u tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż.

25

Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑403/12 P), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tal-istess partijiet fl-intier tiegħu kif ukoll tikkundanna dawn tal-aħħar għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-proċeduri tal-appell.

26

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2012, il-Kawżi C‑401/12 u C‑402/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

27

Fit-28 ta’ Frar 2013, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht ippreżentaw risposta għall-appell li fiha talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u li tikkundanna lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċeduri tal-appell.

28

Huma ppreżentaw ukoll appell inċidentali li bih talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni u tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċeduri tal-appell.

Fuq l-appelli

Fuq l-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

29

Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, mill-inqas, inkwantu tipprovdi li l-“atti” li jippreġudikaw id-dritt nazzjonali tal-ambjent għandhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors u, konsegwentement, billi rrifjutat li tevalwa l-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni.

30

Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jqisu li l-appell inċidentali għandu jkun miċħud bħala inammissibbli minħabba li l-aggravju invokat jipprevedi biss fir-realtà li jqiegħed inkwistjoni parti mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata, u mhux is-soluzzjoni tagħha, b’mod li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu sussidjarjament li l-aggravju invokat huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikoli 169(1) u 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull appell, kemm jekk prinċipali kif ukoll jekk inċidentali, għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

33

F’dan il-każ, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht kisbu, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni konformement mat-talbiet tar-rikors tagħhom. L-appell inċidentali tagħhom li fir-realtà huwa intiż biss sabiex tinkiseb sostituzzjoni tal-motivi fir-rigward tal-analiżi tal-invokabbiltà tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’ (ara, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna appell prinċipali, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45).

34

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-appelli prinċipali

35

Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu prinċipalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

36

Sussidjarjament, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ewwel motiv tal-appelli

L-argumenti tal-partijiet

37

Il-Kunsill isostni li ż-żewġ każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li għandu individwu li jinvoka dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inkondizzjonabbiltà u ta’ preċiżjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni, huma eċċezzjonali u ma jirriflettux, fi kwalunkwe każ, il-każ ineżami.

38

Fil-fatt, minn naħa, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) hija ġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li fiha r-regolament inkwistjoni jagħti lill-operaturi kkonċernati d-dritt li jinvokaw regoli tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”). Barra minn hekk, din is-soluzzjoni ma hijiex intiża li tiġi applikata barra mill-kamp speċifiku ta’ dan il-ftehim.

39

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), il-Kunsill iqis li hija tikkonċerna biss il-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari sostnut fil-kuntest tal-GATT, liema fatt lanqas ma huwa inkwistjoni fil-każ ineżami.

40

Il-Parlament u l-Kummissjoni jinvokaw, essenzjalment, argumenti simili.

41

Fir-rigward tas-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), il-Kummissjoni żżid li din tikkonċerna biss il-każ fejn att tal-Unjoni tkun espliċitament irreferiet għal dispożizzjonijiet partikolari tal-GATT.

42

Fir-rigward tas-sentenza Najima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), hija tqis li din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi mistħarreġ kull att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-ftehim internazzjonali li jimplementa dan l-att, jekk ikun il-każ. Sabiex tali stħarriġ ikun jista’ jiġi eżerċitat, l-att tad-dritt tal-Unjoni għandu jikkostitwixxi eżekuzzjoni diretta u eżawrjenti tal-ftehim internazzjonali u għandu jintrabat ma’ obbligu suffiċjentement ċar u preċiż tiegħu, li ma huwiex il-każ ineżami.

43

Il-Parlament isostni li s-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) tipprevedi biss il-każ ta’ riferiment espress ta’ att ta’ dritt sekondarju għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ ftehim internazzjonali, li jikkostitwixxi mhux sempliċi riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet, iżda l-inkorporazzjoni tagħhom. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1367/2006, li sempliċement tiddeskrivi l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sabiex tqis li din il-kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk regolament tal-Unjoni jinkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, dawn jistgħu jiġu invokati biss sabiex isir kontroll tal-validità ta’ dan ir-regolament stess.

44

Fir-rigward tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), il-Parlament isostni li s-soluzzjoni li ngħatat f’din is-sentenza tikkonċerna l-każ fejn att ta’ dritt sekondarju jimplementa obbligu partikolari impost minn ftehim internazzjonali, li fil-kuntest tiegħu l-Unjoni hija obbligata taġixxi b’mod partikolari u ma tistax tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni. Madankollu, l-“obbligi” li tagħmel riferiment għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata ma humiex obbligi “partikolari”, fis-sens tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), peress li l-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji” msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(4) tagħha.

45

Il-Parlament isostni wkoll, billi jinvoka s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742), li meta applikat il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186) mingħajr ma r-rilevanza tagħhom għall-każ inkwistjoni ġiet diskussa minn qabel bejn il-partijiet, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju ta’ kontradittorju.

46

Huwa jżid li ċ-ċirkustanzi tal-kawża huma distinti wkoll minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293) li kienet tikkonċerna l-ksur ta’ regola ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li taffettwa l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-effett dirett tagħha ma kienx ikkontestat.

47

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312) kif ukoll Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), ma aċċettatx li tistħarreġ il-validità ta’ direttiva meta mqabbla ma’ ftehim internazzjonali minkejja li din id-direttiva kienet tirreferi għalih.

48

Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht isostnu, qabelxejn, li mis-sentenza Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125) ma tirriżulta ebda indikazzjoni dwar l-effett dirett possibbli tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49

Huma jqisu, minn naħa, li permezz tan-natura u tal-għan tagħha, din il-konvenzjoni ma tostakolax l-istħarriġ, għat-talba tal-assoċjazzjonijiet tad-difiża tal-ambjent, tal-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet ta’ dan l-istħarriġ, stabbiliti fis-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) huma sodisfatti peress li r-Regolament Nru 1367/2006 jinkludi diversi riferimenti għall-imsemmija konvenzjoni, u b’mod partikolari għall-Artikolu 9(3) tagħha.

50

Sussegwentement, huma jsostnu li l-unika possibbiltà ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ att ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja adita bid-deċiżjonijiet tar-rinviju preliminari minn qrati nazzjonali ma humiex suffiċjenti sabiex jiżguraw l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjoni.

51

Finalment, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju peress li tat lill-partijiet il-possibbiltà li jagħtu l-fehma tagħhom dwar l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186) matul is-seduta. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (EU:C:2009:742) invokata mill-Parlament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Bis-saħħa tal-Artikolu 300(7) KE (li sar l-Artikolu 216(2) TFUE), jirriżulta li l-istituzzjonijiet huma marbuta bil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u, għaldaqstant, dawn jipprevalu fuq l-atti adottati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, EU:C:2008:312, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Madankollu, l-effetti, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stati terzi ma jistgħux jiġu ddeterminati billi tiġi eskluża l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu tali ftehim huma liberi li jiftiehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti. Jekk din il-kwistjoni ma tkunx ġiet espressament irregolata fl-imsemmi ftehim, huma l-qrati kompetenti, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha skont it-Trattat FUE, li għandhom jiddeċiedu dwarha bl-istess mod bħal ma jiddeċiedu dwar kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ ftehim inkwistjoni fl-Unjoni b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq l-ispirtu, l-iskema ġenerali jew it-termini ta’ dan il-ftehim (ara, is-sentenza FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenzi Intertanko et, EU:C:2008:312, punt 45; FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:476, punti 110 u 120; kif ukoll Air Transport Association of America et, EU:C:2011:864, punt 54).

55

Fir-rigward tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus dan ma jinkludi ebda obbligu inkondizzjonali u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi u konsegwentement, ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali” li għandhom id-drittijiet previsti fl-istess Artikolu 9(3), din id-dispożizzjoni hija suġġetta, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri (ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, EU:C:2011:125, punt 45).

56

Ċertament, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet konkluż fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehimiet WTO”) jew fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi b’mod speċifiku għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tar-regoli ta’ dawn il-ftehimiet (ara s-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni, EU:C:1989:254, punti 19 sa 23; Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32; Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, EU:C:1994:367, punt 111; u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑352/96, EU:C:1998:531, punt 19).

57

Madankollu, dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ġew iġġustifikati biss permezz tal-partikolaritajiet tal-ftehimiet li taw lok għall-applikazzjoni tagħhom.

58

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2641/84, tas-17 ta’ Settembru 1984, dwar it-tisħiħ tal-politika komuni kummerċjali rigward b’mod partikolari l-protezzjoni kontra prattiċi kummerċjali illeċiti (ĠU L 252, p. 1) inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kien jirreferi espressament għar-regoli tad-dritt internazzjonali bbażati, essenzjalment, fuq il-GATT, u kien jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt li jinvokaw dispożizzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ lment imressaq bis-saħħa ta’ dan l-istess regolament (sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni, EU :C :1989:254, punt 19), minkejja li, f’dan il-każ, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 la jirreferi direttament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma jagħti dritt lill-individwi. Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, l-imsemmija sentenza ma tistax titqies li hija rilevanti f’dan il-każ.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), għandu jiġi rrilevat li l-atti tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni f’din tal-aħħar kienu marbuta mas-sistema antidumping li hija densa ħafna fil-kunċett tagħha u fl-applikazzjoni tagħha, fis-sens li tipprovdi miżuri fir-rigward tal-impriżi akkużati li jirrikorru għal prattiki ta’ dumping. B’mod iktar konkret, ir-regolament bażiku inkwistjoni f’din il-kawża kien ġie stabbilit konformement mal-obbligi internazzjonali li jeżistu fil-Komunità, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ u l-protokoll anness miegħu, approvat f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea mid-Deċiżjoni 80/271/KEE tal-Kunsill, tal-10 ta’ Diċembru 1979, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali mill-1973 sa’ l-1979 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali mill-1973 sal-1979 (ĠU 1980, L 71, p. 1) (ara sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punt 30). Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx inkwistjoni l-implementazzjoni, permezz tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, tal-obbligi partikolari fis-sens tal-imsemmija sentenza, sa fejn, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet kontraenti tagħha għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji”.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex possibbli li jitqies li, billi adottat l-imsemmi regolament, li jikkonċerna biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jirrigwarda biss, barra minn hekk, wieħed mir-rimedji li għandhom il-partijiet f’kawża sabiex jiġi osservat id-dritt tal-ambjent tal-Unjoni, din tal-aħħar kellha l-intenzjoni timplementa, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dawl tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, barra minn hekk jaqgħu essenzjalment taħt id-dritt tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, EU:C:2011:125, punti 41 u 47).

61

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

62

Għaldaqstant, hemm lok, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni insostenn tal-appelli tagħhom, li tiġi annullata s-sentenza appellata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

63

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li għandha tingħata deċiżjoni fuq il-mertu dwar it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

65

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew li l-Kummissjoni qieset bi żball bħala inammissibbli t-talba tagħhom ta’ eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, minħabba li kienet tirrigwarda miżura ta’ portata ġenerali.

66

Għall-istess raġunijiet bħal dawk ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

67

Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew ukoll, permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huwa invalidu, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-atti amministrattivi individwali.

68

Mill-punt 55 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex ċar u preċiż kif meħtieġ sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi validament invokata quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

69

Konsegwentement, jeħtieġ li t-tieni motiv ukoll jiġi miċħud bħala infondat.

70

Peress li ebda wieħed miż-żewġ motivi tar-rikors invokati minn Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreining Utrecht quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwa fondat, konsegwentement dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

71

Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens. Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

72

Peress li Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht tilfu l-motivi tagħhom u peress li l-Kunsill, il-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni talbu għall-kundanna tal-ispejjeż tagħhom, għandhom jiġu kkundannati in solidum għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni.

73

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell inċidentali huwa miċħud.

 

2)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni (T-396/09, EU:T:2012:301) hija annullata.

 

3)

Ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minn Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht huwa miċħud.

 

4)

Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht huma kkundannati in solidum għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appelli mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea.

 

5)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.