SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ — Xandir ta’ xogħlijiet fil-kmamar ta’ stabbiliment termali — Effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva — Artikoli 56 TFUE u 102 TFUE — Direttiva 2006/123/KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kompetizzjoni — Dritt esklużiv ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur”

Fil-Kawża C‑351/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Plzni (Ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním o.s.

vs

Léčebné lázně Mariánské Lázně a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Aġent Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním o.s., minn A. Klech u P. Vojíř, advokáti, kif ukoll minn T. Matějičný, bħala aġent,

għal Léčebné lázně Mariánské Lázně a.s., minn R. Šup, advokát,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Drwięcki, D. Lutostańska u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, I. V. Rogalski u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikoli 56 TFUE u 102 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním o.s. (iktar ’il quddiem, “OSA”), korp ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali, u Léčebné lázně Mariánské Lázně a.s. (iktar ’il quddiem, “Léčebné lázně”), kumpannija li tmexxi stabbiliment ta’ kura għas-saħħa termali mhux Statali li jipproponi kura termali, rigward il-ħlas ta’ miżati fuq id-drittijiet tal-awtur marbuta mad-disponibbiltà ta’ xandiriet tat-televiżjoni u tar-radju fil-kmamar ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

5

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”:

“[...]

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2[, intitolat ‘Dritt ta’ riproduzzjoni’,] fil-każi li ġejjin:

[...]

e)

rigward riproduzzjonijiet ta’ xandirijiet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet, bil-kondizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

b)

użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika;

[...]

5.   L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

[...]”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

[...]”

8

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Derogi addizzjonali mill-libertà li jiġu provduti servizzi”:

“L-Artikolu 16 m’għandux japplika għal:

[...]

11)

drittijiet ta’ l-awtur, drittijiet tal-viċinat [relatati...]”

Id-dritt Ċek

9

Skont l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 121/2000 dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem, “il-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ waqt il-perijodu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, it-trażmissjoni bir-radju jew bit-televiżjoni ta’ xogħol hija ddefinita li tfisser li xogħol imxandar bir-radju jew bit-televiżjoni jkun disponibbli permezz ta’ tagħmir teknikament adattat sabiex jirċievi trażmissjoni bir-radju jew bit-televiżjoni. Madankollu, ma jitqiesx li huwa tali li xogħol ikun disponibbli għal pazjenti meta jkunu qed jiġu pprovduti servizzi ta’ kura fi stabbilimenti li jipprovdu tali servizzi.

10

L-Artikolu 98 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur tissuġġetta l-eżerċizzju tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni. Skont il-paragrafu 6(c) ta’ dan l-artikolu, il-ministeru kompetenti jista’ jagħti tali awtorizzazzjoni biss jekk persuna oħra ma jkollhiex diġà awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-istess dritt fir-rigward tal-istess oġġett ta’ protezzjoni u, jekk ikun xogħol, għall-eżerċizzju tal-istess dritt fir-rigward tal-istess tip ta’ xogħol.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

OSA titlob li Léčebné lázně tħallas l-ammont ta’ 546995 koruna Ċeka (CZK), flimkien mal-interessi moratorji, għall-installazzjoni, tul il-perijodu kontenzjuż bejn l-1 ta’ Mejju 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009 u mingħajr ma kkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja ma’ OSA, fil-kmamar tal-istabbilimenti termali tagħha ta’ settijiet tar-radju u tat-televiżjoni li permezz tagħhom kienet tagħti lill-klijenti u lill-pazjenti tagħha xogħol ġestit minn OSA. Skont din tal-aħħar, l-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, fil-parti li tipprevedi eċċezzjoni mill-ħlas tal-kumpens għal drittijiet tal-awtur favur stabbilimenti tas-saħħa meta jipprovdu kuri, tmur kontra d-Direttiva 2001/29.

12

Léčebné lázně ssostni li hija taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 23 u tikkontesta l-allegazzjoni li din id-dispożizzjoni tmur kontra d-Direttiva 2001/29. Hija żżid li jekk, madankollu, kellu jiġi deċiż li fil-fatt din id-dispożizzjoni tmur kontra l-imsemmija direttiva, din id-direttiva ma tistax tiġi invokata f’tilwima bejn individwi.

13

Minbarra dan, Léčebné lázně ssostni li OSA tabbuża mill-pożizzjoni ta’ monopolju tagħha fis-suq, peress li l-ammont tal-kumpens previst bit-tabelli tagħha huwa sproporzjonalment għoli meta mqabbel mal-kumpens mitlub mill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem, il-“korpi ta’ ġestjoni”) fl-Istati ġirien għall-istess tip ta’ użu ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, u dan jikkomprometti l-pożizzjoni tagħha fis-suq u l-kompetittività tagħha fil-konfront tal-istabbilimenti termali li jinsabu fl-Istati ġirien. L-istabbiliment tagħha jintuża minn klijentela barranija u jirċievi s-sinjal ta’ kanali tat-televiżjoni u tar-radju barranin. Hija tinvoka restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi u ssostni li hija għandha interess li tikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja ma’ korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, li jitlob drittijiet tal-awtur li ma humiex daqstant għoljin.

14

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Krajský soud v Plzni ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [2001/29] għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eċċezzjoni li ma tippermettix remunerazzjoni għal awturi għall-komunikazzjoni tax-xogħol tagħhom permezz tax-xandir bit-televiżjoni jew bir-radju lill-pazjenti fil-kmamar ta’ stabbiliment termali li tkun impriża kummerċjali tikser l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5 tagħha [u, b’mod partikolari, l-]Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u […] (5)?

2)

Il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tax-xogħol imsemmi iktar ’il fuq fid-direttiva huwa daqshekk inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż biex jippermetti lill-korpi ta’ ġestjoni […] ikunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali f’kawża bejn individwi jekk l-Istat [Membru] ma jkun[x] ittraspona korrettament id-[D]irettiva [2001/29] fil-liġi nazzjonali?

3)

L-Artikoli 56 et seq [TFUE] kif ukoll l-Artikolu 102 [TFUE] (jew fejn xieraq l-Artikolu 16 tad-Direttiva [2006/123]) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tal-Istat [Membru] lil korp wieħed biss (monopolistika) ta’ ġestjoni […], ma tippermettix lid-destinatarju tas-servizz li jagħżel liberament korp ta’ ġestjoni […] ta’ Stat [Membru] ieħor tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

15

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2013, Léčebné lázně talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna “miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji” li jinkludu l-produzzjoni ta’ sentenza tal-14 ta’ Mejju 2013 du Městský soud v Praze, u hija annettiet din is-sentenza mal-imsemmi att. Permezz ta’ dan tal-aħħar, Léčebné lázně talbet ukoll il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Din it-talba ġiet immotivata bil-fatt li l-imsemmija sentenza hija marbuta mat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll bil-fatt li, skont Léčebné lázně, il-punti 28 u 29 tat-talbiet tal-Avukat Ġenerali jinkludu affermazzjonijiet żbaljati.

16

Fid-dawl tal-kontenut tagħha, l-imsemmija talba għandha titqies, fl-istat attwali tal-proċedura, bħala talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

18

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jsir riferiment għaliha fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ġiet diskussa ampjament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-persuni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għal din id-domanda.

19

Imbagħad, fir-rigward tad-deċiżjoni mogħtija mill-Městský soud v Praze, din ma tistax titqies li tikkostitwixxi fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq ir-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

20

Fl-aħħar nett, ma huwiex allegat li din il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Konsegwentement, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi d-dritt għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni, minn stabbiliment termali li jopera bħala impriża kummerċjali, tax-xogħlijiet tagħhom, bil-komunikazzjoni b’mod deliberat permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-kmamar tal-pazjenti ta’ dan l-istabbiliment. Minbarra dan, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u (5) ta’ din id-direttiva huwiex tali li jaffettwa l-interpretazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni f’kuntest bħal dan.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, billi tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għaldaqstant il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem f’sens wiesa’, kif tipprovdi b’mod espliċitu, barra minn hekk, il-premessa 23 ta’ din id-direttiva (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Kif isostnu ġustament OSA, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea, għandu jitqies li att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeżisti meta l-operatur ta’ stabbiliment termali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti lill-pazjenti tiegħu aċċess għax-xogħlijiet imxandra bir-radju jew bit-televiżjoni, billi jiddistribwixxi fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment is-sinjal riċevut, li jġorr ix-xogħlijiet protetti.

25

Fil-fatt, qabel kollox, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni” għandu jinftiehem li jirreferi għat-trażmissjonijiet kollha tax-xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użati (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punt 193).

26

Għaldaqstant, l-operatur ta’ stabbiliment termali jwettaq komunikazzjoni meta jittrażmetti b’mod deliberat xogħlijiet protetti, bid-distribuzzjoni volontarja ta’ sinjal permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, fil-kmamar tal-pazjenti ta’ dan l-istabbiliment [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 196, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, punt 40].

27

Imbagħad, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “pubbliku” li għalih jirreferi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jinkludi, barra minn hekk, numru ta’ persuni pjuttost kunsiderevoli (sentenza ITV Broadcasting et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

28

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari dan il-kriterju msemmi l-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv li jirriżulta mit-tqegħid ta’ xogħlijiet għad-dispożizzjoni ta’ destinatarji potenzjali. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment rilevanti n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess b’mod parallel jew suċċessiv għall-istess xogħol (sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 39, kif ukoll ITV Broadcasting et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

29

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, stabbiliment termali jista’ jakkomoda, kemm fl-istess waqt kif ukoll suċċessivament, numru indeterminat iżda pjuttost kunsiderevoli, ta’ persuni li jistgħu jirċievu x-xandiriet fil-kmamar tagħhom.

30

Bil-kontra ta’ dak li ssostni Léčebné lázně, is-sempliċi fatt li l-pazjenti ta’ stabbiliment termali huma ġeneralment akkomodati hemm matul perijodu itwal milli huma l-klijenti f’lukanda ma huwiex tali li jinvalida din il-konstatazzjoni, għaliex, bl-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid tax-xogħlijiet għad-dispożizzjoni ta’ tali pazjenti, dan jista’ dejjem jikkonċerna numru ta’ persuni pjuttost kunsiderevoli.

31

Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ix-xogħol imxandar għandu wkoll jiġi trażmess lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-atturi tax-xogħlijiet protetti meta huma awtorizzaw l-użu tagħhom bil-komunikazzjoni lill-pubbliku inizjali (sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 197 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Bħall-klijenti ta’ lukanda, il-pazjenti ta’ stabbiliment termali jikkostitwixxu tali pubbliku ġdid. Fil-fatt, l-istabbiliment termali huwa l-korp li jintervjeni, f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu, sabiex jagħti aċċess għax-xogħol protett lill-pazjenti tiegħu. Fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-pazjenti ma jkunux jistgħu, bħala regola ġenerali, igawdu mix-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42).

33

Għaldaqstant il-komunikazzjoni minn stabbiliment termali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħlijiet protetti, bid-distribuzzjoni b’mod deliberat ta’ sinjal permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, fil-kmamar tal-pazjenti ta’ dan l-istabbiliment tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

34

Din l-interpretazzjoni ma ġietx invalidata bl-argument, imqajjem minn Léčebné lázně, li jgħid li att ta’ komunikazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu l-istess karatteristiċi bħal komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti, imwettqa minn dentist fil-klinika tiegħu u li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10), li din ma taqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

35

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-prinċipji dedotti mis-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex rilevanti f’din il-kawża peress li din tal-aħħar tirrigwarda mhux id-drittijiet tal-awtur imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda d-dritt ta’ natura kumpensatorja tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi li huwa previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).

36

Peress li komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dritt esklużiv għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu din il-komunikazzjoni, sakemm din tal-aħħar ma taqax taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista mid-Direttiva 2001/29.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u (5) tal-imsemmija direttiva, li jsir riferiment espliċitu għalih mill-qorti tar-rinviju, jistax jiġġustifika tali eċċezzjoni jew limitazzjoni.

38

Fir-rigward, qabel kollox, tal-Artikolu 5(2)(e) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprovdi bażi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni, previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant hija ma tistax tipprovdi bażi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

39

F’dak li jirrigwarda, imbagħad, l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29, dan jippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva meta l-każ jirrigwarda użi għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà li huma marbuta direttament mad-diżabbiltà inkwistjoni u li ma humiex ta’ natura kummerċjali, sa fejn meħtieġ mill-imsemmija diżabbiltà. L-ebda element fil-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li s-sett ta’ kundizzjonijiet imsemmija f’din l-ewwel dispożizzjoni huma sodisfatti f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, dan ma jistabbilixxix eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-drittijiet imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva iżda sempliċement jispeċifika l-portata tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet, stabbiliti fil-paragrafi preċedenti ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.

41

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi d-dritt għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni, minn stabbiliment termali li jopera bħala impriża kummerċjali, tax-xogħlijiet tagħhom, bid-distribuzzjoni b’mod deliberat ta’ sinjal permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, fil-kmamar tal-pazjenti ta’ dan l-istabbiliment. L-Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u (5) ta’ din id-direttiva ma huwiex tali li jaffettwa din l-interpretazzjoni.

Fuq it-tieni domanda

42

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat minn korp ta’ ġestjoni f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikser din id-dispożizzjoni.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonali ta’ direttiva intiża sabiex tagħti drittijiet jew timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ tilwima esklużivament bejn individwi (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Association de médiation sociale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza Association de médiation sociale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, peress li, meta tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C-188/89, Ġabra p. I-3313), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tal-motivazzjoni tat-tieni domanda tagħha, fuq in-natura reali ta’ korp ta’ ġestjoni bħalma hija OSA, għandu jingħad ukoll li tali korp ta’ ġestjoni lanqas ma jista’ jinvoka l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tmur kontra din id-dispożizzjoni, jekk dan l-istess korp kellu jitqies li huwa emanazzjoni tal-Istat.

47

Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, is-sitwazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tkun mhux dik ta’ individwu li jinvoka l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva kontra l-Istat Membru, iżda s-sitwazzjoni opposta. Hija ġurisprudenza stabbilita li direttiva ma tistax minnha nfisha toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi invokat minn korp ta’ ġestjoni f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tmur kontra din id-dispożizzjoni. Il-qorti adita b’tali tilwima għandha madankollu l-obbligu li tinterpreta l-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan finali ta’ din l-istess dispożizzjoni sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha.

Fuq it-tielet domanda

Fuq l-ammissibbiltà

49

OSA kif ukoll il-Gvern Ċek u l-Gvern Awstrijak jesprimu dubji rigward l-ammissibbiltà tat-tielet domanda. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li Léčebné lázně pprovat tikkonkludi kuntratt ma’ korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, ir-risposta għat-tielet domanda ma għandha l-ebda effett fuq l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Indipendentement minn din ir-risposta, hija ma tistax teżenta lil Léčebné lázně mill-obbligu li tħallas lil OSA l-kumpens inkwistjoni.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma hija marbuta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Belvedere Costruzioni, C‑500/10, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Léčebné lázně invokat id-dispożizzjonijiet, imsemmija fit-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, sabiex tikkontesta n-natura allegatament għolja wisq tal-miżati mitluba minn OSA meta mqabbla ma’ dawk mitluba mill-korpi ta’ ġestjoni fl-Istati ġirien.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li t-tielet domanda bl-ebda mod ma hija marbuta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

53

Għaldaqstant it-tielet domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

54

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll l-Artikoli 56 TFUE u/jew 102 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ ċerti xogħlijiet protetti, fit-territorju ta’ dan l-Istat, għal korp ta’ ġestjoni wieħed, u b’hekk tipprekludi lil utent ta’ tali xogħlijiet, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika mis-servizzi pprovduti minn korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor.

55

OSA tikkontesta li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprekludi lil utent ta’ xogħlijiet protetti, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika mis-servizzi pprovduti minn korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor.

56

Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

– Osservazzjonijiet preliminari

57

Peress li kemm l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE et seq jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi eżaminat jekk korp ta’ ġestjoni, bħalma hija OSA, jistax jitqies li jipprovdi servizz fil-konfront ta’ utent ta’ xogħlijiet protetti, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. OSA kif ukoll il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li dan ma huwiex il-każ.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123, il-kunċett ta’ “servizz”, imsemmi minn din id-direttiva, jaqbel ma’ dak imsemmi fl-Artikolu 57 TFUE.

59

L-attivitajiet ta’ korpi ta’ ġestjoni huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 56 TFUE et seq, rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1979, Greenwich Film Production, 22/79, Ġabra p. 3275, punt 12; tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni, 7/82, Ġabra p. 483, punt 38; kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et, C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145, punt 24).

60

Dan ma huwiex biss il-każ f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn korp ta’ ġestjoni u proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn korp ta’ ġestjoni, bħal OSA, u utent ta’ xogħlijiet protetti, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Fil-fatt, tali korp ta’ ġestjoni jiffaċilita fil-konfront ta’ dan l-utent il-ksib ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħlijiet protetti u l-ħlas tal-miżati dovuti minnu lill-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur, b’mod li huwa għandu jitqies li jipprovdi servizz ukoll fil-konfront ta’ dan l-istess utent.

62

Minbarra dan, ma tantx huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li dan il-korp ta’ ġestjoni jitħallas għall-imsemmi servizz mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur jew mill-utent ta’ xogħlijiet protetti. Fil-fatt, l-Artikolu 57 TFUE ma jeżiġix li s-servizz ipprovdut jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (sentenza tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra p. 2085, punt 16).

63

Għaldaqstant korp ta’ ġestjoni, bħal OSA, għandu jitqies li jipprovdi, fil-konfront ta’ investitur ta’ xogħlijiet protetti, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, “servizz” kemm fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE.

– Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123

64

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 japplikax għal tali servizz, għandu jiġi osservat qabel kollox li, skont l-Artikolu 17(11) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi Artikolu 16 ma japplikax għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati.

65

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li huma biss servizzi li jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 17(11) għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi s-servizz imsemmi fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li jirrigwarda drittijiet tal-awtur, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.

66

Għaldaqstant l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, peress li ma huwiex applikabbli, ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

– Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE

67

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tipprekludi lil stabbiliment termali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika, inkwantu utent ta’ xogħlijiet protetti, mis-servizzi ta’ korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor.

68

Peress li tali servizz huwa ta’ natura transkonfinali, l-Artikolu 56 TFUE japplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bond van Adverteerders et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

69

Minbarra dan, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprojbixxi, fil-prattika, il-provvista ta’ tali servizz tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

70

Din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tindirizza raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

71

Kif isostnu ġustament OSA, il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, il-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tikkostitwixxi tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Minbarra dan, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti, għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur relatati ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti, monopolju fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat lil korp ta’ ġestjoni, bħalma hija OSA, għandha titqies li hija xierqa sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, peress li hija tali li tippermetti ġestjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet kif ukoll kontroll effettiv tar-rispett tagħhom f’dan it-territorju.

73

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel parti mill-kuntest ta’ protezzjoni bbażata fuq it-territorju tad-drittijiet tal-awtur, li jagħmlu wkoll parti minnu l-kuntratti ta’ rappreżentazzjoni reċiproka.

74

B’dawn il-kuntratti, konklużi mill-korpi ta’ ġestjoni bejniethom, dawn jagħtu reċiprokament lil xulxin id-dritt li joħorġu, fit-territorju li għalih huma responsabbli, l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi kollha ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur ta’ membri ta’ korpi oħra u li jissuġġettaw tali awtorizzazzjonijiet għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod konformi mal-liġijiet applikabbli fit-territorju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, Ġabra p. 2521, punt 17, kif ukoll Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, Ġabra p. 2811, punt 11).

75

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kuntratti ta’ rappreżentazzjoni reċiproka bejn il-korpi ta’ ġestjoni huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jippermettu lil dawn jibbażaw ruħhom, għall-protezzjoni tar-repertorju tagħhom fi Stati ieħor, fuq l-organizzazzjoni stabbilita mill-korp ta’ ġestjoni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, mingħajr ma jkunu mġiegħla jżidu ma’ din l-organizzazzjoni n-netwerk tagħhom ta’ kuntratti mal-utenti u l-kontrolli tagħhom fuq il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tournier, punt 19, kif ukoll Lucazeau et, punt 13).

76

L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma wrewx, fir-rigward ta’ komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ta’ metodu ieħor, li jippermetti li jintlaħaq l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur, għajr dak ibbażat fuq protezzjoni u għaldaqstant ukoll kontroll ibbażati fuq it-territorju ta’ dawn id-drittijiet, li fil-kuntest tiegħu tinsab leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

77

Għall-bqija, id-diskussjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wriet li l-fatt li jiġi permess, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil utent ta’ xogħlijiet protetti li jagħżel liberament kwalunkwe korp ta’ ġestjoni stabbilit fit-territorju tal-Unjoni sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni għall-użu tax-xogħlijiet protetti u jħallas il-miżati dovuti minnu jagħti lok, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għal problemi kunsiderevoli ta’ kontroll relatati mal-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u għall-ħlas tal-miżati dovuti.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tipprekludi lil utent ta’ xogħlijiet protetti, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika mis-servizzi pprovduti minn korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur.

79

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

– Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE

80

B’mod preliminari, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li korp ta’ ġestjoni, bħalma hija OSA, jikkostitwixxi impriża li għaliha japplika l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, imsejħa “BRT II”, 127/73, Ġabra p. 313, punti 6 u 7).

81

Fit-tieni lok, l-Artikolu 106(2) TFUE, li jinkludi regoli partikolari li japplikaw għall-impriżi responsabbli, b’mod partikolari, għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal korp ta’ ġestjoni bħalma hija OSA. Fil-fatt, tali korp ta’ ġestjoni, li l-Istat ma inkarigax b’missjoni u li jieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ interessi privati, anki jekk huma drittijiet ta’ proprjetà intellettwali protetti mil-liġi, ma huwiex tali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija l-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BRT II, punt 23, u GVL vs Il-Kummissjoni, punt 32).

82

Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 106(1) TFUE. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha bħala effett li tagħti drittijiet esklużivi lil korp ta’ ġestjoni bħalma hija OSA f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ kategorija speċifika ta’ xogħlijiet protetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u b’hekk tipprekludi lil impriżi oħra milli jeżerċitaw l-attività ekonomika inkwistjoni fl-istess territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 24).

83

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’kuntest bħal dan, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti bl-għoti ta’ drittijiet esklużivi fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE ma huwiex, minnu nnifsu, inkompatibbli ma’ dan l-ewwel artikolu. Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet biss meta l-impriża inkwistjoni tiġi mwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi mwassla twettaq tali abbużi (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C-437/09, Ġabra p. I-973, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li Stat Membru jagħti lil korp ta’ ġestjoni, bħalma hija OSA, għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti, monopolju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ma jmurx, minnu nnifsu, kontra l-Artikolu 102 TFUE.

85

Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tielet domanda hija intiża sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-argument, imqajjem minn Léčebné lázně fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li jgħid li l-miżati mitluba minn OSA huma sproporzjonalment għolja meta mqabbla mal-miżati mitluba mill-korpi ta’ ġestjoni fl-Istati ġirien.

86

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li korp ta’ ġestjoni, bħalma hija OSA, li għandu monopolju għall-ġestjoni fit-territorju ta’ Stat Membru tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti, għandu pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C-52/07, Ġabra p. I-9275, punt 22).

87

Jekk jirriżulta li tali korp ta’ ġestjoni jimponi tariffi għas-servizzi li huwa jipprovdi, li huma kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, u sakemm it-tqabbil tal-livelli tat-tariffi jkun sar fuq bażi omoġenea, din id-differenza għandha titqies li hija indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. F’każ bħal dan, ikun il-korp ta’ ġestjoni inkwistjoni li jkollu jiġġustifika d-differenza billi jibbaża ruħu fuq diverġenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u dik prevalenti fl-Istati Membri l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tournier, punt 38, kif ukoll Lucazeau et, punt 25).

88

Bl-istess mod, tali abbuż jista’ jikkonsisti fil-prattika ta’ prezz eċċessiv mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (sentenza Kanal 5 u TV 4, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

89

Minbarra dan, jekk tali abbuż jeżisti u jekk ikun attribwibbli għal-leġiżlazzjoni applikabbli għal dan il-korp ta’ ġestjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, tikser l-Artikoli 102 TFUE u 106(1) TFUE.

90

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali sitwazzjoni teżistix, jekk ikun il-każ, fil-kawża prinċipali.

91

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikoli 56 TFUE u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ kategoriji speċifiċi ta’ xogħlijiet protetti, fit-territorju ta’ dan, għal korp ta’ ġestjoni wieħed, u b’hekk tipprekludi lil utent ta’ tali xogħlijiet, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika mis-servizzi pprovduti minn korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor.

92

Madankollu, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-fatt li dan l-ewwel korp ta’ ġestjoni jimponi tariffi għas-servizzi pprovduti minnu, li huma kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, sakemm it-tqabbil tal-livelli tat-tariffi jkun sar fuq bażi omoġenea, jew li jipprattika prezzijiet eċċessivi mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi d-dritt għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni, minn stabbiliment termali li jopera bħala impriża kummerċjali, tax-xogħlijiet tagħhom, bid-distribuzzjoni b’mod deliberat ta’ sinjal permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, fil-kmamar tal-pazjenti ta’ dan l-istabbiliment. L-Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u (5) ta’ din id-direttiva ma huwiex tali li jaffettwa din l-interpretazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi invokat minn korp ta’ ġestjoni kollettiva f’tilwima bejn individwi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tmur kontra din id-dispożizzjoni. Il-qorti adita b’tali tilwima għandha madankollu l-obbligu li tinterpreta l-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan finali ta’ din l-istess dispożizzjoni sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha.

 

3)

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, kif ukoll l-Artikoli 56 TFUE u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ xogħlijiet protetti speċifiċi, fit-territorju ta’ dan, għal korp wieħed ta’ ġestjoni kollettiva, u b’hekk tipprekludi lil utent ta’ tali xogħlijiet, bħalma huwa l-istabbiliment termali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jibbenefika mis-servizzi pprovduti minn korp ta’ ġestjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-fatt li dan l-ewwel korp ta’ ġestjoni kollettiva jimponi tariffi għas-servizzi pprovduti minnu, li huma kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, sakemm it-tqabbil tal-livelli tat-tariffi jkun sar fuq bażi omoġenea, jew li jipprattika prezzijiet eċċessivi mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.