SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Proċedura amministrattiva nazzjonali — Sitwazzjoni purament interna — Atti amministrattivi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni matul proċedura ġudizzjarja mibdija kontra att amministrattiv — Interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikoli 296 TFUE u 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑313/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Giuseppa Romeo

vs

Regione Siciliana,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal G. Romeo, minn M. Viaggio, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Romeo u r-Regione Siciliana fir-rigward tad-deċiżjoni li tipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ G. Romeo u l-irkuprar ta’ ammonti mħallsa għal perijodi li għaddew.

Id-dritt Taljan

3

Il-Liġi Nru 241, tas-7 ta’ Awwissu 1990, li tistabbilixxi regoli ġodda dwar il-proċedura amministrattiva u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi (GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990, p. 7), kif emendata bil-Liġi Nru 15, tal-11 ta’ Frar 2005 (GURI Nru 42, tal-21 ta’ Frar 2005, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 241/1990”), tipprovdi fl-Artikolu 1(1):

“L-attività amministrattiva tfittex li tilħaq għanijiet stabbiliti mil-liġi u hija rregolata mill-kriterji ta’ ekonomija, ta’ effettività, ta’ imparzjalità, ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza skont il-metodi previsti minn din il-liġi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jirregolaw proċeduri distinti kif ukoll mill-prinċipji bbażati fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju”.

4

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi Nru 241/1990 jipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni:

“1.   Kull deċiżjoni amministrattiva […] għandha tkun motivata, ħlief għall-każijiet previsti fil-paragrafu 2. Il-motivazzjoni għandha tindika ċ-ċirkustanzi fattwali kif ukoll il-motivi legali li wasslu lill-amministrazzjoni biex tieħu din id-deċiżjoni, fid-dawl tar-riżultati tal-eżami minn qabel tal-fajl.

2.   Il-motivazzjoni ma hijiex meħtieġa għall-atti leġiżlattivi u għall-atti ta’ portata ġenerali.”

5

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990 huwa fformulat kif ġej:

“Id-deċiżjoni adottata bi ksur tar-regoli proċedurali jew tar-regoli dwar il-forma tal-atti ma tistax tiġi annullata jekk, fid-dawl tal-fatt li taqa’ taħt il-kompetenza limitata tal-amministrazzjoni, ikun ċar li d-dispożittiv tagħha ma setax ikun differenti minn dak adottat fir-realtà.”

6

L-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 10, tat-30 ta’April 1991, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi u t-titjib tal-funzjonament tal-attività amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 10/1991”), jirrepeti kelma b’kelma l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 241/1990.

7

L-Artikolu 37 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 10/1991 jipprovdi:

“Għal dak kollu li ma huwiex previst b’din il-liġi, għandhom jiġu applikati, sa fejn huma kompatibbli, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 241/1990, inklużi l-emendi u ż-żidiet sussegwenti, kif ukoll il-miżuri ta’ implementazzjoni relatati.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

G. Romeo, li kienet impjegata mir-Regione Siciliana, hija intitolata għal pensjoni li titħallas lilha minn din l-amministrazzjoni. B’nota tal-2007, ir-Regione Siciliana informat lil G. Romeo li l-ammont tal-pensjoni tagħha, kif stabbilit permezz ta’ digriet reġjonali preċedenti, kien ogħla minn dak li kien effettivament dovut lilha, u li dan l-ammont kien ser jitnaqqas, filwaqt li l-ammonti indebitament imħallsa kellhom ikunu suġġetti għal irkupru simultanju.

9

G. Romeo ppreżentat azzjoni għall-annullament ta’ din in-nota quddiem il-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, billi invokat in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tal-att li ma jippermettix, b’mod partikolari, li jiġu ddeterminati l-punti ta’ fatti u ta’ liġi li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-pensjoni tagħha u l-irkupru ta’ somom indebitament imħallsa. Matul il-proċedura ġudizzjarja, ir-Regione Siciliana, billi bbażat ruħha fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990, sostniet li n-nota kkontestata kienet legali u ssupplimentat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

10

Il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, qajmet ex officio l-kwistjoni dwar jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-Liġi Nru 241/1990 huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipju ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni, previst fl-Artikolu 3 ta’ din l-istess liġi u fl-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 10/1991.

11

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa. Hija tirrileva, qabel kollox, li fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija teżerċità funzjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, fejn jidħlu l-pensjonijiet, hija teżerċita ġurisdizzjoni esklużiva fuq il-mertu u hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla l-atti amministrattivi. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-kawżi li wasslu għad-digrieti tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS (C-192/98, Ġabra p. I-8583), u RAI (C-440/98, Ġabra p. I-8597), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet imqajma mill-Corte dei conti, din tal-aħħar għandha, fil-kuntest ta’ din il-kawża, titqies mhux bħala awtorità amministrattiva iżda bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

12

Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment għad-dritt tal-Unjoni previst fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 241/1990, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ġġustifikata minħabba n-neċessità ta’ implementazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ motivazzjoni għall-atti amministrattivi kollha bħala prinċipju tad-dritt amministrattiv Ewropew. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha tressqet kawża paragunabbli għal dik ta’ quddiem il-Corte dei conti b’domandi identiċi għat-tieni u għat-tielet domandi li saru f’din il-kawża, kienet iddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139), li l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 241/1990 ma tinkludix riferiment dirett u mhux kundizzjonali għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, u kienet, għaldaqstant, iddikjarat ruħha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

13

Madankollu, għandhom jitressqu mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi kif ukoll domanda supplimentari, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Consiglio di Stato tal-10 ta’ Mejju 2011 (Deċiżjoni Nru 2755/2011), rigward il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ illegalità ta’ att amministrattiv fir-rigward ta’ pjan fawnistiku u tal-kaċċa. Din il-qorti kienet, abbażi tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, anness mad-Digriet Leġiżlattiv Nru 104 tat-2 ta’ Lulju 2010, li jipprovdi li “il-qorti amministrattiva tipprovdi garanzija ta’ protezzjoni sħiħa u effettiva, skont il-prinċipji tal-Kostituzzjoni u tad-dritt Ewropew”, applikat b’mod dirett u mhux kundizzjonali l-Artikolu 264 TFUE f’sitwazzjoni purament interna u ma kinitx allegatament applikat ir-regoli proċedurali nazzjonali.

14

Minn dan, il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana tasal għall-konklużjoni li l-Consiglio di Stato tbiegħed mis-sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, meta ddeċieda li l-Artikolu 264 TFUE kien japplika, u tistaqsi, iktar minn hekk, jekk din il-qorti kinitx implementat b’mod eżatt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward dan l-Artikolu.

15

Fid-dawl tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Consiglio di Stato, skont il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk qorti nazzjonali, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment b’mod dirett u mhux kundizzjonali għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex is-setgħa li tinterpreta u tapplika b’mod żbaljat dan id-dritt.

16

Fir-rigward ta’ din il-kawża, il-Corte dei Conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana tqis li l-Artikolu 21(g) tal-Liġi Nru 241/1990, kif interpretat mill-qorti nazzjonali, imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-motivazzjoni tal-atti amministrattivi. Fil-każ li hija jkollha tapplika dan l-Artikolu 21(g) b’din l-interpretazzjoni, hija tkun qed tmur lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, minkejja l-fatt li hija obbligata tapplika, fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, il-każ ineżami jkun jirrigwarda problema purament interna, huwa xieraq, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni għandux japplika wkoll għall-atti amministrattivi nazzjonali fil-qasam tal-pensjonijiet nazzjonali.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Qorti nazzjonali, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni tirreferi għad-dritt tal-Unjoni Ewropea, tista’ tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, billi tmur lil hinn, jew tapplikahom b’mod żbaljat, meta mqabbla mal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

Peress li l-Artikolu 3 tal-[Liġi 241/1990] u l-Artikolu 3 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia 10/1991], relatati mal-Artikolu 1 tal-[Liġi 241/90], jobbliga l-amministrazzjoni Taljana tapplika l-prinċipji tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija normi nazzjonali, li jipprovdu li l-atti paritetiċi, jiġifieri drittijiet suġġettivi inerenti, li huma fi kwalunkwe każ vinkolanti, fil-qasam tal-pensjonijiet, jistgħu jaħarbu mill-obbligu ta’ motivazzjoni, u dan huwa każ ta’ ksur ta’ forma sostanzjali tal-att amministrattiv?

3)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21g(2) tal-[Liġi 241/1990], hekk kif interpretat fil-ġurisprudenza amministrattiva, relatat mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-att amministrattiv stabbilit fl-Artikolu 3 tal-istess [Liġi 241/1990] u tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia 10/1991], skont l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-amministrazzjoni pubblika previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-[TFUE] u tal-Artikolu 41(2)(c), tal-[Karta], huwa kompatibbli mal-Artikolu 1 tal-[Liġi 241/1990], li jobbliga l-amministrazzjoni tapplika l-prinċipji tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, u, konsegwentement, li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal‑possibbiltà rikonoxxuta lill-amministrazzjoni li tissupplimenta l-motivazzjoni tal-att amministrattiv waqt il-proċeduri huma konformi u ammissibbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Dwar it-tieni u t-tielet domandi

19

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta f’sitwazzjoni li hija, kif il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, innifisha tinnota, purament interna.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio dwar il-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn id-dritt nazzjonali jagħmel riferiment għall-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiddetermina liema huma r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punt 15; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punti 22 u 26; tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08, Ġabra p. I-1493, punt 48; Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, punt 45).

22

Fil-fatt, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, sabiex jiżguraw li s-sitwazzjonijiet interni u s-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni jingħataw trattament identiku, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti msemmija fid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Salahadin Abdulla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48; tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, punti 87 u 88; Nolan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, punti 20 u 21).

23

Dan huwa l-każ meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jkunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux kundizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cicala, punt 19, u Nolan, punt 47).

24

Għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha tressqet kawża paragunabbli mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, b’domandi identiċi għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula f’din il-kawża, diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990 kienx jinkludi riferiment għad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li jippermetti lil din tal-aħħar tirrispondi domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kwistjonijiet purament interni (ara s-sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq).

25

Fis-sentenza mogħtija f’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll ta’ osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Regione Siciliana, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea, iddeċidiet li, b’mod partikolari, il-Liġi Nru 241/1990 ma tinkludix indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi li minnhom jista’ jiġi dedott li, meta għamel riferiment, fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, għall-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur nazzjonali ried, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jagħmel riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta jew anki għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti, sabiex jiġi applikat trattament identiku għal sitwazzjonijiet interni u għal sitwazzjonijiet irregolati minn dan id-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana.

26

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, minn naħa, li l-Liġi Nru 241/1990 kif ukoll il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 10/1991 jipprovdu regoli speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti amministrattivi u l-ksur ta’ dan l-obbligu u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990 jirreferi b’mod ġenerali għall-“prinċipji li ġejjin mill-ordinament ġuridiku Komunitarju”, u mhux speċifikament għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, imsemmija fid-domandi preliminari, jew anki għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan il-fatt ikkonkludiet, fil-punti 26 u 27 tal-imsemmija sentenza, li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta saru applikabbli permezz tad-dritt Taljan b’mod dirett u mhux kundizzjonali sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal sitwazzjonijiet interni u għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

28

Fil-punt 28 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, ma kkonstatatx li r-riferiment, previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, għall-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, għandu bħala konsegwenza li jeskludi r-regoli nazzjonali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni favur it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

29

Issa, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma indikatx, kif innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, raġunijiet li jistgħu jikkonfutaw il-konklużjoni li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

30

Għalhekk, ir-riferiment li sar għas-sentenza tal-Consiglio di Stato ċċitata fid-deċiżjoni tar-rinviju huwa irrilevanti. Fil-fatt, din is-sentenza tirrigwarda problemi u regoli fid-dritt Taljan li huma differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma l-imsemmija sentenza tkun tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990 jinkludix riferiment, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

31

Barra minn hekk, mill-motivazzjoni pprovduta mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, insostenn tad-deċiżjoni tagħha li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi bħal dawk magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, ma jirriżultax li r-riferiment, previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, għall-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, huwa effettivament intiż sabiex jiżgura li s-sitwazzjonijiet interni u s-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni jiġu ttrattati b’mod identiku.

32

Issa, skont il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, peress li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jirregolaw is-sitwazzjoni interna kkonċernata, bħar-regoli speċifiċi tad-dritt Taljan inkwistjoni fil-kawża prinċipali rigward l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, jirriżulta li dispożizzjoni ta’ din l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex intiża li tiżgura tali trattament identiku.

33

Fil-fatt, trattament identiku huwa żgurat biss fil-każ li r-riferiment magħmul mid-dritt nazzjonali għar-regoli tal-Unjoni huwa wieħed dirett u mhux kundizzjonali, mingħajr ma dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jkunu jeskludu dawn ir-regoli, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson, C-346/93, Ġabra p. I-615, punt 16; Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 18; ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, kif ukoll Allianz Hungária Biztosító et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

34

Għalhekk, ladarba f’leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu fl-istess ħin jinsabu kemm regoli speċifiċi, bħal dawk imsemmija fil-punti 4 sa 7 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għas-soluzzjoni tal-kwistjoni ta’ dritt intern, kif ukoll dispożizzjoni li tirreferi għall-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jirriżulta b’mod ċar minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma humiex dawn ir-regoli speċifiċi tad-dritt nazzjonali li għandhom jiġu applikati iżda l-prinċipji li ġejjin mid-dritt tal-Unjoni sabiex tinstab soluzzjoni għall-istess domanda ta’ dritt intern.

35

Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jidhirx li l-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jissuġġetta sitwazzjonijiet purament interni għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għall-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, minflok ma jissuġġettahom għal regoli speċifiċi tad-dritt Taljan dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni u għall-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dan l-obbligu.

36

Il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, lanqas ma indikat elementi li minnhom jista’ jiġi dedott li r-riferiment, previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, għall-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni effettivament jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta jew anki għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta jew anki r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti saru applikabbli, bħala tali, b’mod dirett u mhux kundizzjonali, permezz tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 241/1990, sabiex sitwazzjonijiet interni u sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni jiġu ttrattati b’mod identiku. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-kawża ineżami ma hemmx interess ċert tal-Unjoni sabiex tiġi ppreżervata uniformità fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet jew tal-kunċetti msemmija fid-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar ser jiġu applikati.

38

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi t-tieni u t-tielet domandi preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

39

Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda hija intiża, fir-realtà, biex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifformula opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ġenerali li ma għandha l-ebda relazzjoni mas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana.

40

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 19; tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, Ġabra p. I-3101, punt 54, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, punt 42).

41

Isegwi li l-ewwel domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel domanda magħmula mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2012, hija inammissibbli.

 

2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi t-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-Corte dei conti, sezione giurisdizionale per la Regione Siciliana, permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2012.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.