SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 80/987/KEE — Direttiva 2002/74/KE — Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Istituzzjonijiet ta’ garanzija — Limitazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija — Pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel it-tressiq ta’ kawża intiża sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega”

Fil-Kawża C‑309/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Maria Albertina Gomes Viana Novo,

Ezequiel Martins Dias,

Gabriel Inácio da Silva Fontes,

Marcelino Jorge dos Santos Simões,

Manuel Dourado Eusébio,

Alberto Martins Mineiro,

Armindo Gomes de Faria,

José Fontes Cambas,

Alberto Martins do Alto,

José Manuel Silva Correia,

Marilde Marisa Moreira Marques Moita,

José Rodrigues Salgado Almeida,

Carlos Manuel Sousa Oliveira,

Manuel da Costa Moreira,

Paulo da Costa Moreira,

José Manuel Serra da Fonseca,

Ademar Daniel Lourenço Dias,

Ana Mafalda Azevedo Martins Ferreira

vs

Fundo de Garantia Salarial IP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Maria Albertina Gomes Viana Novo et, minn J. Trocado da Costa, avukat,

għall-Fundo de Garantia Salarial, IP, minn J. Pereira, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u J. Quintela Coelho, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill [80/987/KEE], tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha”), kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987, kif emendata”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M.A. Gomes Viana Novo u 17-il persuna oħra (iktar ’il quddiem “Gomes Viana Novo et”) u l-Fundo de Garantia Salarial IP (Fond ta’ Garanzija Salarjali, iktar ’il quddiem l-“FGS”), dwar il-kopertura, minn dan tal-aħħar, tal-pretensjonijiet salarjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-konfront tal-persuna li [qabel kienet] timpjegahom, li tinsab fi stat ta’ insolvenza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata.

2.   Fuq għażla ta’ l-Istati Membri, id-data imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun:

jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem;

jew dik tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat interessat minħabba fl-insolvenza ta’ min iħaddem;

jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem jew dik li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol ma’ l-impjegat interessat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem.”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3.

2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom:

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), l-ewwel inċiż, jiżguraw il-ħlas tal-pretensjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux fuq il-paga ta’ l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol li jaqgħu fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem;

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tieni inċiż, jiżguraw li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem;

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tielet inċiż, jiżgura li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar 18-il xahar tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem jew id-data li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol ma’ l-impjegat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem. F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-responsabbilità li jħallsu għall-paga li tikkorrispondi għal perjodu ta’ tmien ġimgħat jew għal numru ta’ perjodi iqsar li kollha flimkien jagħmlu tmien ġimgħat.”

5

L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, ġew emendati bid-Direttiva 2002/74. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din l-aħħar direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha qabel it-8 ta’ Ottubru 2005 u għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet għal kull stat ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega li seħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

6

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36), ikkodifikat u abrogat id-Direttiva 80/987, kif emendata. Madankollu, fid-dawl tad-data tas-seħħ tal-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega lil M.A. Gomes Viana Novo et, hija din l-aħħar direttiva li għandha tiġi applikata.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, kif emendata, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti [mhux imħallsa, ta’ ħaddiema] li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni [tidħol għalihom l-istituzzjoni] tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri.”

8

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija riferiti fl-Artikolu 3.

2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-għażla riferita fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perjodu taż-żmien li fih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perjodu taż-żmien li jkopri l-ħlas ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ l-impjieg qabel u/jew wara d-data riferita fl-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perjodu minimu taż-żmien ta’ tliet xhur f’perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

L-Istati Membri li għandhom perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perjodu taż-żmien li fih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanziji għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perjodi taż-żmien li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat jintużaw għall-kalkolu tal-perjodu minimu taż-żmien.

3.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni tal-garanzija. Dawn il-limiti massimi ma għandhomx jaqgħu taħt livell li huwa kompatibbli soċjalment ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi wżati sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi.”

Id-dritt Portugiż

9

L-Artikolu 380 tal-Liġi Nru 99/2003, tas-27 ta’ Awwissu 2003, li tadotta l-Kodiċi tax-Xogħol, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jippreċiża, taħt it-Titolu “Garanzija ta’ ħlas”:

“Il-garanzija li jitħallsu l-pretensjonijiet tal-ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol u mill-ksur jew mit-tmiem tiegħu li ma jistgħux jitħallsu mill-persuna li timpjega minħabba insolvenza jew sitwazzjoni finanzjarja diffiċli għandha tiġi żgurata u assunta mill-[FGS], skont it-termini stabbiliti f’leġiżlazzjoni speċjali.”

10

Il-Liġi Nru 35/2004, tad-29 ta’ Lulju 2004, stabbilixxiet il-kuntest tal-FGS. Skont l-Artikolu 317 tagħha, dan il-fond “għandu jiggarantixxi lill-ħaddiem, fil-każ ta’ nuqqas tal-persuna li timpjega, il-ħlas tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol u mill-ksur tiegħu jew mit-tmiem tiegħu skont l-artikoli li ġejjin.

11

L-Artikolu 318 ta’ din il-liġi, li jiddetermina s-sitwazzjonijiet koperti mill-garanzija, jipprovdi:

“1.   L-[FGS] għandu jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu preċedenti meta l-persuna li timpjega tiġi ġudizzjarjament iddikjarata insolventi.

2.   L-[FGS] għandu jiggarantixxi wkoll il-ħlas tal-pretensjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti fil-każ li tkun ġiet mibdija l-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fid-Digriet Liġi Nru 316/98, tal-20 ta’ Ottubru 1998.

3.   Bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, jekk il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma tkunx ġiet kompluta, minħabba rifjut jew tmiem, skont l-Artikoli 4 u 9, rispettivament, tad-Digriet Liġi Nru 316/98, tal-20 ta’ Ottubru 1998, u jekk il-ħaddiema tal-impriża jkunu talbu l-ħlas tal-pretensjonijiet iggarantiti mill-[FGS], dan tal-aħħar għandu jitlob ġudizzjarjament li l-impriża tiġi ddikjarata insolventi.

4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, l-[FGS] għandu jkun innotifikat, meta l-impriżi inkwistjoni jkollhom ħaddiema impjegati magħhom:

a)

mill-qrati, f’dak li jikkonċerna t-talba għal proċedura speċjali ta’ insolvenza u għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza;

b)

min-naħa tal-Instituto de Apoio às Pequenas e Médias Empresas e ao Investimento (IAPMEI), f’dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ konċiljazzjoni u r-rifjut tagħha jew it-tmiem tal-proċedura.”

12

L-Artikolu 319 ta’ din l-istess liġi jidentifika l-pretensjonijiet koperti kif ġej:

“1.   L-[FGS] għandu jiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet previsti fl-Artikolu 317 li saru dovuti fis-sitt xhur preċedenti għall-preżentata tar-rikors jew għat-tressiq tat-talba msemmija fl-artikolu preċedenti.

2.   Jekk ma jkunx hemm pretensjoni li saret dovuta matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu preċedenti, jew jekk l-ammont tagħha huwa inqas mil-limitu massimu msemmi fil-paragrafu (1) tal-artikolu sussegwenti, l-[FGS] għandu jiggarantixxi l-ħlas sa dan il-limitu tal-pretensjonijiet li saru dovuti wara l-imsemmi perijodu ta’ referenza.

3.   L-[FGS] għandu jiżgura biss il-ħlas tal-pretensjonijiet magħmula lilu sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel il-preskrizzjoni tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Billi l-persuna li timpjega lil M.A. Gomes Viana Novo et kienet waqfet milli tħallashom is-salarji tagħhom minn April 2003, fil-15 ta’ Settembru 2003, huma rrexindew il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, hekk kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam kienet tagħtihom id-dritt jagħmlu. Fl-10 ta’ Frar 2004, M.A. Gomes Viana Novo et ressqu kawża quddiem it-tribunal de trabalho de Barcelos (Tribunal Industrijali ta’ Barcelos) sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-pretensjonijiet salarjali tagħhom u għall-irkupru forzat tagħhom. It-talba tagħhom kienet ġiet milqugħa.

14

Billi l-beni li jiffurmaw il-patrimonju tal-persuna li timpjega ma kinux suffiċjenti sabiex ikopru dawn il-pretensjonijiet, fit-28 ta’ Novembru 2005, M.A. Gomes Viana Novo et bdew proċeduri quddiem it-tribunal de comércio de Vila Nova de Gaia (Qorti Kummerċjali ta’ Vila Nova de Gaia) intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza ta’ din il-persuna li timpjega. Wara li ġiet ikkonstatata l-insolvenza, il-pretensjonijiet salarjali ġew irreġistrati.

15

Fis-26 ta’ Lulju 2006, M.A. Gomes Viana Novo et talbu lill-FGS iħallas il-pretensjonijiet tagħhom. Permezz ta’ digrieti tal-21 u tas-26 ta’ Diċembru 2006, il-president tal-FGS ċaħad dawn it-talbiet għall-motiv li l-pretensjonijiet inkwistjoni kienu saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-bidu tal-proċeduri intiżi sabiex tiġi kkonstata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, jiġifieri f’data preċedenti għall-perijodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 319(1) tal-Liġi Nru 35/2004, tad-29 ta’ Lulju 2004.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2010, it-tribunal administrativo e fiscal do Porto (Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto) ċaħad ir-rikors għall-annullament ta’ dawn id-digrieti ippreżentat minn M.A. Gomes Viana Novo et. Huma appellaw minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Central Administrativo Norte ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest konkret tal-garanzija tal-krediti [pretensjonijiet] salarjali fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 10 tad-Dirttiva [80/987, kif emendata], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiggarantixxi biss il-krediti li saru eżiġibbli [fil-perijodu ta’] sitt xhur ta’ qabel il-preżentata ta’ rikors sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega anki meta l-ħaddiema jkunu ressqu kawża quddiem it-tribunal industrijali kontra min jimpjegahom sabiex jiksbu l-iffissar ġudizzjarju tal-ammont mhux imħallas u l-irkupru forzat ta’ dan l-ammont?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, id-Direttiva 80/987, kif emendata, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata ta’rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, għalkemm il-ħaddiema bdew, qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu ta’ sitt xhur, proċeduri ġudizzjarji kontra l-persuna li timpjegahom bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont ta’ dawn il-pretensjonijiet u għall-irkupru forzat tagħhom.

19

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-FGS kien irrifjuta li jħallas lil M.A. Gomes Viana Novo et il-pretensjonijiet salarjali tagħhom minħabba li dawn kienu saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel id-data tal-preżentata tar-rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 80/987, kif emendata, qieset bħala d-data li minnha għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ referenza, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2).

20

Id-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha u kif emendata, hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-ħaddiema impjegati kollha minimu ta’ protezzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li tħaddem permezz tal-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u relatati mar-remunerazzjoni għal perijodu speċifiku (ara s-sentenzi, tal-4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et, C-19/01, C-50/01 u C-84/01, Ġabra p. I-2005, punt 35; tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano, C-69/08, Ġabra p. I-6741, punt 27, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2011, van Ardennen, C-435/10, Ġabra p. I-11705, punt 27).

21

Huwa għal dan l-għan li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, kif emendata, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija nazzjonali jiżguraw il-ħlas ta’ dawn il-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati. .

22

Madankollu, kemm id-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, kif ukoll id-Direttiva 80/987, kif emendata, jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas permezz tal-iffissar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ garanzija u/jew tal-istabbiliment ta’ limiti għall-ħlasijiet.

23

Għal dan il-għan, mill-punt 3 tar-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 [COM(2011) 84 finali), li l-Artikoli 3 u 4 tiegħu essenzjalment jikkorrispondu għal dawk tad-Direttiva 80/987, kif emendata, jirriżulta li numru kbir ta’ Stati Membri użaw din il-possibbiltà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tagħhom ratione temporis u/jew stabbilixxew limiti għall-ħlasijiet.

24

Id-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet tagħti, fl-Artikolu 3 tagħha, il-possibbiltà lill-Istati Membri jagħżlu, fost diversi possibiltajiet, id-data li qabilha r-remunerazzjonijiet mhux imħallsa jkunu ggarantiti. Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għażla hekk magħmula li l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva kien jiddetermina l-pretensjonijiet mhux imħallsa li kellhom f’kull każ ikunu koperti mill-obbligu ta’ garanzija fil-każ li Stat Membru kien iddeċieda, skont l-Artikolu 4(1) jillimita dan l-obbligu ta’ garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et, C-373/95, Ġabra p. I-4051, punt 47).

25

L-emendi magħmula permezz tad-Direttiva 2002/74 fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, neħħew ir-riferiment għat-tliet dati li inizjalment kien hemm fih sabiex, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri issa jistgħu jiffissaw liberament id-data li qabilha u/jew skont il-każ, li warajha jkun jinsab il-perijodu li fih il-pretensjonijiet li jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet mhux imħallsa jittieħdu taħt ir-responsabbiltà tal-istitut ta’ garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Mustafa, C‑247/12, punti 39 sa 41).

26

Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, meta l-Istati Membri riedu jagħżlu limitazzjoni tal-garanzija żgurata mill-istituzzjoni, huma setgħu jinkludu l-garanzija minima ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur qabel id-data ta’ referenza. Wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi magħmula lid-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, permezz tad-Direttiva 2002/74, huwa wkoll possibbli li dan il-perijodu jiġi inkluż wara din id-data ta’ referenza. L-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jipprevedu garanzija minima limitata għal tmien ġimgħat, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu ta’ tmien ġimgħat ikun inkluż f’perijodu ta’ referenza itwal, ta’ mill-inqas tminax-il xhar.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 80/987, kif emendata, ma tipprekludix li Stat Membru jiffissa bħala data li minnha l-perijodu ta’ referenza għandu jiġi kkalkolat id-data li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega. Bl-istess mod, jekk Stat Membru jiddeċiedi li juża l-possibbiltà li jillimita l-garanzija permezz tal-iffissar ta’ perijodu ta’ referenza, huwa jista’ jagħżel li jillimita dan il-perijodu ta’ referenza għal sitt xhur, sakemm huwa jiggarantixxi l-ħlas tar-remunerazzjoni tal-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ xogħol.

28

Peress li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi r-remunerazzjoni relatata mal-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ xogħol, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur nazzjonali jista’, meta jadotta d-dispozzjonijiet li jipprovdu li l-FGS għandu jiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli fis-sitt xhur ta’ qabel it-tressiq tat-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega u, taħt ċerti kundizzjonjiet, anki wara din id-data, jagħmel użu mill-possibbiltà li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, kif emendata, jagħtuh li jillimita l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ garanzija.

29

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 80/987, kif emendata, tirrigwarda biss protezzjoni minima fir-rigward tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jillimitaw il-garanzija tagħhom juru li s-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 80/987, kif emendata, tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja ta’ dawn l-Istati u tipprova żżomm il-bilanċ finanzjarju tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħhom.

30

Din il-kunsiderazzjoni hija mmanifestata b’mod partikolari fil-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jqassru l-perijodu ta’ garanzija jekk il-perijodu minimu ta’ referenza huwa estiż kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 80/987, kif emendata, kif ukoll fil-possibbiltà li jiġu stabbiliti limiti għall-ħlasijiet skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva.

31

Għandu jiġi rrilevat li l-każijiet li fihom huwa permess li jiġi limitat l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, kif previsti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, kif emendata, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Ardennen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

32

Madankollu, interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn il-każijiet ma jistax ikollha bħala effett li tirrendi irrilevanti l-possibbiltà espliċitament irriżervata lill-Istati Membri li jillimitaw dan l-obbligu ta’ ħlas.

33

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ikun il-każ jekk id-Direttiva 80/987, kif emendata, kellha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix il-pretensjonjiet salarjali li saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata ta’ rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 80/987 hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-ħaddiema protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Minn dan jirriżulta li s-sistema stabbilita minn din id-direttiva tippreżumi rabta bejn l-insolvenza u l-pretensjonijiet salarjarli mhux imħallsa.

35

Madankollu, abbażi tal-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li tali rabta ma teżistix fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

36

Fil-fatt, filwaqt li l-pretensjonijiet salarjali li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima jirriżultaw mill-fatt li l-persuna li timpjega lil M.A. Gomes Viana Novo et waqfet milli tħallashom ir-remunerazzjonijiet tagħhom minn April 2003 u mill-fatt li huma rrexindew il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom f’Settembru 2003 minħabba dan in-nuqqas ta’ ħlas, ħaddiema oħra li kienu jaħdmu mal-istess persuna li timpjega komplew jirċievu s-salarji tagħhom matul is-snin 2004 sa 2006 u kien biss f’Mejju 2006 li ntemmew il-kuntratti ta’ dawn l-aħħar ħaddiema, minħabba l‑insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Għaldaqstant, minkejja d-dewmien fil-ħlas tas-salarji, il-persuna li timpjega żammet u rremunerat parti kbira tal-persunal tagħha diversi snin wara r-rexissjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ M.A. Gomes Viana Novo et.

37

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-Direttiva 80/987, kif emendata, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata ta’ rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, għalkemm il-ħaddiema bdew, qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu, proċeduri ġudizzjarji kontra l-persuna li timpjegahom bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont ta’ dawn il-pretensjonijiet u għall-irkupru forzat tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill [80/987/KEE], tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata ta’ rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, għalkemm il-ħaddiema bdew, qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu, proċeduri ġudizzjarji kontra l-persuna li timpjegahom bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont ta’ dawn il-pretensjonijiet u għall-irkupru forzat tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.