SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2 u 6(1) — Regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom — Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema li jkollhom inqas minn 62 sena — Natura proporzjonata tat-tul tal-perijodu tranżitorju”
Fil-Kawża C-286/12,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikol 258 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2012,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2012 li jiddeċiedi li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2012,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom, regoli li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex iġġustifikata minn għanijiet leġittimi u, fi kwalunkwe każ, li ma hijiex neċessarja u adegwata fir-rigward tal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
3 |
L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdu: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
4 |
L-Artikolu 6(1) tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[…]” |
Id-dritt Ungeriż
|
5 |
Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Nru LXVII tal-1997 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin, kien essenzjalment jippermetti lill-imħallfin jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 70 sena. |
|
6 |
Il-Liġi fundamentali l-ġdida, adottata fil-25 ta’ April 2011 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi fundamentali”), tipprovdi, fl-Artikolu 26(2) tagħha, li “bl-eċċezzjoni tal-President tal-Kúria, l-imħallfin jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ġenerali tal-irtirar”. |
|
7 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(1) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi fundamentali (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tranżitorji”) jipprovdi: “Jekk l-imħallef jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi fundamentali qabel l-1 ta’ Jannar 2012, il-kariga tiegħu tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012. Jekk jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi fundamentali bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, il-kariga tiegħu tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012.” |
|
8 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-prosekuturi pubbliċi, skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali, “bl-eċċezzjoni tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, il-prosekuturi pubbliċi jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ġenerali tal-irtirar”. |
|
9 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji jipprovdi: “Jekk il-prosekutur pubbliku jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali qabel l-1 ta’ Jannar 2012, il-kariga tiegħu tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012. Jekk jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, il-kariga tiegħu tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012.” |
|
10 |
B’hekk, minn naħa, skont l-Artikolu 90(ha) tal-Liġi Nru CLXII tal-2011 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, imħallef għandu jiġi rtirat jekk “ikun laħaq l-età massima għall-irtirar applikabbli għalih [...] bl-esklużjoni tal-President tal-Kúria”. |
|
11 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 34(d) tal-Liġi Nru CLXIV tal-2011 dwar il-karriera tal-prosekuturi pubbliċi u l-istatus legali tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, “prosektur pubbliku għandu jieqaf milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ prosekutur pubbliku meta jilħaq l-età massima għall-irtirar applikabbli għalih.” |
|
12 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 45(4) tal-Liġi Nru CCI tal-2011 li temenda ċerti liġijiet inkonformità mal-Liġi fundamentali emenda, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 22(d) tal-Liġi Nru XLI tal-1991 dwar in-nutara. Fil-verżjoni l-ġdida tiegħu, dan l-artikolu jipprovdi li “in-nutara għandhom jieqfu milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom dakinhar li jilħqu l-età massima għall-irtirar applikabbli għalihom”. |
|
13 |
Fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Nru LXXXI tal-1997 dwar il-benefiċċji tal-assigurazzjoni soċjali fir-rigward tal-pensjoni (iktar ’il quddiem il-“Liġi Tny”) kien jipprovdi: “Kull persuna li tkun wettqet minimu ta’ 20 sena servizz hija intitolata, malli tagħlaq 62 sena, għal pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali.” |
|
14 |
Fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, dan l-istess artikolu issa jinsab ifformulat kif ġej: “L-età li tagħti dritt għall-pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali hija stabbilita kif ġej:
|
|
15 |
Skont l-Artikolu 18(2) tal-liġi msemmija, hija intitolata għall-pensjoni tal-irtirar bir-rata sħiħa kull persuna li:
[...]” |
|
16 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin, fost l-imħallfin li jilħqu, qabel l-1 ta’ Jannar 2013, l-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tagħhom, kif iffissata skont id-dispożizzjonijiet l-ġodda, il-kariga ta’ dawk li jagħlqu 62 sena qabel l-1 ta’ Jannar 2012 tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012 filwaqt li l-kariga ta’ dawk li jagħlqu 62 sena bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012 tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012. |
|
17 |
Bl-istess mod, l-Artikolu 160 tal-Liġi Nru CLXIV tal-2011 dwar il-karriera tal-prosekuturi pubbliċi u l-istatus legali tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, jinkludi dispożizzjonijiet essenzjalment simili għal dawk previsti fir-rigward tal-imħallfin. Fir-rigward tan-nutara, regoli analogi għal dawk applikabbli għall-imħallfin u għall-prosekuturi pubbliċi ser ikunu applikabbli għalihom mill-1 ta’ Jannar 2014, kif intqal fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
18 |
Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija ittra ta’ intimazzjoni fejn ikkunsidrat li dan l-Istat Membru, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali dwar il-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali applikabbli għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2000/78. Fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ Frar 2012, l-Ungerija kkontestat in-nuqqas allegat fil-konfront tagħha. Fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lill-Ungerija tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2012. |
|
19 |
Peress li qieset li din it-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fis-7 ta’ Ġunju 2012. |
|
20 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Kummissjoni talbet li tiġi applikata l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talba li ntlaqgħet mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Lulju 2012. |
|
21 |
Fis-16 ta’ Lulju 2012, l-Alkotmánybíróság (Qorti Kostituzzjonali Ungeriża) iddeċidiet li tannulla, b’effett retroattiv, parti mil-leġiżlazzjoni Ungeriża kkritikata mill-Kummissjoni. Fuq talba tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Lulju 2012, ħadet pożizzjoni dwar din id-deċiżjoni u kkonfermat kemm ir-rikors tagħha u kif ukoll it-talba tagħha għall-proċedura mħaffa. Għaldaqstant, l-Ungerija ppreżentat ir-risposta tagħha fl-14 ta’ Awwissu 2012, fejn ħadet ukoll pożizzjoni dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni msemmija fuq din il-kawża. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
22 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma kuntrarji għall-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 sa fejn jintroduċu diskriminazzjoni mhux ġustifikata u, fi kwalunkwe każ, ma humiex adegwati u lanqas neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet allegatament leġittimi invokati mill-Ungerija. |
|
23 |
Preliminarjament, l-Ungerija ssostni li din il-kawża tilfet parti mis-suġġett tagħha sa fejn, permezz tas-sentenza tagħha, l-Alkotmánybíróság annullat, b’effett retroattiv, l-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin. Għaldaqstant, skont l-Ungerija, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-parti korrispondenti tar-rikors. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li dik is-sentenza ma għandha ebda effett fuq ir-rikors. |
Fuq id-diskriminazzjoni
|
24 |
Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni tikser l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 sa fejn tintroduċi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età bejn l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara li laħqu l-limiti tal-età ffissati minn din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-irtirar u dawk li jistgħu jibqgħu jeżerċitaw il-kariga tagħhom. Fil-fatt, it-tnaqqis minn 70 sena għal 62 sena tal-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali fir-rigward tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara jintroduċi, skont il-Kummissjoni, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bejn il-persuni fi professjoni partikolari. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Ungerija hija libera li tiffissa l-età tal-irtirar ta’ dawn il-persuni, il-Kummissjoni ssostni li r-regoli l-ġodda jaffettwaw b’mod kunsiderevoli t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-eżerċizzju mill-persuni kkonċernati tal-attività professjonali tagħhom, minħabba li jipprekludu l-parteċipazzjoni futura tagħhom fil-ħajja attiva. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li fil-passat il-persuni kkonċernati kienu suġġetti għal regoli iktar favorevoli minn dawk applikabbli għall-impjegati l-oħra fis-settur pubbliku ma jeskludix li l-leġiżlazzjoni msemmija tikkostitwixxi diskriminazzjoni. |
|
25 |
L-Ungerija tirribatti li ma teżisti ebda diskriminazzjoni fil-kawża ineżami. Fil-fatt, skont l-Ungerija, il-Kummissjoni evalwat il-leġiżlazzjoni inkwistjoni b’mod iżolat biss, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali tagħha. B’mod partikolari, it-tnaqqis fil-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għall-persuni li jaqgħu fil-kategoriji professjonali kkonċernati huwa intiż li jirrettifika diskriminazzjoni pożittiva li kienu jgawdu minnha dawn il-persuni sa fejn dawn il-persuni biss, għall-kuntrarju tal-impjegati l-oħra fis-settur pubbliku, setgħu mhux biss jibqgħu fil-kariga sal-età ta’ 70 sena iżda setgħu wkoll, f’diversi każijiet, jakkumulaw is-salarju tagħhom mal-pensjoni tal-irtirar li kienu intitolati għaliha mill-mument li fih ikunu għalqu l-età tal-irtirar. B’hekk, ir-riforma hija intiża li tistabbilixxi ekwilibriju fil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar ix-xogħol. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni
|
26 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-differenza fit-trattament allegata ma hijiex ġustifikata inkonformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża ma għandha ebda għan leġittimu u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex proporzjonata. Issa, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex meħtieġa biss fir-rigward tal-iffissar ta’ limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali iżda anki fir-rigward tal-bidliet għal dan il-limitu tal-età. |
|
27 |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ “għan leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali, li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Issa, minn naħa, skont il-Kummissjoni, mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jirriżulta ebda għan ta’ dan it-tip u lanqas ma jista’ jinstilet mill-kuntest ġenerali ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fih innifsu, tali nuqqas huwa kuntrarju għad-Direttiva 2000/78 sa fejn jipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità u tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni msemmija. |
|
28 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-fażi amministrattiva, l-Ungerija essenzjalment invokat żewġ għanijiet li allegatament kienu segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri, prinċipalment, l-introduzzjoni ta’ uniformità fir-regoli dwar l-irtirar għall-persuni kollha u, sussidjarjament, l-iffaċilitar tal-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira fil-ġudikatura sabiex tiġi stabbilita “struttura ta’ età bbilanċjata”. |
|
29 |
Issa, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet ma jistax jitqies li huwa “leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet li għanijiet ta’ natura organizzattiva jistgħu jiġġustifikaw diskriminazzjoni. Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C-159/10 u C-160/10, Ġabra p. I-6919), adottatat pożizzjoni kuntrarja, jiġifieri li tali għanijiet huma leġittimi, il-Kummissjoni ssostni li dik is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għall-kawża ineżami. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza msemmija l-Qorti tal-Ġustizzja ma estendietx id-definizzjoni ta’ “għan leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni iżda kkonstatat li l-għan li tiġi stabbilita “struttura ta’ età bbilanċjata” bejn l-uffiċjali ta’ età żgħira u l-uffiċjali iktar anzjani jista’ jikkostitwixxi “għan leġittimu” tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Irrispettivament mill-fatt li dan l-“għan leġittimu” jista’ jkollu konsegwenzi “organizzattivi”, f’termini b’mod partikolari tat-titjib fl-effiċjenza tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja, dawn il-konsegwenzi, fihom infushom, ma jistgħux jitqiesu li huma “għanijiet leġittimi”. |
|
30 |
Fir-rigward tat-tieni għan, il-Kummissjoni tosserva li l-argument ibbażat fuq is-sostituzzjoni tal-imħallfin iktar anzjani b’imħallfin ta’ età iżgħar u fuq it-titjib fil-kwalità tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja li allegatament jirriżulta minn din is-sostituzzjoni mhux biss huwa “sempliċi dikjarazzjoni ġenerali vaga”, miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, iżda huwa wkoll forma ta’ preġudizzju marbut mal-età. Issa, id-Direttiva 2000/78 hija intiża preċiżament li tipproteġi lill-individwi minn tali preġudizzju. |
|
31 |
Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni, l-Ungerija ssostni li l-fatt li r-regoli inkwistjoni, li jikkonċernaw kemm lill-imħallfin u kif ukoll lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara, ġew adottati u daħlu fis-seħħ matul l-istess perijodu juri b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jintroduċi uniformità, f’dawn is-setturi, fir-regoli dwar l-età massima għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali sabiex tiġi stabbilita “struttura ta’ età iktar ibbilanċjata” fi ħdan il-professjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, skont l-Ungerija, dawn l-għanijiet huma “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess. |
Fuq in-natura adegwata u neċessarja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni
|
32 |
Fid-dawl taż-żewġ għanijiet invokati mill-Ungerija u li allegatament huma l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk dawn l-għanijiet jitqiesu li huma “għanijiet leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex adegwati sabiex jilħqu dawn l-għanijiet. |
|
33 |
Fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet imsemmija ma jistgħux jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità fl-età tal-irtirar minħabba b’mod partikolari li, l-ewwel nett, ir-relazzjoni ta’ servizz tal-imħallfin u tal-prosekuturi pubbliċi tintemm malli dawn jilħqu l-età tal-irtirar filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-impjegati l-oħra fis-servizz pubbliku ma tintemmx qabel ma dawn tal-aħħar jilħqu din l-età u qabel ma jkunu wettqu s-snin ta’ servizz neċessarji sabiex jiksbu pensjoni tal-irtirar sħiħa. It-tieni nett, jibqgħu fis-seħħ eċċezzjonijiet, bħal dawk fir-rigward tal-President tal-Kúria, tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-imħallfin fil-qrati kostituzzjonali jew tal-assistenti prosekuturi pubbliċi u tal-prosekuturi pubbliċi bi prova. Fl-aħħar nett, l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara ma għandhomx il-possibbiltà – għall-kuntrarju tal-kategoriji professjonali l-oħra li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku – li jitolbu li jżommu l-kariga tagħhom “fl-interess tas-servizz” wara li jkunu laħqu l-età tal-irtirar. |
|
34 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ professjonisti ta’ età żgħira fis-servizz pubbliku tal-ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jissuġġerixxu li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx maħsuba b’mod li jintlaħaq l-għan imsemmi. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma ppermettewx it-trasferiment ta’ esperjenza tal-uffiċjali iktar anzjani lejn il-ġuristi ta’ età iżgħar li jidħlu fil-professjonijiet ikkonċernati. Dan l-għan kien jintlaħaq b’mod iktar koerenti u b’mod iktar dewwiemi li kieku l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tnaqqas progressivament. |
|
35 |
F’dan id-dawl, l-Ungerija tirribatti li, fir-realtà, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, fl-istess ħin, permezz tal-possibbiltajiet li jinħatru ġuristi ta’ età iżgħar, numru kbir ta’ pożizzjonijiet għolja huma aċċessibbli għall-ġenerazzjoni ta’ “età medja” fil-qrati u fl-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali. Minkejja li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara iktar anzjani huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom, hemm numru kbir minnhom li ser jibqgħu fil-kariga. Issa, il-preżenza ta’ dawn tal-aħħar u l-possibbiltà li dawn jiksbu pożizzjonijiet għoljin jiggarantixxu li dawn ser jgħaddu l-esperjenza tagħhom lill-kollegi tagħhom ta’ età iżgħar. |
|
36 |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li tnaqqis daqstant rapidu u radikali fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati fid-dawl tal-konsegwenzi gravi li tali bidla jista’ jkollha fuq l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara kkonċernati. Fil-fatt, dawn tal-aħħar huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom b’mod rapidu u mingħajr ma kellhom iż-żmien sabiex jippreparaw, b’mod partikolari mill-aspett finanzjarju, għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom. |
|
37 |
Għall-kuntrarju, l-Ungerija hija tal-fehma li l-perijodi tranżitorji fir-rigward tal-persuni kkonċernati ma kinux magħrufa mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża iżda ilhom magħrufa mill-20 ta’ Ġunju 2011, meta l-Parlament Ungeriż adotta l-Liġi LXXII tal-2011, li temenda ċerti liġijiet dwar l-istatus legali inkonformità mal-Liġi Fundamentali. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) ta’ din il-Liġi Nru LXXII tal-2011 kien diġà jinkludi “it-termini ta’ kunsiderazzjoni li kellhom jiġu ttrasposti wkoll iktar tard fil-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin u fid-dispożizzjonijiet tranżitorji”. F’tali ċirkustanzi, il-persuni kkonċernati setgħu jsiru jafu bil-perijodi tranżitorji previsti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża sa minn Ġunju 2011. L-Ungerija żżid li, fil-każ tan-nutara, ir-regoli li jnaqqsu l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2014, b’tali mod li n-nutara għandhom saħansitra żmien itwal sabiex jippreparaw ruħhom. |
Fuq il-koerenza tar-regoli
|
38 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li ma hemm ebda koerenza bejn il-leġiżlazzjoni kontenzjuża u r-riforma Ungeriża tas-sistema ġenerali tal-pensjonijiet. Hija tesponi li, “fl-2012 ser tintemm, b’mod obbligatorju, ir-relazzjoni ta’ servizz tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara li għandhom età ta’ bejn 62 u 70 sena”, filwaqt li, “bejn l-2014 u l-2022, l-età ġenerali tal-irtirar u, għaldaqstant, [il-limitu tal-età obbligatorja għall-waqfien mill-attività professjonali] applikabbli wkoll għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara, ser jiżdied progressivament minn 62 għal 65 sena”. B’hekk, meta kkunsidrati flimkien, dawn iż-żewġ riformi ser iwasslu għal sitwazzjoni ferm żbilanċjata fir-rigward tar-reklutaġġ u tal-promozzjoni tal-ġuristi ta’ età żgħira sa fejn, matul is-snin 2012 u 2013, wieħed jista’ jistenna li l-Istat ser iwettaq reklutaġġ massiv ta’ persuni sabiex jokkupaw il-pożizzjonijiet vakanti filwaqt li, minn wara s-sena 2014 – minħabba li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali ser jerġa’ jiżdied – dan il-proċess ta’ reklutaġġ huwa mistenni li jbatti b’mod kunsiderevoli. |
|
39 |
Skont l-Ungerija, l-inkoerenza kkritikata mill-Kummissjoni hija biss superfiċjali. Fil-fatt, żieda fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tista’ tiġi osservati fi kważi l-Istati Membri kollha, u għalhekk tali żieda ma ddgħajjifx il-loġika interna tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża. Din il-leġiżlazzjoni torbot, b’mod preċiż, dan il-limitu tal-età fir-rigward tal-professjonijiet ikkonċernati mal-età tal-benefiċċju għall-pensjoni tal-irtirar b’tali mod li l-età ffissata tikkorrispondi mal-iżviluppi ekonomiċi u demografiċi li s-sistema tal-pensjonijiet u l-politika tal-impjieg huma neċessarjament obbligati jsegwu. Għaldaqstant, il-politika mħaddna mill-Istati Membri fil-qasam tal-pensjonijiet hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali u l-età li minnha l-persuni jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar għandhom jevolvu dejjem flimkien, b’tali mod li jkun jista’ jiġi ggarantit li l-għanijiet segwiti mill-politika tal-impjieg jintlaħqu bl-aħjar mod possibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq is-suġġett tar-rikors
|
40 |
Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument imqajjem mill-Ungerija fis-sens li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar parti mir-rikors sa fejn dan tilef is-suġġett tiegħu minħabba s-sentenza tal-Alkotmánybíróság. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-209/02, Ġabra p. I-1211, punt 16, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-565/10, punt 22). |
|
42 |
Fil-kawża ineżami huwa paċifiku li, fi tmiem it-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu fis-seħħ. Barra minn hekk, kif l-Ungerija stess irrikonoxxiet matul is-seduta, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti adottaw, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, atti amministrattivi individwali li jtemmu r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati. |
|
43 |
Fis-16 ta’ Lulju 2012, jiġifieri sussegwentement għall-iskadenza tat-terminu msemmi fis-7 ta’ April 2012, l-Alkotmánybíróság tat is-sentenza li permezz tagħha annullat l-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin. |
|
44 |
Skont l-Ungerija, peress li din is-sentenza annullat b’mod retroattiv l-imsemmija Artikoli 90(ha) u 230, dawn ma jistgħux jibqgħu jitqiesu li kienu fis-seħħ fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
45 |
Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, id-data li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas li bih hija akkużata l-Ungerija hija s-7 ta’ April 2012. Għaldaqstant, in-natura retroattiva tas-sentenza tal-Alkotmánybíróság ma tistax telimina s-suġġett ta’ dan ir-rikors sa fejn l-annullament tal-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin joħroġ minn avveniment li seħħ sussegwentement għal din id-data u li, għalhekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
46 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, is-sentenza msemmija ma kellha ebda effett fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jipprevedu regoli analogi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin. Min-naħa l-oħra, peress li l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar ma affettwax direttament il-validità tal-atti individwali li permezz tagħhom intemmu r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati, dawn tal-aħħar ma ġewx stabbiliti mill-ġdid b’mod awtomatiku fil-karigi tagħhom. Għall-kuntrarju, sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-karigi tagħhom, dawn il-persuni huma obbligati jippreżentaw rikorsi għall-annullament ta’ dawn l-atti, rikorsi li l-eżitu tagħhom, kif ikkonfermat l-Ungerija stess matul is-seduta, ma huwiex wieħed ċert. |
|
47 |
Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq il-mertu tar-rikors
|
48 |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment imqajjem mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Ungerija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva msemmija jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 42). |
|
49 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jipprovdu li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara kkonċernati għandhom jieqfu mill-kariga tagħhom ipso jure malli jilħqu l-età ta’ 62 sena. |
|
50 |
Il-persuni li jeżerċitaw dawn il-professjonijiet u li laħqu l-età ta’ 62 sena jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ persuni iżgħar li jeżerċitaw l-istess professjonijiet. Madankollu, tal-ewwel, minħabba l-età tagħhom, huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom ipso jure (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuchs u Köhler, punt 34, kif ukoll Prigge et, punt 44). |
|
51 |
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi li jipprovdu li l-fatt li l-persuni jilħqu l-età ffissata f’dawn id-dispożizzjonijiet għall-irtirar jimplika l-waqfien ipso jure tar-relazzjoni ta’ xogħol għandhom jitqiesu bħala li jimponu trattament inqas favorevoli fuq il-persuni li laħqu din l-età meta mqabbla mal-persuni attivi l-oħra kollha. Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet jistabbilixxu differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 51). |
|
52 |
F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet naqqsu l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni pożittiva li kienu jgawdu minnha l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara taħt ir-regoli li kienu fis-seħħ qabel, sa fejn dawn setgħu, għall-kuntrarju tal-impjegati l-oħra fis-servizz pubbliku, jibqgħu fil-kariga tagħhom sal-età ta’ 70 sena. |
|
53 |
Madankollu, tali fatt ma jistax jikkontesta l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-persuni obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom minħabba li għalqu 62 sena u dawk li, minħabba li għadhom ma laħqux din l-età, jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament minħabba l-età hija bbażata fuq l-eżistenza stess ta’ limitu tal-età li malli jintlaħaq il-persuni kkonċernati ma jibqgħux fil-kariga tagħhom, irrispettivament mill-età magħżula bħala tali limitu u, a fortiori, mill-età li kienet applikabbli preċedentement. |
|
54 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistabbilixxu differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. |
|
55 |
Madankollu, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta din id-differenza tkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu u meta l-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan ikunu adegwati u neċessarji (sentenzi Prigge et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C-141/11, punt 21). |
|
56 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet kontenzjużi humiex ġustifikati minn għan leġittimu u jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex adegwati u neċessarji, b’tali mod li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
57 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet segwiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-fatt, imqajjem mill-Kummissjoni, li ebda għan speċifiku ma joħroġ b’mod espliċitu minn dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex determinanti. |
|
58 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi konkluż li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tonqos milli tippreċiża l-għan segwit għandu l-effett li jeskludi awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ġustifikata taħt dan l-artikolu. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa meħtieġ li elementi oħra, misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tan-natura leġittima tagħha kif ukoll tan-natura adegwata u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuchs u Köhler, punt 39, kif ukoll Hörnfeldt, punt 24). |
|
59 |
Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Ungerija fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fl-atti tagħha u matul is-seduta, fis-sens li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma intiżi li jilħqu, essenzjalment, żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, l-introduzzjoni ta’ uniformità, fil-kuntest tal-professjonijiet li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, fir-rigward tal-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, filwaqt li jiġu ggarantiti l-vijabbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, livell għoli ta’ impjieg kif ukoll it-titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tal-attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni ta’ “struttura ta’ età iktar ibbilanċjata” li tiffaċilita l-aċċess tal-ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar u li tiggarantilhom karriera iktar mgħaġġla. |
|
60 |
Fir-rigward tan-natura leġittima ta’ dawn l-għanijiet, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C-388/07, Ġabra p. I-1569, punt 46; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 41, kif ukoll Prigge et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81). |
|
61 |
Fir-rigward tal-għan li tiġi introdotta uniformità, fil-kuntest tal-professjonijiet li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, fir-rigward tal-limiti tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-opinjoni tagħha, li, sa fejn is-segwiment ta’ tali għan jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni kollha f’settur partikolari u fir-rigward ta’ element essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħalma huwa l-mument li fih jirtiraw, dan l-għan jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg. |
|
62 |
Fir-rigward tal-għan intiż li tiġi stabbilita struttura ta’ età iktar ibbilanċjata li tiffaċilita l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkunsidra li l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età żgħira u uffiċjali iktar anzjani sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat it-tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu lil hinn minn ċerta età, u dan filwaqt li l-intenzjoni tkun li jiġi offrut servizz tal-ġustizzja ta’ kwalità, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol (Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). |
|
63 |
Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma ġustifikati minn għanijiet leġittimi, ikun għad irid jiġi vverifikat, fl-aħħar lok, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxux mezzi adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet. |
|
64 |
Fir-rigward tal-ewwel għan, dawn id-dispożizzjonijiet huma, bħala prinċipju, mezz adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità segwit mill-Ungerija sa fejn huma intiżi preċiżament li, jekk mhux sabiex jeliminaw, minn tal-inqas sabiex inaqqsu kunsiderevolment id-differenza fil-limiti tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għall-professjonijiet kollha li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku tal-ġustizzja. |
|
65 |
Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxux ukoll mezz neċessarju għal dan il-għan. |
|
66 |
Issa, sabiex jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u jikkawżawx preġudizzju eċċessiv għall-interessi tal-persuni kkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiegħdu fil-kuntest leġiżlattiv tagħhom u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li jistgħu jikkawżaw lill-persuni kkonċernati kif ukoll il-vantaġġi li jagħtu lis-soċjetà b’mod ġenerali u lill-individwi li jagħmlu parti minn din is-soċjetà (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C-45/09, Ġabra p. I-9391, punt 73). |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kategoriji ta’ persuni kkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija kienu jgawdu, sad-dħul fis-seħħ tagħhom, minn deroga li kienet tippermettilhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sal-età ta’ 70 sena, u dan ħoloq għal dawn il-persuni l-aspettattiva leġittima li kienu ser iżommu l-kariga tagħhom sa din l-età. |
|
68 |
Issa, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni naqqsu b’mod mhux mistenni u kunsiderevoli l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, mingħajr ma jipprevedu miżuri tranżitorju ta’ natura li jipproteġu l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati. |
|
69 |
B’hekk, minħabba l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li ma daħlitx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2012, minn naħa, l-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi kollha li kienu laħqu l-età ta’ 62 sena qabel din id-data kienu obbligati jitilqu mill-kariga tagħhom fil-30 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri wara perijodu ta’ sitt xhur u, dawk li jilħqu din l-età bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, ser ikollhom jitilqu mill-kariga tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri wara perijodu li f’ebda każ ma jista’ jkun ta’ iktar minn sena u li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ser ikun ta’ inqas minn sena. Min-naħa l-oħra, in-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena qabel l-1 ta’ Jannar 2014 ser jieqfu mill-kariga tagħhom f’dik id-data, jiġifieri mhux iktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida tal-irtirar. |
|
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuni kkonċernati ser joħorġu, b’mod mhux volontarju u b’mod definittiv, mis-suq tax-xogħol mingħajr ma ser ikollhom iż-żmien meħtieġ sabiex jieħdu l-miżuri, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika u finanzjarja, li titlob tali sitwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-pensjoni tal-irtirar tagħhom hija, kif ġie speċifikat matul is-seduta, inqas mir-remunerazzjoni tagħhom b’minn tal-inqas 30 % u, min-naħa l-oħra, il-waqfien mill-attività professjonali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ kontribuzzjoni u għalhekk ma huwiex iggarantit id-dritt għal pensjoni b’rata sħiħa. |
|
71 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li ebda dispożizzjoni inqas oneruża ma kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan inkwistjoni. |
|
72 |
Huwa minnu li dan l-Istat Membru sostna li l-persuni kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jipprevedu, sa mis-sena 2011, il-bidliet fis-sistema tal-irtirar tagħhom, peress li l-Artikolu 10(1) tal-Liġi Nru LXXII tal-2011, li temenda ċerti liġijiet dwar l-istatus legali inkonformità mal-Liġi Fundamentali, kien diġà jinkludi t-“termini ta’ kunsiderazzjoni”, li kellhom jiġu ttrasposti wkoll fil-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin u fid-dispożizzjonijiet tranżitorji. Madankollu, anki jekk jitqies li dawn it-termini setgħu kienu suffiċjenti sabiex jiġi evitat li l-persuni kkonċernati jġarrbu dannu, għandu jiġi osservat li l-Ungerija b’ebda mod ma ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża kienet tippermetti lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara sabiex jipprevedu, b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti, il-bidliet ippjanati fis-sistema tal-irtirar tagħhom u sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji. |
|
73 |
Barra minn hekk, l-Ungerija lanqas ma indikat ir-raġunijiet għaliex, minn naħa, naqqset bi tmien snin l-età tal-irtirar mingħajr ma pprevediet introduzzjoni gradwali ta’ din il-bidla filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-Liġi Tyn mhux biss ipprovdiet li ż-żieda bi tliet snin tal-età tal-irtirar, jiġifieri minn 62 sena għal 65 sena, kellha titwettaq b’effett mis-sena 2014 fuq perijodu ta’ tmien snin, iżda barra minn hekk daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, jiġifieri erba’ snin qabel tibda tapplika. |
|
74 |
Issa, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-opinjoni tagħha, dawn id-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet kontenzjużi u l-Liġi Tny jissuġġerixxu li l-interessi ta’ dawk li huma milquta mit-tnaqqis fil-limitu tal-età għall-irtirar ma ttiħdux inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal dawk tal-impjegati l-oħra tas-servizz pubbliku li fir-rigward tagħhom żdied l-imsemmi limitu tal-età. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità invokat mill-Ungerija. |
|
76 |
Fir-rigward tat-tieni għan intiż li tiġi stabbilita struttura ta’ età iktar ibbilanċjata li tiffaċilita l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar u li jiġu ggarantiti karriera iktar mgħaġġla, għandu jiġi kkunsidrat li, kif tenfasizza l-Ungerija, it-tnaqqis fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għandu l-konsegwenza li jagħmel vakanti numru ta’ pożizzjonijiet li jistgħu jiġu okkupati minn ġuristi ta’ età żgħira, kif ukoll li jħaffef ir-rotazzjoni u s-sostituzzjoni tal-membri tal-persunal fil-professjonijiet ikkonċernati. |
|
77 |
Madankollu, tali effetti li jidhru pożittivi meta kkunsidrati fuq perspettiva ta’ żmien qasira, huma ta’ natura li jqajmu dubji dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita “struttura ta’ età” verament ibbilanċjata meta wieħed jikkunsidrahom fuq perspettiva ta’ żmien medja jew twila. |
|
78 |
Fil-fatt, għalkemm matul is-sena 2012 is-sostituzzjoni tal-persunal fil-professjonijiet kkonċernati ser titwettaq b’rata mgħaġġla ħafna minħabba l-fatt li tmien gruppi ta’ età ser jiġu ssostitwiti bi grupp wieħed biss, jiġifieri dak tal-2012, dan ir-ritmu fir-rotazzjoni tal-persunal ser ikompli b’rata daqstant ieħor baxxa ħafna fl-2013 meta grupp ta’ età wieħed biss ser ikun wasal sabiex jiġi ssostitwit. Barra minn hekk, dan ir-ritmu fir-rotazzjoni tal-persunal ser ikompli b’rata dejjem iktar baxxa minħabba li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali ser jiżdied progressivament minn 62 sena għal 65 sena, skont l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Tny, b’tali mod li l-aċċess tal-ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja ser ikun ħafna iktar diffiċli. |
|
79 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita “struttura ta’ età” iktar ibbilanċjata. |
|
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jistabbilixxu differenza fit-trattament li ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’. |
|
81 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, bl-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu għalqu 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom u li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
Fuq l-ispejjeż
|
82 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.