SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 15(ċ) — Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ — Interpretazzjoni awtonoma meta pparagunata mad-dritt internazzjonali umanitarju — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C-285/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Aboubacar Diakité

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Diakité, minn D. Caccamisi, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, N. Graf Vitzthum u B. Beutler, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u A. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Simor, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Diakité, ċittadin Gujaniż, u l-Kummissjoni Ġenerali għar-Refuġjati u Persuni mingħajr Stat (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jagħtihx il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 3, komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, rispettivament, Konvenzjoni (I) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti u tal-Morda fil-Forzi Armati fuq il-Kamp; Konvenzjoni (II) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti, tal-Morda u tal-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar; Konvenzjoni (III) dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, u Konvenzjoni (IV) dwar il-Protezzjoni tal-Pajżana fi Żmien ta’ Gwerra (iktar ’il quddiem l-“erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève”, jistipula:

“F’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja, kull waħda mill-Partijiet għall-kunflitt hija obbligata tapplika mill-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1)

Il-persuni li ma jipparteċipawx direttament fl-ostilitajiet, inklużi l-membri tal-forzi armati li jkunu ċedew l-armi u l-persuni li jkunu waqfu mill-ġlied minħabba mard, feriti, priġunerija jew minħabba kwalunkwe kawża oħra, fi kwalunkwe ċirkustanza, għandhom jiġu ttrattati b’umanità […]

F’dan ir-rigward, huma u jibqgħu pprojbiti […], fir-rigward tal-persuni msemmija iktar ’il fuq:

a)

Il-perikli għall-ħajja u għall-integrità fiżika […]

[...]

c)

il-ksur tad-dinjità tal-persuni, b’mod partikolari t-trattamenti umiljanti u degradanti;

[...]”

4

L-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati mhux internazzjonali (Protokoll II), tat-8 ta’ Ġunju 1977, jistipula:

“1.   Dan il-protokoll, li jiżviluppa u jikkompleta l-Artikolu 3 komuni għall-[erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève] mingħajr ma jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni attwali tiegħu, japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti mill-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-[erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève] dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali (Protokoll I), u li jsiru fit-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt it-tmexxija ta’ kmand responsabbli, jeżerċitaw fuq parti mit-territorju tagħha kontroll tali li permezz tiegħu jistgħu kemm iwettqu operazzjonijiet militari kontinwi u miftiehma kif ukoll japplikaw dan il-protokoll.

2.   Dan il-protokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ tensjonijiet interni, ta’ inkwiet intern, bħar-rewwixti, l-atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqiesux bħala kunflitti armati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(5)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu wkoll li regoli rigward l-istat tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b’miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru stat xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni.

(6)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[...]

(24)

Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjara għandhom jiġu preskritti wkoll. Protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati inkwadrata fil-Konvenzjoni [dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951] [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)].”

6

Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, b’“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 [...] ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

7

L-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprovdi taħt it-titolu “Periklu serju”:

“Periklu serju

[...]

(ċ)

theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

Id-dritt Belġjan

8

L-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi:

“§ 1.   L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħata lil barrani li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala refuġjat u li ma jistax jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li dwaru ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fil-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jiffaċċja riskju veru li jġarrab il-periklu serju previst fil-paragrafu 2, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […].

§ 2.   Għandhom jiġu kkunsidrati bħala periklu serju:

[...]

ċ)

theddida serja għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Fil-21 ta’ Frar 2008, A. Diakité ressaq l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju fejn invoka r-repressjoni u l-fatti ta’ vjolenza li allegatament ġarrab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’manifestazzjonijiet ta’ protesta kontra l-awtoritajiet fis-setgħa.

10

Il-Kummissarju Ġenerali rrifjuta li jirrikonoxxi lil A. Diakité l-kwalità ta’ refuġjat u li jagħtih il-protezzjoni sussidjarja. Din id-deċiżjoni doppja ġiet ikkonfermata mill-Conseil du Contentieux des Étrangers.

11

Mingħajr ma fil-frattemp kien reġa’ lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-15 ta’ Lulju 2010, A. Diakité ressaq, quddiem l-awtoritajiet Belġjani, applikazzjoni oħra għall-ażil.

12

Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissarju Ġenerali ħa deċiżjoni ġdida ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat u ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Ir-rifjut li jingħata l-protezzjoni sussidjarja kien immotivat mill-konstatazzjoni li fil-Gujana ma kinitx teżisti sitwazzjoni ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni jew ta’ kunflitt armat fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

13

Din id-deċiżjoni doppja kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers, li kkonferma, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 2011, ir-rifjut doppju tal-Kummissarju Ġenerali.

14

Fl-appell ta’ kassazzjoni tiegħu, ippreżentat quddiem il-Conseil d’État, A. Diakité jikkritika s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers peress illi hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-kunflitt armat applikata mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja sabiex tikkonstata li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt armat, meħtieġa mill-Artikolu 48/4(2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 19802, ma hijiex sodisfatta.

15

F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iqis li, fid-dawl tas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C-465/07, Ġabra p. I-921), ma jistax jiġi eskluż li, bħal ma jsostni A. Diakité, il-kunċett “kunflitt armat” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, jista’ jiġi interpretat b’mod awtonomu u għandu tifsira differenti minn dik meqjusa fil-ġurisprudenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ ‘kunflitt armat intern’ kif interpretat mil-liġi umanitarja internazzjonali, partikolarment b’referenza għall-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […]?

Jekk il-kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ imsemmi fl-Artikolu 15(ċ) tad-direttiva [...] għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […], liema huma f’dan il-każ, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ‘kunflitt armat intern’?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandux jiġi evalwat abbażi tal-kriterji stabbiliti mid-dritt internazzjonali umanitarju u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali kunflitt, sabiex jiġi stabbilit jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tistax tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja.

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tliet tipi ta’ perikoli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex persuna tkun tista’ titqies li tista’ tibbenefika minn benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, meta, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tiltaqa’ ma’ riskju veru li ssofri perikolu serju (sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

19

Il-perikolu ddefinit fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva huwa kkostitwit minn theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-espressjoni “konflitt armat interanzzjonali jew intern” li hija differenti mill-kunċetti li huma fil-bażi stess tad-dritt internazzjonali umanitarju, fejn dan tal-aħħar jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-“kunflitti armati internazzjonali” u min-naħa l-oħra l-“kunflitti armati li ma humiex ta’ natura internazzjonali”.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti l-protezzjoni sussidjarja lill-persuni kkonċernati mhux biss f’każ ta’ kunflitti armati internazzjonali u kunflitti armati li ma humiex ta’ natura internazzjonali, kif iddefiniti mid-dritt internazzjonali umanitarju, iżda, ukoll, f’każ ta’ kunflitti armati interni, bil-kundizzjoni li dawn il-kunflitti jkunu kkaratterizzati bl-użu ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni. Ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jkunu preżenti l-kriterji kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 3 li huwa komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Addizzjonali II tat-8 ta’ Ġunju 1977, li jiżviluppa u jikkompleta dan l-artikolu.

22

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt internazzjonali umanitarju jirregola l-aġir tal-kunflitti armati internazzjonali u ma għandux natura internazzjonali, li jimplika li l-eżistenza ta’ tali kunflitt tikkostitwixxi l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli li dan jistabbilixxi (sentenza tal-Awla tal-Appell tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja tat-2 ta’ Ottubru 1995, Le Procureur vs Dusko Tadic alias “Dule”, Kawża Nru IT-94-1-AR-72, punt 67).

23

Jekk id-dritt internazzjonali umanitarju huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jipprovdi, fiż-żona ta’ kunflitt, protezzjoni għall-popolazzjonijiet ċivili billi jillimita l-effetti tal-gwerra fuq il-persuni u l-proprjetà, dan ma jipprevedix, bid-differenza tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15(c) tagħha, l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil ċerti pajżani barra miż-żona ta’ kunflitt u tat-territorju tal-partijiet fil-kunflitt. Id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ kunflitt armat ikkunsidrati fid-dritt internazzjonali umanitarju għalhekk ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw is-sitwazzjonijiet li fihom tali protezzjoni hija neċessarja u għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

24

B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li, bħal ma l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt internazzjonali umanitarju u s-sistema tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva jsegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni separati b’mod ċar.

25

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċertu ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju jagħti lok għal responsabbiltà kriminali individwali. Minħabba dan il-fatt, id-dritt internazzjonali umanitarju għandu relazzjonijiet fil-qrib ħafna mad-dritt kriminali internazzjonali, filwaqt li tali relazzjoni ma hijiex relatata mal-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva.

26

Għalhekk, ħlief sabiex ma jiġux osservati l-oqsma proprji għal kull waħda mis-sistemi ddefiniti, rispettivament, mid-dritt umanitarju internazzjonali u fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15(ċ) tagħha, il-possibbiltà li jittieħed benefiċċju minn din l-aħħar sistema ma tistax tkun suġġetta għall-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel sistema huma sodisfatti.

27

B’konswegwenza, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva, tal-kunċett ta’ kunflitt armat intern, id-determinazzjoni tat-tifsira u l-portata ta’ dawn it-termini għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, billi jittieħed kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintużaw u għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 17, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, punt 20).

28

Fis-sens abitwali tiegħu fil-lingwa ta’ kuljum, il-kunċett ta’ kunflitt armat intern huwa intiż għal sitwazzjoni li fiha l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp wieħed jew iktar armati jew li fiha tnejn jew iktar gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li, fil-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva [COM(2001) 510 finali], id-definizzjoni ta’ perikolu serju li tinsab fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva kienet tipprevedi li t-theddid kontra l-ħajja, is-sigurtà jew il-libertà tal-applikant setgħu iseħħu kemm f’kunflitt armat, kif ukoll fi ksur sistematiku jew ġeneralizzat tad-drittijiet tal-bniedem, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jikkunsidra biss l-ipoteżi ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali.

30

Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern ma tistax twassal għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ħlief sa fejn il-konfrontazzjonijiet bejn il-forzi regolari ta’ Stat u grupp wieħed jew iktar ta’ gruppi armati jew bejn tnejn jew iktar gruppi armati jkunu eċċezzjonalment ikkunsidrati bħala li joħolqu theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna tal-applikant għall-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, peress illi l-livell ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni li tikkaratterizzahom tilħaq livell tant għoli li jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li pajżan li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, mill-fatt biss tal-preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu, jgħaddi mir-riskju reali li jissubixxi dan it-theddid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament milqut minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-livell ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni mitlub sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja (sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

32

F’dan il-kuntest, ma huwiex neċessarju, waqt l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, li ssir evalwazzjoni speċifika tal-intensità ta’ dawn il-konfrontazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit, indipendentement mill-evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza li tirriżulta minn dan, jekk il-kundizzjoni intiża għall-eżistenza ta’ kunflitt armat hijiex sodisfatta.

33

Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva li l-kriterji minimi ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jippermettu li tiġi kkompletata l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, billi jiġu identifikati l-persuni li realment għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li toffrilhom status xieraq.

34

B’konsegwenza, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt armat ma għandhiex tkun suġġetta għal livell partikolari ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati fil-preżenza ta’ jew quddiem tul partikolari ta’ kunflitt, peress li dawn ikunu biżżejjed sabiex il-konfrontazzjonijiet li għalihom jidħlu dawn il-forzi armati joħolqu l-livell ta’ vjolenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li jinħoloq għalhekk bżonn reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant li jgħaddi minn riskju reali li jissubixxi theddid serju u individwali kontra l-ħajja u l-persuna tiegħu.

35

Isegwi li d-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandha tiġi aċċettata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp armat wieħed jew iktar jew meta tnejn jew diversi gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-kunflitt jista’ jiġi kkwalifikat bħala kunflitt armat li ma jippreżentax natura internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u mingħajr ma l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul tal-kunflitt jiġi suġġett għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-livell ta’ vjolenza preżenti fit-territorju kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandha tiġi aċċettata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp armat wieħed jew iktar jew meta tnejn jew diversi gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-kunflitt jista’ jiġi kkwalifikat bħala kunflitt armat li ma jippreżentax natura internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u mingħajr ma l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul tal-kunflitt jiġi suġġett għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-livell ta’ vjolenza preżenti fit-territorju kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.