SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
22 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Direttiva 77/799/KEE — Assistenza reċiproka mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta — Skambju ta’ informazzjoni fuq talba — Proċeduri fiskali — Drittijiet fundamentali — Limitu tal-portata tal-obbligi li għandhom l-Istat Membru applikant u l-Istat Membru mitlub lejn il-persuna taxxabbli — Assenza tal-obbligu li l-persuna taxxabbli tiġi informata bit-talba għal assistenza — Assenza tal-obbligu li l-persuna taxxabbli tiġi mistiedna tipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda — Dritt tal-persuna taxxabbli li tikkontesta l-informazzjoni skambjata — Kontenut minimu tal-informazzjoni skambjata”
Fil-Kawża C‑276/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura
Jiří Sabou
vs
Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, M. Safjan u C. G. Fernlund (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn M. Tassopoulou u G. Papagianni, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u J.-S. Pilczer, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev u M. Šimerdová kif ukoll minn W. Mölls, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 757, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”), eżaminata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Sabou, plejer tal-futbol professjonali u Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu (Direttorat tal-finanzi tal-belt ta’ Praga) dwar l-ammont tad-dħul tiegħu taxxabbli matul is-sena 2004. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 77/799
3 |
Id-Direttiva 77/799 ġiet revokata bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799 (ĠU L 64,p. 1). Madankollu, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mid-Direttiva 77/799. |
4 |
L-ewwel u t-tieni premessi tad-Direttiva 77/799 kienu jipprovdu: “Billi l-prattiċi ta’ evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa li jestendu matul il-fruntieri ta’ l-Istati Membri jwasslu għal telf fil-budget u vjolazzjonijiet tal-prinċipju ta’ tassazzjoni ġusta u huma soġġetti li jġibu tgħawwiġ tal-movimenti tal-kapital u tal-kondizzjonijet tal-kompetizzjoni; billi dawn għalhekk jaffettwaw l-operat tas-suq intern; Billi, għal dawn ir-raġunijiet il-Kunsill adotta fl-10 ta’ Frar 1975 riżoluzzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Komunità sabiex tkun miġġielda l-evażjoni u l-evitar internazzjonali tat-taxxa [...]”. |
5 |
Il-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva 77/799 kienu jipprovdu kif ġej: “Billi l-Istati Membri għandhom, fuq talba, jibdlu informazzjoni dwar każijiet partikolari; fejn l-Istat hekk ħtieġlu jagħmel għandu jagħmel it-talbiet meħtieġa biex jikseb dik l-informazzjoni; Billi l-Istati Membri għandhom jiskambjaw, anke mingħajr ma ssir l-ebda talba, xi informazzjoni li tidher rilevanti għall-istima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, [...]” |
6 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/799, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, kien jipprovdi: “B’mod koformi mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jibdlu kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, intitolat “Bdil fuq talba”: “1. L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) f’xi każ partikolari. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat mitlub m’għandhiex għalfejn tikkonforma mat-talba jekk jidher li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-talba ma tkunx eżawriet is-sorsi tas-soltu tagħha ta’ l-informazzjoni, li hi setgħet utilizzat, skond iċ-ċirkostanzi, biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tinkorri r-riskju li tipperikola l-ksib tar-riżultat li tkun qed tfittex. 2. Għall-fini li tkun mibgħuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru mitlub għandha tirranġa t-tmexxija sabiex isiru l-inkjesti meħtieġa biex tinkiseb dik l-informazzjoni. Sabiex tikseb l-informazzjoni mfittxa, l-awtorità mitluba jew l-awtorità amministrattiva li għandha użu għaliha [li lilha saret it-talba] għandha tipproċedi qisu qed jaġixxi f’ismu [qed taġixxi f’isimha] jew fuq talba ta’ awtorità oħra fis-Stat Membru tagħha stess.” |
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 77/799, intitolat “Kollaborazzjoni minn uffiċjali ta’ l-Istat interessat”, kien jipprovdi: “Għall-fini li jkunu applikati d-Disposizzjonijiet preċedenti, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li għalih tkun maħsuba l-informazzjoni jistgħu jiftiehmu, taħt il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9, li jawtorizzaw il-preżenza fl-ewwel Stat Membru ta’ uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta’ l-Istat Membru l-ieħor. Id-dettalji biex tkun applikata din id-disposizzjoni għandhom ikunu stabbiliti taħt l-istess proċedura.” |
9 |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799, intitolat “Limiti għal bdil ta’ informazzjoni”, kien jipprovdi: “Din id-Direttiva ma għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru minn fejn tkun qed tintalab informazzjoni biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk it-twettiq ta’ tali indaġnijiet jew ġbir ta’ informazzjoni mitluba jmorru kontra l-legiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru.” |
Id-dritt Ċek
10 |
Il-Liġi Nru 253/2000 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-amministrazzjoni tat-taxxa u li temenda l-Liġi Nru 531/1990 dwar l-awtoritajiet finanzjarji territorjali, kif emendata, ittrasponiet fid-dritt Ċek id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/799. |
11 |
Il-Liġi Nru 337/1992 dwar l-amministrazzjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet jipprovdi, fl-Artikoli 16 u 31: “Artikolu 16 Kontroll fiskali [...]
[...] Artikolu 31 Miżuri istruttorji [...]
|
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tiegħu ta’ taxxa fuq id-dħul għas-sena 2004, fir-Repubblika Ċeka, J. Sabou allega li kien ġarrab spejjeż f’diversi Stati Membri għall-finijiet tat-trasferiment eventwali tiegħu lejn wieħed mill-klabbs tal-futbol ta’ dawn l-Istati. Dawn l-ispejjeż kienu jnaqqsu l-ammont taxxabbli tiegħu bl-ammont korrispondenti. Għaldaqstant, għas-sena 2004, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu kien ġie stabbilit għal CZK 29 700 (CZK) (madwar EUR 1 100). |
13 |
Madankollu, l-amministrazzjoni Ċeka qajmet dubji dwar is-sewwa ta’ dawn l-ispejjeż u wettqet kontroll li jinkludi talbiet għal informazzjoni mingħand awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri kkonċernati, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-Liġi Nru 253/2000 u fuq id-Direttiva 77/799. Għaldaqstant, hija talbet l-assistenza tal-amministrazzjonijiet ta’ Spanja, ta’ Franza u tar-Renju Unit billi talbithom, b’mod partikolari, li jipprovduha bil-fehmiet tal-klabbs tal-futbol ikkonċernati. Mir-risposti mogħtija minn dawn l-awtoritajiet jirriżulta li ebda wieħed minn dawn il-klabbs allegatament ikkuntattjati ma kien jaf b’J. Sabou jew bl-aġent tiegħu. |
14 |
L-amministrazzjoni fiskali Ċeka kkuntattjat ukoll lill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża dwar diversi fatturi ppreżentati minn J. Sabou, dwar servizzi allegatament ipprovduti minn kumpannija stabbilita fl-Ungerija. L-amministrazzjoni Ungeriża sostniet li din il-kumpannija kienet biss l-intermedjarja ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz u li kien biss kontroll imwettaq f’dan il-pajjiż li seta’ jippermetti li jinkisbu risposti affidabbli. |
15 |
Fi tmiem il-kontroll tagħha, l-amministrazzjoni fiskali Ċeka ħarġet, fit-28 ta’ Mejju 2009, avviż ta’ impożizzjoni supplimentari li jistabbilixxi l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovuta minn J. Sabou għas-sena 2004 għal CZK 251 604 (madwar EUR 9 800). Dan tal-aħħar ikkontesta dan l-avviż quddiem il-Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu, li emendat l-imsemmi avviż billi stabbilixxiet l-ammont tat-taxxa għal CZK 283 604 (madwar EUR 11 000). |
16 |
J. Sabou ppreżenta appell kontra l-avviż emendat quddiem il-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga), li ċaħdet ir-rikors tiegħu permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Lulju 2011. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (Qorti amministrattiva suprema). |
17 |
Quddiem din il-qorti, J. Sabou sostna li l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kienet kisbet informazzjoni li tikkonċernah b’mod illegali. L-ewwel nett, ma kienx ġie informat bit-talba ta’ assistenza magħmula minn din l-amministrazzjoni lill-ammininistrazzjonijiet oħra, u għalhekk ma setax jipparteċipa fit-tfassil tad-domandi li kienu saru lil tali amministrazzjonijiet. It-tieni nett, ma kienx ġie mistieden jipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda fl-Istati Membri l-oħra, kuntrarjament għad-drittijiet li huwa għandu skont il-leġiżlazzjoni Ċeka fi proċeduri nazzjonali simili. |
18 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, in-Nejvyšší správní soud issemmi li l-amministrazzjoni fiskali Ċeka ma talbitx lill-amministrazzjonijiet mitluba jeżaminaw ix-xhieda. Hija tindika li, kieku din l-amministrazzjoni kienet għamlet tali talba, kienet tinforma lil J. Sabou sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-każ fejn dan kien awtorizzat mil-liġijiet tal-Istati Membri mitluba. |
19 |
Fir-rigward tal-kontenut tar-risposti pprovduti, il-qorti tar-rinviju ssemmi li ċerti amministrazzjonijiet mitluba indikaw l-isem tal-persuni interrogati, filwaqt li oħrajn illimitaw ruħhom li jindikaw il-klabbs li pprovdew l-informazzjoni trażmessa. Barra minn hekk, ma ġiex ippreċiżat jekk l-informazzjoni nkisbitx permezz tat-telefon, elettronikament jew matul eżaminazzjoni. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna taxxabbli għandhiex id-dritt tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fil-kuntest tad-Direttiva 77/799 u sa fejn id-drittijiet fundamentali bħal dawk iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jaffettwaw l-eżistenza ta’ dan id-dritt. |
21 |
In-Nejvyšší správní soud tosserva li jekk tali dritt ma kienx rikonoxxut lill-persuna taxxabbli, dan kien iwassal għal tnaqqis tad-drittijiet proċedurali tagħha meta mqabbla ma’ dawk iggarantiti mid-dritt Ċek fi proċeduri nazzjonali tat-taxxa. Hija tirreferi għal żewġ sentenzi tagħha tat-30 ta’ Jannar 2008 u tas-26 ta’ Marzu 2009. Fl-ewwel sentenza, hija sostniet li fir-rigward ta’ eżaminazzjoni ta’ xhud, “il-garanzija ta’ possibbiltà reali tal-parteċipazzjoni tal-[persuna taxxabbli] f’din l-eżaminazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet prinċipali tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ tali miżura ta’ amministrazzjoni tal-prova u l-ksur tagħha għandu jiġi evitat b’mod strett”. Fit-tieni sentenza, dwar proċedura fiskali fir-Repubblika Ċeka li timplika rikors għall-assistenza ta’ Stat Membru ieħor skont id-Direttiva 77/799 u l-eżaminazzjoni ta’ xhud fi Stat Membru ieħor, l-imsemmija qorti kkunsidrat li huwa biss fil-każ li l-amministrazzjoni tal-Istat mitlub, skont il-leġiżlazzjoni tagħha stess, kienet irrifjutat li tawtorizza lill-persuna taxxabbli Ċeka tipparteċipa fl-eżaminazzjoni, li l-amministrazzjoni fiskali Ċeka kienet tkun awtorizzata tuża, bħala prova, l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjoni tax-xhud u li nkisbet skont id-dritt tal-Istat mitlub. |
22 |
Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li n-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni, preliminarjament, li, bid-domandi tagħha dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuna taxxabbli f’sitwazzjonijiet fejn l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li tirrikorri għall-assistenza reċiproka prevista fid-Direttiva 77/799, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-persuna taxxabbli tistax tinvoka ċerti drittijiet stabbiliti fil-Karta. Skont il-Kummissjoni, fir-realtà dawn id-domandi jikkonċernaw, parzjalment, l-applikazzjoni tal-Karta flimkien mad-dritt nazzjonali u għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta f’dan ir-rigward. |
24 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li t-talba għal assistenza hija intiża għall-evalwazzjoni korretta tat-taxxa fuq id-dħul, qasam li ma huwiex armonizzat mid-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 77/799 ma tindikax kif l-Istat mitlub għandu jittratta l-informazzjoni li huwa jirċievi sabiex jistabbilixxi din it-taxxa. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li din id-direttiva sempliċement tipprovdi li l-Istati Membri jirrikorru għall-assistenza ta’ Stati Membri oħra. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru huwiex marbut jinforma lill-persuna taxxabbli bit-talba għal assistenza li huwa għamel ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda taħt id-dritt nazzjonali biss. |
25 |
Fir-rigward qabelxejn tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li peress li din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, din ma tapplikax għall-proċedura ta’ assistenza li wasslet għall-avviż ta’ impożizzjoni supplimentari tat-28 ta’ Mejju 2009. |
26 |
Fir-rigward sussegwentement tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża preżenti, li tinterpreta d-Direttiva 77/799, il-fatt li l-Istat Membru applikant ma huwiex marbut jindirizza talba għal assistenza lil Stat Membru ieħor ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li r-regoli dwar it-talba għall-informazzjoni u l-użu tal-informazzjoni miksuba minn dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża din l-assistenza, huwa għandu jikkonforma mar-regoli previsti mid-Direttiva 77/799. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-ħames premessa ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom josservaw ċerti obbligi fil-kuntest tal-assistenza reċiproka. |
27 |
Konsegwentement, id-domandi magħmula dwar l-obbligi tal-Istat Membru applikant fir-rigward tal-persuna taxxabbli jikkonċernaw l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina, f’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ. |
28 |
Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ, jagħmlu parti min-numru tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punti 33 u 36). Meta tintalab tagħti deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tipprovdi l-kriterji kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 42, u Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 kif ukoll 34). |
29 |
Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi kollha magħmula mill-qorti nazzjonali. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel żewġ domandi
30 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-Direttiva 77/799 u mid-dritt fundamentali għal smigħ, jikkonferixxix lill-persuna taxxabbli ta’ Stat Membru d-dritt li tiġi informata bit-talba għal assistenza ta’ dan l-Istat indirizzata lil Stat Membru ieħor, li tipparteċipa fit-tfassil tat-talba indirizzata lill-Istat Membru mitlub u li tieħu sehem fl-evalwazzjoni tax-xhieda organizzata minn dan l-aħħar Stat. |
31 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-assistenza reċiproka stabbilita mid-Direttiva 77/799 tipprovdix tali dritt għall-persuna taxxabbli. |
32 |
F’dan ir-rigward, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 30 u 31 tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C-184/05, Ġabra p. I-7897), mill-ewwel żewġ premessi tad-Direttiva 77/799 jirriżulta li din għandha bħala għan il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali u li għalhekk ġiet adottata sabiex tirregola l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799, li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru “tista’” titlob l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor informazzjoni li ma tistax tikseb hija stess. Għalhekk, hija enfasizzat li, bl-użu tal-kelma “tista’”, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali għandhom dritt f’dan ir-rigward u ma humiex obbligati jirrikorru għal tali talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Twoh International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
34 |
Min-naħa l-oħra, wara talba ppreżentata minn awtorità kompetenti fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799, l-Istat Membru mitlub huwa fil-prinċipju marbut jirrispondi għal din it-talba u, jekk hemm lok, iwettaq ir-riċerki neċessarji, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799. |
35 |
Mill-Artikoli 2(2) u 8 tad-Direttiva 77/799 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat mitlub tissodisfa tali talba billi tapplika d-dritt nazzjonali tagħha u, b’mod partikolari, ir-regoli proċedurali tagħha stess. |
36 |
Għalhekk, mill-eżami tad-Direttiva 77/799 jirriżulta li tali direttiva, li għandha bħala suġġett il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tikkoordina t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti billi timponi ċerti obbligi lill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tikkonferixxix drittijiet speċifiċi lill-persuna taxxabbli (ara sentenza Twoh International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31) u b’mod partikolari, ma tipprovdi ebda obbligu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jikkonsultaw lil din tal-aħħar. |
37 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-persuna taxxabbli tistax madankollu tinvoka mid-drittijiet tad-difiża dritt li tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. |
38 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li huwa applikabbli meta amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju (ara sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Skont l-imsemmi prinċipju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifattiv l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-informazzjoni li abbażi tagħha l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21, kif ukoll Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli ma tipprevedix espliċitament tali formalità (ara sentenzi Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, punt 35). |
39 |
Il-kwistjoni tqum dwar jekk id-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li titlob assistenza ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor u d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li twettaq eżaminazzjoni tax-xhud għall-finijiet ta’ risposta għal din it-talba jikkostitwixxux atti li, minħabba l-konsegwenzi tagħhom għall-persuna taxxabbli, jeżiġu li dan jinstema’. |
40 |
L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sostnew li t-talba għal informazzjoni ta’ Stat Membru indirizzata lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor ma tikkostitwixxix att li jimplika tali obbligu. Huma ġustament jikkunsidraw li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontrolli fiskali, għandha ssir distinzjoni, bejn il-fażi ta’ investigazzjoni, li matulha tinġabar informazzjoni u li tinkludi t-talba għal informazzjoni ta’ amministrazzjoni fiskali lil oħra, u l-fażi ta’ kontradittorju, bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-persuna taxxabbli, li tibda meta r-rettifika proposta tintbagħat lill-persuna taxxabbli. |
41 |
Meta l-amministrazzjoni tiġbor l-informazzjoni, hija ma hijiex meħtieġa tinnotifika lill-persuna taxxabbli b’dan jew tikseb il-fehma tiegħu. |
42 |
It-talba għal assistenza magħmula mill-amministrazzjoni fiskali skont id-Direttiva 77/799 tagħmel parti mill-proċedura tal-ġbir ta’ informazzjoni. |
43 |
Dan japplika wkoll għar-risposta trażmessa mill-amministrazzjoni fiskali mitluba u għar-riċerki preliminari mwettqa minn din l-amministrazzjoni, inkluż l-eżaminazzjoni tax-xhieda. |
44 |
Minn dan isegwi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna taxxabbli ma jeżiġix li din tal-aħħar tipparteċipa għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Istat Membru applikant għall-Istat Membru mitlub. Hija lanqas ma teżiġi li l-persuna taxxabbli tinstema’ meta r-riċerki, li jinkludu l-eżaminazzjoni tax-xhieda, jitwettqu fl-Istat Membru mitlub jew qabel ma dan l-Istat Membru jittrażmetti informazzjoni lill-Istat Membru applikant. |
45 |
Madankollu, ma hemm xejn li jipprekludi Stat Membru milli jestendi d-dritt għal smigħ għal stadji oħra tal-fażi tal-investigazzjoni, billi jinvolvi lill-persuna taxxabbli f’diversi stadji tal-ġbir ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, fl-eżaminazzjoni tax-xhieda. |
46 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-Direttiva 77/799 u mid-dritt fundamentali għal smigħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li la jikkonferixxi fuq il-persuna taxxabbli ta’ Stat Membru d-dritt li tiġi informata bit-talba għal assistenza ta’ dan l-Istat indirizzata lil Stat Membru ieħor partikolarment sabiex tiġi vverifikata d-data pprovduta minn tali persuna taxxabbli fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħha, la d-dritt li tipparteċipa fit-tfassil tat-talba indirizzata lill-Istat Membru mitlub u lanqas id-dritt li tipparteċipa fl-eżaminazzjoni tax-xhieda organizzata minn dan l-aħħar Stat. |
Fuq it-tielet domanda
47 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 77/799 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, il-persuna taxxabbli tista’ tikkontesta l-informazzjoni dwarha li tkun ġiet trażmessa lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru applikant u, min-naħa l-oħra, meta l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru mitlub tittrażmetti l-informazzjoni miġbura, din hija marbuta ssemmi s-sorsi tal-informazzjoni kif ukoll il-metodu kif inkisbet tali informazzjoni. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 77/799 ma tindirizzax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tikkontesta l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa u ma timponi ebda rekwiżit partikolari fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni trażmessa. |
49 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, huma biss il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu r-regoli rilevanti. Il-persuna taxxabbli tista’ tikkontesta l-informazzjoni li tikkonċernaha trażmessa lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru applikant skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. |
50 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 77/799 ma tirregolax il-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna taxxabbli tista’ tikkontesta l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru mitlub u ma timponi ebda rekwiżit partikolari fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni trażmessa. |
Fuq l-ispejjeż
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.