SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza — Ċittadin ta’ Stat Membru — Studji segwiti fi Stat Membru ieħor — Għajnuna għat-taħriġ — Kundizzjonijiet — Żmien tat-taħriġ iktar minn jew ekwivalenti għal sentejn — Kisba ta’ diploma professjonali”

Fil-Kawża C-275/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE imressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Samantha Elrick

vs

Bezirksregierung Köln,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn V. P. Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Elrick, ċittadina Ġermaniża, u l-Bezirksregierung Köln (awtorità amministrattiva lokali ta’ Köln), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha għajnuna għat-taħriġ skolastiku segwit fir-Renju Unit.

Il-kuntest ġuridiku

3

Taħt l-intestatura “Prinċipju”, l-Artikolu 1 tal-liġi federali dwar l-inċentiv individwali għat-taħriġ [Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (Bundesausbildungsförderungsgesetz)], kif emendata, fit-23 ta’ Diċembru 2007, permezz tat-tnejn u għoxrin liġi ta’ emenda tal-liġi federali dwar l-inċentiv individwali għat-taħriġ (BGB1. I, p. 3254, iktar ’il quddiem il-“BAföG”), tiddikjara:

“Taħt il-liġi preżenti, jeżisti dritt għall-għajnuna individwali għat-taħriġ għal taħriġ li jikkorrispondi mal-interessi, mal-kapaċitajiet u mar-riżultati tal-istudent jekk huwa ma għandux min-naħa l-oħra l-mezzi neċessarji għall-manteniment tiegħu u għat-taħriġ tiegħu.”

4

Taħt l-intestatura “Stabbilimenti ta’ taħriġ”, l-Artikolu 2 tal-BAföG, jiddikjara:

“1.   L-għajnuna għat-taħriġ tingħata għall-attendenza

1)

fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni sekondarja ġenerali [‘weiterführende allgemeinbildende Schulen’] u fl-iskejjel professjonali [‘Berufsfachschulen’], inklużi fihom il-klassijiet ta’ kull forma ta’ taħriġ professjonali bażiku, mill-klassi 10 [li jikkorrispondi mal-għaxar sena ta’ skola] kif ukoll fil-klassijiet ta’ skola ta’ perfezzjonament professjonali u fl-iskola sekondarja teknika [‘Fach- und Fachoberschulklassen’] li jistgħu jiġu segwiti mingħajr ma jkun jeħtiġilhom jagħmlu minn qabel taħriġ professjonali, meta l-istudent jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1a,

2)

fil-klassijiet ta’ skola professjonali jew fi skola ta’ perfezzjonament professjonali [‘Berufsfachschulklassen und Fachschulklassen’] li għalihom it-twettiq ta’ taħriġ professjonali minn qabel ma huwiex meħtieġ, sa fejn huma sanzjonati minn diploma professjonali wara kors ta’ mill-inqas sentejn,

[…]

In-natura u l-kontenut tat-taħriġ jiddeterminaw il-klassifikazzjoni. L-għajnuna għat-taħriġ hija mogħtija meta t-taħriġ huwa segwit fi stabbiliment pubbliku — bl-eċċezzjoni tal-istabbilimenti privati ta’ edukazzjoni ogħla — jew ta’ stabbiliment privat ta’ sostituzzjoni [‘Ersatzschule’].

[…]

1a.   L-għajnuna għat-taħriġ hija mogħtija għall-attendenza fl-istabbilimenti ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1, punt 1 biss jekk l-istudent ma jgħix mal-ġenituri u

1)

jekk stabbiliment ta’ taħriġ ekwivalenti ma jinsabx f’distanza raġonevoli mir-residenza tal-ġenituri tal-istudent;

[...]

5.   L-għajnuna għat-taħriġ hija mogħtija biss jekk il-perijodu ta’ taħriġ huwa ta’ mill-inqas semester tal-iskola jew universitarju u jekk it-taħriġ jeħtieġ b’mod ġenerali li l-istudent huwa ddedikat kompletament. [...]”

5

Skont l-Artikolu 4 tal-BAföG, suġġett għall-Artikoli 5 u 6 ta’ din il-liġi, l-għajnuna għat-taħriġ hija assenjata għal taħriġ fil-Ġermanja.

6

L-Artikolu 5 tal-BAföG, intitolat “Taħriġ barra mill-pajjiż”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Ir-residenza permanenti fis-sens ta’ din il-liġi hija stabbilita fil-post fejn jinsab, b’mod li ma jkunx biss temporanju, iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma l-volontà li tiġi stabbilita bażi permanenti tkun meħtieġa; persuna li tgħix f’post biss għal skopijiet ta’ taħriġ ma tkunx stabbiliet hemm ir-residenza permanenti tagħha.

2.   L-istudenti li r-residenza permanenti tagħhom tinsab fit-territorju Ġermaniż u li jsegwu studji fi stabbiliment ta’ taħriġ barrani jibbenefikaw mill-għajnuna għat-taħriġ jekk:

[...]

3)

l-istudent [...] jibda jew ikompli t-taħriġ tiegħu fi stabbiliment ta’ taħriġ li jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fl-Isvizzera.

[...]

4.   [...] il-punt 3 tal-paragrafu 2, japplika biss f’każ ta’ attendenza ta’ stabbilimenti tat-taħriġ ekwivalenti għal dak tal-klassijiet tal-iskola professjonali [‘Berufsfachschulklassen’] fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1), ta’ skejjel ogħla professjonali [‘höhere Fachschulen’], ta’ istituti universitarji tat-teknoloġija [‘Akademien’] jew ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla [‘Hochschulen’] li jinsabu fil-Ġermanja. Il-verifika tal-ekwivalenza hija mwettqa ex officio fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti [tal-għajnuna għat-taħriġ].”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

7

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S. Elrick, ċittadina Ġermaniża mwielda fil-Ġermanja fl-1 ta’ Ġunju 1989 u li għandha r-residenza permanenti tagħha, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-BAföG, mal-ġenituri tagħha f’dan l-Istat Membru, tgħix fil-parti l-kbira ħafna fir-Renju Unit mis-sena 1998.

8

Wara l-istudji tagħha f’livell sekondarju f’Devon (ir-Renju Unit), hija ġiet irreġistrata bħala studenta full-time, mit-8 ta’ Settembru 2008, fis-South Devon College fil-kuntest ta’ taħriġ intiż li tikseb il-“First Diploma in Travel, Level 2”. Dan il-kors ta’ sena ma kienx jirrikjedi t-twettiq minn qabel ta’ taħriġ professjonali ieħor. S. Elrick kienet tgħix mal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja matul l-istudji f’livell sekondarju tagħha u meta hija kienet irreġistrata fis-South Devon College.

9

Fil-5 ta’ Lulju 2008, Elrick ressqet talba intiża li tikseb għajnuna għat-taħriġ minħabba l-attendenza tagħha fis-South Devon College mix-xahar ta’ Settembru 2008.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008, din it-talba ġiet miċħuda mill-Bezirksregierung Köln minħabba li t-taħriġ magħżul minn S. Elrick, li ma kienx iwassal għal diploma professjonali skont il-kriterji ddikjarati fil-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-BAföG, kien paragunabbli ma’ taħriġ ta’ tul ta’ sena li jservi bħala gwida għall-karriera fi ħdan l-iskola professjonali Ġermaniża (“Berufsfachschule”), u li dan it-taħriġ ma joħloqx dritt għall-għajnuna għat-taħriġ segwit barra mill-pajjiż.

11

Fil-11 ta’ Settembru 2008, S. Elrick ippreżentat rikors minn din id-deċiżjoni, fejn hija sostniet li l-esklużjoni tagħha mill-għajnuna għat-taħriġ previst mill-BAföG kienet tikser l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. Li kieku hija segwiet taħriġ simili fil-Ġermanja, kieku kienet tingħata għajnuna anki jekk dan it-taħriġ kellu tul biss ta’ sena. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għaldaqstant tagħtiha l-għażla kemm li tirrinunzja li tagħmel użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu fl-Unjoni Ewropea billi tagħżel l-istabbiliment tat-taħriġ tagħha, kif ukoll li tirrinunzja għal għajnuna għat-taħriġ mogħtija abbażi tad-dritt tal-Istat ta’ oriġini tagħha. Id-dritt tagħha għall-moviment liberu huwa għaldaqstant indebitament limitat għal raġunijiet li ma humiex iġġustifikati oġġettivament.

12

Il-Verwaltungsgericht Hannover tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. Hija tesponi l-ewwel nett, li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 5(2) tal-BAföG, fir-rigward ta’ taħriġ segwit kompletament barra mill-pajjiż, l-għajnuna għat-taħriġ tista’ jingħata biss, f’każ ta’ attendenza ta’ stabbiliment ta’ taħriġ ekwivalenti għal dak ta’ klassi tal-iskola professjonali [“Berufsfachschulklasse”] fil-Ġermanja, jekk il-kundizzjonijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tal-BAföG huma ssodisfatti. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, it-taħriġ inkwistjoni għandu jwassal għal diploma professjonali wara kors ta’ mill-inqas sentejn. Issa, fir-rigward tat-taħriġ segwit minn S. Elrick fir-Renju Unit, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, li kieku S. Elrick lestiet fil-Ġermanja kors paragunabbli mat-taħriġ li hija segwiet fir-Renju Unit, hija kienet tibbenefika, fil-prinċipju, minn dritt għall-għajnuna għat-taħriġ abbażi tal-Artikolu 1, punt 1 tal-Artikolu 2(1) u Artikolu 4, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1a) tal-BAföG.

14

Fil-fatt, skont din il-qorti, l-attendenza fl-istabbiliment l-iktar viċin tar-residenza tal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja li joffri dan il-kors kienet tirrikjedi kull vjaġġ bir-ritorn, ta’ iktar minn siegħa, liema fatt ma kienx jikkostitwixxi, abbażi taċ-ċirkolari fuq il-BAföG (Verwaltungsvorschriften zum BAföG), terminu raġonevoli. Għaldaqstant, jekk S. Elrick ittrasferiet ir-residenza tagħha f’post li jinsab fil-Ġermanja fejn kien jinsab stabbiliment ta’ taħriġ paragunabbli, hija kien ikollha dritt, fil-prinċipju, għal għajnuna għat-taħriġ għal dan il-kors.

15

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, peress li t-taħriġ segwit fir-Renju Unit ma joħloqx dritt għall-għajnuna għat-taħriġ abbażi tal-BAföG, kuntrarjament għal dak li kien ikun il-każ ta’ taħriġ paragunabbli segwit fil-Ġermanja, S. Elrick ma għandhiex għażla oħra ħlief li tirrinunzja kemm għall-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-moviment liberu, kif ukoll għall-benefiċċju tad-dritt tagħha għall-għajnuna għat-taħriġ.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Hannover iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 20 [TFUE] u 21 TFUE jipprekludu dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tipprovdi li l-għajnuna għat-taħriġ prevista mil-[BaföG] hija rrifjutata lil ċittadina Ġermaniża li għandha r-residenza permanenti tagħha fil-Ġermanja u li tattendi stabbiliment ta’ taħriġ li jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, għall-attendenza f’dan l-istabbiliment ta’ taħriġ barrani, għaliex it-taħriġ segwit barra mill-pajjiż huwa biss għal perijodu ta’ sena, meta l-persuna kkonċernata setgħet tirċievi l-għajnuna għat-taħriġ tal-BaföG għal taħriġ analogu fil-Ġermanja li kien, huwa wkoll, għal perijodu ta’ sena?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ, lil ċittadina residenti f’dan l-Istat Membru, biex tistudja fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li dan it-taħriġ iwassal għal diploma professjonali ekwivalenti għal dawk ipprovduti minn skola professjonali, li tinsab fl-Istat li jagħti l-benefiċċji, wara kors ta’ mill-inqas sentejn, minkejja li għajnuna kienet tingħata lill-persuna kkonċernata, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha, kieku hija għażlet li twettaq f’dan l-Istat tal-aħħar taħriġ ekwivalenti għal dak li hija kienet tixtieq issegwi fi Stat Membru ieħor, u ta’ tul ta’ inqas minn sentejn.

18

Għandu qabelxejn jitfakkar li, bħala ċittadina Ġermaniża, S. Elrick tgawdi, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni u tista’ għalhekk tinvoka, inkluż jekk ikun il-każ fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, drittijiet marbuta ma’ tali status (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 19; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 22, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger, C‑523/11 u C‑585/11, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat TFUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 28; tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, punt 27, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

20

Fost is-sitwazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, partikolarment dik li taqa’ taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Morgan u Bucher, punt 23, kif ukoll, Prinz u Seeberger, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Istati Membri għandhom kompetenza, skont l-Artikolu 165(1) TFUE, fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbilita mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara s-sentenzi Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għandu sussegwentement jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti residenti nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). F’dan ir-rigward, ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fi Stat Membru ieħor fejn huwa jsegwi studji sekondarji jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment iggarantita mill-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 34, u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 35).

23

Fil-fatt, il-possibbiltajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba ostakoli dovuti fir-rigward tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba l-fatt biss li huwa jkun eżerċita dawn il-possibbiltajiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 31; Morgan u Bucher, punt 26 kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 28).

24

Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Artikoli 6(e) TFUE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-inċentivazzjoni tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema (ara s-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 44; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

25

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu sistema ta’ għajnuna għat-taħriġ biex wieħed jagħmel l-istudji fi Stat Membru ieħor. Madankollu, fil-każ li Stat Membru jipprovdi sistema ta’ għajnuna għat-taħriġ li tagħti l-possibbiltà lill-istudenti li jibbenefikaw minn tali għajnuna, huwa għandu jiżgura li l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ tali fondi ma joħolqux restrizzjoni inġustifikata tal-imsemmi dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Morgan u Bucher, punt 28, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 30).

26

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, jekk ir-rikorrenti tkun wettqet fil-Ġermanja taħriġ paragunabbli ma’ dak li hija segwiet fir-Renju Unit, hija kienet tibbenefika minn dritt għall-għajnuna għat-taħriġ, billi ma kienx jeżisti stabbiliment li joffri taħriġ ekwivalenti li jinsab f’distanza raġonevoli mir-residenza tal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja.

27

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrestrinġix il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, billi l-leġiżlatur Ġermaniż għażel b’mod leġittimu li ma jistabbilixxix dritt għall-għajnuna għat-taħriġ għat-tip ta’ kors segwit minn S. Elrick u li ebda miżura tad-dritt tal-Unjoni ma tobbligah li jagħmel dan. Skont dan il-gvern, il-BAföG għandu bħala għan li jwettaq selezzjoni kwalitattiva tat-tipi ta’ taħriġ issussidjati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza.

28

Madankollu, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li torbot l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż ma’ kundizzjoni ta’ ekwivalenza għal taħriġ ipprovdut minn klassijiet tal-iskola professjonali (“Berufsfachschulklasse”) li jwassal għal diploma professjonali wara kors ta’ mill-inqas sentejn tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE, sakemm għajnuna tingħata lil min jitlobha li jinsab fl-istess sitwazzjoni personali bħal dik ta’ S. Elrick biex isegwi fil-Ġermanja taħriġ ekwivalenti għal kors li hija segwiet fi Stat Membru ieħor.

29

Tali kundizzjoni tista’ tiskoraġġixxi ċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal S. Elrick, milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, fid-dawl tar-rilevanza li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għal għajnuna għat-taħriġ (ara s-sentenza Prinz u Seeberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Barra minn hekk, wieħed ma jistax jikkunsidra li l-effetti restrittivi maħluqa minn din il-kundizzjoni huma wisq aleatorji jew wisq insinjifikattivi, sabiex jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tirrestrinġi liberta’ fundamentali ggarantita mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni unikament jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk hija tkun proporzjonata mal-għan leġittimament imħaddan mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq De Cuyper, punt 40; Tas-Hagen u Tas, punt 33, kif ukoll Morgan u Bucher, punt 33). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun xierqa sabiex twettaq l-għan li jrid jintlaħaq, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq De Cuyper, punt 42; Morgan u Bucher, punt 33, kif ukoll Prinz u Seeberger, punt 33).

31

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata permezz tal-għażla tal-leġiżlatur Ġermaniż li jagħti għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż skont l-utilità normalment prevedibbli tat-taħriġ kif ukoll abbażi tar-rabta bejn ir-residenza barra mill-pajjiż u t-tul totali tal-imsemmi taħriġ. Skont dan il-gvern, l-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, għalhekk, li tingħata għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż unikament favur taħriġ li joffri lill-istudent l-aħjar opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, taħriġ li jipproduċi kwalifika baxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isservi bħala direzzjoni għal karriera ġenerali, iżda tista’ b’mod dgħajjef biss iżżid l-opportunitajiet għal dan l-istudent fis-suq tax-xogħol. Għal dawn ir-raġunijiet, dan it-taħriġ ma kienx jistħoqqlu l-għoti tal-għajnuna għat-taħriġ barra mill-pajjiż.

32

Madankollu, ma jirriżultax b’mod ċar mill-argumenti sostnuti mill-Gvern Ġermaniż kif l-għan ta’ sussidjar biss tat-taħriġ barra mill-pajjiż li għandu bħala effett iż-żieda fl-opportunitajiet tal-istudenti fis-suq tax-xogħol huwa ggarantit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tal-BAföG li teħtieġ tul minimu ta’ sentejn għat-taħriġ maħsub mingħajr kunsiderazzjoni tan-natura u tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar, minkejja li taħriġ li ma jissodisfax din il-kundizzjoni, iżda li jsir fil-Ġermanja, huwa ssussidjat f’ċerti ċirkustanzi, bħal b’mod partikolari dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Ir-rekwiżit ta’ tul ta’ sentejn jidher għalhekk li jkun ħieles minn kull rabta mal-livell tat-taħriġ magħżul.

33

Għaldaqstant, il-fatt li tiġi imposta kundizzjoni ta’ tul bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher inkoerenti u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala proporzjonali ma’ dan il-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ, lil ċittadina residenti f’dan l-Istat Membru, biex tistudja fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li dan it-taħriġ iwassal għal diploma professjonali ekwivalenti għal dawk ipprovduti minn skola professjonali, li tinsab fl-Istat li jagħti l-benefiċċji, wara kors ta’ mill-inqas sentejn, minkejja li għajnuna kienet tingħata lill-persuna kkonċernata, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha, jekk hija għażlet li twettaq f’dan l-Istat tal-aħħar taħriġ ekwivalenti għal dak li hija xtaqet issegwi fi Stat Membru ieħor, u ta’ tul ta’ inqas minn sentejn.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ, lil ċittadina residenti f’dan l-Istat Membru, biex tistudja fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li dan it-taħriġ iwassal għal diploma professjonali ekwivalenti għal dawk ipprovduti minn skola professjonali, li tinsab fl-Istat li jagħti l-benefiċċji, wara kors ta’ mill-inqas sentejn, minkejja li għajnuna kienet tingħata lill-persuna kkonċernata, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħha, jekk hija għażlet li twettaq f’dan l-Istat tal-aħħar taħriġ ekwivalenti għal dak li hija xtaqet issegwi fi Stat Membru ieħor, u ta’ tul ta’ inqas minn sentejn.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.