SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tmiem ta’ bażi legali tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali — Assenza ta’ rilevanza tad-domandi magħmula — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”
Fil-Kawża C‑180/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2012, fil-proċedura
Stoilov i Ko EOOD
vs
Nachalnik na Mitnitsa Stolichna,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Stoilov i Ko EOOD, minn B. Aleksiev, advokat, |
— |
għan-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, minn N. Yotsova, D. Yordanova, Y. Yordanova u S. Dimitrova kif ukoll minn S. Zlatkov, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Roussanov kif ukoll minn L. Bouyon, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2009, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru (ĠU L 291, p. 1, iktar ’il quddiem, in-“NM”), b’mod partikolari tas-subintestaturi 5407 61 30 u 6303 92 10 tagħha, kif ukoll l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”), tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tar-res judicata, kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). |
2 |
Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stoilov i Ko ЕООD (iktar ’il quddiem, “Stoilov”) u n-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna (Direttur tad-Dwana tal-belt kapitali) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ oġġetti, indikati bħala “materjali għall-manifattura ta’ blinds”, li ġejjin miċ-Ċina. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Kodiċi Doganali
3 |
Skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ proċedura msejħa “normali”, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu:
|
4 |
L-Artikolu 71 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li ġej: “1. Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija 2. Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.” |
5 |
Skont l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, “[m]alli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa”. |
6 |
L-Artikolu 232 li jinsab fit-Taqsima 2, intitolata “Limitu ta’ żmien u proċeduri għall-ħlas ta’ l-ammont ta’ dazju”, tat-Titolu VII, Kapitolu 3 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “1. Fejn l-ammont ta’ dazju dovut ma jkunx tħallas fil-perjodu preskritt:
2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir ta’ interessi fuq arretrati [...]” |
7 |
L-Artikolu 243, li jinsab taħt it-Titolu VIII tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Appelli”, jipprodi li ġej: “1. Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment. [...] 2. Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:
|
In-NM
8 |
L-ewwel parti tan-NM tinkludi dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li fiha jinsabu r-regoli ġenerali, il-Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]” |
9 |
In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanzija elaborata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, li minnha jittieħdu l-intestaturi u s-subintestaturi ta’ sitt ċifri, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra jiffurmaw suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għan-NM. Fit-tieni parti tagħha, bit-titolu “Tabella ta’ dazji”, in-NM tinkludi klassifikazzjoni ta’ merkanzija f’taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi |
10 |
It-Taqsima XI tan-NM hija intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. In-nota 7 ta’ din it-taqsima tipprovdi kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din it-taqsima, l-espressjoni ‘imħejjijin (made up)’ tfisser:
[…]” |
11 |
Il-Kapitolu 54 tan-NM li jinsab f’din it-Taqsima XI, intitolat “Filamenti magħmulin mill-bniedem; strixxi u oġġetti simili ta’ materjali tessili magħmulin mill-bniedem”, jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 5407, li tkopri d-“[d]rappijiet minsuġin ta’ ħjut ta’ filament sintetiku, inklużi drappijiet minsuġin magħmulin minn materjali ta’ titlu 5404”. Din l-intestatura tinkludi fost l-oħrajn il-kategorija ta’ “Drappijiet oħrajn minsuġin, li fihom 85 % jew aktar tal-piż filamenti ta’ poliesteru mingħajr nisġa”. Din is-subintestatura tinkludi hija nfisha, fost l-oħrajn, is-subintestatura 5407 61 30, li jgħid “miżbugħin”. |
12 |
Is-subkapitolu I, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti”, li jinsab fil-Kapitolu 63 tan-NM tat-Taqsima XI, jinkludi fost l-oħrajn l-intestatura 6303 li tkopri “[Ħġieġ, p]urtieri (inklużi drappijiet) u blinds ta’ ġewwa; damask tal-purtieri u tas-sodda”. Din l-intestatura hija maqsuma f’żewġ kategoriji, “maħdumin bil-labar” u “oħrajn”. Din il-kategorija tal-aħħar tinkludi fost l-oħrajn is-subintestatura 6303 92, li ssemmi “fibri sintetiċi”. Din is-subintestatura hija maqsuma hija nfisha f’żewġ subintestaturi 6303 92 10 u 6303 92 90, li l-kliem tagħhom huwa, rispettivament, “mhux minsuġin” u “oħrajn”. |
Id-dritt Bulgaru
13 |
It-tielet paragrafu tal-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks) jipprovdi li l-“amministrazzjoni għandha tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-provi miġbura kif ukoll fuq l-allegazzjonijiet magħmula f’terminu stabbilit li ma jistax jaqbeż sebat ijiem. Il-partijiet jistgħu jippreżentaw bil-miktub talbiet u oġġezzjonijiet”. |
14 |
Skont l-Artikolu 35 ta’ dan il-kodiċi, l-att amministrattiv individwali jinħareġ wara li jiġu ċċarati l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni u wara l-eżami tal-ispjegazzjonijiet u tal-oġġezzjonijiet mressqa, eventwalment, miċ-ċittadini jew mill-organi kkonċernati. |
15 |
Skont l-Artikolu 179(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem il-“GPK”), dokument uffiċjali, stabbilit minn uffiċjal fil-funzjonijiet tiegħu u skont il-forma u l-modalitajiet mitluba jikkostitwixxi prova tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-preżenza tiegħu u tal-atti magħmula minnu jew fil-preżenza tiegħu. |
16 |
Skont l-Artikolu 297 tal-GPK, sentenza li tkun daħlet fis-seħħ torbot lill-qorti li tkun l-awtriċi tagħha, kif ukoll lil kull qorti jew amministrazzjoni oħra. |
17 |
Skont l-Artikolu 302 tal-GPK, deċiżjoni tal-qorti amministrattiva li tkun diġà daħlet fis-seħħ torbot lill-qorti ċivili kemm fir-rigward tal-validità kif ukoll tal-legalità tal-att amministrattiv. |
18 |
Skont l-Artikolu 211(1) tal-Liġi Doganali (Zakon na mitnitsite, iktar ’il quddiem iz-“ZM”), meta l-ammont tad-dazji ma jkunx tħallas fit-terminu stabbilit, l-awtoritajiet doganali jagħmlu użu mill-possibbiltajiet kollha li tagħtihom din il-liġi jew kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra sabiex jiżguraw il-ħlas ta’ dan l-ammont, inkluż l-adozzjoni ta’ atti amministrattivi ta’ eżekuzzjoni. |
19 |
Skont l-Artikolu 211a taz-ZM, “[i]deċiżjonijiet ta’ rkupru furzat ta’ djun pubbliku tal-Istat huma atti ammistrattivi individwali maħruġa mid-Direttur tad-Dwana fiż-żona ġeografika koperta fejn ġie inkors id-dejn mhux imħallas fit-termini stabbiliti; dawn l-atti jikkonstataw l-eżiġibbiltà ta’ dejn doganali u ta’ dejn pubbliku ieħor”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
B’dikjarazzjoni doganali ppreżentata fit-8 ta’ Jannar 2009, Stoilov a ddikjara “materjali għall-manifattura ta’ blinds” taħt is-subintestatura 6303 92 10 tan-NM. Ġew ikkalkolati u tħallsu dazji doganali ta’ 7598,56 lev Bulgari u taxxa fuq il-valur miżjud ta’ BGN 23 544.53. |
21 |
Sabiex jivverfikaw din id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet doganali wettqu, fid-9 ta’ Jannar 2009, analiżi ta’ kampjuni fil-laboratorju, u din kienet is-suġġett ta’ rapport uffiċjali. |
22 |
Fid-dawl tal-analiżi tal-laboratorju tad-dazji, dawn l-awtoritajiet qiesu li l-oġġetti koperti mill-imsemmija dikjarazzjoni ma setgħux jiġu kklassifikati taħt il-Kapitolu 63 tan-NM. Mill-eżami jirriżulta li dawn l-oġġetti jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu klassifikati fil-Kapitolu 54 tan-NM u, b’mod iktar speċifiku, taħt is-subintestatura 5407 61 30. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis-27 ta’ April 2009, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna nnotifika lil Stoilov b’deċiżjoni li tikklassifika l-oġġetti koperti mid-dikjarazzjoni doganali tat-8 ta’ Jannar 2009 f’din id-subintestatura (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ notifika”) u li twassal, b’dan il-mod, għal żieda fir-rata tad-dazji doganali minn 6.5 % għal 8 % u għall-applikazzjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1487/2005, tat-12 ta’ Settembru 2005, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 334M, p. 451), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1087/2007, tat-18 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 246, p. 1), ta’ dazju antidumping definittiv ta’ 74.8 %. |
24 |
Bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, Stoilov ingħata terminu ta’ sebat ijiem biex iħallas volontarjament id-dejn pubbliku ta’ BGN 1 211.37 għal dazji doganali, ta’ BGN 82 372.82 għal dazji antidumping u ta’ BGN 16 716.84 għat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
25 |
Stoilov ippreżenta appell intern quddiem l-amministrazzjoni mill-imsemmija deċiżjoni, u mbagħad ressaq il-każ quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (tribunal amminstrattiv ta’ Sofia). |
26 |
Sadattant, peress li Stoilov ma kienx ħallas l-ammonti indikati fid-deċiżjoni ta’ notifika fit-terminu stabbilit, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ħareġ id-deċiżjoni ta’ rkupru furzat ta’ dejn tal-Istat Nru 13, tas-7 ta’ Awwissu 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ rkupru”). |
27 |
Fil-11 ta’ Settembru 2009, Stoilov ippreżenta appell amministrattiv minn din id-deċiżjoni fejn talab li tiġi ordnata perizja indipendenti dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija ntaxxata. Fin-nuqqas ta’ risposta fit-termini stabbiliti, Stoilov ippreżenta direttament, fis-7 ta’ Ottubru 2009, ir-rikors prinċipali quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad. |
28 |
Fl-14 ta’ Ottubru 2009, l-awtorità amministrattiva superjuri, jiġifieri d-direttur reġjonali tad-dwana, ċaħad l-appell amministrattiv ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2009 u rrifjuta li jordna l-perizja mitluba. |
29 |
B’sentenza tat-30 ta’ Diċembru 2010, l-Administrativen sad Sofia-grad ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ notifika. |
30 |
Stoilov ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema), li għadha adita bl-imsemmi appell fil-mument tad-deċiżjoni għal rinviju preliminari. |
31 |
Skont l-Administrativen sad Sofia-grad, iż-żewġ possibbiltajiet ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija fil-kawża prinċipali huma dawk tal-Kapitoli 54 u 63 tan-NM. Sabiex jiġu distinti, hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “oġġetti manifatturati” fis-sens tan-nota 7 tal-imsemmi Kapitolu 63 kif ukoll dak ta’ “drapp”, imsemmi fis-subintestatura 5407 61 30 tan-NM. |
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-eżitu tal-ħames dikjarazzjonijiet doganali l-oħra, għal merkanzija bħal dik fil-kawża prinċipali, ippreżentati minn Stoilov kemm qabel kif ukoll wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, din il-kumpannija tistax tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sabiex tikseb il-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fil-kawża prinċipali taħt il-kodiċi tariffarju 6303 92 10. |
33 |
Minbarra dan, filwaqt li tfakkar li din id-dikjarazzjoni tat lok għal żewġ proċeduri nazzjonali distinti li jirrigwardaw l-istess punt ta’ fatt u ta’ liġi, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni dwar x’inhuwa, fid-dawl tal-Artikolu 243(1) tal-Kodiċi Doganali, l-att li jista’ jiġi kkontestat. |
34 |
Fl-aħħar nett, hemm lok li tintalab l-interpretazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12/12, punt 83). |
37 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali adita bil-kawża hija, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, dik li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias, C-343/90, Ġabra p. I-4673, punt 15, u tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 14). |
38 |
Jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita minn qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni proprja tagħha u, b’mod partikolari, li tistabbilixxi jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba għandhiex rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx meħtieġa tagħti opinjonijiet fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punti 18 u 21, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 45). Jekk jidher li d-domanda magħmula hija manifestament irrilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lourenço Dias, punt 20, u Ritter-Coulais, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifikazzjoni indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, il-Varhoven administrativen sad annullat is-sentenza msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza kif ukoll id-deċiżjoni ta’ notifika. |
40 |
Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għal din it-talba għal kjarifikazzjonijiet fuq l-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ notifika fuq il-kawża prinċipali, u kif jirriżulta mit-test ta’ din is-sentenza, li hija annessa ma’ din ir-risposta, il-Varhoven administrativen sad iddeċidiet, fost l-oħrajn, li l-klassifikazzjoni tariffarja adottata min-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kienet ġiet ikkonfermata mill-Administrativen sad Sofia-grad, kienet żbaljata fid-dawl tal-provi u tal-perizji inklużi fil-proċess. Fuq dan il-punt, il-Varhoven administrativen sad qieset li l-elementi adottati mill-Administrativen sad Sofia-grad la kienu sostnuti bil-provi ppreżentati u lanqas bil-konklużjonijiet tar-rapport tal-espert ġudizzjarju. |
41 |
F’din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li hija għandha tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali li fuqhom tiddependi l-legalità tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fosthom, inter alia, dik relatata man-notifika tal-eżistenza ta’ “dejn mhux imħallas”, fis-sens tal-Artikolu 211a taz-ZM, permezz tad-deċiżjoni ta’ notifika. |
42 |
Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ammetta li, minħabba l-annullament tagħha mill-Varhoven administrativen sad, id-deċiżjoni ta’ notifika ma għadhiex teżisti fis-sistema legali Bulgara. |
43 |
Barra minn hekk, waqt din l-istess seduta, Stoilov semma deċiżjoni li kienet ittemm l-irkupru tad-dejn pubbliku, mogħti mill-awtorità pubblika ta’ eżekuzzjoni fl-24 ta’ Settembru 2012. Din id-deċiżjoni temmet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata mibdija skont id-deċiżjoni ta’ rkupru. Filwaqt li kkontesta l-validità tagħha, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ma ċaħadx l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni. |
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-fatt jekk ġietx mitmuma l-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata mwettqa skont id-deċiżjoni ta’ rkupru, jirriżulta, f’kull każ, minn dak li ntqal hawn fuq, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-qorti tar-rinviju ma għadhiex mitluba, sabiex issolvi l-kawża prinċipali, tadotta deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-domandi magħmula jekk hija kellha tagħti risposta. |
45 |
Fil-fatt, kif indikat il-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifikazzjonijiet li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni ta’ notifika ġiet annullata fl-intier tagħha mill-Varhoven administrativen sad u l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, kif diġà ġie indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kundizzjoni proċedurali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadhiex tirrigwarda interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod analogu, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Grado u Bashir, C-291/96, Ġabra p. I-5531, punt 16). Fil-fatt, din it-talba, fin-nuqqas ta’ suġġett, ma tippermettix li jiġu dedotti elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tapplika b’mod utli biex tiddeċiedi, skont dan id-dritt, il-kawża pendenti quddiemha (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1982, Vlaeminck, 132/81, Ġabra p. 2953, punt 13). |
47 |
Huwa minnu li fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifikazzjonijiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ notifika fuq il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qieset li l-awtoritajiet doganali jistgħu jadottaw deċiżjonijiet ġodda bl-istess kontenut bħad-deċiżjonijiet ta’ notifika u ta’ rkupru. Madankollu, anki jekk jingħad li dan għadu l-każ, minkejja s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012 tal-Varhoven administrativen sad, għandu jiġi osservat li risposta għad-domandi magħmula f’tali ċirkustanzi timplika li tingħata opinjoni fuq kwistjonijiet ipotetiċi, bi ksur tal-missjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 19; Meilicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 26). |
48 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija). |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.