SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Trattament preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, mill-Karibew u mill-Paċifiku (AKP) — Artikoli 16 u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou — Importazzjoni ta’ fibri sintetiċi tan-Niġerja lejn l-Unjoni Ewropea — Irregolaritajiet fiċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni — Timbru mhux konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni — Ċertifikati a posteriori u ta’ sostituzzjoni — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 220 u 236 — Possibbiltà li tiġi applikata a posteriori tariffa doganali preferenzjali li ma tkunx għada fis-seħħ fid-data tat-talba għal rimbors — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑175/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2012, fil-proċedura

Sandler AG

vs

Hauptzollamt Regensburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Għaxar Awla, li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, A. Rosas u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sandler AG, minn H.‑M. Wolffgang, Steuerberater kif ukoll minn N. Harksen u R. Hannemann‑Kacik, Rechtsanwältinnen,

għall-Hauptzollamt Regensburg, minn M. Brandl u C. Stephan kif ukoll minn R. Knyrim, bħala aġenti,

għar-Repubblika Ellenika, minn F. Dedousi, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 16 u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3), u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad‑19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU 2003, L 65, p. 27, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Cotonou”), tal-Artikoli 220 u 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjon Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat‑28 ta’ Frar 2007 (ĠU L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sandler AG (iktar ’il quddiem “Sandler”) u l‑Hauptzollamt Regensburg [uffiċċju prinċipali doganali ta’ Regensburg (il-Ġermanja), iktar ’il quddiem il-“HZA”] fir-rigward ta’ żewġ avviżi ta’ ffissar tad-dazji ta’ importazzjoni maħruġa mill‑HZA wara verifika a posteriori minħabba n-nuqqas ta’ konformità tat-timbri fuq iċ-ċertifikati ta’ moviment ta’ merkanzija EUR.1 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati EUR.1”) stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti Niġerjani ma’ dawk ikkomunikati mill-imsemmija awtoritajiet lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim ta’ Cotonou

3

Permezz tal-Ftehim ta’ Cotonou, l-Unjoni Ewropea kienet, b’mod mhux reċiproku, tat-trattament tariffarju preferenzjali lill-prodotti li joriġinaw mill-grupp ta’ Stati Afrikani, mill-Karibew u mill-Paċifiku (AKP) (iktar ’il quddiem l-“Istati AKP”). Għal dan il-għan hija kienet kisbet deroga, sal‑31 ta’ Diċembru 2007, għall-klawżola dwar in-nazzjon l-iktar ivvantaġġjat prevista fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT), li jinsab fl-Anness A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakech fi‑15 ta’ April u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Mill‑1 ta’ Jannar 2008 din ir-regolamentazzjoni ma hijiex iżjed applikabbli.

4

L-Artikolu 36(3) tal-Ftehim ta’ Cotonou kien jipprovdi li l-preferenzi kummerċjali mhux reċiproċi applikati fil-kuntest tar-raba’ konvenzjoni konkluża bejn l-Istati AKP u l-Komunità inżammu matul il-perijodu preparatorju għall-Istati AKP kollha, taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Anness V ta’ dan il-ftehim. Ċerti prodotti, inklużi l-prodotti tessili li joriġinaw mill-Istati AKP kienu konsegwentement tħallew jiġu importati fl-Unjoni b’eżenzjoni mid-dazju doganali u mit-taxxi ta’ effett ekwivalenti. L-Artikolu 37(1) tal-imsemmi ftehim kien jispeċifika li l-perijodu preparatorju kien jintemm mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2007.

5

L-Anness V ta’ dan l-istess ftehim kien jiffissa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema kummerċjali applikabbli matul il-perijodu preparatorju. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 tal-imsemmi anness, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 1”), il-prodotti li joriġinaw mill-Istati AKP kienu ammessi, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(a) tal-Protokoll Nru 1, sabiex jibbenefikaw mill-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou meta jiġu importati fl-Unjoni suġġetti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 15(1) tal-Protokoll Nru 1.

6

Iċ-ċertifikati EUR.1 kienu jinkludu timbru tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni fejn il-mudelli tat-timbri kellhom, skont l-Artikolu 31(1) tal-Protokoll Nru 1, jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, li kienet tikkomunikahom lill-Istati Membri. L-istess dispożizzjoni kienet tipprovi li ċ-ċertifikati EUR.1 kienu aċċettati għall-applikazzjoni tat-trattament preferenzjali mid-data li fiha l-informazzjoni neċessarja kienet irċevuta mill-Kummissjoni. L-Artikolu 31(2) tal-Protokoll Nru 1 kien jispeċifika li l-Unjoni u l-Istati AKP kienu reċiprokament joffru assistenza lil xulxin permezz tal-kollaborazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom għall-verifika tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR.1.

7

L-Artikolu 23 tal-Protokoll Nru 1 kien jipprovi li l-provi tal-oriġini jiġu prodotti lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni skont il-proċeduri applikabbli f’dan il-pajjiż.

8

L-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1, intitolat “Ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 maħruġ a posteriori”, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   [...] [ċertifikat EUR.1] jista’, b’mod eċċezzjonali, jinħareġ wara l-esportazzjoni tal-prodotti relatati miegħu:

a)

jekk ma jkunx inħareġ fil-mument tal-esportazzjoni minħabba żbalji jew ommissjonijiet involontarji jew ċirkustanzi partikolari jew

b)

jekk jiġi pprovat skont kif meħtieġ mill-awtoritajiet doganali li [ċertifikat EUR.1] inħareġ, iżda li ma ġiex aċċettat għall-importazzjoni minħabba raġunijiet tekniċi.

2.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-esportatur għandu jindika fit-talba tiegħu il-post u d-data tal-esportazzjoni tal-prodotti relatati maċ-ċertifikat EUR.1 kif ukoll ir-raġunijiet għat-talba tiegħu.

3.   L-awtoritajiet doganali jistgħu joħorġu [ċertifikat EUR.1] a posteriori biss wara li jivverifikaw li t-tagħrif ipprovdut fit-talba tal-esportatur jaqbel ma’ dak fil-fajl kkorrispondenti.

4.   Iċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa a posteriori għandhom jinkludu waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

‘NACHTRÄGLICH AUSGESTELLT’, ‘DÉLIVRÉ A POSTERIORI’, ‘RILASCIATO A POSTERIORI’, ‘AFGEGEVEN A POSTERIORI’, ‘ISSUED RETROSPECTIVELY’, ‘UDSTEDT EFTERFØLGENDE’, ‘ΕΚΔΟΘΕΝ ΕΚ ΤΩΝ ΥΣΤΕΡΩΝ’, ‘EXPEDIDO A POSTERIORI’, ‘EMITIDO A POSTERIORI’, ‘ANNETTU JÄLKIKÄTEEN’, ‘UTFÄRDAT I EFTERHAND’.

5.   L-indikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tiddaħħal fil-kaxxa ‘Osservazzjonijiet’ taċ-[ċertifikat EUR.1].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 1, intitolat “Ħruġ ta’ ċertifikati EUR.1 abbażi tal-prova tal-oriġini prodotta jew stabbilita preċedentement”, kien jipprovdi:

“Meta l-prodotti li joriġinaw jitqiegħdu taħt il-verifika ta’ uffiċċju doganali fi Stat AKP jew [fl-Unjoni], għandu jkun possibli li tiġi ssostitwita l-prova tal-oriġini inizjali permezz ta’ ċertifikat jew numru ta’ ċertifikati EUR.1 bil-għan li dawn il-prodotti jew uħud minnhom jintbagħtu x’imkien ieħor fl-Istati AKP jew [fl-Unjoni]. Iċ-ċertifikatii ta’ sostituzzjoni EUR.1 jinħarġu mill-uffiċċju doganali inkarigat mill-verifika tal-prodotti kkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1, bit-titolu “Verifika tal-prova tal-oriġini” kien jipprovdi:

“1.   Il-verifika a posteriori tal-provi tal-oriġini għandha titwettaq b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollu dubbji serji dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti, in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-protokoll.

2.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni għandhom jibagħtu lura ċ-ċertifikat EUR.1, u l-fattura, jekk din tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni tal-fattura jew kopja ta’ dawn id-dokumenti lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni filwaqt li jindikaw, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet fuq il-mertu jew sostantivi li jiġġustifikaw investigazzjoni. Insostenn tat-talba tagħhom għal verifika a posteriori, huma għandhom jipprovdu d-dokumenti kollha u t-tagħrif kollu miksub li jagħtu lil wieħed x’jaħseb li l-indikazzjonijiet fuq il-prova tal-oriġini ma humiex preċiżi.

3.   Il-verifika għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Għal dan l-iskop, huma għandhom id-dritt li jirrikjedu kwalunkwe prova u li jwettqu kwalunkwe verifika tal-kontijiet tal-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa.

4.   Jekk l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni jiddeċiedu li jissospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali lill-prodotti kkonċernati sakemm jiksbu r-riżultati tal-verifika, huma għandhom joffru lill-importatur il-possibbiltà li l-prodotti jiġu rilaxxati, bla ħsara għal kull miżura kawtelatorja meqjusa neċessarja.

5.   L-awtoritajiet doganali li jitolbu għall-verifika għandhom jiġu informati bir-riżultati ta’ din il-verifika malajr kemm jista’ jkun. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw kjarament jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-Istati AKP [...], u li jissoddisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-protokoll.

6.   F’każ ta’ dubji fondati u fin-nuqqas ta’ risposta wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxar xhur wara d-data tat-talba għal verifika jew jekk ir-risposta ma tinkludix biżżejjed tagħrif sabiex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni jew l-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika għandhom, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, jirrifjutaw it-trattament preferenzjali.

7.   Meta l-proċedura ta’ verifika jew kull informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll ikunu ġew miksura, l-Istat AKP b’inizjattiva tiegħu stess, jew fuq talba tal-[Unjoni], għandu jwettaq l-investigazzjonijiet xierqa jew jipprovdi sabiex tali investigazzjonijiet isiru bl-urġenza meħtieġa bil-għan li jitnaqqsu u jiġu pprevenuti tali kontravenzjonijiet u għal dan l-iskop l-Istat AKP ikkonċernat jista’ jistieden il-parteċipazzjoni tal-[Unjoni] f’dawn l-investigazzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Bħala għajnuna sabiex l-Istati Membri ta’ importazzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskemi ta’ kummerċ preferenzjali previsti mill-Ftehim ta’ Cotonou, il-Kummissjoni ppubblikat dokument intitolat “Noti li jikkonċernaw il-Protokoll Nru 1 tal-Anness V għall-Ftehim ta’ sħubija AKP-KE, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti ta’ oriġini u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ĠU 2002, C 228, p. 2, iktar ’il quddiem in-“Noti”).

12

Fil-punti 10, 15 u 17 tagħhom, in-Noti jinkludu spjegazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-Artikoli 16 u 32 tal-Protokoll Nru 1, kif ukoll eżempji ta’ każ ikkonċernat bl-indikazzjoni tal-azzjoni li għandha tittieħed.

13

Il-punt 10 tan-Noti, intitolat “Artikolu 16 – Raġunijiet tekniċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi:

“[Ċertifikat EUR.1] jista’ jiġi rrifjutat għal ‘raġunijiet tekniċi’ jekk ma jiġix stabbilit fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti. Dan jikkonċerna każijiet li fihom ċertifikat maħruġ a posteriori jista’ jiġi prodott ulterjorment. Din il-kategorija tkopri, pereżempju, is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

assenza ta’ timbru u ta’ firma fuq iċ-[ċertifikat EUR.1] (kaxxa 11),

[...]

iċ-[ċertifikat EUR.1] jiġi ċċertifikat permezz ta’ timbru ġdid li ma jkunx għadu ġie kkomunikat,

[...]

Azzjoni li għandha tittieħed

Wara li titniżżel l-indikazzjoni ‘DOKUMENT IRRIFJUTAT’, bl-ispjegazzjoni tar-raġuni jew tar-raġunijiet għar-rifjut, iċ-ċertifikat jintradd lura lill-importatur sabiex ikun jista’ jinħariġlu ċertifikat ġdid a posteriori. Madankollu l-amministrazzjoni doganali tista’ eventwalment iżżomm fotokopja taċ-ċertifikat irrifjutat bil-ħsieb ta’ verifika a posteriori jew jekk ikollha raġuni sabiex tissuspetta li kien hemm aġir frawdolenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Il-punt 15 tan-Noti, intitolat “Artikolu 32 – Rifjut tat-trattament preferenzjali mingħajr verifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi:

“Dawn huma każijiet li fihom il-prova tal-oriġini titqies li ma tapplikax. Din il-kategorija tkopri b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

il-prodotti relatati maċ-[ċertifikati EUR.1] ma jibbenefikawx mit-trattament preferenzjali,

il-kaxxa li tindika l-merkanzija (kaxxa 8 EUR.1) ma servietx jew hija relatata ma’ merkanzija li ma hijiex dik li ġiet ippreżentata,

[...]

Azzjoni li għandha tittieħed

Il-prova ta’ oriġini għandha tinkludi l-indikazzjoni ‘MHUX APPLIKABBLI’ u għandha tinżamm mill-amministrazzjoni doganali li quddiemha ġiet prodotta sabiex tevita kull tentattiv ġdid ta’ użu.

F’każ ta’ ħtieġa, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni għandhom jinformaw lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni dwar dan ir-rifjut mill-iktar fis possibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Il-punt 17 tan-Noti, intitolat “Artikolu 32 – Dubju fondat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej:

“Din is-sitwazzjoni tikkonċerna, pereżempju, il-każijiet li ġejjin:

[...]

assenza ta’ firma jew ta’ data mill-awtorità li mingħandha nħareġ iċ-[ċertifikat EUR.1],

preżenza fuq il-merkanzija, l-imballaġġi jew id-dokumenti l-oħra ta’ akkumpanjament ta’ marki li jindikaw oriġini differenti ta’ dik imsemmija fuq iċ-[ċertifikat EUR.1],

[...]

it-timbru użat għaċ-ċertifikazzjoni tad-dokument juri differenzi meta mqabbel ma’ dak li ġie kkomunikat.

Azzjoni li għandha tittieħed

Id-dokument għandu jintbagħat għal verifika a posteriori lill-awtoritajiet li ħarġu ċ-ċertifikat bl-indikazzjoni tar-raġunijiet tat-talba għal verifika. Fl-istennija tar-riżultati tal-verifika, għandhom jiġu adottati l-miżuri kawtelatorji meqjusa neċessarji mill-awtoritajiet doganal sabiex jiġi ggarantit il-ħlas tad-dazji applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Kodiċi Doganali

16

Il-Kodiċi Doganali ġie mħassar bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1), fejn ċerti dispożizzjonijiet saru applikabbli sa mill‑24 ta’ Ġunju 2008, u fejn id-dispożizzjonijiet l-oħra saru applikabbli mill‑24 ta’ Ġunju 2013. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tibqa’ rregolata mir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi Doganali.

17

L-Artikolu 77 tal-Kodiċi Doganali kien jikkonċerna l-każijiet fejn id-dikjarazzjoni għad-dwana kienet issir permezz ta’ proċess informatiku u kien jipprovdi li f’dawn il-każijiet l-awtoritajiet doganali setgħu jeżentaw lid-dikjarant milli jkollu jippreżenta d-dokumenti ta’ akkumpanjament flimkien mad-dikjarazzjoni. F’każijiet bħal dawn, dawn id-dokumenti kellhom madankollu jinżammu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali.

18

L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali kien jippermetti lill-awtoritajiet doganali sabiex jirrevedu d-dikjarazzjoni għad-dwana kif ukoll sabiex jivverifikaw a posteriori d-dokumenti u t-tagħrif kummerċjali dwar l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni wara li tkun ġiet irrilaxxata l-merkanzija. Meta mir-reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew mill-verifiki a posteriori kien jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-qasam ta’ dritt doganali kkonċernat kien ġie applikat abbażi ta’ elementi impreċiżi jew inkompleti, l-awtoritajiet doganali kienu jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda fil-pussess tagħhom.

19

L-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali kien jispeċifika dan li ġej, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedura dwar ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji marbuta ma’ dejn doganali meqjus bħala ineżistenti:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura [jiġu rrimborsati] sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

[...]

Ebda ħlas lura [rimbors] jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.”

20

Skont l-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tal-imsemmi kodiċi ġew adottati mill-Kummissjoni.

21

Fir-rigward tal-proċedura ta’ rimbors jew ta’ maħfra tad-dazji, l-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93 kien jinkludi ċertu numru ta’ regoli fir-rigward tal-għoti a posteriori ta’ trattament tariffarju preferenzjali u kien jipprovdi:

“Meta t-talba għal rimbors jew remissjoni [maħfra] tkun ibbażata fuq l-eżistenza, fil-waqt ta’ meta d-dikjarazjoni għal rilaxx f’ċirkolazjoni libera ta’ merkanzija tkun aċċettata, ta’ dazju ta’ l-importazzjoni b’rata mnaqqsa jew b’rata żero fuq l-merkanzija fil-kwota tariffarja, fil-massimu tat-tariffa jew fl-arranġamenti preferenzjali tat-tariffa, rimborsi jew remissjoni għandha tkun mogħtija biss bil-kondizjoni li, fid-data tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni tkun akkompanjata mid-dokumenti meħtieġa:

fil-każ tal-kwota tariffarja, il-volum tagħha ma jkunx ġie eżawrit,

fil-każijiet l-oħra, ir-rata tad-dazju normalment dovuta ma ġaetx ristabbilita.

Jekk il-kondizjonijiet previsti mil-paragrafu preċedenti ma jkunux imwettqa, ir-rimbors jew ir-remissjoni għandhom b’dana kollu jkunu mogħtija meta n-nuqqas li tkun applikata rata ta’ dazju mnaqqsa jew rata żero għall-merkanzija tkun b’riżultat ta’ żball da parti ta’ l-awtoritajiet doganali stess u d-dikjarazjoni għal ċirkolazjoni libera jkun fiha l-partikolaritajiet kollha u tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għar-rata mnaqqsa jew rata żero.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Bejn id-19 ta’ Mejju u l-11 ta’ Lulju 2007, Sandler irrilaxxa ammont ta’ lottijiet ta’ fibra sintetika fl-Unjoni, permezz ta’ dikjarazzjonijiet doganali magħmula b’mezz elettroniku u skont is-sistema ATLAS. Il-Hauptzollamt Hamburg‑Hafen‑Waltershof [(uffiċċju prinċipali doganali tal-port ta’ Hamburg (il-Ġermanja)] ħarġet din il-merkanzija għaċ-ċirkolazzjoni billi bbażat ruħha fuq l-oriġini ddikjarata, jiġifieri n-Niġerja, fejn ippermettiet il-kisba tad-dazju doganali preferenzjali “żero”. L-awtoritajiet doganali rrinunzjaw għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati EUR.1 imsemmija fid-dikjarazzjonijiet doganali kif ukoll fil-verifika tagħhom.

23

Matul is-sena 2008, waqt verifika a posteriori, skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, taċ-ċertifikati EUR.1, il-HZA kkonstatat li fuq 34 taċ-ċertifikati EUR.1, kien tqiegħed timbru tond, u fuq iċ-ċirkonferenza tiegħu kien hemm il-kliem “NIGERIA CUSTOMS SERVICE” u “TIN CAN ISLAND PORT. LAGOS” kif ukoll, ġewwa, wara data, il-kliem “ASST.COMPTROLLER o/c Export Seat Releasing Officer”. Skont il-HZA, dan it-timbru ma kienx konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Niġerjani skont l-Artikolu 31(1) tal-Protokoll Nru 1, li kien jipprovdi għal timbru b’forma ta’ koppla li mad-dawra tiegħu jinkludi l-kliem “NIGERIA CUSTOMS SERVICE” u “EXPORT SEAT” kif ukoll, ġewwa, wara data, il-kliem “TINCAN PORT”:

Timbru mqiegħed fuq iċ-ċertifikati EUR.1

Mudell tat-timbru kkomunikat mill-awtoritajiet Niġerjani

Image

Image

24

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-HZA lill-qorti ta’ rinviju, il-mudelli tat-timbri kkomunikati mill-awtoritajiet Niġerjani kienu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2003 sal-iskadenza tat-trattament preferenzjali previst fl-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2007, u ebda modifika ta’ dawn il-mudelli ma ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Niġerjani bejn dawn iż-żewġ dati.

25

Hija għal din ir-raġuni li l-HZA informat lil Sandler, permezz ta’ posta elettronika tat-30 ta’ April 2008, li ċ-ċertifikati EUR.1 ma setgħux jiġu aċċettati u li l-kliem “dokument irrifjutat” kellhom jitniżlu fuqhom. Barra minn hekk, il-HZA speċifikat li kellhom jinġabru dazji doganali fuq l-importazzjoni iżda li madankollu, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat EUR.1 ġdid, ikun hemm il-possibbiltà ta’ rimbors tad-dazji mħallsa. Permezz ta’ żewġ avviżi ta’ ffissar tad-dazji fuq l-importazzjoni tal‑14 ta’ Mejju 2008 u t‑3 ta’ Ġunju 2008, il-HZA ordnat il-ġbir ta’ dazji doganali għal ammont totali ta’ EUR 65 612.71, b’applikazzjoni tad-dazju doganali ta’ 4 % applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn Stati terzi.

26

Fl-10 ta’ Settembru 2008, Sandler ippreżentat ċertifikati EUR.1 flimkien ma’ timbri konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni u talbet ir-rimbors tad-drittijiet doganali mħallsa wara żewġ avviżi ta’ ffissar. Dawn iċ-ċertifikati EUR.1 kienu jinkludu, fil-kaxxa nru 7 intitolata “Osservazzjonijiet”, il-kliem “being issued in replacement of EUR.1 …” (“maħruġ b’sostituzzjon ta’ EUR.1...”), flimkien mad-data u man-numru ta’ ċertifikati EUR.1 li ġew irrifjutati mill-HZA.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2008, il-HZA rrifjutat ir-rimbors minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93, l-għoti a posteriori tat-trattament preferenzjali seta’ jsir biss jekk id-dritt doganali preferenzjali mitlub kien għadu fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għal rimbors. Issa, peress li t-trattament preferenzjali previst mill-Ftehim ta’ Cotonou skada fil‑31 ta’ Diċembru 2007, ma kien previst ebda dazju doganali għall-merkanzija importata min-Niġerja mill‑1 ta’ Jannar 2008.

28

Barra minn hekk, Sandler kienet talbet ir-rimbors tad-dazji doganali abbażi tal-ekwità, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Din it-talba ġiet ukoll parzjalment miċħuda mill-HZA permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2009.

29

Sandler ressqet oppożizzjoni kontra kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-HZA, liema żewġ oppożizzjonijiet ġew miċħuda. Sussegwentement, Sandler ippreżentat rikors kontra kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem il-qorti ta’ rinviju. Din il-qorti għaqqdet dawn ir-rikorsi.

30

Quddiem il-qorti ta’ rinviju, Sandler issostni li ineżattezza f’ċertifikat EUR.1 stabbilit mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat terz fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva għandha tiġi kkunsidrata bħala żball li l-operatur ekonomiku ma jistax jiddistingwi. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma huwa inkarigat minn ebda funzjoni ta’ verifika, tant hu hekk li ma huwiex previst li l-mudell ta’ timbru neċessarju jista’ jiġi kkonsultat mingħand l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni. Barra minn hekk Sandler tosserva li ċ-ċertifikati EUR.1 inizjali kienu ġew redatti korrettament minn perspettiva materjali u li timbru żbaljat wieħed biss kien intuża. Hija ssostni li dan lanqas ma kien jikkonċerna EUR.1 mhux validi. Billi qiegħdu timbru żbaljat, l-awtoritajiet Niġerjani sempliċement wettqu żball proċedurali li huma kkorreġew billi a posteriori ħarġu ċertifikati EUR.1 riveduti.

31

Insostenn tal-opinjoni tagħha, Sandler issostni li, f’dan il-każ, minflok ma tinvoka l-proċedura prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1, imissha saret verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR.1 skont l-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll inkwantu ċ-ċertifikati EUR.1 ta’ oriġini stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat parti fil-Ftehim ta’ Cotonou ma setgħux jiġu annullati b’mod unilaterali, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat. Fil-każ ta’ rifjut ta’ ċertifikat EUR.1 ibbażat fuq l-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1, l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija tkun inkontestabbli u huwa biss il-ħruġ regolari taċ-ċertifikati EUR.1, minħabba raġunijiet ta’ amministrazzjoni interna, li jkun problematiku. Inkwantu l-HZA ma ressqitx talba għal verifika a posteriori, skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ma kien hemm ebda dubju fir-rigward tal-awtentiċità taċ-ċertifikazzjoni tat-trattament preferenzjali.

32

Il-HZA ssostni essenzjalment li l-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1 kien applikabbli f’dan il-każ peress li ċ-ċertifikati EUR.1 oriġinali kienu juru timbru li kien kjarament differenti mill-mudelli kkomunikati mill-awtoritajiet Niġerjani. L-iżbalji tekniċi msemmija fl-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1 kienu jikkonċernaw nuqqasijiet iktar serji minn dawk imsemmija fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll. Il-HZA tosserva ulterjorment li, f’dan il-każ, it-timbru użat kien totalment differenti mill-mudelli kkomunikati u ma kien jippreżenta ebda xebh ma’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li din ma kinitx “differenza” fis-sens tal-punt 17 tan-Noti meta mqabbel mal-mudell ikkomunikat li tiġġustifika dubju fir-rigward tal-awtentiċità taċ-ċertifikat EUR.1. Id-differenza bejn it-timbri li kienu suġġetti tal-kawża prinċipali u l-mudelli kkomunikati mill-awtoritajiet Niġerjani huma għaldaqstant importanti tant li l-applikazzjoni tad-dazju doganali preferenzjali ma huwiex irrakkomandat.

33

Il-qorti ta’ rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, huwa determinanti li ssir taf jekk il-HZA għandhiex dritt sabiex fir-rigward tat-talba għal rimbors ta’ Sandler, tinvoka l-fatt li, skont l-Artikolu 889 tar-Regolament Nru 2454/93, rimbors jista’ jingħata biss jekk ir-rata preferenzjali li kienet fis-seħħ fil-mument li fih ġiet irrilaxxata l-merkanzija għadha applikabbli fil-mument tal-preżentata tat-talba għal rimbors. Għalkemm l-Artikolu 889 tar-Regolament Nru 2454/93 ma jipprekludix rimbors f’ċirkostanza simili, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħux, mingħajr ma jagħmlu talba formali għal verifika a posteriori abbażi tal-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1, jivverifikaw u/jew jirrifjutaw ċertifikat EUR.1 maħriġ minn Stat AKP meta l-awtoritajiet doganali ta’ dan l-Istat ikunu użaw timbru li ma huwiex dak li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u, għalhekk, jirrifjutaw b’inizjattiva tagħhom stess lill-importatur l-għoti ta’ dazju doganali preferenzjali.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-[Regolament Nru 2454/1993] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirregola biss il-każ ta’ talba għal rimbors fejn merkanzija titqiegħed inizjalment fiċ-ċirkulazzjoni libera [tiġi rrilaxxata] skont ir-rata ta’ dazji doganali applikabbli għall-merkanzija li ġejja minn pajjiż terz u mbagħad jirriżulta li fil-mument li fih ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni doganali, kienet fil-fatt teżisti rata mnaqqsa jew rata ta’ 0 (f’dan il-każ, tariffa preferenzjali) li madankollu ma kinitx għadha fis-seħħ meta ġiet ippreżentata t-talba għal rimbors bil-konsegwenza li ma tistax tiġi invokata l-iskadenza tas-sistema preferenzjali temporanja kontra operatur mal-preżentazzjoni tat-talba għal rimbors meta t-tariffa preferenzjali tingħata fil-mument tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera u li huwa fil-mument tal-irkupru a posteriori mill-amministrazzjoni li s-sistema preferenzjali tiġi rrifjutata u li r-rata ta’ dazji doganali applikabbli għall-merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi tiġi applikata?

2)

L-Artikolu 16(1)(b) u/jew l-Artikolu 32 tal-Protokoll I [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, meta l-Istat ta’ esportazzjoni stampa, fuq iċ-[ċertifikat EUR.1], timbru differenti minn dak tal-mudell innotifikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni, jistgħu, fil-każ li jkollhom dubju, iqisu dan il-bdil bħala żball tekniku fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll I [...] u jannullaw għaldaqstant l-imsemmi [ċertifikat] mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni?

3)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

a)

L-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll I [...] għandu wkoll jiġi applikat meta l-iżball tekniku ma jidhirx direttament mal-importazzjoni iżda biss waqt kontroll [verifika] a posteriori mill-awtoritajiet doganali?

b)

L-Artikolu 16(4) u (5) tal-Protokoll I [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li żball tekniku għandu jitqies bħala rettifikat meta, fil-każ ta’ [ċertifikat EUR.1] maħruġ a posteriori, waħda mill-indikazzjonijiet previsti mill-Artikolu 16(4) tal-imsemmi protokoll ma tkunx ġiet inkluża fil-kliem eżatt tagħha fil-kaxxa “osservazzjonijiet” iżda [...] tindika li ċ-ċertifikat ta’ sistema preferenzjali ġie maħruġ a posteriori?

4)

Jekk tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma kinux dovuti legalment u ġew irkuprati illegalment a posteriori skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, meta ċ-[ċertifikati EUR.1] użati inizjalment ma setgħux jiġu ddikjarati bħala invalidi mill-awatoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni?

5)

Bl-istess mod, fil-każ li [ċertifikat EUR.1] jinħareġ a posteriori skont l-Artikolu 16 tal-Protokoll I [...], ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni rkuprati a posteriori u mħallsa skont l-Artikolu 889 tar-Regolament [...] Nru 2454/1993 huwa biss possibbli meta t-tariffa preferenzjali tkun għadha fis-seħħ fil-mument tat-talba għal rimbors?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment tfittex li ssir taf jekk it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi talba għal rimbors ta’ dazju meta jkun intalab u ngħata trattament tariffarju preferenzjali mar-rilaxx tal-merkanzija u li huwa biss ulterjorment, fil-kuntest ta’ verifika a posteriori li tkun saret wara l-iskadenza tat-trattament tariffarju preferenzjali u l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazju normalment dovut, li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni pproċedew għall-irkupru tad-differenza marbuta mad-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn pajjiżi terzi.

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, hekk kif qabel kollox tirrileva l-qorti ta’ rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali prevista fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93 tinkludi, skont il-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, biss il-każijiet li fihom merkanzija tiġi rrilaxxata skont id-dazju doganali normalment dovut iżda wara jidher li dazju doganali mnaqqas, jew saħansitra eżenzjoni doganali, setgħet ġiet invokata, pereżempju, taħt sistema ta’ trattament preferenzjali.

37

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, meta trattament tariffarju preferenzjali jkun intalab u ngħata fil-mument tar-rilaxx tal-merkanzija u jkun biss ulterjorment, fil-kuntest ta’ verifika a posteriori li tkun saret wara l-iskadenza tat-trattament tariffarju preferenzjali u l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazju normalment dovut, li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni jkunu pproċedew għall-irkupru tad-differenza fir-rigward tad-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz, it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93 ma jistax jostakola talba għar-rimbors tal-imsemmija differenza.

38

Konsegwentement ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix talba għal rimbors ta’ dazji meta trattament tariffarju preferenzjali jkun intalab u ngħata fil-mument tar-rilaxx tal-merkanzija u li huwa biss ulterjorment, fil-kuntest ta’ verifika a posteriori li tkun saret wara l-iskadenza tat-trattament tariffarju preferenzjali u l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazju normalment dovut, li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni pproċedew għall-irkupru tad-differenza fir-rigward tad-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz.

Fuq it-tieni domanda kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu diskussi flimkien, il-qorti ta’ rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 16(1)(b) u 32 tal-Protokoll Nru 1 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, jekk jirriżulta, meta ssir verifika a posteriori, li timbru li ma jikkorrispondix mal-mudell ikkomunikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni tqiegħed fuq iċ-ċertifikat EUR.1, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw dan iċ-ċertifikat u jrodduh lura lill-importatur sabiex ikun jista’ jikseb il-ħruġ ta’ ċertifikat a posteriori abbażi tal-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll Nru 1 pjuttost milli jingħata lok għall-proċedura prevista fl-Artikolu 32 ta’ dan il-protokoll.

40

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-Protokoll Nru 1, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni kienet kundizzjoni proċedurali li tippreċedi l-ammissjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati AKP favur sistema stabbilita mill-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou.

41

L-Artikolu 31(1) tal-Protokoll Nru 1 kien barra minn hekk jipprovdi li ċ-ċertifikati EUR.1 kellhom jinkludu timbru tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni li tkun ikkomunikat il-mudelli stampati tagħhom lill-Kummissjoni, li kienet tikkomunikahom lill-Istati Membri. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, iċ-ċertifikati EUR.1 kienu aċċettati għall-applikazzjoni tat-trattament preferenzjali mid-data fejn l-informazzjoni neċessarja kienet irċevuta mill-Kummissjoni.

42

Huwa paċifiku li t-timbri mqiegħda fuq iċ-ċertifikati EUR.1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali manifestament ma kinux konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Niġerjani, fejn dawn il-mudelli ta’ timbri kienu fis-seħħ mill‑1 ta’ Lulju 2003 u sal-iskadenza tat-trattament preferenzjali previst fl-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2007, mingħajr ma kienet ġiet ikkomunikata ebda modifika mill-awtoritajiet Niġerjani f’dak iż-żmien.

43

Minn dan jirriżulta li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tal-Protokoll Nru 1, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jaċċettaw ċertifikati EUR.1 bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44

Fir-rigward tal-aġir li għandu jiġi adottat f’sitwazzjoni bħal din mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, il-Protokoll Nru 1 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tiddelimita espressament il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi, minn naħa, tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan il-protokoll u, min-naħa l-oħra, ta’ dik prevista fl-Artikolu 32 tiegħu. Għaldaqstant dan il-protokoll jidher li jippermetti ċerta diskrezzjonalità f’idejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni.

45

L-għażla bejn dawn iż-żewġ proċeduri għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-regoli tal-Protokoll Nru 1 u n-Noti, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi l-elementi mill-kuntest fattwali.

46

In-Noti li, filwaqt li ma huma ta’ ebda natura vinkolanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, jikkostitwixxu għodda utli sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1, barra minn hekk lanqas ma jinkludu istruzzjonijiet f’dan ir-rigward.

47

Fil-fatt, il-punti 10 u 17 ta’ dawn in-noti jistgħu jiggwidaw l-aġir ta’ awtorità kkonfrontata b’nuqqas ta’ xebh bejn it-timbri użati meta mqabbla mal-mudell ikkomunikat. Il-punt 10 tal-imsemmija noti jirrakkomanda, fl-ipoteżi tal-użu ta’ “timbru ġdid li ma jkunx għadu ġie kkomunikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ir-radd lura taċ-ċertifikat lill-importatur sabiex ikun jista’ jikseb il-ħruġ ta’ ċertifikat a posteriori skont l-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll Nru 1. Min-naħa l-oħra, il-punt 17 ta’ dawn l-istess noti jirrakkomanda, fl-ipoteżi fejn it-timbru użat “juri differenzi meta mqabbel ma’ dak li ġie kkomunikat”, l-ispedizzjoni taċ-ċertifikat għal verifika a posteriori lill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1.

48

Madankollu għandu jitfakkar li l-punt 10 tan-Noti jfakkar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni parallela tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16(1) u 32 tal-Protokoll Nru 1 u konsegwentement jikkonferma li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux ruħhom reċiprokament. Fil-fatt l-imsemmi punt 10 jipprovdi li l-awtorità tal-Istat Membru ta’ importazzjoni li trodd lura ċertifikat irrifjutat lill-importatur sabiex ikun jista’ jitlob il-ħruġ a posteriori ta’ ċertifikat ġdid skont l-Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 1 għandu jżomm fotokopja taċ-ċertifikat irrifjutat, b’mod partikolari “għal verifika a posteriori” skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1.

49

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz ta’ protokoll li jipprovdi, f’anness għal ftehim konkluż bejn l-Unjoni u Stat terz, regoli li jikkonċernaw l-oriġini ta’ prodotti tistrieħ fuq aspettattivi reċiproċi bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ importazzjoni u dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni u li l-kooperazzjoni stabbilita minn protokoll dwar l-oriġini ta’ prodotti tista’ tiffunzjona biss jekk l-Istat ta’ importazzjoni jirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet prodotti legalment fuq dan is-suġġett mill-Istat ta’ esportazzjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, Ġabra p. I-13331, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ aspettattivi reċiproċi ma jitqigħedtx inkwistjoni bil-fatt li l-Protokoll Nru 1 jippermetti, skont iċ-ċirkustanzi, għażla mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni bejn il-proċeduri previsti fl-Artikoli 16 u 32 ta’ dan il-protokoll. Fil-fatt, bil-kontra tas-suġġeriment ta’ Sandler u l-Kummissjoni, kull wieħed minn dawn il-proċeduri jeħtieġ il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni, fejn l-unika differenza tikkonsisti fil-kwistjoni dwar jekk dawn l-awtoritajiet humiex ikkuntattjati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1, jew mill-importatur, skont l-Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 1. Fiż-żewġ każijiet, huwa biss wara l-intervent tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni li l-prodotti li joriġinaw mill-Istat AKP ikkonċernat ikunu jistgħu jiġu ammessi sabiex jibbenefikaw mis-sistema stabbilita permezz tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou. B’hekk, skont l-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 1, kienu l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni li setgħu, wara verifika tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba tal-esportatur, joħorġu ċertifikat EUR.1 a posteriori. Għandu jingħad ukoll li l-verifiki previsti fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll saru mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni sabiex tiġi kkonfermata l-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR.1 u l-oriġini tal-prodotti.

51

Barra minn hekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li huwa biss meta l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jussuspettaw li jeżistu timbri ġodda u jaħsbu li dawn ser jiġu kkomunikati lilhom mill-Istat terz li dawn l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw iċ-ċertifikat EUR.1, filwaqt li jekk huma ma jaħsbux li ser jiġu nnotifikati lilhom timbri ġodda, huma ma jkollhomx għażla ħlief li jibdew proċedura ta’ verifika a posteriori prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1. Fil-fatt huwa impossibbli, fil-prattika, għall-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni li jagħmlu distinzjoni b’mod effettiv ta’ dawn iż-żewġ każijiet inkwistjoni.

52

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, meta nuqqas ta’ xebh bejn it-timbri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiġix rikonoxxut direttament fil-mument tal-importazzjoni iżda biss meta ssir verifika a posteriori, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkunux għadhom jistgħu jirrifjutaw ċertifikat EUR.1 u jordnaw lill-importatur sabiex jikkonforma ruħu mal-proċedura prevista fl-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll Nru 1, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “importazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu, hekk kif osservat il-Kummissjoni, jinftiehem fis-sens wiesa’ u għaldaqstant ikopri, bħala prinċipju, il-perijodu kollu li jiddekorri sal-iskadenza tal-obbligi kollha tal-importatur.

53

Skont l-Artikolu 23 tal-Protokoll Nru 1, il-provi tal-oriġini kellhom fil-fatt jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali skont ir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat ta’ importazzjoni, liema fatt ifisser, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li kellu b’mod partikolari jiġi segwit il-Kodiċi Doganali.

54

L-Artikolu 77(2) tal-Kodiċi Doganali kien jispeċifika f’dan ir-rigward li meta l-formalitajiet doganali jkunu ġew sodisfatti permezz ta’ proċess informatiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali setgħu jaċċettaw li ċ‑ċertifikati EUR.1 ma jiġux ippreżentati bid-dikjarazzjoni doganali iżda jinżammu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija awtoritajiet sabiex dawn ikunu jistgħu ulterjorment jipproċedu għal verifiki. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi li l-persuni kkonċernati kellhom iżommu, matul it-terminu ffissat mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ u matul mill-inqas tliet snin, id-dokumenti u t-tagħrif ikun liema jkun is-sostenn li dawn jagħtu, u l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 201(2) tal-istess kodiċi, kien jippermetti komunikazzjoni tad-dazji sa tliet snin mill-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali.

55

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kliem “ma ġiex aċċettat għall-importazzjoni minħabba raġunijiet tekniċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinsab fl-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll Nru 1, għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 23 ta’ dan il-protokoll u l-Artikolu 77(2) tal-Kodiċi Doganali, fis-sens li dan il-kliem jikkonċerna l-mument meta l-pajjiż ta’ importazzjoni effettivament jivverifika għall-ewwel darba, skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha, iċ-ċertifikati EUR.1. Għaldaqstant, l-imsemmija kliem jistgħu japplikaw ukoll meta ssir verifika a posteriori.

56

Konsegwentement ir-risposta għat-tieni domanda kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 16(1)(b) u 32 tal-Protokoll Nru 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk jidher, meta ssir verifika a posteriori, li timbru li ma jikkorrispondix mal-mudell ikkomunikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni tqiegħed fuq ċertifikat EUR.1, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw dan iċ-ċertifikat u jrodduh lura lill-importatur sabiex huwa jkun jista’ jikseb il-ħruġ ta’ ċertifikat a posteriori abbażi tal-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll Nru 1 pjuttost milli jifthu l-proċedura prevista fl-Artikolu 32 ta’ dan il-protokoll.

Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda

57

Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 16(4) u (5) tal-Protokoll Nru 1 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat EUR.1 li, fil-kaxxa nru 7, intitolata “Osservazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jinkludix ir-riferiment speċifiku għall-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, iżda indikazzjoni li għandha, finalment, tiġi interpretata li tfisser li ċ-ċertifikat EUR.1 inħareġ skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll, għandu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jiġi kkunsidrat bħala ċertifikat EUR.1 maħruġ a posteriori li jista’ jippermetti lill-merkanzija kkonċernata tiġi ammessa sabiex tibbenefika minn sistema stabbilita permezz tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou.

58

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, b’konformità mal-Artikoli 14 u 15(7) tal-Protokoll Nru 1, iċ-ċertifikat EUR.1 għandu, bħala prinċipju, jinħareġ mill-mument li sseħħ l-esportazzjoni reali tal-merkanzija, sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni.

59

L-Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 1 jikkostitwixxi eċċezzjoni għal din ir-regola inkwantu jippermetti, b’mod eċċezzjonali u billi jidderoga espressament mill-Artikolu 15(7) ta’ dan il-protokoll, l-istabbiliment ta’ ċertifikati EUR.1 wara l-esportazzjoni, b’mod partikolari meta jiġi pprovat li nħareġ ċertifikat EUR.1, iżda li ma jitqiesx li jiċċertifika l-importazzjoni minħabba raġunijiet tekniċi.

60

L-Artikolu 16(4) u (5) tal-Protokoll Nru 1 jirrikjedi f’dan il-kuntest li ċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa a posteriori għandhom jinkludu, fil-kaxxa “Osservazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], wieħed mir-riferimenti speċifiċi bil-kliem preċiż li jinsab fl-imsemmi paragrafu 4, jiġifieri “maħruġ a posteriori” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li għalkemm iċ-ċertifikati EUR.1 ippreżentati minn Sandler wara li l-HZA irrifjutat li taċċetta ċ-ċertifikati EUR.1 li hija kienet inizjalment ippreżentat, kellhom effettivament timbri konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni, dawn ma kinux jinkludu, fil-kaxxa “Osservazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ir-riferiment speċifikat fl-Artikolu 16(4) tal-Protokoll Nru 1, iżda r-riferiment “maħruġ b’sostituzzjoni” flimkien mad-data u n-numru ta’ ċertifikati EUR.1 irrifjutati.

62

Ċertament, din l-aħħar formola tista’ tagħti lil wieħed x’jifhem li ċ-ċertifikati ppreżentati minn Sandler ulterjorment kienu nħarġu skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 1 li jikkonċerna ċertifikati ta’ sostituzzjoni.

63

Madankollu, skont il-qorti ta’ rinviju, l-awtorità ta’ ħruġ, bir-riferimenti tagħha, essenzjalment indikat, b’mod preċiż biżżejjed, li ċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa ulterjorment kellhom jissostitwixxu ċ-ċertifikazzjonijiet ta’ trattament preferenzjali maħruġa inizjalment. Barra minn hekk, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li Sandler jew l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni kellhom l-intenzjoni jinvokaw l-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 1 jew li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu sodisfatti.

64

F’ċirkustanzi bħal dawn, ċertifikati EUR.1 bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu, bħala prinċipju, jitqiesu bħala ċertifikati EUR.1 maħruġa a posteriori, u ma kienx permess lill-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni jirrifjutaw milli jaċċettawhom bħala tali.

65

B’hekk, l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni għandhom l-obbligu, wara li jkunu evalwaw iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jew li jaċċettaw iċ-ċertifikati EUR.1 ġodda fis-sens li jirrettifikaw l-iżball tekniku mwettaq fl-ewwel ċertifikati maħruġa, jew, jekk ikollhom dubji fondati dwar l-awtentiċità tad-dokumenti inkwistjoni jew in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, li jingħata lok għall-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1.

66

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 16(4) u (5), u 32 tal-Protokoll Nru 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat ta’ importazzjoni jirrifjutaw li jaċċettaw, bħala ċertifikat EUR.1 maħruġ a posteriori fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll, ċertifikat EUR.1 li, filwaqt li jkun konformi fl-elementi l-oħra kollha tiegħu mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll, jinkludi, fil-kaxxa “Osservazzjonijiet”, mhux ir-riferiment speċifiku għall-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, iżda indikazzjoni li għandha, finalment, tiġi interpretata li tfisser li ċ-ċertifikat EUR.1 inħareġ skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll. Fil-każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ dan id-dokument jew dwar in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jifthu l-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll.

Fuq ir-raba’ domanda

67

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq il-ħames domanda

68

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat 28 ta’ Frar 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix talba għal rimbors ta’ dazji meta trattament tariffarju preferenzjali jkun intalab u ngħata fil-mument tar-rilaxx tal-merkanzija u li huwa biss ulterjorment, fil-kuntest ta’ verifika a posteriori li tkun saret wara l-iskadenza tat-trattament tariffarju preferenzjali u l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazju normalment dovut, li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni pproċedew għall-irkupru tad-differenza fir-rigward tad-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz.

 

2)

L-Artikoli 16(1)(b) u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad 19 ta’ Diċembru 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk jidher, meta ssir verifika a posteriori, li timbru li ma jikkorrispondix mal-mudell ikkomunikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni tqiegħed fuq ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw dan iċ-ċertifikat u jrodduh lura lill-importatur sabiex huwa jkun jista’ jikseb il-ħruġ ta’ ċertifikat a posteriori abbażi tal-Artikolu 16(1)(b) ta’ dan il-protokoll pjuttost milli jifthu l-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll.

 

3)

L-Artikoli 16(4) u (5), u 32 tal-imsemmi protokoll għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat ta’ importazzjoni jirrifjutaw li jaċċettaw, bħala ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 maħruġ a posteriori fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll, ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 li, filwaqt li jkun konformi fl-elementi l-oħra kollha tiegħu mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-istess protokoll, jinkludi, fil-kaxxa “Osservazzjonijiet”, mhux ir-riferiment speċifiku għall-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, iżda indikazzjoni li għandha, finalment, tiġi interpretata li tfisser li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ merkanzija EUR.1 inħareġ skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll. Fil-każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ dan id-dokument jew dwar in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jifthu l-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.