SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 2000/60/KE — Qafas Komunitarju għal politika Komunitarja fil-qasam tal-ilma — Traspożizzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2), kif ukoll, tal-punti 1.3 u 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 — Baċini tax-xmara intra-Komunitarji u inter-Komunitarji — Artikolu 149(3), in fine, tal-Kostituzzjoni Spanjola — Klawżola supplenti”

Fil-Kawża C‑151/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, E. Manhaeve u B. Simon, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jittrasponi l-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2) kif ukoll il-punti 1.3 u 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu taħt l-imsemmija direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-ewwel Artikolu tagħha, id-Direttiva 2000/60 għandha bħala għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art.

3

Skont l-Artikolu 2(13) ta’ din id-direttiva, “baċin tax-xmara” huwa “żona ta’ art minn fejn kull ilma ġieri tal-wiċċ inixxi minn sekwenza ta’ ilma kurrenti, xmajjar u, possibbilment, lagi għal ġol-baħar minn bokka waħda ta’ xmara, estwarju jew delta”.

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Meta jkun qed japplika l-paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7, Stat Membru jrid jiżgura li l-applikazzjoni ma’ teskludix b’mod permaneti jew tikkomprometti l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma fi ħdan l-istess distrett tal-baċin tax-xmara u huwa konsistenti ma’ l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja oħra ambjentali.”

5

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Ilmijiet użati għall-estrazzjoni tal-ilmijiet tax-xorb”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għal kull korp tal-ilma identifikat taħt paragrafu 1, minbarra li jilħqu l-għanijiet tal-Artikolu 4 bi qbil mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, għal korpi tal-ilma tal-wiċċ inklużi l-istandards ta’ kwalità stabbiliti f’livell Komunitarju bl-Artikolu 16, l-Istati Membri jridu jiżguraw li taħt ir-reġim tat-trattament tal-ilma applikat, u skont leġislazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta jrid jilħaq il-ħtiġiet tad-Direttiva 80/778/KEE kif emendata bid-Direttiva 98/83/KE.”

6

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Monitoraġġ tal-istat tal-ilma tal-wiċċ, l-istat tal-ilma ta’ taħt l-art u żoni protetti”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[Il-programmi ta’ monitoraġġ tal-istat tal-ilmijiet] [i]ridu jkunu operazzjonali mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni konċernata. Dan il-monitoraġġ irid ikun jaqbel mal-ħtiġiet ta’ l-Anness V.”

7

Intitolat “Il-metodu kombinat għal-sorsi ta’ tixrid u ta’ punt”, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħruġ kollha msemmija f’paragrafu 2 fl-ilma tal-wiċċ huma kontrollati skont il-metodu kombinat stabbilit f’dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti u/jew implimentati ta’:

a)

il-kontrolli ta’ emmissjoni bbażati fuq l-aħjar metodi ta’ teknika disponibbli, jew,

b)

il-valuri limiti relevanti ta’ emissjoni, jew

ċ)

fil-każ ta’ impatti mifruxa, il-kontrolli jinkludu, kif xieraq, l-aħjar prattiċi ambjentali

stabbiliti:

fid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/[KE], tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80)],

fid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26)],

fid-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68)],

id-Direttivi adottati skont l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva,

id-Direttivi elenkati fl-Anness IX,

kull leġislazzjoni Komunitarja relevanti oħra

sa mhux aktar minn 12 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni konċernata.”

8

L-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jinkludi l-punt 1.3, intitolat “Monitoraġġ ta’ stat ekoloġiku u stat kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ”. Dan il-punt jipprovdi:

“In-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jiġu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva ta’ stat ekoloġiku u kimiku fi ħdan kull baċin tax-xmara u jridu jippermettu klassifikazzjoni ta’ korpi ta’ l-ilma f’ħames klassijiet konsistenti mad-definizzjonijiet normattivi f’sezzjoni [fil-punt] 1.2. L-Istati Membri jridu jipprovdu mappa jew mapep li juru n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ fil-pjan ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara.

Fuq il-bażi tal-istima tal-karatterizzazzjoni u tal-impatt magħmula skont l-Artikolu 5 u l-Anness II, l-Istati Membri jridu għal kull perjodu ta’ fejn pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tal-ilma japplika, jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza u programm ta’ monitoraġġ operazzjonali. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu f’ċerta każi li jwaqqfu programmi ta’ monitoraġġ investigattiv.

L-Istati Membri jridu jimmunituraw paramentri li huma indikattivi għall-istat ta’ kull element ta’ kwalià relevanti. Fis-selezzjoni tal-paramentri għal elementi ta’ kwalità bioloġika l-Istati Membri jridu jidentifikaw il-livell taksonomiku xieraq meħtieġ għal ksib ta’ kunfidenza adegwata u preċiżjoni fil-klassifikazzjoni tal-elementi ta’ kwalità. Stimi tal-livell ta’ kunfidenza u preċiżjoni tar-riżultati provduti mill-programmi ta’ monitoraġġ iridu jingħataw fil-pjan.”

9

Il-punti 1.3.1 sa 1.3.6 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jipprevedu regoli fil-qasam tal-kunċett tal-monitoraġġ ta’ sorveljanza, tal-kunċett tal-monitoraġġ operazzjonali, tal-kunċett tal-monitoraġġ investigattiv, tal-frekwenza ta’ monitoraġġ, tal-ħtiġiet ta’ monitoraġġi addizzjonali għal żoni protetti u tal-istandards għal monitoraġġ ta’ elementi ta’ kwalità.

10

Il-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Klassifikazzjoni u preżentazzjoni ta’ stat ekoloġiku”, jinkludi l-punt 1.4.1, intitolat “Komparabilità ta’ riżultati ta’ monitoraġġ bioloġiku”, li jipprovdi dan li ġej:

“i)

L-Istati Membri jridu jwaqqfu sistemi ta’ monitoraġġ għall-iskop ta’ stima tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika speċifikati għal kull kategorija ta’ l-ilma tal-wiċċ għal korpi artifiċjali jew modifikati ħafna ta’ l-ilma tal-wiċċ. Fl-applikazzjoni tal-proċedura maħruġa hawn taħt għal korp artifiċjali jew modifikati ħafna ta’ l-ilma, referenzi għal stat ekoloġiku jrid ikun kostrutt bħala referenza għal potenzjali ekoloġiku. Dawn is-sistemi jistgħu jutilizzaw speċi jew gruppi ta’ speċi partikolari li huma rappreżentattivi bis-sħiħ tal-elementi ta’ kwalità.

ii)

Sabiex jiżguraw il-komparabilità ta’ ċerta sistemi ta’ monitoraġġ, ir-riżultati tas-sistemi operati minn kull Stat Membru jridu jkunu espressi bħala ratios ta’ kwalità ekoloġika għall-iskopijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ stat ekoloġiku. Dawn ir-ratios iridu jirrapreżentaw ir-relazzjoni bejn il-valuri tal-parametri bioloġiċi osservati għal korp mogħti ta’ l-ilma tal-wiċċ u l-valuri ta’ dawn il-parametri fil-kundizzjonijiet ta’ referenza applikabbli għal dak il-korp. Ir-ratio jrid ikun espress bħala valur numeriku bejn żero u wieħed, bi stat ekoloġiku għoli rappreżentat mill-valuri viċin ta’ wieħed u stat ekoloġiku ħażin b’valuri viċin ta’ żero.

iii)

Kull Stat Membru jrid jaqsam l-iskala tar-ratio ta’ kwalità ekoloġika għas-sistema ta’ monitoraġġ tiegħu għal kull kategorija ta’ l-ilma tal-wiċċ f’ħames klassijiet li jvarjaw minn stat ekoloġiku ‘għoli’ għal ‘ħażin’, kif definit f’Sezzjoni [fil-punt] 1.2, bl-għoti ta’ valur numeriku għal kull fruntiera bejn il-klassijiet. Il-valur tal-fruntiera bejn il-klassijiet ta’ stat ‘għoli’ u ‘tajjeb’, u l-valur tal-fruntiera bejn stat ‘tajjeb’ u ‘moderat’ irid jitwaqqaf mill-eżerċizzju ta’ interkalibrazzjoni deskritt hawn taħt.

[...]”

Id-dritt Spanjol

11

Għall-finijiet tal-ġestjoni tal-ilmijiet, il-leġiżlazzjoni Spanjola tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ baċini tax-xmara, jiġifieri l-baċini tax-xmara “inter-Komunitarji” li jkopru ilmijiet li jiċċirkulaw fit-territorju ta’ diversi Komunitajiet awtonomi u li fir-rigward tagħhom huwa biss l-Istat li jista’ jgħaddi leġiżlazzjoni u l-baċini “intra-Komunitarji” li jestendu fit-territorju ta’ Komunità awtonoma waħda u li fir-rigward tagħhom il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jassumu kompetenzi normattivi.

12

Fi kliem l-Artikolu 149(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola:

“Il-materji li ma humiex espressament attribwiti lill-Istat mill-Kostituzzjoni jistgħu jaqgħu taħt il-Komunitajiet awtonomi skont l-istatuti rispettivi tagħhom. Il-kompetenza fil-materji li ma jidhrux fl-istatuti ta’ awtonomja hija tal-Istat, li r-regoli tiegħu għandhom jipprevalu, f’każ ta’ kunflitt, fuq dawk tal-Komunitajiet awtonomi fl-oqsma kollha li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom. F’kull każ, id-dritt tal-Istat jissupplimenta d-dritt tal-Komunitajiet awtonomi.”

13

Fir-rigward tal-baċini tax-xmara inter-Komunitarji, l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 2000/60 saret permezz tal-Ordni ARM/2656/2008, tal-10 ta’ Settembru 2008, dwar l-approvazzjoni ta’ struzzjonijiet marbuta mal-ippjanar tal-ilmijiet (BOE Nru 229, tat-22 ta’ Settembru 2008, p. 38472, iktar ’il quddiem l-“Ordni tal-2008”).

14

Il-paragrafu 2 tal-uniku Artikolu tal-Ordni tal-2008 jipprovdi li “l-istruzzjonijiet li huma approvati għandhom japplikaw għall-baċini tax-xmara inter-Komunitarji”.

15

L-Ordni tal-2008 ġie emendat f’ċerti aspetti bl-Ordni ARM/1195/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011 (BOE Nru 114, tat-13 ta’ Mejju 2011, p. 48584, iktar ’il quddiem l-“Ordni tal-2011”).

16

Fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji, hija biss il-Komunità awtonoma ta’ Cataluña li eżerċitat is-setgħa normattiva tagħha bil-ħsieb li timplementa d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2000/60. Għal dan il-għan, hija adottat żewġ miżuri, jiġifieri, rispettivament, id-Digriet 380/2006, tal-10 ta’ Ottubru 2006, li japprova r-regolamentazzjoni tal-ippjanar tal-ilmijiet f’Cataluña (Diario Oficial de la Generalidad de Cataluña no 4740, tas-16 ta’ Ottubru 2006, p. 42776, iktar ’il quddiem id-“Digriet 380/2006”), u l-ftehim governattiv (GOV/128/2008), tat-3 ta’ Ġunju 2008, dwar il-programm ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-baċin tax-xmara ta’ Cataluña (iktar ’il quddiem il-“ftehim governattiv tal-2008”).

Il-proċedura prekontenzjuża

17

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-24 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja li hija tikkunsidra li huwa ma kienx issodisfa l-obbligi tiegħu taħt ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari l-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2), kif ukoll tal-punti 1.3 u 1.4 tal-Anness V tagħha, peress li għamel traspożizzjoni inkorretta u applikazzjoni ħażina ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

18

Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009.

19

Peress li kkunsidrat li din ir-risposta ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li d-Direttiva 2000/60 kienet ġiet kompletament trasposta, il-Kummissjoni, fit-22 ta’ Marzu 2010, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli min-notifika tagħha. Dan it-terminu skada fit-22 ta’ Mejju 2010.

20

Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, permezz ta’ erba’ ittri li fihom huwa ddikjara l-miżuri li huwa kien ser jadotta sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni. Bl-istess mod, dan l-Istat Membru għadda lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress dwar l-iżvilupp ta’ dawn il-miżuri u numru ta’ atti adottati għal dan il-għan. Fost l-atti mgħoddija lill-Kummissjoni jidher, b’mod partikolari, l-Ordni tal-2011.

21

Fid-dawl tar-risposti, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2), kif ukoll tal-punti 1.3 u 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji. Hija ddeċidiet għalhekk li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu barra minn Cataluña

L-argumenti tal-partijiet

22

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, minn naħa, u l-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2) u l-punt 1.3 tal-Anness V tad-Direttiva, min-naħa l-oħra, ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Spanjol permezz tal-punt 5.1 tad-Digriet tal-2008 u permezz tal-paragrafi 2 sa 6 tal-Artikolu uniku tal-Ordni tal-2011, rispettivament. Madankollu, peress li dawn l-ordnijiet japplikaw biss għall-baċini tax-xmara inter-Komunitarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 ma ġewx trasposti fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji.

23

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2000/60 għall-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu barra minn Cataluña hija ggarantita mill-klawżola supplenti li tinsab fl-Artikolu 149(3), in fine, tal-Kostituzzjoni Spanjola. Mill-imsemmija klawżola supplenti jirriżulta b’mod partikolari li, meta l-Komunità awtonoma, li għandha s-setgħa normattiva f’qasam partikolari, ma tagħmilx użu minn din is-setgħa jew teżerċitaha biss parzjalment, ir-regoli statali jibqgħu fis-seħħ, kompletament jew parzjalment, fuq il-punti li ma jkunux irregolati mill-Komunità awtonoma. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll, billi jinvoka l-Ordni tal-2008, li l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli statali hija ggarantita f’dan il-każ fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni peress li din riedet timponi fuqu, bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, il-metodu li bih kellha ssir din it-traspożizzjoni f’dan l-Istat Membru.

24

Il-Kummissjoni tiċħad, min-naħa tagħha, din l-allegazzjoni tal-aħħar. Fir-rigward tal-applikazzjoni b’mod supplenti tar-regoli statali għall-baċini tax-xmara intra-Komunitarji, hija targumenta li l-interpretazzjoni tal-klawżola supplenti proposta mir-Renju ta’ Spanja ma tikkostitwixxix interpretazzjoni aċċettata mill-ġurisprudenza Kostituzzjonali Spanjola. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni effettiva tal-ordnijiet hawn fuq imsemmija fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji hija nieqsa f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva

25

Għandu qabelxejn jiġi mfakkar, fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 li, matul is-seduta, il-Kummissjoni llimitat dan l-ilment għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V ta’ din id-direttiva.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-296/01, Ġabra p. I-13909, punt 54, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-427/07, Ġabra p. I-6277, punt 55).

27

Għandu jingħad ukoll li, skont it-termini stess tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu dik il-forma u dawk il-mezzi ta’ implementazzjoni ta’ direttivi li jiggarantixxu bl-aħjar mod ir-riżultat previst minnhom. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li t-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tirrikjedix neċessarjament azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru.

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeċidiet b’mod kostanti li r-riproduzzjoni formali tal-preskrizzjonijiet ta’ direttiva f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika ma hijiex dejjem meħtieġa, peress li l-implementazzjoni ta’ direttiva tista’, abbażi tal-kontenut tagħha, tiġi ssodisfatta b’kuntest legali ġenerali. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali jew amministrattiv tista’ trendi superfluwa t-traspożizzjoni b’miżuri leġiżlattivi jew regolatorji speċifiċi previsti sakemm, madankollu, dawn il-prinċipji jkunu jiżguraw b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva mill-amministrazzjoni nazzjonali u, fil-każ li d-dispożizzjoni inkwistjoni tad-direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun preċiża u ċara biżżejjed u l-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jagħrfu l-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom u, fejn xieraq, jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-32/05, Ġabra p. I-11323, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat is-sitt ilment tal-Kummissjoni.

30

Huwa paċifiku li r-Renju ta’ Spanja ma ħax il-miżuri leġiżlattivi sabiex jittrasponi l-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-baċini intra-Komunitarji li jinsabu barra Cataluña, peress li l-Ordni tal-2008 japplika biss għall-baċini tax-xmara inter-Komunitarji.

31

Skont ir-Renju ta’ Spanja, din it-traspożizzjoni hija ggarantita mill-klawżola supplenti li tinsab fl-Artikolu 149(3), in fine, tal-Kostituzzjoni, li tipprovdi li meta l-Komunitajiet awtonomi ma jkunux eżerċitaw is-setgħa normattiva tagħhom għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60, l-Ordni tal-2008 jkun applikabbli wkoll fir-rigward ta’ dawn il-baċini intra-Komunitarji.

32

Qabelxejn, jekk jitqies li l-klawżola supplenti tista’ tkun applikabbli għal dan il-każ ineżami, ir-Renju ta’ Spanja, madankollu, ma spjegax kif dan il-prinċipju jippermetti li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar il-baċini tax-xmara intra-Komunitarji, fid-dawl tal-limitazzjoni espressa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ordni tal-2008 għall-baċini tax-xmara inter-Komunitarji.

33

Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-applikazzjoni b’mod supplenti tal-Ordni tal-2008 għandha tinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni li huwa jipprovdi fil-punt 5.1 japplikaw, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 sa 25 tal-konklużjonijiet tagħha, lil hinn mill-kliem tal-paragrafu 2 tal-uniku artikolu ta’ dan l-ordni, għall-baċini tax-xmara intra-Komunitarji, is-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li għandhom jikkaratterizzaw miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-372/99, Ġabra p. I-819, punt 18).

34

Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Renju ta’ Spanja, tikkonstata, billi tibbaża ruħha fuq rapport tal-Consejo de Estado tal-15 ta’ Diċembru 2010, inċertezza, fl-istat attwali tad-dritt kostituzzjonali Spanjola, fir-rigward tal-portata tal-klawżola supplenti bħala mezz li jiżgura l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

35

Finalment, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional, li r-Renju ta’ Spanja jinvoka fl-osservazzjonijiet tiegħu, jidher li l-Artikolu 149(3), in fine, tal-Kostituzzjoni ma jippermettix l-applikazzjoni ta’ regoli statali b’mod supplenti fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tal-Komunitajiet awtonomi, iżda biss sabiex jimla lacunae identifikati. Għandu jingħad ukoll li, matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja kkonferma li, fil-każ ineżami, il-Komunitajiet awtonomi, bl-eċċezzjoni tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña, ma eżerċitawx is-setgħa normattiva tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-klawżola supplenti fil-każ ineżami ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji barra minn Cataluña.

36

Fir-rigward tar-riferiment fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji għall-Ordni tal-2008, invokat sabiex tintwera l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan l-ordni għal dawn il-baċini, fid-dawl tal-premess, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli juri li l-Komunitajiet awtonomi aġixxew skont obbligu legali meta huma pprevedew l-Ordni tal-2008 fil-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ dawn il-baċini. Issa, jekk ir-riferiment jirrifletti biss prattika amministrattiva li, min-natura tagħha, tista’ tkun suġġetta għal tibdil fi kwalunkwe ħin u mingħajr pubbliċità adegwata, dan ma jistax jitqies li jikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li joħorġu mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-490/09, Ġabra p. I-247, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Kummissjoni fittxet li timponi, bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, il-metodu li bih kellha ssir it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-rikors tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma indikatx u ma pproponietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-metodu li bih kellha ssir it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2000/60 fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

38

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkunsidrat fondat l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-punt 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

– Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60 kif ukoll tal-punt 1.3 tal-Anness V tagħha, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva

39

Huwa paċifiku li, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-Ordni tal-2008 ma kien jipprevedi ebda implementazzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60 u tal-punt 1.3 tal-Anness V tagħha, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

40

Fl-atti tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bl-Ordni tal-2011, flimkien mal-klawżola supplenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-Ordni tal-2011 daħal fis-seħħ biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif tkun is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-286/12, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward, barra minn hekk, tat-terminu ta’ tnax-il sena previst fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2000/60 għall-istabbiliment u/jew l-implementazzjoni ta’ ċerti kontrolli tal-emmissjoni indikati f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jiddetermina t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, inkluż l-Artikolu 10 tagħha. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma kkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 7 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2000/60 ma jistipulax terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda terminu li fih l-kontrolli kellhom isiru.

42

Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60 u tal-punt 1.3 tal-Anness V tagħha, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva huwa fondat.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña

L-argumenti tal-partijiet

43

Ir-Renju ta’ Spanja jibbaża ruħu fuq żewġ miżuri adottati minn din il-komunità awtonoma fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri d-Digriet 380/2006 u l-ftehim governattiv tal-2008 sabiex juri l-implementazzjoni tal-obbligi li joħorġu mid-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña. Barra minn hekk, huwa jinvoka tliet miżuri oħra adottati minn din il-komunità awtonoma wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-pjan ta’ ġestjoni tad-distrett tax-xmara f’Cataluña tat-23 ta’ Novembru 2010, il-programm ta’ miżuri approvati mill-ftehim governattiv tal-Generalidad de Cataluña tat-23 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ miżuri tat-23 ta’ Novembru 2010”) u d-Digriet Irjali 1219/2011 li japprova l-pjan ta’ ġestjoni tad-distrett tal-baċin tax-xmara ta’ Cataluña (BOE tat-22 ta’ Settembru 2011, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 1219/2011”), mingħajr madankollu ma jindika, fir-rigward ta’ din il-miżura tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 li din kienet intiża li timplementa.

44

Il-Kummissjoni tirrileva li, bi ksur tad-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, ir-Renju ta’ Spanja ma għaddiex lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña, il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2000/60 u lanqas ma hemiżhom mar-risposta tiegħu. Sussidjarjament, hija tirrileva b’mod partikolari li d-Digriet Irjali 1219/2011 ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni peress li dan ġie adottat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-programm ta’ miżuri tat-23 ta’ Novembru 2010 u d-Digriet Irjali 1219/2011 li r-Renju ta’ Spanja jinvoka bħala miżuri li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li dawn il-miżuri ġew adottati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

46

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60, ir-Renju ta’ Spanja, f’dan ir-rigward, minbarra li jibbaża ruħu fuq id-Digriet 380/2006 u l-ftehim governattiv tal-2008, jibbaża ruħu wkoll fuq il-programm ta’ miżuri tat-23 ta’ Novembru 2010. Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 ġew trasposti biss parzjalment fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

47

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq nuqqas ta’ traspożizzjoni mir-Renju ta’ Spanja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 huma fondati.

48

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(8) ta’ din id-direttiva, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti permezz tad-Digriet 380/2006. Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-punt 1.3 u l-punt 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) tagħha, dan l-Istat Membru jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-ftehim governattiv tal-2008.

49

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja invoka dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni għall-ewwel darba fl-istadju tar-risposta, u dan ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuq l-Istati Membri taħt l-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, dan ir-rikors ma huwiex intiż għal nuqqas tal-obbligu li tingħata informazzjoni, iżda għal nuqqas tal-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60. Is-sempliċi fatt li r-Renju ta’ Spanja ma informax lill-Kummissjoni fil-proċedura prekontenzjuża li t-traspożizzjoni kienet diġà saret ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punti 46 u 47).

50

Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati mir-Renju ta’ Spanja kienu fis-seħħ meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tar-realtà ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

51

Fir-rigward tal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2000/60 u tal-punt 1.3 u 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tqajjem ebda oġġezzjoni sostantiva kontra d-Digriet 380/2006 u l-ftehim governattiv tal-2008 li r-Renju ta’ Spanja jallega li ttrasponew id-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 2000/60.

52

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(8) u tal-punti 1.3 u 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi miċħud.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud sa fejn dan huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ traspożizzjoni mir-Renju ta’ Spanja tal-Artikolu 4(8) u tal-punti 1.3 u 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqas milli jieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2), kif ukoll tal-punti 1.3 u 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) tagħha, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu barra minn Cataluña, kif ukoll l-Artikoli 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

55

Hemm lok li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati wkoll parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

57

Fil-każ ineżami, peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż, li essenzjalment tilef il-kawża, u peress li dan l-Istat naqas milli jipprovdi, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li permezz tagħhom huwa jikkunsidra li ssodisfa d-diversi obbligi li d-Direttiva 2000/60 timponi fuqu, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqas milli jieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 4(8), 7(2), 10(1) u (2), kif ukoll tal-punti 1.3 u 1.4.1(i) sa (iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) tagħha, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu barra minn Cataluña, kif ukoll l-Artikoli 7(2) u 10(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60, fir-rigward tal-baċini tax-xmara intra-Komunitarji li jinsabu f’Cataluña, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.