SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Valur għal skopijiet doganali — Merkanzija esportata lejn pajjiż terz — Ħlas lura fuq l-esportazzjoni — Ipproċessar fil-pajjiż ta’ esportazzjoni kkunsidrat bħala mhux sostanzjali — Esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija lejn it-territorju tal-Unjoni Ewropea — Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali — Valur tat-tranżazzjoni”

Fil-Kawża C‑116/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Serron (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Ioannis Christodoulou,

Nikolaos Christodoulou,

Afoi N. Christodoulou AE

vs

Elliniko Dimosio,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. Christodoulou, N. Christodoulou u Afoi N. Christodoulou AE, minn P. Niadis u A. Karydi, dikigoroi,

għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou kif ukoll minn P. Karastergiou, I. Bakopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 24, 29, 32 u 146 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Christodoulou, N. Christodoulou kif ukoll Afoi N. Christodoulou AE (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) u Elliniko Dimosio (Direttur tal-Uffiċċju Doganali ta’ Serres), dwar avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa maħruġ fir-rigward tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

4

L-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Kull ipproċessar jew xogħol li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit, jew li fir-rigward tiegħu il-fatti kif konfermati jiġġustifikaw il-preżunzjoni, li l-għan uniku tiegħu kien li jaħrab mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Komunità għal merkanzija minn pajjiżi speċifiċi taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jitqies li jagħti lill-merkanzija hekk prodotta l-oriġini tal-pajjiż fejn jitwettaq skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 24.”

5

L-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

(a)

ma jkun hemm ebda restrizzjoni dwar kif ix-xerrej jeħles minn jew juża merkanzija [...]

[...]”

6

L-Artikolu 30 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:

“1.   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit [...]

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(ċ)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d)

il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).

[...]”

7

Skont l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali:

“1.   Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994,

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

[...]”

8

L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

(a)

li ġejjin, sal-punt li jkunu ġew inkorsi mix-xerrej iżda m’humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija:

(i)

kummissjonijiet u senserija, minbarra kummissjonijiet tax-xiri,

(ii)

il-prezz ta’ kontenituri li jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, għall-iskopijiet doganali, mal-merkanzija kkonċernata,

(iii)

il-prezz ta’ l-ippakkjar, sew jekk xogħol jew materjali;

(b)

il-valur, imqassam kif xieraq, tal-merkanzija u servizzi fejn provduti direttament jew indirettament mix-xerrej mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas għall-użu fir-rigward tal-produzzjoni u bejgħ għall-esportazzjoni ta’ merkanzija importanti, sal-punt illi dak il-valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas:

(i)

materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata,

(ii)

għodda, forom u oġġetti simili wzati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

[...]

2.   Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata.

3.   Ebda żieda m’għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f’dan l-Artikolu.

[...]”

9

Skont l-Artikolu 145(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ għandha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mas-sistema standard ta’ bdil stipulata fl-Artikoli 154 sa 159 jew għall-Artikolu 123, tippermetti li merkanziji tal-Komunità jiġu esportati temporanjament mit-territorju doganali tal-Komunità sabiex jgħaddu minn operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar u l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jiġu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.”

10

L-Artikolu 146(1) tal-istess kodiċi jipprovdi kif ġej:

“Il-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ m’għandhiex tkun miftuħa għal merkanziji tal-Komunità:

[...]

li l-esportazzjoni tagħhom tagħti lok għall-għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew li fir-rigward tagħhom vantaġġ finanzjarju ħlief dawk ir-rifużjonijiet jingħata taħt il-politika agrikola komuni bis-saħħa ta’ l-esportazzjoni ta’ l-imsemmija merkanzija.”

11

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jipprovdi:

“L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.”

12

L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), jipprovdi:

“1.   Meta:

[...]

ċ)

ikun hemm suspetti serji li l-prodott, fl-istat mhux mibdul tiegħu jew wara li jkun ġie pproċessat f’pajjiż terz, ikun ġie impurtat mill-ġdid fil-Komunità mingħajr dazju jew b’rata ta’ dazju mnaqqas;

ir-rata waħdanija tar-rifużjonijiet jew tal-parti tar-rifużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2) għandha titħallas biss jekk il-prodott ikun ħalla t-territorju doganali tal-Komunità skond l-Artikolu 7, u,

(i)

fil-każ ta’ rifużjonijiet mhux-differenzjati, il-prodott ikun ġie impurtat f’pajjiż terz ma’ tul it-12-il xahar li jsegwu d-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni jew li jkun għadda minn proċessar jew xogħol sostanzjali ma’ tul dan il-perijodu skond l-Artikolu 24 [tal-Kodiċi Doganali];

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Afoi N. Christodoulou AE (iktar ’il quddiem “Christodoulou”), kumpannija li s-sede tagħha tinstab f’Nauplie (il-Greċja), tispeċjalizza fil-preparazzjoni ta’ frott, prinċipalment tal-larinġ, bil-għan li jiġi prodott meraq tal-frott. Hija għandha dipartiment tal-bejgħ viċin ta’ Ateni (il-Greċja) u fabbrika li tinstab fit-tramuntana tal-Greċja.

14

Fil-15 ta’ Frar 2006, id-Dipartiment tal-Kontrolli Doganali ta’ Thessaloniki (il-Greċja) wettaq kontroll a posteriori, sabiex jivverifika l-osservanza, minn Christodoulou, tal-leġiżlazzjoni doganali f’dak li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ meraq tal-larinġ miżjud biz-zokkor li joriġina mill-Bulgarija, imwettqa permezz tal-Uffiċċju Doganali ta’ Serres, minn Jannar 2002.

15

Dan il-kontroll kien ġie ppreċedut minn kontroll ieħor, imwettaq fix-xahar ta’ Novembru 2005, f’Elliniki Viomichania Zacharis AE, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza, minn din il-kumpannija, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ esportazzjonijiet ta’ zokkor lejn il-Bulgarija, intiżi għal Agrima SA (iktar ’il quddiem “Agrima”), li s-sede tagħha tinstab f’Sofija (il-Bulgarija). Waqt dan il-kontroll, kien ġie kkonstatat li l-esportazzjonijiet ta’ zokkor inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni definittivi u li dawn kienu saru fuq talba minn u f’isem Christodoulo, li kienet ħallset il-prezz. Peress li l-esportazzjoni taz-zokkor abjad kienet issussidjata, il-prezz ta’ esportazzjoni ta’ dan iz-zokkor kien inqas mill-prezz tal-bejgħ fis-suq intern.

16

Mill-kontroll li sar fil-15 ta’ Frar 2006 irriżulta li Christodoulou kienet tesporta wkoll, intiż għal Agrima, permezz tal-Uffiċċju Doganali ta’ Nauplie u permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni definittivi, il-meraq tal-larinġ ikkonċentrat li hija kienet tipproduċi.

17

Agrima kienet tirċievi ż-żewġ prodotti, jiġifieri z-zokkor u l-meraq tal-larinġ, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ importazzjoni temporanja u kienet tissuġġettahom għas-sistema doganali tal-ipproċessar attiv, bil-għan ta’ esportazzjoni mill-ġdid mingħajr ħlas ta’ dazji doganali. Wara sempliċi taħlita taż-żewġ prodotti kkonċernati u dilwizzjoni bl-ilma, il-meraq tal-larinġ miżjud biz-zokkor (iktar ’il quddiem il-“preparazzjoni finali”), li l-pajjiż ta’ oriġini ddikjarat tiegħu kien il-Bulgarija, kien esportat mill-ġdid lejn il-Greċja, intiż għal Christodoulou. Għal kull importazzjoni, Agrima kienet tiffattura prezz ta’ EUR 511.30, li ma nbidilx matul il-perijodu bejn Jannar 2002 u s-sena 2006.

18

Ma kien hemm ebda ftehim bejn Christodoulou u Agrima.

19

Barra minn hekk, mill-verifika tal-kontijiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji jirriżulta li l-valur għal skopijiet doganali ddikjarat tal-preparazzjoni finali importata kien ogħla mill-valur għal skopijiet doganali kif evalwat mill-ġdid mid-Dipartiment tal-Kontrolli Doganali ta’ Thessaloniki. Skont dan tal-aħħar, b’mod konformi mal-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali, mal-prezz ta’ EUR 511.30 effettivament imħallas ma’ kull importazzjoni u li jikkorrispondi għall-ispejjeż relatati mal-attività ta’ taħlit tal-komponenti kellhom jiżdiedu l-ammonti segwenti:

l-ispiża tal-produzzjoni tal-meraq tal-larinġ ikkonċentrat bħala l-ewwel komponent, ipprovdut mingħajr spejjeż, minn Christodoulou lil Agrima;

l-ispiża tax-xiri taz-zokkor, bħala t-tieni komponent, ipprovdut ukoll mingħajr spejjeż lil Agrima; u

l-ispejjeż ta’ trasport tal-preparazzjoni finali mill-Bulgarija lejn il-Greċja.

20

L-awtoritajiet doganali kkonstataw li Christodoulou kienet iffatturat iżjed il-meraq tal-larinġ ikkonċentrat ipprovdut mingħajr spejjeż sabiex, mal-importazzjoni tal-preparazzjoni finali li toriġina mill-Bulgarija, ikun applikat dazju doganali ta’ 12.2 % ad valorem, minħabba l-klassifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat fis-subintestatura 2009 19 98 99 tan-Nomenklatura Magħquda (meraq tal-larinġ li l-valur Brix tiegħu jeċċedi 20 iżda mhux 67, ta’ valur li jeċċedi EUR 30 għal kull 100 kg).

21

Issa, abbażi tal-valur għal skopijiet doganali evalwat mill-ġdid mill-awtorità doganali, dan il-prodott kien imissu ġie kklassifikat fis-subintestatura tariffarja 2009 19 91 99 (meraq tal-larinġ li l-valur Brix tiegħu jeċċedi 20 iżda mhux 67, ta’ valur li ma jeċċedix EUR 30 għal kull 100 kg), b’mod li jiġi ġġenerat dazju doganali fuq l-importazzjoni ugwali għal 15.2 % ad valorem.

22

Għaldaqstant, Christodoulou, minn naħa, kisbet vantaġġ finanzjarju fis-suq intern billi importat il-preparazzjoni finali bi prezz irħas minn dak ipprattikat fis-suq intern, minħabba x-xiri taz-zokkor abjad bi prezz ta’ esportazzjoni ssussidjat (ta’ bejn EUR 0.24 u EUR 0.325/kg minflok ta’ EUR 0.705/kg), u, min-naħa l-oħra, evitat, minħabba dazju doganali ta’ 12.2 % minflok ta’ 15.2 %, il-ħlas ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni li jammontaw għal EUR 1 237 189.04.

23

Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-Uffiċċju Doganali ta’ Serres ħejja rapport ta’ investigazzjoni ta’ ksur doganali. Permezz ta’ avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa tal-10 ta’ Frar 2009, id-Direttur ta’ dan l-uffiċċju ssuġġetta lir-rikorrenti għall-ħlas tat-taxxi evitati, ta’ dazji ogħla kif ukoll ta’ multi.

24

Fis-27 ta’ April 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Serron sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dan l-avviż ta’ impożizzjoni u sabiex jitolbu l-annullament tiegħu. Huma jqisu li hemm lok li mal-prezz effettivament imħallas għall-preparazzjoni finali jiżdiedu, minbarra l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-meraq tal-larinġ, max-xiri taz-zokkor u mat-trasport tal-preparazzjoni finali, spejjeż oħra relatati, b’mod partikolari, mal-imballaġġ, max-xogħol tal-idejn u mal-produzzjoni.

25

L-Istat Grieg talab iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala infondat.

26

Id-Dioikitiko Protodikeio Serron l-ewwel nett tirrileva li l-preparazzjoni finali ma tistax tiġi kklassifikata bħala prodott li joriġina mill-Bulgarija peress li ma ngħatatx prova li z-zokkor u l-meraq tal-larinġ ikkonċentrat kienu ġew “definittivament” importati fil-Bulgarija, li dawn kienu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera u li hemmhekk kienet saret fir-rigward tagħhom ħidma sostanzjali. Skont din il-qorti, il-valur għal skopijiet doganali ddikjarat tal-preparazzjoni finali jidher immedjatament li huwa żbaljat, peress li ma jikkorrispondix għall-prezz imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott li kien is-suġġett tal-kuntratt konkluż bejn Agrima u Christodoulou.

27

Sussegwentement, id-Dioikitiko Protodikeio Serron tfakkar li, l-awtoritajiet doganali, bil-għan li jiddeterminaw il-valur għal skopijiet doganali tal-preparazzjoni finali, applikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali, filwaqt li, għal kull importazzjoni, żiedu mas-somma ta’ EUR 511.30, li tikkorrispondi għall-ispejjeż tat-taħlit, l-ispiża ta’ produzzjoni tal-meraq ikkonċentrat, l-ispiża tax-xiri taz-zokkor abjad kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasport ta’ din il-preparazzjoni lejn il-Greċja.

28

Fl-aħħar nett, din il-qorti tosserva li, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-importazzjonijiet tal-preparazzjoni finali, il-parti ddikjarata tal-valur għal skopijiet doganali li tikkorrispondi għall-valur tal-meraq tal-larinġ ikkonċentrat kienet teċċedi l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ dan tal-aħħar u li din il-fatturazzjoni żejda kellha bħala konsegwenza li din il-preparazzjoni titqiegħed fi klassi tariffarja li timplika l-ħlas ta’ dazju doganali mnaqqas ta’ 12.2 %.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-qorti għandha dubji dwar il-mod ta’ kif għandu jiġi kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali tal-preparazzjoni finali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Serron iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-valur [għal skopijiet] doganali tal-merkanzija importata għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-Artikoli 29 u 32 [tal-Kodiċi Doganali], anki fil-każ fejn il-kuntratt ikun jikkonċerna l-ipproċessar [ħidma] jew it-trasformazzjoni [ipproċessar] ta’ materjali (materjali li ġew importati fil-pajjiż tal-ipproċessar mingħajr ma ġew issuġġettati għall-proċedura doganali tal-ipproċessar passiv bil-ħsieb li jiġu esportati mill-ġdid) li ma jilħaqx il-livell previst mill-Artikolu 24 ta’ dan l-istess [kodiċi] jew li, fin-nuqqas, huwa insuffiċjenti sabiex il-merkanzija li ġiet prodotta tingħata l-oriġni tal-pajjiż fejn twettqu dan l-ipproċessar jew din it-trasformazzjoni?

2)

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, ir-risposta kienet tkun differenti f’każ li l-importazzjoni, abbażi ta’ rċevuti iżda wkoll ta’ dokumenti oħra kkunsidrati bħala foloz, tkun tidher li twettqet fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ, meta jiġi pprovat li l-kuntratt kien jipprevedi pproċessar mhux sostanzjali tal-materjali li joriġinaw mill-pajjiżi tal-importazzjoni, b’remunerazzjoni preċiża, li tista’ tiġi ddeterminata, u li l-valur doganali ddikjarat ma jikkorrispondix għall-prezz li għandu jitħallas jew li effettivament tħallas?

3)

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, ir-risposta kienet tkun differenti f’każ li jiġi stabbilit ukoll li ġiet implementata prattika li tikkonsisti f’użu abbużiv mid-dispożizzjonijiet Komunitarji bl-għan li l-persuna kkonċernata tikseb vantaġġ?

4)

F’każ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 29 u 32 ta[l-Kodiċi Doganali] jistgħu jiġu applikati mhux biss f’każ bħal dak deskritt fit-tieni domanda, iżda anki meta jiġu sodisfatti ċ-ċirkustanzi oġġettivi kif ukoll l-element suġġettiv tat-tielet domanda, x’għandu jkun il-valur ta’ element (f’dan il-każ iz-zokkor) li jkun ġie inkorporat fil-prodott importat u li jkun ġie pprovdut bla ħlas mill-importatur, meta l-imsemmi element, li ma setgħax jiġi ssuġġettat għall-proċedura tal-ipproċessar bil-għan li jiġi esportat mill-ġdid, skont l-Artikolu 146(1) ta[l-Kodiċi Doganali], ma jkunx ġie prodott minnu, iżda akkwistat minnu bil-prezz ta’ esportazzjoni (inqas mill-prezz applikabbli fis-suq intern, minħabba l-fatt li l-prodott kien ssuġġettat għal skema ta’ rifużjoni)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt li, għalkemm huwa kklassifikat bħala kuntratt ta’ bejgħ, fir-realtà jirriżulta li huwa kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi sabiex il-merkanzija kkonċernata titqies li hija toriġina mill-pajjiż li fih seħħew l-operazzjonijiet ta’ ħidma jew ta’ pproċessar.

32

Bil-għan li tingħata risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel nett hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali japplikawx biss għal kuntratti ta’ bejgħ jew jekk kuntratti ta’ ħidma jew ta’ pproċessar jistgħux ukoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat sa fejn id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, skont l-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi, tidħol fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, fid-dawl tal-Artikoli 29 u 32 ta’ dan il-kodiċi.

33

Qabel kollox, huwa neċessarju li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “bejgħ” ma huwiex iddefinit fil-Kodiċi Doganali u li dan tal-aħħar ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett.

34

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu fl-Unjoni Ewropea kollha; din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 26).

35

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “bejgħ” fl-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-kuntest li taħtu jaqa’ dan l-artikolu.

36

Fir-rigward tal-għan imfittex, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ugwali, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 1990, Unifert, C-11/89, Ġabra p. I-2275, punt 35; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Sommer, C-15/99, Ġabra p. I-8989, punt 25; u tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C-306/04, Ġabra p. I-10991, punt 30).

37

Fir-rigward tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li titfakkar is-sistema stabbilita minn dan il-kodiċi sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata.

38

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 29, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur tat-tranżazzjoni tagħhom, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara madankollu għal aġġustamenti li għandhom isiru skont l-Artikoli 32 u 33 ta’ dan l-istess kodiċi.

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sommer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat ladarba din l-operazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C-256/07, Ġabra p. I-1951, punt 24).

40

Fil-fatt, il-valur tat-tranżazzjoni għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenzi Compaq Computer International Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u tal-15 ta’ Lulju 2010, Gaston Schul, C-354/09, Ġabra p. I-7449, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Meta madankollu l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, permezz tal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata, l-evalwazzjoni doganali għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi, permezz tal-applikazzjoni, suċċessivament, tal-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(a), (b), (ċ) u (d).

42

Fil-każ li lanqas ma jkun possibbli li jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata abbażi tal-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali, l-evalwazzjoni doganali għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi.

43

Għaldaqstant, kemm mill-kliem tal-Artikoli 29 sa 31 ta’ dan il-kodiċi kif ukoll mill-ordni li skontha għandhom jiġu applikati l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali abbażi ta’ dawn l-artikoli, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta bejniethom permezz ta’ rabta ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, huwa biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat permezz ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari li jkun hemm lok li jsir riferiment għad-dispożizzjoni li tiġi immedjatament warajha fl-ordni stabbilita.

44

Sa fejn, għall-finijiet tal-evalwazzjoni doganali, prijorità hija mogħtija lill-valur tat-tranżazzjoni, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali huwa meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss.

45

Sabiex tinżamm din il-prijorità, hemm lok li l-kunċett ta’ “bejgħ”, li jinstab fl-Artikolu 29(1), jiġi interpretat b’mod wiesa’.

46

Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjoni kuntrattwali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ għandhiex tiġi kklassifikata bħala kuntratt ta’ bejgħ jew jekk din taqax taħt sempliċi kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar tal-merkanzija importata hija irrilevanti peress li l-operazzjonijiet ta’ ħidma u ta’ pproċessar huma, f’kull każ, imwettqa mingħajr spejjeż mix-xerrej favur il-bejjiegħ.

47

Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali, li jippreċiżaw l-elementi li għandhom jiġu miżjuda mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tagħhom.

48

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32 jeħtieġ, b’mod partikolari, fil-paragrafu (1)(b) tiegħu, li mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiżdied il-valur ta’ ċerti prodotti pprovduti mix-xerrej, mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas, u użati fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata, sa fejn dan il-valur ma ġiex inkluż f’dan il-prezz.

49

Għaldaqstant l-Artikolu 32 jirreferi espressament għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa paċifiku li ż-żewġ elementi bażiċi, jiġifieri l-meraq tal-larinġ ikkonċentrat u z-zokkor abjad, tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Agrima mingħajr ħlas u li l-prezz iffatturat għal kull importazzjoni jirrappreżenta biss l-ispiża relatata mal-operazzjonijiet ta’ taħlit taż-żewġ elementi bażiċi.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija huwa, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-prezz effettivament imħallas għal din il-merkanzija, bla ħsara għal aġġustamenti li għandhom isiru skont l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi.

51

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt li, għalkemm huwa kklassifikat bħala kuntratt ta’ bejgħ, fir-realtà jirriżulta li huwa kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar.

52

It-tieni nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi żewġ pajjiżi jew iktar għandha titqies li toriġina mill-pajjiż li fih sar l-aħħar ipproċessar jew ħidma sostanzjali, ekonomikament iġġustifikat, imwettaq f’impriża mgħammra għal dan il-għan u li wassal għall-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

53

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-aħħar pproċessar jew ħidma huwa sostanzjali biss jekk il-prodott li jirriżulta minnu jkollu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi li dan ma kellux qabel tali pproċessar jew ħidma (sentenza tas-26 ta’ Jannar 1977, Gesellschaft für Überseehandel, 49/76, Ġabra p. 41, punt 6).

54

Issa, il-kwistjoni dwar f’liema pajjiż il-merkanzija importata ġiet, f’kull każ, sostanzjalment immanifatturata jew maħduma fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali ma hijiex deċiżiva meta l-valur għal skopijiet doganali ta’ din l-istess merkanzija huwa l-valur tat-tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 29 tal-istess kodiċi, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, dan il-valur huwa ddeterminat abbażi tal-kriterju relatat mal-valur ekonomiku reali ta’ din il-merkanzija, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi elementi li jifformawha.

55

Għaldaqstant, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar, huwa irrilevanti li jsir magħruf jekk l-operazzjonijiet ta’ ħidma jew ta’ pproċessar jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, sabiex din il-merkanzija titqies li hija toriġina mill-pajjiż li fih seħħew dan l-operazzjonijiet.

56

Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija jista’ jkollu effett fuq is-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni. Għaldaqstant, fir-rigward tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, il-ħlas lura huwa suġġett, minbarra għall-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li l-prodott ikun ġie importat fil-pajjiż terz ta’ esportazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, SGS Belgium et, C-218/09, Ġabra p. I-2373, punt 40).

57

Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 5(1) huwa li jiġu evitati l-abbużi li, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jikkonsistu b’mod partikolari fir-riskju ta’ introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni tal-prodott esportat (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2000, Roquette Frères, C-114/99, Ġabra p. I-8823, punt 17).

58

Issa, tali abbuż ma jistax jeżisti meta l-prodott inkwistjoni kien is-suġġett ta’ pproċessar sostanzjali u mhux riversibbli, li jwassal għat-tmiem tal-eżistenza tiegħu bħala tali u għall-ħolqien ta’ prodott ġdid li jaqa’ taħt intestatura tariffarja oħra (sentenzi Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C-515/03, Ġabra p. I-7355, punt 31).

59

Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 800/1999 li skontu l-ħlas lura huwa kkunsidrat indebitu b’mod partikolari meta l-prodott huwa importat mill-ġdid fl-Unjoni mingħajr ma kien is-suġġett ta’ ħidma jew ta’ pproċessar sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Roquette Frères, punt 20, u Eichsfelder Schlachtbetrieb, punt 32).

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt li, għalkemm huwa kklassifikat bħala kuntratt ta’ bejgħ, fir-realtà jirriżulta li huwa kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar. Fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, huwa irrilevanti li jsir magħruf jekk l-operazzjonijiet ta’ ħidma jew ta’ pproċessar jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi sabiex il-merkanzija kkonċernata titqies li hija toriġina mill-pajjiż li fih seħħew dawn l-operazzjonijiet.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

61

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, li wkoll hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, x’inhu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, skont l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali, il-valur ta’ merkanzija li bbenefikat minn ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li nkiseb permezz tal-implementazzjoni ta’ prattika li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jinkiseb abbużivament vantaġġ minn dawn id-dispożizzjonijiet.

62

F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti, bil-pretensjoni ta’ esportazzjoni definittiva u ta’ allegat ipproċessar sostanzjali, riedu jaħbu l-fatt li l-merkanzija fir-realtà kienet is-suġġett ta’ pproċessar passiv. Permezz ta’ din il-prattika, huma evitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 146(1) tal-Kodiċi Doganali, li skontu l-merkanzija li tagħti lok għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma tistax tkun suġġetta għas-sistema tal-ipproċessar passiv.

63

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi (sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1977, Cremer, 125/76, Ġabra p. 1593, punt 21, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products, C-279/05, Ġabra p. I-239, punt 31).

64

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, għadd sħiħ ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Din teħtieġ, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. L-eżistenza ta’ tali element suġġettiv tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, billi tingħata prova ta’ kollużjoni bejn l-esportatur stabbilit fl-Unjoni, benefiċjarju tal-ħlas lura, u l-importatur tal-merkanzija fil-pajjiż terz (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punti 52 u 53, kif ukoll Eichsfelder Schlachtbetrieb, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

65

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi, li l-prova tagħhom għandha tiġi prodotta b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

66

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni ta’ irregolarità li tirriżulta minn tali prattika abbużiva, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li l-portata tiegħu hija ġenerali, jipprovdi li “l-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu” (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C-158/08, Ġabra p. I-4695, punt 27).

67

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienu ġew maħluqa artifiċjalment, fatt li jirrendi indebitu l-vantaġġ riċevut u li għaldaqstant jiġġustifika l-obbligu li dan jitħallas lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Emsland-Stärke, punt 56, u Pometon, punt 28).

68

Għaldaqstant, l-importatur li b’mod artifiċjali qiegħed lilu nnifsu f’sitwazzjoni li tippermettilu jibbenefika mill-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa obbligat iħallas id-dazji relatati mal-prodotti kkonċernati, bla ħsara, jekk ikun il-każ, għas-sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

69

Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni, skont l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali, tieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li l-esportatur ibbenefika minnu b’mod abbużiv billi ħoloq b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ dan il-vantaġġ.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti hemm lok li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda tkun li l-Artikoli 29 u 32 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li merkanzija bbenefikat minnu u li nkiseb permezz tal-implementazzjoni ta’ prattika li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jinkiseb abbużivament vantaġġ minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt li, għalkemm huwa kklassifikat bħala kuntratt ta’ bejgħ, fir-realtà jirriżulta li huwa kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar. Fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, huwa irrilevanti li jsir magħruf jekk l-operazzjonijiet ta’ ħidma jew ta’ pproċessar jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament sabiex il-merkanzija kkonċernata titqies li hija toriġina mill-pajjiż li fih seħħew dawn l-operazzjonijiet.

 

2)

L-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li merkanzija bbenefikat minnu u li nkiseb permezz tal-implementazzjoni ta’ prattika li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jinkiseb abbużivament vantaġġ minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.