SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea — Ftehimiet internazzjonali — Protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir — Negozjati dwar konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa — Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li tawtorizza l-parteċipazzjoni konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fin-negozjati — Artikolu 3(2) TFUE — Kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑114/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, P. Hetsch u L. Gussetti kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u D. Warin, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Legal, J.‑P. Hix u F. Florindo Gijón kif ukoll minn M. Balta, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u D. Hadroušek kif ukoll minn J. Králová, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, B. Beutler u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata, inizjalment minn M. Szpunar, B. Majczyna, u M. Drwięcki kif ukoll minn E. Gromnicka, sussegwentement, minn dawn l-aħħar tliet persuni, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Palmer, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 2011, dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha f’negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis‑26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), stabbiliet, fl-Artikolu 13 tagħha, għall-ewwel darba fuq il-livell internazzjonali, drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, għall-organizzazzjonijiet tax-xandir għal dak li jikkonċerna l-iffissar tax-xandiriet tagħhom. Din il-konvenzjoni, li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti minnha, stabbiliet ukoll fl-Artikolu 1 tagħha l-prinċipju, li huwa riprodott fil-konvenzjonijiet sussegwenti fil-qasam tad-drittijiet relatati, li jipprovdi li l-protezzjoni mogħtija lid-detenturi ta’ tali drittijiet ma għandhiex taffettwa d-dritt li awtur jista’ jkollu fuq ix-xogħol trażmess fil-kuntest ta’ xandira, irreġistrat mill-produtturi tad-diski jew eżegwit minn artisti.

3

Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l‑Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jirregola wkoll, fl-Artikolu 14(3), (5) u (6) tiegħu, id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. L-istess bħall-Konvenzjoni ta’ Ruma, huwa jikkonċerna esklużivament ix-xandir tradizzjonali permezz ta’ mezzi mingħajr fili.

4

Min-naħa tagħhom, it-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Dritt tal-Awtur u t-Trattat tad-WIPO dwar il-Preżentazzjoni u l-Fonogrammi, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), isaħħu d-drittijiet tal-awturi, tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-artisti fil-kuntest ta’ teknoloġiji diġitali ġodda, iżda mhux dawk tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/100/KEE, ikkodifikata bid-Direttiva 2006/115/KE

5

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad‑19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), irregolat, għall-ewwel darba fid-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. Din id-direttiva ġiet ikkodifikata u mħassra bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28).

6

Taħt it-titolu “Dritt ta’ l-Iffissar”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu li:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita.

3.   Distributur bil-cable m’għandux ikollu d-dritt previst fil-paragrafu 2 fejn huwa sempliċiment jerġa’ jittrasmetti bil-cable x-xandiriet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir.”

7

Taħt it-titolu “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

8

Taħt it-titolu “Dritt ta’ distribuzzjoni”, l-Artikolu 9 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-oġġetti indikati fil-punti (a) sa (d), inklużi kopji tagħhom, bil-bejgħ jew b’xi mod ieħor, minn hawn ’il quddiem ‘id-dritt ta’ distribuzzjoni’:

[...]

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, rigward l-iffissar tax-xandiriet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 7(2).

2.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux ikun eżawrit fi ħdan il-Komunità rigward oġġett kif imsemmi fil-paragrafu 1, ħlief fejn l-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

3.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kapitolu 1, b’mod partikulari l-Artikolu 1(2).

4.   Id-dritt ta’ distribuzzjoni jista’ jkun trasferit, assenjat jew suġġett għall-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali.”

9

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115 jiddefinixxi l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu limiti għal dawn id-diversi drittijiet.

10

Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, “[i]l-protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandha tħalli integra u m’għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.”

Id-Direttiva 93/83/KEE

11

Id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir huma wkoll irregolati mid-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas‑27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134).

12

Taħt it-titolu “Tifsiriet”, l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu li:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita’ tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.”

13

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jirreferi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/100, sussegwentement ikkodifikata u mħassra bid-Direttiva 2006/115, għal dak li jikkonċerna d-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir għall-finijiet tal-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita. L-Artikolu 4(2) jippreċiża li, għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-espressjoni “xandir permezz ta’ mezzi bla cable [bla fili]” użata f’din id-direttiva tal-aħħar għandha tkopri wkoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita.

14

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/83 jipprovdi li “[l-p]rotezzjoni ta’ jeddijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur taħt din id-Direttiva għandhom iħallu intatt u m’għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-protezzjoni tal-drittijiet ta’ l-awtur.”

Id-Direttiva 2001/29/KE

15

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tirregola wkoll id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

16

Taħt it-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

[...]

(e)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

17

Taħt it-titolu “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[...]

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

18

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jippreċiża l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limiti għad-dritt ta’ riproduzzjoni.

19

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 jirregola l-“[o]bbligi rigward miżuri teknoloġiċi”.

20

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jirregola l-“[o]bbligi rigward informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet”.

21

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat: “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

Id-Direttiva 2004/48/KE

22

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li hija “tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

23

Skont l-Artikolu 2(3)(ċ) ta’ din id-direttiva, din ma taffettwax “id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri relatati ma’ proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

Id-Direttiva 2006/116/KE

24

Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12), li kkodifikat u ħassret lid-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad‑29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141), tipprodvi fl-Artikolu 3(4) tagħha li:

“Id-drittijiet ta’ l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu 50 sena wara l-ewwel trasmissjoni ta’ xandira, sew jekk din ix-xandira tkun trasmessa bil-fili jew bl-ajru, inklużi bil-cable jew satellita.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

In-negozjati għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir

25

Fil‑11 ta’ Settembru 2002, il-Kunsill tal-Ewropea adotta r-Rakkomandazzjoni Rec(2002)7 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-2002”).

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2008, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropea ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Media u s-Servizzi ġodda ta’ Komunikazzjoni biex jeżamina kemm kien fattibbli r-rinfurzar ta’ dawn id-drittijiet. Fil‑25 ta’ Settembru 2008, il-Grupp ad-hoc tal-valutazzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir fassal memorandum dwar il-possibbiltà ta’ konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar din il-protezzjoni (iktar ’il quddiem il-“Memorandum tal-2008”).

27

L-imsemmi memorandum jinkludi anness intitolat “Lista ta’ kwistjonijiet possibbli li għandhom jiġu eżaminati waqt il-preparazzjoni ta’ strument legali ġdid”, li l-kontenut tiegħu huwa dan li ġej:

“I.

Dispożizzjonijiet introduttivi u ġenerali

Relazzjoni ma’ konvenzjonijiet u trattati oħrajn

Obbligi eżistenti

Obbligi futuri

Relazzjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati dwar ix-xandiriet

Definizzjonijiet

Punti ta’ konnessjoni

Trattament nazzjonali

II.

Kontenut tal-protezzjoni

Dritt ta’ ffissar

Dritt ta’ riproduzzjoni

Dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid

Dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni

Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

Dritt ta’ distribuzzjoni

Protezzjoni relatata mas-sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir

Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet

Tul tal-protezzjoni

Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi

Obbligi rigward l-informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet

Infurzar tad-drittijiet

III.

Dispożizzjonijiet finali”.

28

Fid-dawl tal-Memorandum tal-2008, il-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Media u s-Servizzi ġodda ta’ Komunikazzjoni ddeċieda, fis‑27 ta’ Mejju 2009, li japprova l-mandat tal-Grupp ta’ konsulenza ad-hoc dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, imbagħad, matul il-laqgħa tiegħu tal‑20 sat‑23 ta’ Ottubru 2009, iddeċieda li jkompli l-ħidma dwar it-tfassil ta’ konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar din il-protezzjoni.

29

Qabel ma ġie fformat l-imsemmi grupp, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni fit‑28 u d‑29 ta’ Jannar 2010 sabiex tiġi ppreparata l-ħidma futura ta’ dan l-istess grupp. B’riżultat ta’ din il-laqgħa tfassal rapport (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal‑2010”).

Id-deċiżjoni kkontestata

30

Fid‑9 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rakkomandazjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizzaha tinnegozja l-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

31

Fid‑19 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill, adottaw id-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2011.

32

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi dan li ġej:

“Il-Kunsill [...]u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’laqgħa ġewwa l-Kunsill,

Wara li kkunsidraw it-[Trattat FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni [...],

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tieħu sehem, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u li dwarhom l-Unjoni adottat regoli.

(2)

L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem f’isimhom f’dawk in-negozjati biss sakemm materji li jinqalgħu matul in-negozjati jkunu jaqgħu fil-kompetenza tagħhom. Bil-għan li tkun żgurata l-għaqda tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati,

adottaw din id-deċiżjoni:

Artikolu 1

1.

Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata tieħu sehem fin-negozjati għall-adozzjoni ta’ Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u tmexxi dawn in-negozjati f’isem l-Unjoni dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u li dwarhom l-Unjoni adottat regoli, f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Proprjetà Intellettwali (Drittijiet tal-Awtur) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Speċjali”).

2.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati inkwistjoni skont id-direttivi dwar negozjar li jinsabu fl-Anness ma’ din id-deċiżjoni u/jew skont pożizzjonijiet miftiehma tal-Unjoni stabbiliti speċifikament għall-finijiet ta’ dawn in-negozjati fil-Kumitat Speċjali.

3.

Fejn is-suġġett tan-negozjati jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-Presidenza għandha tieħu sehem b’mod sħiħ fin-negozjati u għandha tmexxihom f’isem l-Istati Membri abbażi ta’ pożizzjoni komuni miftiehma minn qabel. Fejn ma tkunx tista’ tintlaħaq pożizzjoni komuni miftiehma, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jitkellmu u jivvotaw dwar il-materja inkwistjoni b’mod indipendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4.

4.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati, bil-għan li l-mira tkun għall-għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

5.

Il-Kummissjoni u/jew il-Presidenza għandhom jiżguraw li dokumenti relatati man-negozjati jkunu ċċirkulati mal-Istati Membri fi żmien xieraq. Huma għandhom jirrapportaw lill-Kunsill u/jew lill-Kumitat Speċjali b’mod miftuħ u trasparenti dwar ir-riżultat tan-negozjati qabel u wara kull sessjoni ta’ negozjar u, fejn ikun jixraq, dwar kull problema li tista’ tinqala’ matul in-negozjati.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33

L-anness tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi d-direttivi dwar negozjar kif ġej:

“1.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-abbozz tal-konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir propost mill-Kunsill tal-Ewropa jkun fih dispożizzjonijiet xierqa li bihom l-Unjoni [...] tkun tista’ ssir Parti Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni.

2.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati b’mod li tiżgura li d-dispożizzjonijiet ippjanati jkunu kompatibbli mad-Direttiva 2006/115 […], id-Direttiva 2006/116 […] id-Direttiva 93/83 […] u d-Direttiva 2001/29 […] u mal-impenji meħudin mill-Unjoni [...] u mill-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-[Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ] konkluż taħt l-awspiċji tad-WTO.

3.

Dawn id-direttivi dwar negozjar jistgħu jkunu adottati skont il-progress li jsir matul in-negozjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34

Skont dikjarazzjoni dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, matul il-proċedura kollha li wasslet għal din l-adozzjoni l-Kummissjoni sostniet li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dan il-qasam u opponiet l-adozzjoni ta’ “att ibridu”, adottat mill-Kunsill u mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall‑ispejjeż.

37

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑14 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, filwaqt li l-Parlament Ewropew ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

38

Mingħajr ma qajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk ir-rikors, sa fejn huwa parzjalment dirett kontra deċiżjoni adottata mir-Rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kwalità ta’ rappreżentanti tal-Gvern tagħhom, u mhux ta’ membri tal-Kunsill, jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja previst fl-Artikolu 263 TFUE.

39

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament għandu jkun possibbli fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill imsejħa “ERTA”, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; Il-Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 13, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 44).

40

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, li tipproduċi effetti ġuridiċi fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE.

41

Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata tgħaqqad flimkien l-awtorizzazzjonijiet għal negozjati mogħtija lill-Kummissjoni, minn naħa, u lill-Istati Membri kif ukoll lill-President tal-Kunsill, min-naħa l-oħra, isegwi neċessarjament li l-Kunsill ipparteċipa għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni waħda jew tat-tnejn li huma. Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

Fuq il-mertu

42

Il-Kummissjoni tressaq erba’ motiv insostenn tar-rikors tagħha.

43

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 2(2) TFUE u 3(2) TFUE. It-tliet motivi l-oħrajn, invokati indipendentement min-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenzi tal-Unjoni f’dan il-każ, huma bbażati, rispettivament: it-tieni wieħed fuq ksur tal-proċeduri u tal-kundizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tan-negozjati tal-ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni, it-tielet wieħed fuq ksur tar-regoli tal-votazzjoni tal-Kunsill previsti fl-Artikolu 218(8) TFUE u r-raba’ wieħed fuq il-ksur tal-għanijiet iddefiniti fit-Trattati FUE u UE kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13 TUE.

Fuq l-ewwel motiv

– L-argumenti tal-partijiet

44

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li skont il-ġurisprudenza żviluppata mis-sentenza ERTA (EU:C:1971:32), fil-preżent ikkodifikata fl-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva meta, bħal f’dan il-każ, l-impenji internazzjonali jaqgħu, għall-inqas fil-parti l-kbira tagħhom, fil-qasam tal-applikazzjoni ta’ regoli komuni li hija stabbiliet.

45

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni u l-Parlament isostnu li n-negozjati fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom ikunu bbażati, b’mod partikolari, fuq l-acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam. Filwaqt li eżaminaw id-diversi elementi identifikati fl-anness tal-Memorandum tal‑2008, huma esponew ir-raġunijiet għaliex dawn in-negozjati jirriskjaw li jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni fl-imsemmi qasam, inklużi meta huma jirrigwardaw elementi li dwarhom huwa previst, fi kliem l-imsemmi memorandum, li jmorru lil hinn minn dan l-acquis.

46

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, meta korp ta’ drittijiet stabbilit progressivament mid-dritt tal-Unjoni jilħaq, bħal f’dan il-każ, stadju avvanzjat u li l-ftehim internazzjonali previst jkun intiż sabiex jikkonsolida jew, l-iktar l-iktar, itejjeb b’mod marġinali l-protezzjoni tad-detenturi kkonċernati dwar l-aspetti periferiċi li bħalissa ma humiex koperti minn dan id-dritt, l-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklużiva.

47

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt mill-Parlament, issostni li l-Unjoni adottat korp ta’ regoli konsistenti, li jmorru lil hinn mis-sempliċi bżonnijiet minimi, li jirregolaw id-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-fatt li dawn ir-regoli ma jikkostitwixxux armonizzazzjoni kompleta u jħallu f’idejn l-Istati Membri sabiex jirregolaw ċerti aspetti tal-qasam ikkonċernat ma jipprekludix li l-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam ikollha natura esklużiva.

48

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, bħal dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mill-korp konsistenti u ekwilibrat ta’ regoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, intiż li jżomm l-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni f’dan il-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-rabta mill-qrib li teżisti bejn id-drittijiet u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u dawk ta’ detenturi oħrajn ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kwalunkwe bidla fid-drittijiet ta’ wieħed mill-gruppi tkun tali li tinfluwenza l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fl-intier tagħhom.

49

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit, isostni li l-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa taqa’ f’qasam ta’ kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jiġifieri dak tas-suq intern, li jinkorpora l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Konsegwentement, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikunu involuti fin-negozjati futuri billi jikkooperaw mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-proċess sabiex jiżguraw l-unità tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni. Dan huwa preċiżament l-għan tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Il-Kunsill u l-imsemmija Stati Membri jsostnu li l-fatt li parti, anki waħda sinjifikattiva, tal-ftehim internazzjonali previst taqa’ taħt qasam kopert mir-regoli komuni tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tinnegozja dan il-ftehim hija ta’ natura esklużiva. Tali konklużjoni tkun tista’ tinsilet biss wara analiżi preċiża u konkreta tan-natura u tal-kontenut tar-regoli tal-Unjoni kkonċernati kif ukoll tar-relazzjoni bejn dawn ir-regoli u l-ftehim previst, li turi li dan tal-aħħar jista’ jaffettwa l-imsemmija regoli jew li jbiddlilhom il-portata tagħhom.

51

Dawn l-istess partijiet isostnu wkoll li l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE għandha tinqara’ flimkien mal-Protokoll (Nru 25) dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattati UE u FUE.

52

Il-Kunsill, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit jgħidu wkoll li l-firmatarji tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE, kellhom l-intenzjoni jikkodifikaw il-ġurisprudenza li żviluppat minn meta ngħatat is-sentenza ERTA (EU:C:1971:32), kif iċċarata mill-Opinjoni 1/03 (EU:C:2006:81), billi rrifjutaw li jistabbilixxu l-kriterju ta’ “qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa ġa kopert bir-regoli tal-Unjoni”, applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fl-Opinjoni 2/91 tagħha (EU:C:1993:106) u fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑467/98, EU:C:2002:625).

53

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit jikkontestaw il-fatt li l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva f’dan il-każ.

54

F’dan ir-rigward, huma jsostnu, fl-ewwel lok, li l-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa tista’ tmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni fuq tliet elementi.

55

L-ewwel nett, din il-konvenzjoni futura tista’ tistabbilixxi dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir f’dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni tax-xandiriet tagħhom lill-pubbliku barra mill-postijiet aċċessibbli għalih permezz tal-ħlas ta’ tariffa ta’ dħul, minkejja li tali dritt esklużiv ma huwiex irrikonoxxut lill-imsemmija organizzazzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni.

56

It-tieni nett, hija tista’ tirregola l-protezzjoni ta’ sinjali qabel it-trażmissjoni tagħhom lill-pubbliku (iktar ’il quddiem is-“sinjali ta’ qabel it-trażmissjoni”), minkejja li din il-protezzjoni ma hija s-suġġett ta’ ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-drittijiet mogħtija mir-regoli tal-Unjoni lill-awturi fuq ix-xogħlijiet tagħhom ma jkoprux id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir fuq tali sinjali.

57

It-tielet nett, in-negozjati dwar il-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa jistgħu jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ miżuri kriminali intiżi sabiex jinfurzaw id-drittijiet inkwistjoni, minkejja li tali miżuri ma humiex koperti mir-regoli komuni tal-Unjoni.

58

Ir-Repubblika tal-Polonja żżid tgħid li huwa wkoll possibbli li din il-konvenzjoni futura tinkludi definizzjoni tal-“organizzazzjonijiet tax-xandir” li tkun usa’ minn dik tad-dritt tal-Unjoni sabiex tkopri ix-xandara fuq l-internet jew dawk “simulcasting”.

59

Bħar-Renju Unit hija barra minn hekk issostni li bħalissa ebda regola komuni tal-Unjoni ma tagħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir dritt esklużiv ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-fili.

60

Il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit isostnu wkoll li l-fatt li tiġi aċċettata kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, minkejja l-assenza ta’ regoli komuni ta’ din tal-aħħar, għar-raġuni li l-ftehim internazzjonali kkonċernat jestendi biss b’mod marġinali korpi ta’ regoli progressivament stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, iwassal għal estensjoni illegali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE u jolqot il-prinċipju ta’ attribuzzjoni.

61

Fit-tieni lok, il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit isostnu li fil-konfront tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-dritt tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni minima, ifframmentata u awżiljarja għall-protezzjoni ta’ drittijiet oħrajn ta’ proprjetà intellettwali.

62

Fit-tielet lok, il-Kunsill, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit isostnu li r-regoli tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati minbarra dawk tal-organizzazzjonijiet tax-xandir huma rrilevati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat f’dan il-każ. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, id-differenza fundamentali li teżisti, minn perspettiva storika kif ukoll f’termini ta’ natura u ta’ suġġett tal-protezzjoni, bejn id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tal-imsemmija organizzazzjonijiet.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tisħiħ tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija organizzazzjonijiet ma jkunx tali li jaffettwa l-bilanċ ġenerali tal-protezzjoni tad-detenturi l-oħrajn ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u lanqas l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet minn dawn id-detenturi l-oħrajn.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

L-ewwel motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE.

65

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fost id-diversi każijiet ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni previsti minn din id-dispożizzjoni, hija biss dik imsemmija fl-aħħar parti tas-sentenza tagħha, u li tikkorrispondi għas-sitwazzjoni li fiha l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”, li hija rilevanti f’dan il-każ.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kliem użat f’din l-aħħar parti tas-sentenza jikkorrispondi għal dak li bih il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet, fil-punt 22 tas-sentenza ERTA (EU:C:1971:32), in-natura tal-impenji internazzjonali li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jieħdu barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta regoli komuni tal-Unjoni jkunu ġew adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat.

67

Dan il-kliem għandu, konsegwentement, jiġi interpretat fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti fir-rigward tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ERTA (EU:C:1971:32) u fil-ġurisprudenza żviluppata minn meta ngħatat din is-sentenza.

68

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li r-regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn ir-regoli, li jkun tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ERTA, EU:C:1971:32, punt 30, u Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, EU:C:2002:625, punt 82).

69

Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippresupponix li l-qasam kopert bl-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jaqblu kompletament (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punt 126).

70

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament, il-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn tali impenji anki meta dawn tal-aħħar ikunu jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli (Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punt 25; is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, EU:C:2002:625, punt 82, kif ukoll l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punti 120 u 126).

71

Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu tali impenji barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u dan anki fl-assenza tal-possibbiltà li jkun hemm kontradizzjonijiet bejnhom u r-regoli komuni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punti 25 u 26, kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, EU:C:2002:625, punt 82).

72

L-analiżi preċedenti ma hijiex invalidata mill-argument tal-Kunsill, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit ibbażat fuq perspettiva allegatament iktar restrittiva, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fil-qasam tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

73

Fil-fatt, il-Protokoll (Nru 25) dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, invokat insostenn ta’ dan l-argument, li l-uniku artikolu tiegħu jipprovdi li, “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni fċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”, jikkonċerna biss, hekk kif jirriżulta minn kliemu stess, l-Artikolu 2(2) TFUE u mhux l-Artikolu 3(2) TFUE. Għaldaqstant huwa jfittex li jippreċiża l-portata tal-eżerċizzju mill-Unjoni ta’ kompetenza kondiviża mal-Istati Membri li ngħatatilha mit-Trattati, u mhux li jillimita l-portata tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2) TFUE, kif iċċarat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq.

74

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li peress li l-Unjoni għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, l-eżistenza ta’ kompetenza, speċjalment ta’ natura esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi konkreta tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, li minnha jirriżulta li tali ftehim jista’ jaffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew ibidlilhom il-portata tagħhom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03, EU:C:2006:81, punt 124).

75

Konformement mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, għall-finijiet ta’ tali analiżi, huwa l-obbligu tal-parti kkonċernata li tipprovdi l-elementi li jistgħu jistabbilixxu n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li fuqha hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha.

76

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħti l-ebda dettall dwar il-kontenut tan-negozjati għall-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. Hija lanqas ma tidentifika l-elementi minn dawn in-negozjati li, skont kliem l-Artikolu 1(1) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u dawk li, skont kliem l-Artikolu 1(3) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tan-negozjati previsti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-analiżi preżenti, ir-Rakkomandazzjoni tal-2002, il-Memorandum tal-2008 u r-Rapport tal-2010, li ddaħħlu fil-proċess mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel motiv tagħha u li dwarhom l-ebda parti ma kkontestat li jipprovdu l-iktar indikazzjonijiet rilevanti reċenti f’dan ir-rigward.

78

Għal dak li jirrigwarda l-qasam ikkonċernat f’dan il-każ, dawn id-dokumenti tal-Kunsill tal-Ewropa jindikaw li n-negozjati inkwistjoni huma intiżi għall-adozzjoni ta’ konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

79

Kif jirriżulta mid-Direttivi 93/83, 2001/29, 2004/48, 2006/115 u 2006/116, l-imsemmija drittijiet huma koperti, fid-dritt tal-Unjoni, minn qafas legali armonizzat li jfittex, b’mod partikolari, li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li, billi integra ċertu numru ta’ żviluppi marbuta ma’ sfidi teknoloġiċi, mal-qafas diġitali l-ġdid u mal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, stabbilixxa sistema ta’ protezzjoni għolja u uniformi favur organizzazzjonijiet tax-xandir b’rabta max-xandiriet tagħhom.

80

Minn dan isegwi li l-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, li hija s-suġġett tan-negozjati tal-Kunsill tal-Ewropa, għandha titqies bħala l-qasam rilevanti għall-finijiet tal-analiżi preżenti.

81

Il-fatt li l-imsemmi qafas legali armonizzat ġie stabbilit minn diversi strumenti legali li jirregolaw ukoll drittijiet oħrajn ta’ proprjetà intellettwali ma huwiex tali li jimmina l-fondatezza ta’ dan l-aproċċ.

82

L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju li regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati jew li l-portata tagħhom tiġi mibdula, minn impenji internazzjonali ma tistax, fil-fatt, tiddependi fuq distinzjoni artifiċjali bbażata fuq il-preżenza jew le ta’ tali regoli fl-uniku u l-istess strument tad-dritt tal-Unjoni.

83

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari fil-punti 27 u 29 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598), li l-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis, li hija s-suġġett tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza bħala “qasam”, minkejja l-fatt li r-regoli rilevanti tal-Unjoni kienu inklużi f’diversi strumenti legali.

84

Wara li l-qasam ikkonċernat ġie kkjarifikat, għandu jiġi rrilevat li, skont id-diversi siltiet tal-Memorandum tal-2008, jiġifieri l-punti 49, 52, 57 u 78 tiegħu, il-konvenzjoni inkwistjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tkun ibbażata fuq l-acquis tal-Unjoni, li taħtu jaqa’ b’mod ġenerali d-dritt sostantiv tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari dak relatat mal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

85

Kif jammettu l-Kunsill u l-Istati Membri li intervenew insostenn tiegħu, ħafna mill-elementi tan-negozjati previsti, li huma msemmija fuq il-lista li tinsab fl-anness tal-Memorandum tal-2008, huma effettivament diġà koperti mir-regoli komuni tal-Unjoni.

86

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-elementi identifikati taħt it-Titolu I ta’ din il-lista, huwa minnu li r-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-kunċett ta’ “organizzazzjonijiet tax-xandir”, għall-finijiet tal-konvenzjoni futura inkwistjoni, tista’ tiġi ddefinita f’sens wiesa’ b’mod li jestendi għax-xandara fuq l-internet jew dawk “simulcasting”.

87

Madankollu, indipendentement mill-punt dwar jekk, fil-kuntest tat-teknoloġiji diġitali ġodda, ir-riferiment għax-xandiriet trażmessi permezz ta’ fili jew bl-ajru, inkluż fl-Artikoli 2 u 3(2)(d) tad-Direttiva 2001/29, fl-Artikoli 7(2) u 9(1)(d) tad-Direttiva 2006/115 kif ukoll fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2006/116, jippermettix li jinkorpora tali xandara fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam ikkunsidrat, fi kwalunkwe każ ma hemmx dubju, kif issostni l-Kummissjoni, li negozjati li jfittxu li b’xi mod jew ieħor jinkorporaw dawn ix-xandara fil-kamp tal-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni, għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, ta’ definizzjoni tal-“organizzazzjonijiet tax-xandir” f’termini “teknoloġikament newtrali”, bħalma jissuġġerixxi l-punt 13 tar-Rapport tal-2010, ikollhom effett orizzontali fuq il-portata tar-regoli komuni kollha tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ tali organizzazzjonijiet.

88

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda elementi identifikati taħt it-Titolu II tal-lista li tinsab fl-anness tal-Memorandum tal-2008, huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawk relatati mad-dritt tal-iffissar, mad-dritt ta’ riproduzzjoni, mad-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mad-dritt ta’ distribuzzjoni, mal-limiti u mal-eċċezzjonijiet għal dawn id-drittijiet, mat-tul tal-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet, mal-obbligi dwar il-miżuri teknoloġiċi u dawk dwar l-informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet, jaqgħu taħt ir-regoli komuni tal-Unjoni u li n-negozjati fuq dawn l-elementi jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-portata ta’ dawn ir-regoli komuni.

89

Min-naħa l-oħra, jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward erba’ elementi msemmija taħt dan it-Titolu II, jiġifieri d-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, il-protezzjoni tas-sinjali ta’ qabel ix-xandir u l-osservanza tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

90

Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, id-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit isostnu li d-dritt tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni minima inkwantu huwa jkopri biss, skont il-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, ix-xandir mill-ġdid b’mezzi mingħajr fili. Madankollu, in-negozjati inkwistjoni jistgħu jirriżultaw fl-istabbiliment favur l-organizzazzjonijiet tax-xandir dritt esklużiv ta’ trażmissjoni mill-ġdid anki permezz ta’ fili, b’mod partikolari bl-internet.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 ma jikkonċernax sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ikkonstatata fil-punti 18 u 21 tal-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva minħabba n-natura ta’ rekwiżiti minimi kemm tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ta’ dawk tal-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti portata materjali preċiża lid-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid fid-dritt tal-Unjoni, billi tillimitah għat-trażmissjoni mill-ġdid b’mezzi mingħajr fili.

92

Hekk kif issostni l-Kummissjoni, negozjati min-naħa tal-Kunsill tal-Ewropa li, bħalma jissuġġerixxi l-punt 54 tal-Memorandum tal-2008, ifittxu li jestendu dan id-dritt għat-trażmissjoni mill-ġdid permezz ta’ fili jew bl-internet, jistgħu għaldaqstant ibiddlu l-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid.

93

Barra minn hekk, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, id-dritt tal-organizzazzjonijiet tax-xandir fil-qasam tat-trażmissjoni mill-ġdid permezz ta’ fili huwa diġà parzjalment kopert, bħala tali, minn regoli komuni tal-Unjoni minħabba l-interazzjoni li teżisti bejn id-diversi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li minnu jgawdu, taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-organizzazzjonijiet tax-xandir televiżiv terrestri fuq ix-xandiriet tagħhom protetti mid-drittijiet tal-awtur ikopri d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jirrifjutaw it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ dawn ix-xogħlijiet minn organizzazzjoni oħra permezz tal-internet.

94

It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, il-Kunsill u diversi Stati Membri li intervenew insostenn tiegħu jsostnu li n-negozjati inkwistjoni jistgħu jmorru lil hinn mill-acquis tal-Unjoni billi jestendu, b’differenza mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006115, il-portata ta’ dan id-dritt barra minn postijiet aċċessibbli għall-pubbliku billi titħallas tariffa tad-dħul.

95

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li la l-Memorandum tal-2008 u lanqas ir-Rapport tal‑2010 ma jinkludu indikazzjonijiet f’dan is-sens u li, min-naħa tagħhom, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti ma pprovdew l-ebda element li jsostni l-allegazzjonijiet tagħhom.

96

Bil-kontra ta’ dan, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 u, partikolarment tal-punt f) tat-taqsima “Drittijiet li għandhom jingħataw” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tinsab fl-anness ta’ din ir-rakkomandazzjoni kif ukoll tal-punt 24 tal-memorandum ta’ spjega ta’ din tal-aħħar, il-portata tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku hija mfassla fuq dik li hija prevista fl-Artikolu 13(d) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tillimitaha għall-postijiet aċċessibbli għall-pubbliku billi titħallas tariffa tad-dħul.

97

It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tas-sinjali ta’ qabel it-trażmissjoni, huwa minnu li l-Kunsill u diversi Stati Membri li intervenew insostenn tiegħu, ġustament josservaw li l-organizzazzjonijiet tax-xandir ma jibbenefikawx, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, minn protezzjoni li tirrigwarda dawn is-sinjali bħala tali, filwaqt li, skont il-punti 41 sa 43 u 54 tal-Memorandum tal-2008 u l-punt 14 tar-Rapport tal-2010, in-negozjati inkwistjoni jistgħu jirriżultaw fl-istabbiliment ta’ tali protezzjoni minħabba l-vulnerabbiltà tal-imsemmija sinjali fir-rigward ta’ atti ta’ approprjazzjoni jew ta’ użu mhux awtorizzati.

98

Madankollu, waħda mis-soluzzjonijiet, irrilevata mill-Kummissjoni, li, skont il-punt 43 tal-Memorandum tal-2008, hija ppreżentata bħala waħda li għandha tiġi kkunsidrata, jiġifieri t-tkabbir tal-kunċett ta’ “xandiriet” għas-sinjali ta’ qabel it-trażmissjoni b’mod li jinkorpora lil dawn tal-aħħar fil-kamp tal-protezzjoni tad-diversi drittijiet irrikonoxxuti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, tista’ mingħajr dubju tbiddel b’mod orizzontali l-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam ikkunsidrat.

99

Għal dak li jirrigwarda s-soluzzjonijiet oħrajn possibbli invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-introduzzjoni ta’ protezzjoni legali sui generis tas-sinjali ta’ qabel it-trażmissjoni jew l-applikazzjoni għal dawn tal-aħħar tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ miżuri tekniċi, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ riferiment għalihom fil-Memorandum tal-2008 jew fir-Rapport tal-2010, u peress li l-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti ma sostnewx l-allegazzjonijiet tagħhom permezz ta’ element kwalunkwe, f’dan l-istadju huma jidhru ipotetiċi u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu rilevanti sabiex jiddeterminaw in-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-każ.

100

Ir-raba’ nett, għal dak li jikkonċerna l-osservanza tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, il-Kunsill u diversi Stati Membri li intervenew insostenn tiegħu, mingħajr ma jikkontestaw li s-sanzjonijiet u l-azzjonijiet legali f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet huma rregolati, fid-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll minn korp ta’ regoli komuni inklużi fid-Direttiva 2004/48, isostnu madankollu li n-negozjati inkwistjoni jistgħu jirriżultaw fl-introduzzjoni, bil-kontra tar-regoli tal-Unjoni, tal-obbligu għall-partijiet kontraenti li jadottaw sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ tali ksur.

101

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li la l-Memorandum tal-2008 u lanqas ir-Rapport tal-2010 ma jinkludu indikazzjonijiet f’dan is-sens, u li l-allegazzjonijiet riprodotti fil-punt preċedenti ma ġew sostnuti minn ebda element relatat man-negozjati li għandhom isiru fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.

102

Mill-analiżi preċedenti, jirriżulta li l-kontenut tan-negozjati għall-konklużjoni ta’ konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, kif definit mir-Rakkomandazzjoni tal-2002, il-Memorandum tal-2008 u r-Rapport tal‑2010, jaqa’ f’qasam kważi kollu kopert minn regoli komuni tal-Unjoni u li dawn in-negozjati jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddlu l-portata tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmija negozjati jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

103

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE.

Fuq it-tieni sar-raba’ motiv

104

Peress li l-ewwel motiv huwa fondat, hemm lok, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha.

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li Stati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit kif ukoll il-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 2011, dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha f’negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir hija annullata.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.