SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-penali finanzjarji — ‘Qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ — L-'Unabhängiger Verwaltungssenat’ fid-dritt Awstrijak — Natura u estensjoni tal-istħarriġ mill-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑60/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Vrchní soud v Praze (Ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2012, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarja maħruġa kontra

Marián Baláž

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Borg Barthet, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, A. Arabadjiev, C. Toader (Relatur), u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u P. Cede, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u K. Ahlstrand-Oxhamre, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finazjarji (ĠU L 76, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw l-irkupru ta’ multa imposta fuq M. Baláž, ċittadin Ċek, minħabba ksur tat-traffiku mwettaq minnu fl-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedu:

“(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis- 16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[...]

(4)

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.

(5)

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha. [...]”

4

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]:

(a)

‘deċiżjoni’ tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[...]

iii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

[...]

(b)

‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

i)

somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

[...]

(ċ)

‘Stat emittenti’ tfisser l-Istat Membru li fih ġiet mogħtija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas];

(d)

‘Stat ta’ esekuzzjoni’ tfisser l-Istat Membru li lilu ġiet trasmessa deċiżjoni għall-iskop ta’ infurzar;”

5

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Drittijiet fondamentali”, jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.”

6

L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi t-trażmissjoni ta’ deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat fil-forma stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas, lil “Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha”.

7

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “l-ambitu ta’ applikazzjoni” jelenka l-ksur li għalihom deċiżjonijiet huma rikonoxxuti u eżegwiti skont id-Deċiżjoni Qafas. B’mod partikolari l-parti B ta’ dan l-artikolu tipprovdi li:

“Ir-reati [il-ksur] li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[...]

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq [...]”

8

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, jistabbilixxi:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

9

Skont l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva Qafas:

“2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ [...] tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

[...]

(g)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna konernata, fil-każ ta’ proċedura bil-miktub, ma kinitx, skond il-liġi tal-Istat emittenti, infurmata personalment jew permezz ta’ rappreżentant, kompetenti skond il-liġi nazzjonali, tad-dritt tagħha li tikkontesta l-każ u bil-limiti ta’ żmien għal tali rimedju legali;

[...]

(i)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna ma dehritx personalment fil-kawża li tirriżulta fid-deċiżjoni, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna, skond aktar ħtiġiet proċedurali definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti:

(i)

fi żmien debitu,

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(ii)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(iii)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

iddikjarat espressament li hija ma kkontestatx id-deċiżjoni;

jew

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

[...]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(c), (g), (i) u (j), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

10

L-Artikolu 20(3) u (8) tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi:

“3.   Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.

[...]

8.   Kwalunkwe Stat Membru li applika l-paragrafu 3 f’sena kalendarja, għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena kalendarja sussegwenti, bil-każijiet li fihom ġew applikati r-raġunijiet msemmija f’dik id-dispożizzjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni.”

Id-dritt Ċek

11

Id-dritt Ċek jipprovdi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ penali finanzjarji imposti mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor barra r-Repubblika Ċeka skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. L-Artikolu 460o(1) ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tal-qrati Ċeki mogħtija fil-kawża prinċipali (Liġi Nru 141/1961 dwar il-proċedura kriminali ġudizzjarja, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom japplikaw għall-proċedura għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza finali dwar reat jew xi ksur ieħor, jew ta’ deċiżjoni mogħtija abbażi tagħha, jekk tingħata skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea [...],

a)

li timponi penali finanzjarja,

[...]

jekk tkun mogtħija minn qorti tar-Repubblika Ċeka fi proċeduri kriminali […], jew minn qorti ta’ Stat Membru ieħor […] fi proċeduri kriminali jew minn awtorità amministrattiva ta’ tali Stat, sakemm id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva dwar reat jew ksur ta’ liġi ieħor tkun suġġetta għal appell li jinstema’ minn qorti li jkollha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali […]”.

12

L-Artikolu 460r tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jaqra kif ġej:

“(1)   Wara li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-prosekutur pubbliku, il-Krajský soud [qorti reġjonali] tiddeċiedi, b’sentenza mogħtija waqt seduta pubbliku, jekk id-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni [...] dwar penali finanzjarji jew multi fi flus, li kienet ippreżentata lilha mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat, tiġix rikonoxxuta u eżegwita jew jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jiġux miċħuda. Is-sentenza tiġi notifikata lill-persuna konċernata u lill-prosekutur pubbliku.

[...]

(3)   Il-Krajský soud tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni [...] fir-rigward ta’ penali finanzjarji u ta’ multi fi flus, imsemmija fil-punt 1, jekk

[...]

i)

ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni imorru kontra l-interessi tar-Repubblika Ċeka kif protetti fl-Artikolu 377,

[...]

(4)   Jekk tiġi kkonstatata r-raġuni għar-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni [...] fir-rigward ta’ penali finanzjarji u ta’ multi fi flus, imsemmija fil-punt 3(c)(i), il-Krajský soud, qabel ma tiddeċiedi li tiċħad ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, titlob għall-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jkunu adottaw id-deċiżjoni li tagħha qed tintalab ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari għall-finijiet li tikseb l-infirmazzjoni neċessarja kollha għad-deċiżjoni tagħha; jekk ikun il-każ, il-Krajský soud tista’ titlob lil dawn l-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdu minnufih id-dokumenti u l-informazzjoni addizzjonali neċessarja.”

Id-dritt Awstrijak

13

L-ordinament ġuridiku Awstrijak jiddistingwi bejn il-ksur li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tad-“dritt kriminali amministrattiv” u dawk li jiksru d-“dritt kriminali ġudizzjarju”. Fiż-żewġ każijiet, il-persuni akkużati bi ksur għandhom aċċess għal qorti jew tribunal.

14

Il-proċedura fir-rigward tal-ksur amministrattiv hija rregolata mil-Liġi Kriminali Amministrattiva (Verwaltungsstrafgesetz) 1991. Dawn il-ksur huma ttrattati, fl-ewwel istanza, mill-Bezirkshauptmannschaft (awtorità amministrattiva reġjonali, iktar ’il quddiem il-“BHM”). Wara l-eżawriment tar-rimedji quddiem l-awtorità amministrattiva, l-Unabhängiger Verwaltungssenat in den Ländern (iktar ’il quddiem l-“Unabhängiger Verwaltungssenat”) hija kompetenti bħala qorti ta’ appell.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

B’ittra tad-19 ta’ Jannar 2011, il-BHM Kufstein bagħtet lill-Krajský soud v Ústí nad Labem (qorti reġjonali ta’ Ústí nad Labem, ir-Repubblika Ċeka), talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2010 li timponi fuq M. Baláž penali finanzjarja għal ksur tal-kodiċi tat-traffiku. L-ittra kien fiha ċertifikat redatt bil-lingwa Ċeka, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, u d-“deċiżjoni ta’ kundanna” (“Strafverfügung”).

16

Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, fit-22 ta’ Ottubru 2009, M. Baláž, li kien qed isuq vettura tat-trasport tal-merkanzija artikolata u rreġistrata fil-Repubblika Ċeka, ma osservax, fl-Awstrija, is-sinjal “Ipprojbit dħul għal vetturi ta’ piż iktar minn 3.5 tunnellati”. Minħabba f’hekk, huwa ġie kkundannat iħallas multa ta’ EUR 220, miżjuda b’piena ta’ detenzjoni ta’ 60 siegħa fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fit-terminu previst.

17

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-ċertifikat maħruġ mill-BHM Kufstein semma’ li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet deċiżjoni minn awtorità tal-Istat emittenti li kinitx qorti, adottata minħabba atti li huma punibbli taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat emittenti sa fejn dawn jikkostitwixxu ksur tar-regoli ta’ dritt. Barra minn hekk, l-imsemmi ċertifikat kien jindika li l-persuna kellha l-opportunità li tressaq il-kawża quddiem qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari f’materji kriminali.

18

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fl-istess ċertifikat, din id-deċiżjoni saret finali u eżekuttiva fit-17 ta’ Lulju 2010. Fil-fatt, M. Baláž ma opponiex għal din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li hu kien mgħarraf, skont id-dritt tal-Istat emittenti, dwar id-dritt tiegħu li jippreżenta appell personalment jew permezz ta’ rappreżentant maħtur jew assenjat skont id-dritt intern.

19

Il-Krajský soud v Ústí nad Labem sejħet, għas-17 ta’ Mejju 2011, seduta pubblika għall-eżami tat-talba mressqa mill-BHM Kufstein. F’din is-seduta, ġie stabbilit b’mod partikolari li d-deċiżjoni ta’ kundanna meħuda mill-BHM Kufstein ġiet innotifikata lil M. Baláž fit-2 ta’ Lulju 2010, mill-Okresní soud v Teplicích (Qorti Distrettwali ta’ Teplice, ir-Repubblika Ċeka) bil-lingwa Ċeka u din kienet tinkludi riferiment għall-possibbiltà li ssir oppożizzjoni għal din id-deċiżjoni kemm bil-fomm, kif ukoll bil-miktub, inkluż elettronikament, f’terminu ta’ ġimgħatejn min-notifika, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu prodotti provi, fl-oppożizzjoni, għad-difiża tiegħu quddiem u li jippreżenta appell quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat.

20

Fi tmiem dawn il-proċeduri, peress li kkonstatat li M. Baláž ma kienx jeżerċita r-rimedju disponibbli (“Einspruch”), il-Krajský soud v Ústí nad Labem tat sentenza li fiha hija rrikonoxxiet l-imsemmija deċiżjoni u ddikjaratha eżekuttiva fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

21

Fis-6 ta’ Ġunju 2011, M. Baláž ressaq appell minn din is-sentenza quddiem il-Vrchní soud v Praze (Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa b’mod partikolari sostna, minn naħa, li d-data li tinsab fiċ-ċertifikat maħruġ mill-BHM Kufstein tista’ tiġi kkontestata, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar ma setgħetx tiġi eżegwita sa fejn din ma setgħetx tkun suġġetta għal appell quddiem qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali. Fil-fatt, skont M. Baláž, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tipprovdi biss għal appell kontra deċiżjoni dwar ksur tat-traffiku quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat u ma tippermettix għaldaqstant li l-kawża titressaq quddiem qorti kompetenti, b’mod partikolari fi kwistjonijiet kriminali.

22

F’dan ir-rigward, il-Vrchní soud v Praze għandha tevalwa jekk il-miżura adottata mill-BHM Kufstein hijiex deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 460o(1)(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, għaldaqstant, deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas. Jekk iva, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent tagħha u tal-eżekuzzjoni tagħha fit-territorju tar-Repubblika Ċeka humiex sodisfatti.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrchní soud v Praze ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Il-kunċett ta’ ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’, imsemmi fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [...] għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni [...]?

(2)

(a)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji ta’ definizzjoni ġenerali li għandha tissodisfa qorti fi Stat li, fuq inizjattiva tal-persuna interessata, tista’ tisma’ kawża rigward deċiżjoni adottata minn awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) sabiex tkun tista’ tikkwalifika bħala ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(b)

Jista’ l-Unabhängiger Verwaltungssenat autrichien [...] jitqies bħala ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(c)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat mill-awtorità kompetenti tal-Istat eżekutur skont id-dritt tal-Istat li l-awtorità tiegħu tkun adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, jew skont id-dritt tal-Istat li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni?

(3)

L-‘opportunità li jkollha l-każ deċiż’ minn ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas hija ggarantita wkoll meta l-persuna interessata ma tistax tikseb direttament l-eżami tal-kawża quddiem ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’, iżda li hija għandha fl-ewwel lok tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) permezz ta’ azzjoni, li trendi inapplikabbli d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, u għandha tinbeda proċedura ordinarja quddiem l-istess awtorità, u li hija biss kontra d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, meqjusa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ordinarja, li jista’ jiġi ppreżentat appell li fuqu tista’ tiddeċiedi ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’?

Fir-rigward tal-garanzija ta’ ‘opportunità li jkollha l-każ deċiż’, huwa neċessarju li tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni dwar jekk appell li jiġi deċiż minn ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ għandux in-natura ta’ appell ordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni li ma hijiex definittiva), jew appell straordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni definittiva), kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ għandhiex is-setgħa, abbażi ta’ dan l-appell, sabiex tipproċedi għal eżami komplet, kemm mil-lat fattwali kif ukoll minn dak ġuridiku?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda (a) u (b)

24

Bl-ewwel domanda tagħha u bit-tieni domanda (a) u (b), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, fl-affermattiv, liema huma l-kriterji rilevanti f’dan ir-rigward. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Unabhängiger Verwaltungssenat tikkwalifikax taħt dan il-kunċett.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvernijiet Olandiż u Svediż, u kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru.

26

Fil-fatt, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, dan il-kunċett, deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, jirrikjedi, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tinstab billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni li fiha tinsab u l-għan segwit minn din id-Deċiżjoni Qafas (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C-66/08, Ġabra p. I-6041, punti 41 u 42, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C-261/09, Ġabra p. I-11477, punt 38).

27

Kif jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 6 kif ukoll mill-premessi 1 u 2 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu effettiv għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod definittiv penali finanzjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika b’riżultat tat-twettiq ta’ wieħed mill-ksur elenkati fl-Artikolu 5.

28

Ċertament, meta ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, flimkien mid-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja, jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali ddefiniti fl-Artikolu 6 TUE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu tali deċiżjoni meta teżisti waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ infurzar elenkati fl-Artikolu 7(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll skont l-Artikolu 20(3) tagħha.

29

Fid-dawl tal-fatt li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, jimplika, skont l-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju marbuta li jirrikonoxxu deċiżjoni li timponi penali finanzjarja li tkun ġiet trażmessa skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr ebda formalità oħra rikjesta, u li mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha, ir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Tali interpretazzjoni iktar għandha tingħata peress li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni, hija akkumpanjata minn garanziji xierqa. Għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 20(8) tad-Deċiżjoni Qafas, Stat Membru li, matul sena kalendarja, applika l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas, huwa marbut li jinforma, fil-bidu tas-sena kalendarja sussegwenti, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni kienu applikati.

31

Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja inkwistjoni f’każ partikolari humiex sodisfatti, hija tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, qabel ma tiġbed il-konsegwenzi tal-evalwazzjonijiet magħmula fir-risposta tagħha minn din l-aħħar awtorità (ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1), is-sentenza Mantello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

32

F’dan il-kuntest regolatorju, għall-finijiet li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qorti” li hemm fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, din għandha tkun ibbażata fuq kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. F’dan is-sens, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni ta’ jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Rigward it-termini “kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” huwa veru li d-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 31(1)(a) UE u 34(2)(b) UE, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

34

Madankollu, skont l-Artikolu 5(1) tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas jinkludi l-ksur relatati mal-“kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq”. Issa, dawn il-ksur ma humiex suġġetti għal trattament uniformi fl-Istati Membri differenti, peress li xi wħud minnhom isejħulhom ksur amministrattivi, filwaqt li oħrajn jikkunsidrawhom bħala reati.

35

Isegwi li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas, għandha tingħata interpretazzjoni tat-termini “li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, li biha l-klassifikazzjoni tal-ksur mill-Istati Membri ma hijiex determinanti.

36

Sabiex isir dan, il-qorti kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika proċedura li tissodisfa l-karatteristiċi essenzjali ta’ proċeduri kriminali, mingħajr madankollu ma jkun rikjest li din il-qorti jkollha kompetenza esklużivament kriminali.

37

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Unabhängiger Verwaltungssenat tistax titqies li hija qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, għandha ssir evalwazzjoni globali tad-diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw dan il-korp u l-operat tiegħu.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, kif enfasizzat ġustament il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li korp bħall-Unabhängiger Verwaltungssenat għandu l-karatteristiċi rikjesti sabiex ikun rikonoxxut bħala li għandu l-kwalità ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, HI, C-258/97, Ġabra p. I-1405, punt 18).

39

Sussegwentement, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, għalkemm l-Unabhängiger Verwaltungssenat hija formalment stabbilita bħala awtorità amministrattiva indipendenti, skont l-Artikolu 51(1) tal-VStG, din hija madankollu kompetenti, fost affarijiet oħra, bħala istanza ta’ appell f’materja ta’ ksur amministrattiv, inklużi, b’mod partikolari, il-ksur tat-traffiku. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, li għandu effett sospensiv, hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa u tapplika għal proċedura ta’ natura kriminali li hija suġġetta għall-osservanza tal-garanziji proċedurali xierqa fi kwistjonijiet kriminali.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jinsabu, b’mod partikolari, fost il-garanziji proċedurali applikabbli, il-prinċipju nulla poena sine lege, previst fl-Artikolu 1 tal-VStG, il-prinċipju tal-ħtija biss f’każ ta’ kapaċità jew responsabbiltà kriminali, previst fl-Artikoli 3 u 4 tal-VStG u l-prinċipju tal-proporzjonalità tal-piena għar-responsabbiltà u għall-fatti, previst fl-Artikolu 19 tal-VStG.

41

Għaldaqstant l-Unabhängiger Verwaltungssenat għandha tiġi kklassifikata bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda (a) u (b), li l-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, imsemmi fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt dan il-kunċett kull qorti li tapplika proċeduri li jissodisfaw il-karatteristiċi essenzjali ta’ proċeduri kriminali. L-Unabhängiger Verwaltungssenat tissodisfa dawn il-kriterji u għandha, konsegwentement, titqies li hija taqa’ taħt l-imsemmi kunċett.

43

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda (a) u (b), ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda (c).

Fuq it-tielet domanda

44

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha titqies li hija kellha l-opportunità li tressaq il-kawża quddiem qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, fi kwistjonijiet kriminali, fil-każ fejn, qabel ma tippreżenta r-rikors tagħha, hija kienet marbuta li tosserva proċedura amministrattiva prekontenzjuża u jekk, f’dan ir-rigward, in-natura u l-estensjoni tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti kompetenti humiex rilevanti għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja.

45

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt ta’ appell huwiex iggarantit minkejja l-obbligu li tiġi osservata proċedura amministrattiva qabel il-kawża tinstema’ minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi enfasizzat, kif jagħmlu l-qorti tar-rinviju u l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas ma jirrikjedix li l-kawża għandha titressaq direttament quddiem tali qorti.

46

Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas tapplika wkoll għall-penali finanzjarji imposti minn awtoritajiet amministrattivi. Konsegwentement, kif ġie rrilevat ġustament mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tista’ tkun rikjesta, skont il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, li jkun hemm fażi amministrattiva minn qabel. Madankollu, l-aċċess għal qorti kompetenti, b’mod partikolari, f’materji kriminali, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, ma għandux jiġi suġġett għal kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C-69/10, Ġabra p. I-7151, punt 57).

47

Rigward, fit-tieni lok, l-estensjoni u n-natura tal-istħarriġ eżerċitat mill- qorti li tista’ tkun adita, din tal-aħħar għandha jkollha kompetenza sħiħa sabiex teżamina l-każ fir-rigward kemm tal-evalwazzjoni fid-dritt kif ukoll taċ-ċirkustanzi fattwali u għandha jkollha, b’mod partikolari, il-possibbiltà li teżamina l-provi u tistabbilixxi fuq din il-bażi r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata kif ukoll jekk il-penali hijiex adegwata.

48

It-tielet nett, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma għamlitx appell u li, għaldaqstant, il-penali finanzjarja inkwistjoni tkun saret finali, ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, peress li, skont din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna kkonċernata “kellha l-opportunità” sabiex tressaq il-kawża quddiem qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha titqies li hija kellha l-opportunità li tressaq il-kwistjoni quddiem qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, fi kwistjonijiet kriminali meta, qabel ma tressaq l-appell tagħha, din il-persuna kienet marbuta li tosserva proċedura amministrattiva prekontenzjuża. Tali qorti għandha tkun kompetenti b’mod sħiħ sabiex teżamina l-kawża fir-rigward kemm tal-evalwazzjoni fid-dritt kif ukoll taċ-ċirkustanzi fattwali.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, imsemmi fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt dan il-kunċett kull qorti li tapplika proċeduri li jissodisfaw il-karatteristiċi essenzjali ta’ proċeduri kriminali. L-Unabhängiger Verwaltungssenat in den Ländern (l-Awstrija) tissodisfa dawn il-kriterji u għandha, konsegwentement, titqies li hija taqa’ taħt l-imsemmi kunċett.

 

2)

L-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha titqies li hija kellha l-opportunità li tressaq il-kwistjoni quddiem qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, fi kwistjonijiet kriminali meta, qabel ma tressaq l-appell tagħha, din il-persuna kienet marbuta li tosserva proċedura amministrattiva prekontenzjuża. Tali qorti għandha tkun kompetenti b’mod sħiħ sabiex teżamina l-kawża fir-rigward kemm tal-evalwazzjoni fid-dritt kif ukoll taċ-ċirkustanzi fattwali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.