SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Kamp ta’ applikazzjoni — Informazzjoni qarrieqa mxerrda minn fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni soċjali — Fond ta’ assigurazzjoni kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku”

Fil-Kawża C‑59/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għaz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. von Gierke, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts (iktar ’il quddiem “BKK”) u Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (assoċjazzjoni tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem il-“Wettbewerbszentrale”) rigward informazzjoni mxandra minn BKK lill-affiljati tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 sa 8, 11, 12 u 14 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali jipprovdu:

“(5)

[...] [l]-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment [...] għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

(6)

Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...]

(7)

Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. [...]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. B’hekk tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-Direttiva u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kordinati minnha. [...]

[…]

(11)

Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. [...]

(12)

L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-UE. [...]

[...]

(14)

Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. [...]”

4

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;

b)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

ċ)

‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz [...];

d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[...]”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

[...]”

8

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

9

Id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali Ġermaniż permezz tal-liġi dwar ir-repressjoni ta’ kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”).

10

L-Artikolu 2 tal-UWG huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

1.

‘prattika kummerċjali’ tfisser kull aġir ta’ persuna li jsir bi profitt għall-impriża tiegħu jew għal impriża terza qabel, matul, jew wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali u li hija oġġettivament marbuta mal-promozzjoni tal-bejgħ jew tax-xiri ta’ prodotti jew servizzi jew inkella mal-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt dwar oġġetti u servizzi; fost l-oġġetti huwa inkluż ukoll il-beni immobbli u fost is-servizzi, id-drittijiet u l-obbligi;

[...]

6.

‘imprenditur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li twettaq tranżazzjonijiet kummerċjali għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni u kull persuna li taġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ tali persuna;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

BKK hija fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali Ġermaniża kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku.

12

B’azzjoni mressqa fl-ewwel istanza, il-Wettbewerbszentrale talbet li BKK jiġi kkundannat jieqaf ixandar l-informazzjoni li ġejja, ippubblikata tul ix-xahar ta’ Diċembru 2008 fuq is-sit Internet ta’ din tal-aħħar:

“Jekk tagħżlu li titilqu issa minn [...] BKK [...], tibqgħu affiljati mal-[fond obbligatorju ta’ assigurazzjoni għall-mard] il-ġdid għal 18-il xahar wara dan il-bdil. Għalhekk ma tkunux tistgħu tibbenefikaw iktar mill-offerti interessanti li ser jagħmel [...] BKK [...] is-sena li ġejja u fl-aħħar jista’ jkollkom tagħmlu pagament addizzjonali jekk l-ammont attribwit għall-fond il-ġdid tagħkom ma jkunx biżżejjed u dan għalhekk jitlob kontribuzzjoni addizzjonali.”

13

Il-Wettbewerbszentrale tqis li din l-informazzjoni hija qarrieqa u li, għaldaqstant, hija pprojbita kemm mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali kif ukoll mid-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, BKK tonqos milli tindika li, fil-każ ta’ ġbir ta’ kontribuzzjoni addizzjonali, il-liġi Ġermaniża tagħti lill-persuna assigurata dritt speċjali ta’ rexissjoni.

14

Għaldaqstant, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-Wettbewerbszentrale intimat lil BKK jieqaf ixandar l-imsemmija informazzjoni u talbitu firma ta’ impenn f’dan is-sens, flimkien ma’ klawżola penali, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż extraġudizzjarji.

15

Għaldaqstant BKK neħħa l-informazzjoni inkwistjoni mis-sit Internet tiegħu. B’ittra tas-6 ta’ Jannar 2009, huwa ammetta li kien ippubblika informazzjoni li ma kinitx korretta u impenja ruħu li ma jibqax jippromwovi s-servizzi tiegħu permezz tad-dikjarazzjonijiet li ġie akkużat bihom. Min-naħa l-oħra, BKK indika li la kien lest jagħti lill-Wettbewerbszentrale l-impenn mitlub, flimkien ma’ klawżola penali, u lanqas li jħallas l-ispejjeż extraġudizzjarji.

16

Skont BKK, la d-dispożizzjonijiet tal-UWG u lanqas dawk tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ma huma applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika biss għal “prattiċi kummerċjali” minn “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva u l-punti 1 u 6 tal-Artikolu 2(1) tal-UWG għandhom kliem essenzjalment identiku għal dak tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija hawn fuq. Dawn il-kriterji ma humiex sodisfatti f’dan il-każ għaliex, bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku, BKK ma għandu l-ebda skop ta’ lukru.

17

Il-qorti fl-ewwel istanza ordnat lil BKK jieqaf, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, ixandar l-informazzjoni inkwistjoni għal skopijiet ta’ reklamar u ta’ kompetizzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu u kkundannatu jħallas lill-Wettbewerbszentrale s-somma ta’ EUR 208,65, flimkien mal-interessi.

18

L-appell ippreżentat minn BKK mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza ġie miċħud. Bir-rikors għal “reviżjoni” tiegħu li ġie awtorizzat mill-qorti tal-appell, BKK talab li l-azzjoni mressqa mill-Wettbewerbszentrale tiġi miċħuda.

19

Il-Bundesgerichtshof tqis li l-informazzjoni ta’ reklamar imxandra minn BKK tikkostitwixxi prattika qarrieqa fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u tqis li għandha tiġi pprojbita għaliex tikser l-UWG.

20

Madankollu tali ksur jista’ jiġi kkonstatat biss jekk il-prattika inkwistjoni tkun tista’ tiġi evalwata fid-dawl ta’ dak li tiddisponi l-imsemmija direttiva li fuqha hija bbażata l-UWG.

21

Ma huwiex stabbilit b’mod ċert li d-Direttiva fuq il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li operatur bħalma huwa BKK, li għandu l-kwalità ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku sabiex jieħu ħsieb missjonijiet tal-assigurazzjoni legali għall-mard, aġixxa inkwantu “impriża” meta xandar l-informazzjoni li biha ġie akkużat. Fil-fatt jista’ jiġi sostnut li tali organu ma jeżerċitax attività ekonomika, iżda jsegwi għan esklużivament soċjali.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fond legali ta’ assigurazzjoni għall-mard jagħti lil min huwa rreġistrat miegħu informazzjoni (qarrieqa) fuq l-inkonvenzjenzi li dawn tal-aħħar ikollhom jgħaddu minnhom f’każ ta’ bdil ta’ fond legali ta’ assigurazzjoni għall-mard jikkostitwixxi wkoll azzjoni ta’ kummerċjant (li tippreżenta ruħha bħala prattika kummerċjali ta’ impriża fil-konfront tal-konsumaturi)?”

Fuq id-domanda preliminari

23

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-Bundesgerichtshof tqis li l-informazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali għandha tiġi deskritta bħala prattika qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u li hija tipproponi li l-imsemmija informazzjoni tiġi pprojbita, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-UWG.

24

Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-awtur ta’ tali informazzjoni, f’dan il-każ BKK, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva, meta dan l-awtur għandu l-kwalità ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħalma hija l-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard.

25

Sabiex jiġi deċiż jekk organu nazzjonali, bħalma huwa BKK, li huwa rregolat mid-dritt pubbliku u li huwa inkarigat bil-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, għandux jitqies bħala “impriża” fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u jekk, f’din il-kwalità, huwiex suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar fil-każ fejn, bħal hawnhekk, huwa jipprovdi informazzjoni qarrieqa lill-affiljati tiegħu, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, li ma tinvolvi l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, normalment għandhom, fl-Unjoni kollha, jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest tad-dispożizzjoni kif ukoll l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43; tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 26, u tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C-271/10, Ġabra p. I-5815, punt 25).

26

Għaldaqstant, id-deskrizzjoni, l-istatus legali kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-organu inkwistjoni taħt id-dritt nazzjonali ma humiex rilevanti sabiex tiġi interpretata l-imsemmija direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

27

Sabiex tingħata risposta għal tali domanda, għandu jiġi kkonstatat li, jekk id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali tuża dejjem it-terminu “konsumatur”, hija tindika l-parti l-oħra fi tranżazzjoni kummerċjali dwar prodott bit-termini “fin-negozju” jew “kummerċjant”.

28

Huwa b’dan il-mod li, skont l-Artikolu 3(1), l-imsemmija direttiva “tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur [...] qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali”.

29

L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” jirreferi għal “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal‑promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”. Il-kunċett ta’ “prodott” huwa ddefinit fl-istess artikolu, taħt il-paragrafu (ċ) fis-sens li jirreferi għal kwalunkwe merkanzija jew servizz, u l-ebda settur ta’ attività ma huwa eskluż.

30

L-imsemmi Artikolu 2(b) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kummerċjant” bħala wieħed li jindika “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”.

31

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li, għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, iż-żewġ termini “fin-negozju” u “kummerċjant” għandhom tifsira u portata ġuridika identiċi. Għall-bqija, huwa dan it-terminu msemmi l-aħħar li jintuża l-iktar ta’ spiss fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

32

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 2(b) dwar prattiki kummerċjali żleali jirriżulta, mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta sens partikolarment wiesa’ lill-kunċett ta’ “kummerċjant”, li jirreferi għal “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika” ladarba teżerċita attività bi qligħ u ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu la l-entitajiet li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku.

33

Minbarra dan, fid-dawl tal-kliem innifsu tad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjant” kif tirreferi għalih din tal-aħħar għandhom jiġu stabbiliti b’rabta mal-kunċett, korrelattiv iżda inkompatibbli, ta’ “konsumatur”, li jindika l-individwi li ma humiex involuti f’attivatijiet kummerċjali jew professjonali (ara, b’mod analogu, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C-89/91, Ġabra p. I-139, punt 22).

34

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 u mill-premessa 23 tagħha, id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali hija intiża sabiex tiżgura livell komuni għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli rigward il-prattiki kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali tal-kummerċjanti fil-konfront tal-konsumaturi, li jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 27).

35

Dan l-għan segwit mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, li jikkkonsisti fil-protezzjoni sħiħa tal-konsumaturi kontra l-prattiki ta’ din in-natura, huwa bbażat fuq il-fatt li, fil-konfront ta’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, għaliex għandu jitqies bħala ekonomikament iktar dgħajjef u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti tiegħu (ara, b’mod analogu, is-sentenza Shearson Lehman Hutton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

36

Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ konsumatur huwa ta’ importanza primordjali u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba essenzjalment fid-dawl tal-konsumatur inkwantu destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C-122/10, Ġabra p. I-3903, punti 22 u 23, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, punt 43).

37

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipli, l-affiljati ta’ BKK, li b’mod ċar għandhom jitqiesu bħala konsumaturi fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali għandhom mnejn jiġu mqarrqa permezz ta’ informazzjoni qarrieqa li hija mxandra minn dan l-organu billi tipprekludihom milli jagħmlu għażla informata (ara l-premessa 14 ta’ din id-direttiva) u billi twassalhom jieħdu deċiżjoni li ma kinux jieħdu fl-assenza ta’ tali informazzjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva. F’dan il-kuntest, in-natura pubblika jew privata tal-organu inkwistjoni l-istess bħall-missjoni speċifika segwita minn dan tal-aħħar ma humiex rilevanti.

38

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jingħad li organu bħalma huwa BKK għandu l-kwalità ta’ “kummerċjant” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

39

L-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq hija, fil-fatt, l-unika tali li tagħti effett sħiħ lid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, billi tiggarantixxi li, b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-prattiki kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi.

40

Interpretazzjoni bħal din taqbel ukoll mal-portata wiesgħa ħafna li diġà ngħatat lill-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

41

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva dwar prattiki kummeċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali”), għandha tiġi interpretata fis-sens li organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.