SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż tal-plastik industrijali — Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑58/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2012,

Groupe Gascogne SA, stabbilita f’Saint-Paul-les-Dax (Franza), irrappreżentata minn P. Hubert u E. Durand, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, D. Šváby u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Groupe Gascogne SA (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali u għat-tibdil tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 final, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), jew, sussidjarjament, l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn tikkonferma l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE u 82 KE-] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi, fl-Artikolu 23(2) tiegħu, li ssostitwixxa l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża [ta’ impriżi] meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] [...];

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża [ta’ impriżi] li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[…]”

Id-Direttiva 83/349/KEE

3

Mill-ewwel premessa tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu [44(2)(g) KE] dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58), kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/349”), jirriżulta li din għandha b’mod partikolari l-għan li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, b’mod partikolari tal-kumpanniji li jagħmlu parti minn korpi ta’ impriżi.

4

L-impriżi suġġetti għall-obbligu li jistabbilixxu kontijiet ikkonsolidati huma ddefiniti fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 83/349. Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, dan l-obbligu japplika b’mod partikolari għal kull impriża parent li:

“(a)

għandha maġġoranza tal-jeddijiet għall-voti ta’ l-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra (impriża sussidjarja);

jew

(b)

għandha l-jedd li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ impriża oħra (impriża sussidjarja) u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru ta’ dik l-impriża;

jew

([c])

għandha l-jedd teżerċita influwenza dominanti fuq impriża (impriża sussidjarja) li tagħha hija azzjonista jew membru [...]”

5

Skont l-Artikolu 16(3) tal-istess direttiva, il-“[k]ontijiet konsolidati għandhom jagħtu stampa sewwa u xierqa ta’ l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf ta’ l-impriżi inklużi fihom meħuda b’mod ġenerali”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6

L-appellanti hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż li ilha mill-1994 teżerċita kontroll fuq Gascogne Sack Deutschland GmbH, li kien jisimha Sachsa Verpackung GmbH (iktar ’il quddiem “Sachsa”).

7

L-appellanti żżomm direttament 10 % mill-azzjonijiet ta’ Sachsa. Gascogne Deutschland GmbH, li hija 100 % sussidjarja tal-appellanti, iżżomm id-90 % l-oħra tal-azzjonijiet ta’ Sachsa.

8

Fl-2001, British Polythene Industries plc informat lill-Kummissjoni li kien hemm akkordju fis-settur tal-boroż industrijali.

9

Wara li wettqet numru ta’ verifiki matul Ġunju 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva fid-29 ta’ April 2004 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ diversi kumpanniji, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, l-appellanti.

10

Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1(1)(k) tagħha jipprovdi li Sachsa u l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw, Sachsa, mid-9 ta’ Frar 1988 sas-26 ta’ Ġunju 2002 u, l-appellanti, mill-1 ta’ Jannar 1994 sas-26 ta’ Ġunju 2002, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-taqsim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.

11

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuq Sachsa, fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, multa ta’ EUR 13.20 miljun, filwaqt li ppreċiżat li l-appellanti kienet responsabbli in solidum fir-rigward ta’ EUR 9.90 miljuni minn dan l-ammont.

Is-sentenza appellata

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2006, l-appellanti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Hija talbet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernaha, tibdilha sa fejn kienet timponi fuq Sachsa multa ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta in solidum fuq din tal-aħħar u fuqha.

13

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat tliet motivi. L-ewwel motiv, imressaq b’mod prinċipali, kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE sa fejn il-Kummissjoni kienet imputatilha, b’mod żbaljat, il-prattiki ta’ Sachsa b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994 u, għaldaqstant, żammitha, b’mod żbaljat, responsabbli in solidum fir-rigward tal-ħlas ta’ parti mill-multa imposta fuq din tal-aħħar. Permezz tat-tieni motiv tagħha, imressaq b’mod sussidjarju, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 81 KE billi interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ impriża fis-sens ta’ dan l-artikolu u kienet naqset milli tosserva l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi bbażat ruħha, b’mod żbaljat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa, fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp ikkontrollat minnha. It-tielet motiv, imressaq b’mod iktar sussidjarju, kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni kienet imponiet fuq l-appellanti multa eċċessiva.

14

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010, l-appellanti talbet li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub minħabba l-intervent ta’ punt ta’ liġi ġdid fil-mori tal-kawża, jiġifieri d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 6 TUE, li għolla l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għal-livell tad-dritt primarju.

15

Matul is-seduta, li nżammet fit-2 ta’ Frar 2011, l-appellanti sostniet, minbarra l-motivi invokati fir-rikors tagħha, diversi lmenti bbażati fuq il-Karta u invokat b’mod partikolari ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta. F’dan ir-rigward, fil-punti 27, 28 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet hekk:

“27

[...] [L]-ilmenti [tal-appellanti] ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża, iggarantiti mill-Artikolu 48 tal-Karta, [...] huma addizzjonali għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-motivi invokati fl-istadju tar-rikors u ma humiex marbuta b’mod suffiċjentement mill-qrib mal-argumenti żviluppati inizjalment b’tali mod li jistgħu jitqiesu bħala li jirriżultaw mill-iżvilupp normali tat-trattazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jitqiesu bħala ġodda.

28

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6 tiegħu, li jagħti lill-Karta l-istess valur legali bħat-Trattati, jikkostitwixxix fatt ġdid li jiġġustifika t-tressiq ta’ lmenti ġodda. F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-prinċipji invokati [mill-appellanti] kienu jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kienu ggarantiti minnu, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni [...]

[...]

30

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-appellanti ma tistax tinvoka l-emendi introdotti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona sabiex tinvoka, fl-istadju tas-seduta, ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta. [...]”

16

Fir-rigward tat-tliet motivi ta’ annullament invokati mill-appellanti fir-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom bħala infondati.

17

Fir-rigward tal-ewwel motiv, dwar l-imputazzjoni żbaljata lill-appellanti tal-prattiki implementati minn Sachsa, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li, meta kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikun hemm preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li huwa paċifiku li l-“[appellanti] kienet iżżomm direttament u indirettament 100 % tal-azzjonijiet ta’ Sachsa u li hija għalhekk kellha l-possibbiltà teżerċita kontroll fuq l-aġir ta’ Sachsa fis-suq”. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 73 sa 93 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati mill-appellanti sabiex turi li Sachsa kienet tiddetermina l-mod kif taġixxa hija stess u li għalhekk kienet awtonoma. Wara li rrilevat, fil-punt 74 tas-sentenza msemmija, li “[g]ħalkemm huwa minnu li wħud mill-fatturi msemmija [mill-appellanti] jindikaw li Sachsa kienet tgawdi minn awtonomija kbira, xorta waħda jibqa’ l-fatt li [l-appellanti] kienet effettivament interveniet fil-funzjonament tas-sussidjarja tagħha, li kienet imponitilha limiti kunsiderevoli fl-orjentament tal-aġir tagħha fis-suq u li hija għalhekk eżerċitat kontroll effettiv fuq is-sussidjarja tagħha”.

18

Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“Għalhekk, mill-eżami tal-provi u tal-argumenti kollha mressqa [mill-appellanti] u mill-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li [l-appellanti] kienet teżerċita sorveljanza regolari fuq il-ġestoni tas-sussidjarja tagħha u meta imputat [lill-appellanti] r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, mingħajr ma huwa meħtieġ għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni ta’ kontroll effettiv maħluqa mill-fatt li l-appellanti żżomm 100 % tal-kapital ta’ Sachsa, il-provi li għandha l-Kummissjoni, ikkunsidrati flimkien, jippermettulha f’dan il-każ li tikkonkludi li kien hemm kontroll effettiv mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.”

19

Fir-rigward tat-tieni motiv invokat mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, sa fejn kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej fil-punti 110 sa 113 tas-sentenza appellata:

“110

[...] il-limitu massimu tal-ammont tal-multa msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġifieri fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jappartjenu lill-grupp li l-kumpannija holding tiegħu hija [l-appellanti].

111

[...] it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-kumpannija parent għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li jiġi stabbilit li kull sussidjarja li tagħmel parti mill-grupp ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq.

112

It-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-kumpannija holding [...] ma jfissirx li r-responsabbiltà tal-ksur ikkonstatat tkun qiegħda tiġi imputata lis-sussidjarji li jagħmlu parti mill-grupp ikkontrollat minn din il-kumpannija holding. Fil-fatt, il-limitu massimu previst minn din id-dispożizzjoni huwa maħsub biss sabiex tiġi prekluża l-impożizzjoni ta’ multa eċċessiva fir-rigward tad-daqs globali tal-entità ekonomika fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, fejn dan id-daqs globali jiġi evalwat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-grupp ta’ kumpanniji [...]

113

Għal din ir-raġuni, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-kumpannija holding għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata ma huwiex meħtieġ li s-sussidjarji li jikkostitwixxu l-grupp ikunu kollha attivi fl-istess suq u lanqas ma huwa meħtieġ li jkun hemm rabta bejn dawn is-sussidjarji u l-ksur.”

20

Wara li eżaminat il-motivi kollha invokati mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħditu fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn ikkonfermat is-sanzjoni li kienet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew tiffissa direttament l-ammont tal-multa f’ammont li ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ akkumulat iġġenerat minnha stess u minn Sachsa, u dan filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

23

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Settembru 2012, l-appellanti, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom li kienet applikabbli f’dik id-data, talbet li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub minħabba l-intervent ta’ element ġdid, jiġifieri s-sitwazzjoni finanzjarja b’defiċit qawwi li kienet tinsab fiha.

24

Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Istati Membri, sabiex iwieġbu għal numru ta’ mistoqsijiet dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll dwar il-miżuri ta’ natura li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ tul eċċessiv ta’ tali proċedura.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji

L-argumenti tal-partijiet

25

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddikjarat inammissibbli, minħabba li kienu tardivi, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża li hija ressqet matul is-seduta fuq il-bażi tal-Karta. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, minn naħa, li dawn l-ilmenti ma kinux marbuta b’mod suffiċjentement mill-qrib mal-argumenti żviluppati inizjalment fir-rikors promotur u, min-naħa l-oħra, li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE ma kienx jikkostitwixxi fatt ġdid li jiġġustifika li tali lmenti jiġu invokati wara l-preżentata tar-rikors.

26

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, għas-sempliċi raġuni li kienet iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha, jiġifieri Sachsa, li r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar setgħet tiġi imputata lilha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita mill-Artikolu 48 tal-Karta u kisret l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenzi tagħha.

27

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat.

28

Hija tikkunsidra li t-tieni aggravju huwa inammissibbli sa fejn ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa wkoll ineffettiv sa fejn, sabiex żammet lill-appellanti responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Sachsa, hija ma kinitx ibbażat ruħha biss fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti marbuta maż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

L-ewwel u t-tieni aggravji, li jqajmu kwistjonijiet marbuta mal-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza u mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

30

Fir-rigward tal-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha u sa fejn din tal-aħħar qiegħda tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-ilmenti mqajma minnha matul is-seduta fuq il-bażi tal-Karta ma kinux jikkostitwixxu amplifikazzjoni tal-motivi mressqa inizjalment fir-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-appellanti tirrikonoxxi espliċitament, fl-appell tagħha, li hija ma kienet għamlet l-ebda riferiment espliċitu għall-Karta fir-rikors tagħha iżda li, f’dak l-istadju tal-proċedura bil-miktub, hija kienet sempliċement qajmet il-fatt li fil-prattika kien impossibbli li tipproduċi prova ta’ fatt negattiv, bħalma hija l-assenza ta’ istruzzjonijiet mogħtija minn kumpannija parent lis-sussidjarja tagħha. L-appellanti tirrikonoxxi wkoll li kien biss fi stadju proċedurali sussegwenti, jiġifieri fl-istadju tar-replika, li hija semmiet il-Karta fil-forma ta’ riferiment għall-prinċipju li r-reati u l-pieni għandhom ikunu stabbiliti b’liġi, kif previst fl-Artikolu 49 tal-Karta.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata fis-sens li l-ilmenti mressqa mill-appellanti matul is-seduta u bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża, iggarantiti mill-Artikolu 48 tal-Karta, ma kinux marbuta b’mod suffiċjentement mill-qrib mal-argumenti żviluppati inizjalment fir-rikors promotur b’tali mod li setgħu jitqiesu bħala li jirriżultaw mill-iżvilupp normali tat-trattazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkunsidrat li dawn l-argumenti kienu ġodda.

32

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona kellux jiġi kkunsidrat, kif issostni l-appellanti, bħala element li ħareġ matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għal din ir-raġuni, kien jiġġustifika, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan id-dħul fis-seħħ, li jimplika l-inklużjoni tal-Karta fid-dritt primarju tal-Unjoni, ma jistax jitqies li huwa punt ta’ liġi ġdid fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, anki qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, hija kienet diġà kkonstatat diversi drabi li d-dritt għal smigħ xieraq kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jikkostitwixxi dritt fundamentali rrispettat mill-Unjoni Ġenerali bħala prinċipju ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) UE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C‑289/11 P, punt 36).

33

Din l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tgħodd, mutatis mutandis, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

35

Fir-rigward tat-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha u sa fejn din tal-aħħar tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat il-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita mill-Artikolu 48 tal-Karta meta ddeċidiet li r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, jiġifieri minn Sascha, seta’ jiġi imputat lilha peress li kienet iżżomm il-kapital kollu ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, motiv li setgħet tqajjem, iżda li ma tkunx qajmitu, quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima b’portata ikbar minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali. Bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha.

36

Għaldaqstant, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta, it-tieni aggravju invokat mill-appellanti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

37

Sa fejn l-appellanti qiegħda ssostni, fil-kuntest tal-istess aggravju, li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ma rrispondietx għall-argumenti li hija invokat sabiex tistabbilixxi li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti topera, fil-prattika, bħala preżunzjoni inkonfutabbli, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li timmotiva s-sentenzi, li għandha l-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 36 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata s-sentenza appellata u li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell.

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ġustament fakkret, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata minn din tal-aħħar wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, punti 107 sa 111), li minnha jirriżulta li, meta kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikun hemm preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Skont din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, u dan sakemm din il-kumpannija parent, li fuqha jaqa’ l-oneru li tegħleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistabbilixxu li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C-628/10 P u C-14/11 P, punt 47).

39

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddedikat il-punti 73 sa 93 tas-sentenza appellata għall-eżami tal-argumenti mqajma mill-appellanti sabiex tistabbilixxi li hija ma kinitx intervjeniet fil-funzjonament ta’ Sachsa. Filwaqt li rrikonoxxiet, fil-punt 74, li wħud minn dawn l-argumenti kienu jindikaw li Sachsa kellha awtonomija kbira, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat b’mod iddettaljat il-provi prodotti mill-partijiet, ikkonkludiet, fil-punt 93, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-appellanti kienet teżerċita sorveljanza regolari fuq il-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha u meta imputatilha responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha.

40

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma jurix li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li tkun miżmuma minnha kompletament jew kważi kompletament għandha, fil-verità, natura inkonfutabbli.

41

Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li entità ma tipproduċix, f’każ partikolari, provi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma jfissirx li din il-preżunzjoni ma tista’ tiġi kkonfutata f’ebda każ (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 66).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti invokati minnha turi, minħabba s-sempliċi konklużjoni li waslet għaliha — negattiva mill-perspettiva tal-appellanti — l-eżistenza ta’ preżunzjoni inkonfutabbli, tali argumenti għandhom jiġu miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

44

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat il-kunċett ta’ impriża b’mod żbaljat meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-ammont tal-multa msemmi fl-Artiklu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jappartjenu lill-grupp li tiegħu hija kienet il-kumpannija holding. Skont l-appellanti, huwa biss f’sitwazzjoni fejn dan il-grupp kollu jkun jikkostitwixxi impriża waħda li d-dħul mill-bejgħ akkumulat tiegħu jkun jista’ jservi bħala limitu massimu għall-kalkolu tal-multa imposta b’konsegwenza ta’ prattika antikompetittiva mwettqa minn waħda mis-sussidjarji tiegħu. Issa, la fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas fis-sentenza appellata ma sar tentattiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali entità waħda.

45

Minbarra dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li d-daqs globali ta’ entità ekonomika għandu jiġi evalwat “fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-grupp li jkun ikkontrollat mill-kumpannija holding, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jifformaw dan il-grupp li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni”. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ grupp u ta’ impriża.

46

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża jagħti indikazzjoni tad-daqs ekonomiku tagħha u tal-influwenza tagħha fuq is-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hija setgħet, sabiex tiddetermina l-limitu massimu tal-multa, tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp li kien ikkontrollat mill-appellanti, kif jirriżulta mir-regoli dwar kontijiet ikkonsolidati fis-seħħ fid-dritt tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq l-impriżi li jwettqu ksur tal-Artikolu 81 KE bil-kundizzjoni li, għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex taqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti.

48

Dan il-limitu massimu tal-ammont tal-multa huwa maħsub sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, permezz tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu. Dan huwa, għaldaqstant, limitu li, filwaqt li japplika b’mod uniformi għall-impriżi kollha u li jiddependi mid-daqs ta’ kull waħda minnhom, huwa maħsub sabiex jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv jew sproporzjonat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C ‑189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 280 u 281).

49

Madankollu, dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-intenzjoni li l-multa jkollha natura dissważiva suffiċjenti, li tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, jiġifieri tar-riżorsi globali tal-awtur tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fil-fatt, huwa l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ din l-impriża sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, u dan sa fejn is-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża msemmija (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jkunu qegħdin jiġu evalwati r-riżorsi finanzjarji ta’ impriża li lilha jiġi imputat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jidher iġġustifikat li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kollha li fir-rigward tagħhom l-impriża kkonċernata tgawdi mill-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti.

52

B’mod partikolari, meta l-impriża li lilha jiġi imputat il-ksur tkun tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji li jikkostitwixxu unità ekonomika, id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-ammont tal-multa msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa dak ta’ dan il-grupp kollu.

53

Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi l-aħjar indikatur tal-kapaċità tal-impriża kkonċernata li tirrilaxxa l-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa.

54

F’dan ir-rigward, kif sostniet il-Kummissjoni, ir-regoli dwar kontijiet ikkonsolidati fis-seħħ fid-dritt tal-Unjoni għandhom l-iskop li jagħtu stampa fidila tal-attiv u tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew telf tal-kumpanniji kollha li jagħmlu parti minn grupp. Għalhekk, l-Artikolu 1(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 93/349 jimponu l-obbligu li jiġu stabbiliti kontijiet ikkonsolidati fuq kull impriża parent li, b’mod partikolari, ikollha l-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot f’impriża sussidjarja, jew li jkollha l-jedd li taħtar jew tneħħi l-membri tal-korp ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ tali impriża jew inkella li jkollha l-jedd li teżerċita “influwenza dominanti” fuq tali impriża.

55

Minn dan isegwi li, meta tkun stabbilixxiet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-imputabbiltà ta’ ksur lil kumpannija li tikkontrolla grupp, il-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja ta’ din il-kumpannija, tieħu inkunsiderazzjoni l-kontijiet ikkonsolidati ta’ din tal-aħħar sa fejn dawn jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu element rilevanti ta’ evalwazzjoni.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 108 u 110 tas-sentenza appellata, li l-limitu massimu tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti kien ikkalkolat ġustament fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jappartjenu lill-grupp li tiegħu din tal-aħħar kienet il-kumpannija holding.

57

Għall-kuntrarju tal-argument tal-appellanti, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa, wara li tkun stabbilixxiet li l-kumpannija parent għandha tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, turi li kull sussidjarja li tikkostitwixxi l-grupp ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata, l-imputazzjoni ta’ ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija parent u l-projbizzjoni li tiġi imposta multa ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jikkostitwixxu żewġ kwistjonijiet distinti li għandhom għanijiet differenti. Jekk ikun il-każ, hija l-kumpannija li tikkunsidra li d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ma jirriflettix ir-realtà ekonomika li għandha tippreżenta provi ta’ natura li juru li ma hemmx setgħa ta’ kontroll min-naħa tal-kumpannija parent.

58

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn huwa bbażat kemm fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali u kemm fuq ksur minn din tal-aħħar tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

59

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li d-dritt fundamentali tagħha li l-kawża tagħha tinqata’ fi żmien raġonevoli, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, ma ġiex irrispettat f’dan il-każ.

60

L-appellanti tfakkar li l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali nbdiet fit-23 ta’ Frar 2006 u ntemmet fis-16 ta’ Novembru 2011. Hija tenfasizza li, bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-ewwel komunikazzjoni li hija rċeviet dwar l-istat li fih kienet tinsab il-kawża, kien għadda perijodu twil ta’ żmien li matulu l-Qorti Ġenerali ma kienet għamlet xejn.

61

Skont l-appellanti, la l-kumplessità jew id-daqs tal-proċess u lanqas in-numru ta’ impriżi jew in-numru ta’ lingwi tal-kawża inkwistjoni ma jistgħu jiġġustifikaw l-assenza totali ta’ trattament tal-kawża mill-Qorti Ġenerali matul dan il-perijodu.

62

L-appellanti ssostni li, meta ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, hija għażlet li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta u kellha, bħala korrispettiv għal din l-għażla, taċċetta li tħallas l-interessi fuq l-ammont tal-multa kif ukoll tikkostitwixxi garanzija bankarja. It-tul eċċessiv tal-proċedura kellu l-effett li żied l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-proċessi.

63

Għalhekk, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, sa fejn timponi fuq Sachsa multa li fir-rigward tagħha hija responsabbli in solidum, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni l-oneru finanzjarju li kellha tbati minħabba l-ksur tad-dritt tagħha li l-kawża tagħha tiġi deċiża fi żmien raġonevoli.

64

Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li ma tqajjimx matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

65

Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tqis li, fil-każ li jinqabeż żmien raġonevoli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni li timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rimedju adegwat ma għandux ikun fil-forma ta’ tnaqqis tal-multa imposta iżda għandu jkun fil-forma ta’ rikors għad-danni. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli u li dan il-ksur jeħtieġ rimedju fil-forma ta’ tnaqqis tal-multa, dan it-tnaqqis għandu jkun wieħed simboliku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

66

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ appell, li tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx irregolaritajiet proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 176).

67

Fir-rigward tal-irregolarità invokata fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, dan l-artikolu huwa marbut mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

B’hekk, tali dritt, li l-eżistenza tiegħu kienet irrikonoxxuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Għalkemm bil-kritika tagħha hija tindirizza prinċipalment il-perijodu ta’ inattività proċedurali min-naħa tal-Qorti Ġenerali bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-bidu tal-proċedura orali, l-appellanti ma invokatx il-ksur ta’ dan id-dritt matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

70

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, tali ommissjoni ma tistax timplika l-inammissibbiltà tar-raba’ aggravju minħabba li tqajjem għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell. Fil-fatt, għalkemm parti għandha tkun tista’ tqajjem irregolarità proċedurali hekk kif tqis li jkun seħħ ksur tar-regoli applikabbli, hija ma tistax tkun marbuta tagħmel dan fi stadju fejn l-effetti kollha ta’ dan il-ksur ikunu għadhom ma humiex magħrufa. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ sitwazzjoni fejn ikun inqabeż żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, l-appellanti li tikkunsidra li din is-sitwazzjoni tippreġudika l-interessi tagħha ma hijiex meħtieġa tinvoka immedjatament dan il-preġudizzju. Jekk ikun il-każ, hija tista’ tistenna li tintemm il-proċedura sabiex tkun taf it-tul totali ta’ din il-proċedura u sabiex b’hekk ikollha l-elementi neċessarji kollha sabiex tidentifika l-preġudizzju li tikkunsidra li ġarrbet.

71

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

72

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li jkun inqabeż żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, sa fejn jikkostitwixxi irregolarità proċedurali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali, għandu jintitola lill-parti kkonċernata għal rimedju effettiv li permezz tiegħu tkun tista’ tikseb kumpens adegwat (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Ottubru 2000, Kudla vs Il-Polonja, Recueil des arrêts et décisions 2000 XI, § 156 u 157).

73

Għalkemm l-appellanti qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata u, sussidjarjament, annullament ta’ din is-sentenza sa fejn tikkonferma l-multa li kienet imposta fuqha jew tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-assenza ta’ kull indizju li juri li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu impatt fuq l-eżitu tal-kawża, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 190 u 196, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li, fl-assenza ta’ impatt fuq l-eżitu tal-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, l-annullament tas-sentenza appellata ma jirrimedjax il-ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 193).

75

Fil-kawża ineżami, l-appellanti ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ebda indizju ta’ natura li jindika li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni seta’ kellu impatt fuq l-eżitu tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

76

Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda titlob l-appellanti, ir-raba’ aggravju ma jistax iwassal, bħala tali, għall-annullament tas-sentenza appellata.

77

Madankollu, l-appellanti qiegħda ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu konsegwenzi finanzjarji onerużi għaliha u qiegħda għalhekk titlob l-annullament tal-multa li hija responsabbli tħallas in solidum.

78

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, lill-appellanti tikkontesta l-fondatezza jew l-ammont ta’ multa meta jkunu ġew miċħuda l-aggravji kollha mressqa kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammont ta’ din il-multa u tal-aġir issanzjonat minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 194).

79

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni.

80

Sa fejn l-appellanti qiegħda titlob, sussidjarjament, tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha bħala kumpens għad-dannu ekonomiku li hija tallega li ġarrbet minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta kellha quddiemha sitwazzjoni simili, laqgħet tali talba għal raġunijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali u, għalhekk, kienet naqqset l-ammont tal-multa (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 48).

81

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kawża dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti iżda li ma timponix multa, iddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jista’ jagħti lok għal talba għad-danni (sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 195).

82

Huwa minnu li l-kawża ineżami tikkonċerna sitwazzjoni simili għal dik li kienet wasslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, talba għad-danni mressqa kontra l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tikkostitwixxi, sa fejn tista’ tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn ikun inqabeż żmien raġonevoli fi proċedura, rimedju effettiv u ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jiġi invokat u ssanzjonat tali ksur.

83

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha fi żmien raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv.

84

Minn dan isegwi li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess.

85

Fir-rigward tal-kriterji li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali osservatx il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli taż-żmien għall-għoti ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tat-tilwima u l-aġir tal-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-lista tal-kriterji rilevanti ma hijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli taż-żmien imsemmi ma teħtieġx eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji meta t-tul tal-proċedura jidher li jkun iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed minn dawn il-kriterji. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża jew aġir dilatorju min-naħa tar-rikorrent jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw terminu li prima facie jkun jidher twil wisq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fl-eżami ta’ dawn il-kriterji, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnha l-operaturi ekonomiċi u l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u għall-kompetituri tiegħu iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u ta’ interessi finanzjarji inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Hija wkoll il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa kemm ir-realtà tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża billi teżamina l-provi prodotti għal dan il-għan.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta’ rikors għad-danni bbażat fuq ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn allegatament ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali applikabbli fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri sabiex jiġu ttrattati r-rikorsi bbażati fuq ksur simili. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għandha b’mod partikolari tistħarreġ jekk tistax tiġi identifikata, minbarra l-eżistenza ta’ dannu materjali, l-eżistenza ta’ dannu immaterjali li setgħet ġarrbet il-parti milquta mill-qbiż ta’ żmien raġonevoli u li, jekk ikun il-każ, għandu jkun is-suġġett ta’ kumpens adegwat.

90

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, li għandha kompetenza bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, għandha tiddeċiedi dwar tali talbiet għad-danni u dan permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat u billi tapplika l-kriterji ddefiniti fil-punti 85 sa 89 ta’ din is-sentenza.

91

B’dan premess, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li damet għal kważi 5 snin u 9 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari għall-kawża li tat lok għal din it-tilwima.

92

B’mod partikolari, jirriżulta li l-perijodu bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, bil-preżentata, fi Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, u l-ftuħ, matul Diċembru 2010, tal-proċedura orali, kien ta’ madwar 3 snin u 10 xhur. It-tul ta’ dan il-perijodu ma jistax jiġi spjegat miċ-ċirkustanzi tal-kawża, u dan la mill-kumplessità tat-tilwima, la mill-aġir tal-partijiet u lanqas mill-intervent ta’ kwistjonijiet proċedurali.

93

Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, mill-eżami tar-rikors ippreżentat mill-appellanti, kif deskritt fil-qosor fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għalkemm kienu jeħtieġu eżami ddettaljat, il-motivi invokati ma kinux jippreżentaw livell ta’ diffikultà partikolarment għoli. Għalkemm huwa minnu li ħmistax mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentaw rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt ma setax iwaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tissintetizza l-proċess u milli tipprepara l-proċedura orali f’perijodu ta’ żmien iqsar minn 3 snin u 10 xhur.

94

Għandu jiġi enfasizzat li, matul dan il-perijodu ta’ żmien, il-proċedura la kienet interrotta u lanqas ma kienet imdewma minħabba l-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

95

Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-intervent ta’ kwistjonijiet proċedurali, il-fatt li l-appellanti talbet, matul Ottubru 2010, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub ma jistax jiġġustifika t-tul ta’ żmien ta’ 3 snin u 8 xhur li kien diġà għadda mill-għeluq tagħha. Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-appellanti kienet informata matul Diċembru 2010 li kellha tinżamm seduta matul Frar 2011 jindika li dan il-fatt seta’ kellu biss effett minimu fuq it-tul globali tal-proċedura, jew saħansitra ma kellu ebda impatt f’dan ir-rigward.

96

Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, ksur dan li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergarderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).

97

Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 73 sa 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti

98

Matul is-seduta, l-appellanti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja attwali tagħha, informazzjoni li minnha allegatament jirriżulta li l-appellanti ma tinsabx f’pożizzjoni li tħallas il-multa imposta fid-deċiżjoni kontenzjuża. Skont l-appellanti, dawn l-iżviluppi, li huma intiżi li jissostanzjaw it-talba tagħha għall-annullament totali jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis ta’ din il-multa, huma ammissibbli sa fejn huma marbuta mal-intervent ta’ fatt ġdid fis-sens tal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, u sa fejn jikkostitwixxu amplifikazzjoni tar-raba’ aggravju dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, min-naħa l-oħra.

99

Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti huma inammissibbli minħabba li huma ġodda u, fi kwalunkwe każ, ma humiex fondati minħabba li ma humiex issostanzjati permezz ta’ provi.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jikkonċernaw biss punti ta’ liġi. Issa, sabiex tevalwa l-kapaċità tal-appellanti li tħallas il-multa li kienet imposta fuqha mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha teżamina punti ta’ fatt li ma jaqgħux fil-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

101

Barra minn hekk, meta tiddeċiedi dwar appell, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba li tkun kisret ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiddetermina l-ammont ta’ tali multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża kkonċernata sa fejn ir-rikonoxximent ta’ tali obbligu jkun ifisser li jkunu qegħdin jingħataw vantaġġi kompetittivi mhux ġustifikati lill-impriżi li l-inqas ikunu adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

L-argumenti mressqa mill-appellanti u bbażati fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati.

103

Madankollu, għandu jingħad ukoll li, sa fejn l-appellanti tikkunsidra li d-diffikultajiet finanzjarji tagħha għandhom rabta kawżali man-nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, hija tista’ tinvokaha fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (ara l-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza).

104

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

106

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Groupe Gascogne SA hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.