SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )
“Taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Artikoli 17 u13B(d)(6) — Eżenzjonijiet — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Fond għal pensjoni ta’ rtirar — Kunċett ta’ ‘ġestjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment’”
Fil-Kawża C-26/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura
Fiscale eenheid PPG Holdings BV cs te Hoogezand
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Noord/kantoor Groningen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Fiscale eenheid PPG Holdings BV cs te Hoogezand, minn E.M. van Kasteren, O.L. Mobach u C. Evers, avukati, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, O. Thomas u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ April 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13B(d)(6) u (17) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Fiscale eenheid PPG Holdings BV cs te Hoogezand (Entità fiskali PPG Holdings, iktar ’il quddiem “PPG”) u l-Ispettur van de Belastingdienst/Noord/kantoor Groningen (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) dwar aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi li: “1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. 2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika”. |
4 |
Skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva: “Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha imma għall-benefiċċju ta’ ħadd ieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u ssupplixxiet dawk is-servizzi hija stess.” |
5 |
L-Artikolu 11A(1)(a) ta’ l-imsemmija direttiva jiddetermina l-valur taxxabbli, fir-rigward ta’ kunsinni ta’ oġġetti, bħala dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv li nkiseb jew irid jinkiseb mill-fornitur mingħand ix-xerrej, il-klijent jew terz. |
6 |
L-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva jipprovdi li: “Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:
[...]
[...] 6. maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri; [...]” |
7 |
L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li: “1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli. 2. Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:
5. Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel. [...]” |
Id-dritt Olandiż
8 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968, iktar ’il quddiem il-“Liġi”) jipprovdi li: “Mit-taxxa dovuta fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi għandha titnaqqas it-taxxa dovuta fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi li jingħataw lill-imprenditur, fuq l-akkwisti intrakomunitarji ta’ oġġetti li huwa jagħmel u fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti intiżi għalih.” |
9 |
Skont l-Artikolu 11 tal-Liġi: “1. Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ miżura ġenerali tal-amministrazzjoni, huma eżenti mit-taxxa: [...]
[...] 3. il-ġestjoni ta’ kapitali miġbura mill-fondi ta’ investiment u mill-kumpanniji ta’investiment għall-finijiet ta’ investiment kollettiv; [...]”. |
10 |
L-Artikolu 15 tal-Liġi jipprovdi li: “1. It-taxxa msemmija fl-Artikolu 2 imnaqqsa mill-kummerċjant hija:
[...]
[…] għal provvisti mwettqa u servizzi pprovduti lill-imprenditur; […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
Skont obbligu legali, PPG ikkostitwit, għall-impjegati tal-impriżi tagħha, sistemi għal pensjoni ta’ rtirar ma’ Stichting Pensioenfonds PPG Industries Nederland (iktar ’il quddiem il-“fond għal pensjoni ta’ rtirar”). Skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, dan il-fond għal pensjoni ta’ rtirar huwa separat minn PPG mill-perspettiva legali u fiskali. Il-kontribuzzjonijiet li jirrigwardaw is-sistemi għal pensjoni ta’ rtirar huma mħallsa kompletament minn PPG, u mhux mill-impjegati. |
12 |
Kif PPG u l-Gvern Olandiż ikkonfermaw waqt is-seduta, id-dritt Olandiż fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti kien iħalli lill-persuni li jimpjegaw l-għażla li joħolqu huma stess tali fond jew li jafdaw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom lil kumpannija tal-assigurazzjoni, li lilha ħallsuha l-kontribuzzjonijiet tagħhom u li kienet tkun responsabbli għall-ħlas tal-pensjonijiet lill-persunal irtirat. Madankollu, ma kien hemm ebda għażla fejn setgħu jżommu sistema għal pensjoni ta’ rtirar internament. |
13 |
Sussidjarja ta’ PPG, PPG Industries Fiber Glass BV ikkonkludiet, ma’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kuntratti dwar l-amministrazzjoni tal-pensjonijiet ta’ rtirar u l-ġestjoni tal-kapital tal-fond għal pensjoni ta’ rtirar. L-ispejjeż assoċjati ma’ dawn il-kuntratti tħallsu minn din is-sussidjarja u ma ġewx ittrasferiti fuq il-fond għal pensjoni ta’ rtirar. PPG naqqset l-ammonti tal-VAT li jirrigwardaw l-imsemmija spejjeż imġarrba matul is-snin 2001 u 2002, jiġifieri EUR 139 304.23, bħala taxxa tal-input. |
14 |
PPG kienet is-suġġett ta’ aġġustament tal-VAT għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002. L-Ispettur ikkonferma l-imsemmi aġġustament meta ddeċieda fuq ilment. Ir-Rechtbank Leeuwarden ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur. PPG appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Leeuwarden. |
15 |
Quddiem din il-qorti, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Ispettur kellux dritt jagħmel aġġustament tal-VAT imnaqqsa minn PPG. |
16 |
PPG irrispondiet għal din id-domanda f’sens negattiv, billi sostniet li l-ispejjeż li jirrigwardaw il-pensjoni ta’ rtirar tal-ħaddiema tal-membri tagħha jikkostitwixxu spejjeż ġenerali tal-impriża u li, għaldaqstant, il-VAT li ġiet iffatturata lilha tagħti lok għal tnaqqis fuq il-bażi tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi. Sussidjarjament, PPG issostni li l-eżenzjoni previsti fl-Artikolu 11(1)(i)(3) tal-Liġi tapplika għas-servizzi pprovduti lill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ rtirar tal-ħaddiema. |
17 |
L-Ispettur isostni li PPG ma tistax titqies bħala hija stess destinatarja tas-servizzi li hija ttrasferiet fil-fond għal pensjoni ta’ rtirar mingħajr ma tiffattura korrispettiv u, għaldaqstant, ma għandhiex id-dritt li tnaqqas il-VAT li ġiet iffatturata lilha f’dan il-kuntest. Rigward il-kwistjoni sussidjarja dwar l-eżenzjoni mill-VAT, l-Ispettur ikkonkluda li l-fondi għal pensjoni ta’ rtirar ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “fondi speċjali ta’ investiment”. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Leeuwarden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
19 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li tkun ħolqot fond tal-pensjoni taħt forma ta’ entità legalment u fiskalment separata, sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tal-irtirar tal-impjegati tagħha u tal-ex impjegati tagħha, għandhiex dritt li tnaqqas il-VAT li hija ħallset fuq servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-funzjonament ta’ dan il-fond. |
20 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domandi, għandu jitfakkar, preliminarjament li s-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mis-Sitt Direttiva hija intiża li teħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Barra minn hekk, is-sistema komuni tal-VAT tfittex li tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet innifishom ikunu, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Klub, C-153/11, punt 35, u tal-4 ta’ Ottubru 2012, PIGI, C-550/11, punt 21). |
21 |
L-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni tal-output waħda jew iktar li jagħtu d-dritt għal tnaqqis hija, bħala prinċipju, neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input jiġi rikonoxxut lill-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dritt bħal dan (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 24, u tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 26). |
22 |
Madankollu dritt għal tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fin-nuqqas ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Becker, C-104/12, punt 20). |
23 |
Fiż-żewġ każijiet, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tippresupponi li l-ispiża tas-servizzi tal-input hija inkluża rispettivament fil-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output speċifiċi jew fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 60, tas-16 ta’ Frar 2012, Eon aset Menidjmunt, C-118/11, punt 48, u tat-30 ta’ Mejju 2013, X, C-651/11, punt 55). |
24 |
Peress li r-rabta diretta u immedjata li tagħti dritt għat-tnaqqis tista’ madankollu tkun nieqsa minħabba li l-imsemmija servizzi ma humiex użati mill-persuna taxxabbli iżda minn entità legalment u fiskalment separata, għandu jiġi vverifikat jekk l-eżistenza tal-imsemmija rabta tirriżultax madankollu miċ-ċirkustanzi kollha tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. |
25 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, PPG kisbet is-servizzi inkwistjoni sabiex tiżgura l-amministrazzjoni ta’ pensjoni ta’ rtirar tal-impjegati tagħha u l-ġestjoni tal-kapital tal-fondi għal pensjoni ta’ rtirar ikkostitwit sabiex tiggarantixxi l-imsemmija pensjonijiet ta’ rtirar. Billi kkostitwiet il-fond, PPG issodisfatt obbligu li hija għandha bħala persuna li timpjega u, sa fejn l-ispejjeż tas-servizzi miksuba minn PPG f’dan il-kuntest jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, huma, bħala tali, komponenti tal-prezz tal-prodotti ta’ PPG (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I84357, punt 36). |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li l-kawża esklużiva tal-akkwist tas-servizzi tal-input hija l-attivitajiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli u li teżisti rabta diretta u immedjata. |
27 |
Fin-nuqqas ta’ dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa, il-persuna taxxabbli mhux biss tkun imċaħħda, minħabba l-għażla leġiżlattiv li tipproteġi l-pensjonijiet ta’ rtirar permezz ta’ separazzjoni legali bejn il-persuna li timpjega u l-fond għal pensjoni ta’ rtirar, mill-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis, iżda n-newtralità tal-VAT wkoll ma tkunx iggarantita iktar. |
28 |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-possibbiltà, invokata waqt is-seduta, li jiġi ssodisfatt l-obbligu legali li tiġi pprovduta sistema għal pensjoni ta’ rtirar għall-impjegati tal-persuna taxxabbli permezz ta’ mezzi differenti minn dak li jiġi kkostitwiet fond taħt forma ta’ entità legalment u fiskalment separata. It-teżi kuntrarja jkollha fil-fatt l-effett li tirristrinġi l-libertà li l-persuni taxxabbli jgawdu li jagħżlu l-istrutturi organizzazzjonali u l-metodi tranżazzjonali li huma jqisu li huma l-iktar xierqa għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u għall-finijiet li jillimitaw il-piżijiet fiskali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings, C-277/09, Ġabra p. I-13805, punt 53). |
29 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li tkun ħolqot fond għal pensjoni ta’ rtirar taħt forma ta’ entità legalment u fiskalment separata, sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tal-irtirar tal-impjegati tagħha u tal-ex impjegati tagħha, għandha dritt li tnaqqas il-VAT li hija ħallset fuq servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-funzjonament ta’ dan il-fond, sakemm l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. |
Fuq it-tieni domanda
30 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li fond għal pensjoni ta’ rtirar maħluq bil-għan li tiġi kkostitwita, għall-persuni affiljati fih, pensjoni ta’ rtirar bl-inqas spiża possibbli, u li fil-kuntest tiegħu jinġieb u jiġi investit kapital mill-persuni affiljati jew għan-nom tagħhom bi qsim tad-dħul mill-investiment, jistax jitqies bħala ‘fond speċjali ta’ investiment’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
31 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tieni domanda tqum biss jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv. Barra minn hekk, din it-tieni domanda hija, essenzjalment, identika għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C-424/11). |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li tkun ħolqot fond għal pensjoni ta’ rtirar taħt forma ta’ entità legalment u fiskalment separata, sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tal-irtirar tal-impjegati tagħha u tal-ex impjegati tagħha, għandha dritt li tnaqqas il-VAT li hija ħallset fuq servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-funzjonament ta’ dan il-fond, sakemm l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.