Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-20/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Elodie Giersch,

Benjamin Marco Stemper,

Julien Taminiaux,

Xavier Renaud Hodin,

Joëlle Hodin

vs

État du Grand-Duché de Luxembourg,

fil-preżenza ta’:

Didier Taminiaux,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal E. Giersch, minn S. Coï, avukat,

– għal B. M. Stemper, minn S. Jacquet, avukat,

– għal J. Taminiaux, minn P. Peuvrel u V. Wauthoz, avukati,

– għal X. R. Hodin u għal J. Hodin, minn G. Thomas, avukat,

– għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,

– għal D. Taminiaux, minn P. Peuvrel u V. Wauthoz, avukati,

– għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,

– għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u C. Vang, bħala aġenti,

– għall-Gvern Elleniku, minn G. Papagianni, bħala aġent,

– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

– għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Stege u U. Persson, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (il-Ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u studenti li talbu li jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, sabiex isegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

3. F’April 2011, il-Kummissjoni Ewropea b’mod parallel fetħet proċedura għal ksur kontra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għadha fil-fażi prekontenzjuża. Permezz ta’ opinjoni motivata tas-27 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru jtemm id-diskriminazzjoni osservata fil-konfront tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familja tagħhom fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, iżda wkoll fl-għoti ta’ għajnuna fix-xahar lil voluntieri żgħażagħ u tal-allowances imsejħa “boni pour enfant”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68:

“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[...].”

Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża

5. L-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla hija rregolata bil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla ( Mémorial  A 2000, p. 1106), kif emendata bil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 ( Mémorial  A 2010, p. 2040, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000”).

6. Din l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self u tista’ tintalab indipendentement mill-Istat li fih l-istudent beħsiebu jsegwi l-edukazzjoni ogħla tiegħu.

7. Fil-verżjoni inizjali tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-Artikolu 2 tagħha kien jiddefinixxi l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna fit-termini segwenti:

“jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti awtorizzatti li jkomplu l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

a) ikunu ċittadini lussemburgiżi, jew

b) ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, ikollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u jkunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 12 tar-Regolament [Nru 1612/68],

[...].”

8. Il-Liġi tal-4 ta’ April 2005 li temenda l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla ( Mémorial  A 2005, p. 786) kienet issostitwiet l-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar Liġi bit-test li ġej:

“a) ikunu ċittadini Lussemburgiżi u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew [...]”.

9. Wara l-emendi introdotti bl-Artikolu 1(2) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, l-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 jipprovdi:

“Benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja

Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti awtorizzatti li jkomplu l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

a) ikunu ċittadini Lussemburgiżi jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

b) ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkunu residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti [...]

[...].”

10. Il-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni ttrasponiet fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 2004/38. L-Artikolu 6(1) ta’ din il-Liġi jistabbilixxi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jgħix fit-territorju Lussemburgiż għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa jew ir-rekwiżit li jeżerċita, bħala ħaddiem, attività bħala persuna impjegata jew inkella attività indipendenti, jew ir-rekwiżit li jkun irreġistrat f’istituzzjoni pubblika jew privata, rikonoxxuta fil-Lussemburgu, biex hemmhekk isegwi prinċipalment l-istudji tiegħu, u jekk jiggarantixxi li għandu assigurazzjoni għall-mard u riżorsi suffiċjenti għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali.

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11. Billi mlew applikazzjoni stabbilita mis-Centre de documentation et d’information sur l’enseignement supérieur (Ċentru ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla) fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni ogħla u tar-Riċerka, E. Giersch, J. Hodin, D. Taminiaux u B. M. Stemper, talbu, inkwantu studenti u għas-sena universitarja 2010/2011, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ diploma.

12. E. Giersch, J. Hodin u D. Taminiaux huma residenti fil-Belġju u indikaw li segwew l-istudji tagħhom f’dan l-Istat Membru matul is-sena universitarja 2010/2011. B. M. Stemper huwa residenti fil-Ġermanja u ddikjara li beħsiebu jsegwi studji fir-Renju Unit.

13. Il-Ministru ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal għajnuna finanzjarja billi bbaża ruħu fuq l-istess raġuni, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ residenza previst fl-Artikolu 2(b) tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000.

14. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikorsi quddiem it-Tribunal administratif de recours [Qorti amministrattiva tal-appell] sabiex jiksbu l-bdil jew l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Ministru. Kull wieħed mir-rikorrenti invoka, b’mod partikolari, il-fatt li wieħed mill-ġenituri tiegħu jaħdem fil-Lussemburgu. Dawn ir-rikorsi ġew ikkunsidrati ammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet.

15. Filwaqt li ġie adit b’600 rikors simili ieħor, pendenti quddiemu, unikament għas-sena universitarja 2010/2011, it-Tribunal administratif iddeċieda li jgħaqqad ir-rikorsi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

16. Quddiem dik il-qorti, l-imsemmija rikorrenti sostnew li l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li hija suġġetta għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

17. Ir-rikorrenti jsostnu li r-rekwiżit ta’ residenza invokat kontrihom mill-Ministru jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk mhux diretta, minn tal-inqas indiretta.

18. Għalhekk qed tiġi invokata diskriminazzjoni diretta sa fejn, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, iċ-ċittadin Lussemburgiż jew il-membru tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż għandu jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Lussemburgu, filwaqt li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għandu jkun residenti hemmhekk. Madankollu, jekk ikollu jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadini Lussemburgiżi u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra huma suġġetti għall-istess rekwiżit ta’ residenza fit-territorju Lussemburgiż, dan ir-rekwiżit ta’ residenza jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li ċ-ċittadini Lussemburgiżi jistgħu jissodisfawh b’iktar faċilità miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

19. Quddiem it-Tribunal administratif, il-Gvern Lussemburgiż ikkontesta l-fatt li l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni tikkostitwixxi benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, minħabba li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna huwa student adult awtonomu, li jifforma l-unità familjari tiegħu u li ma huwiex taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu.

20. L-imsemmi Gvern sostna li l-għan imfittex mis-sistema ta’ għajnuna Lussemburgiża jiġġustifika li ċ-ċirku tal-benefiċjarji tagħha jiġi limitat biss għar-residenti. L-għan tal-liġi li tistabbilixxi l-imsemmija għajnuna finanzjarja huwa li tiġi inkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħda n il-popolazzjoni residenti, sabiex din tilħaq l-40 % sal-2020, filwaqt li fl-2010 din kienet biss ta’ 28 %. Issa, din il-perċentwali hija nettament inqas minn dik ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istati paragunabbli għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

21. Skont il-Gvern Lussemburgiż, fl-assenza ta’ rekwiżit ta’ residenza, kull student, anki jekk ma jkollu l-ebda rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat sabiex isegwi studji f’edukazzjoni ogħla fi kwalunkwe pajjiż tad-dinja, u dan jagħti lok għal “turiżmu ta’ boroż ta’ studju” li ma jistax ikun sostnut mill-baġit nazzjonali.

22. Skont dan il-Gvern la hemm diskriminazzjoni diretta u lanqas diskriminazzjoni indiretta. Ir-rekwiżit ta’ residenza, li japplika kemm għaċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll għaċ-ċittadini barranin, jikkostitwixxi kriterju ta’ għoti leġittimu tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000.

23. It-Tribunal administratif jiċħad, l-ewwel nett, l-argument tal-Gvern Lussemburgiż li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla bħala benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, minħabba li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna huwa student adult awtonomu, li ma huwiex taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu.

24. F’dan ir-rigward, it-Tribunal administratif josserva li din l-għajnuna finanzjarja, mogħtija mil-liġi sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla, hija komposta minn ammont bażiku u, fejn applikabbli, minn żieda li jistgħu jvarjaw skont, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu mill-istudent. Issa l-imsemmija qorti tqis li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent teżiġi li jiġi vverifikat jekk dan tal-aħħar, lil hinn mill-finzjoni prevista mil-leġiżlatur, huwiex realment awtonomu, jew bil-kontra ta’ dan jekk huwiex sostnut mill-ġenituri tiegħu.

25. Peress li kkonstata li, fil-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti kollha kienu studenti full-time u ma kienu għamlu l-ebda dħul matul is-sena universitarja 2010/2011, kif ukoll li dawn kienu għadhom jiffurmaw parti mill-unità familjari tal-missirijiet jew tal-ommijiet rispettivi tagħhom, it-Tribunal administratif iddeċieda li huma kellhom jiġu kkunsidrati bħala taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom, li huma ħaddiema migranti. L-imsemmija qorti tosserva wkoll li l-imsemmija rikorrenti kollha kemm huma jinvokaw, effettivament, il-fatt li missierhom jew ommhom jaħdmu fil-Lussemburgu.

26. Filwaqt li jirreferi għall-punt 23 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071), it-Tribunal administratif ifakkar, barra minn hekk, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

27. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, li ssemmi l-punt 24 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C-212/05, Ġabra p. I-6303), finanzjament għall-edukazzjoni mogħti mill-Istat Membru lil ulied ta’ ħaddiema migranti jikkostitwixxi, għall-ħaddiem migrant jew għal ħaddiem transkonfinali, vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, meta l-ħaddiem ikompli jiżgura l-manteniment tal-wild ikkonċernat. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-punt 28 tas-sentenza Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, dan il-wild jista’ jinvoka l-imsemmi Artikolu 7(2), sabiex jikseb finanzjament għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati fil-konfront ta’ wlied ta’ ħaddiema nazzjonali, peress li l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 hija wkoll intiża sabiex jiġu preklużi d-diskriminazzjonijiet magħmula bi ħsara tad-dixxendenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ħaddiem.

28. Għalhekk, skont it-Tribunal administratif, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(2) tar-regolament Nru 1612/68 sabiex jiksbu finanzjament għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ulied ta’ ħaddiema nazzjonali.

29. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argument dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Il-kunċetti ta’ “domiċilju” u ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, ikopru, fil-fehma tagħha, l-istess kunċett fattwali, jiġifieri l-post ta’ fejn tinsab l-abitazzjoni reali, legali u kontinwa tal-persuna kkonċernata. Il-fatt li sostantivament dawn huma identiċi huwa kkonfermat bl-Artikolu 3 tar-Regolament Gran Dukali, tat-12 ta’ Novembru 2012, li jemenda r-Regolament Gran Dukali, tal-5 ta’ Ottubru 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla ( Mémorial  A 2010, p. 3430), li jippreċiża li l-istudenti msemmija fl-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, jiġifieri kemm iċ-ċittadini Lussemburgiżi, jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż, kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, huma obbligati li jippreżentaw ċertifikat ta’ residenza fil-Lussemburgu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.

30. It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, it-Tribunal administratif ifakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi l-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Filwaqt li tirreferi għall-punt 53 tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119), il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rekwiżit ta’ residenza, minħabba li hemm ir-riskju li dan ikun ta’ żvantaġġ prinċipalment għaċ-ċittadini ta’ stati Membri oħra peress li ċ-ċittadini Lussemburgiżi jistgħu jissodisfawh b’iktar faċilità, jista’, f’dan il-kuntest, jitqies li huwa diskriminatorju.

31. Differenza fit-trattament tista’ madankollu tkun ġustifikata jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u li jkunu proporzjonali għall-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali.

32. Peress li qies li fil-kawża prinċipali kien importanti li l-leġittimità ta’ tali diskriminazzjoni indiretta tiġi vverifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-Tribunal administratif iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] mħabbar fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja li saru mill-Istat Lussemburgiż, jiġifieri li tipprova tiġi nkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, li attwalment hija insuffiċjenti meta mqabbel ma’ dik internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni residenti fil-Lussemburgu, kunsiderazzjonijiet li jkunu mhedda serjament li kieku l-Istat Lussemburgiż kellu jagħti l-għajnuna finanzjarja għal studji terzjarji lill-istudenti kollha, mingħajr ebda konnessjoni mas-soċjetà tal-Gran Dukat, sabiex iwettqu l-istudji terzjarji tagħhom fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, li jwassal għal piż li ma huwiex raġonevoli għall-baġit tal-Istat Lussemburgiż, jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet, fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja ċċitata li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti li jirriżulta mill-obbligu ta’ residenza impost kemm fuq iċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll fuq ċittadini li ġejjin minn Stati Membri oħra sabiex jiksbu għajnuna għall-istudji terzjarji?”

Fuq id-domanda preliminari

33. Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent u tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru, bil-għan li tiġi inkoraġġuta ż-żieda fil-proporzjon ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li jiġi evitat l-oneru finanzjarju kbir wisq li jirriżulta li kieku din l-għajnuna tingħata lill-istudenti kollha.

Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

34. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 45(2) TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

35. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C-287/05, Ġabra p. I-6909, punt 53).

36. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali.

37. Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C-213/05, Ġabra p. I-6347, punt 15, u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-542/09, punt 33).

38. Skont ġurisprudenza stabbilita għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punt 24, Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

39. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) meta dan tal-aħħar ikompli jipprovdi l-manteniment tal-wild (sentenzi Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 29, u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 19, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

40. Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Peress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni huwa nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, Ġabra p. 2811, punti 12 u 13; Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41. Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet manifesti, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija li, għalkemm fondata fuq kriterji ta’ riferiment oħra, twassal għall-istess riżultat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 44; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 41; tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-269/07, Ġabra p. I-7811, punt 53, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

42. Fil-kawża prinċipali inkwistjoni hawnhekk, il-qorti tar-rinviju qieset, billi interpretat id-dritt nazzjonali, li r-rekwiżiti ta’ domiċilju u ta’ residenza meħtieġa mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huma ekwivalenti, b’tali mod li r-rekwiżit ta’ residenza japplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Lussemburgiżi u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

43. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ta’ rekwiżit ta’ residenza fil-Lussemburgu ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta.

44. Min-naħa l-oħra, sa fejn tipprevedi distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, hemm ir-riskju li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ta’ ħsara għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn il-persuni mhux residenti huma normalment persuni li ma humiex ċittadini (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 14; tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C-382/08, Ġabra p. I-139, punt 34, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

45. F’dan il-kuntest, huwa immaterjali jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali rekwiżit kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14); Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny, C-172/11, punt 41).

46. L-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li rekwiżit ta’ residenza huwa impost fuq studenti wlied ta’ ħaddiema transkonfinali għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bħala prinċipju pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Sabiex tkun iġġustifikata din għandha tkun xierqa sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et , C-73/08, Ġabra p. I-2735, punti 47 u 48, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

Fuq l-eżistenza ta’ għan leġittimu

47. Sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament tal-ħaddiema transkonfinali f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, il-Gvern Lussemburgiż jinvoka żewġ argumenti, wieħed, ta’ natura soċjali, l-ieħor, ta’ natura baġitarja, u jsostni li dawn huma intrinsikament marbutin ma’ xulxin.

48. L-għan ikklassifikat bħala “soċjali” minn dan il-Gvern jikkonsisti f’li jiżdied, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fil-Lussemburgu. Ir-rata kkonstatata ta’ dan il-proporzjon, jiġifieri 28 %, hija nettament inferjuri għall-perċentwali ta’ individwi li għandhom diplomi simili fi Stati komparabbli għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-imsemmi Gvern iqis li huwa meħtieġ li tintlaħaq ir-rata ta’ 66 % ta’ individwi li għandhom diplomi ta’ edukazzjoni ogħla fost il-popolazzjoni residenti, peress li dan jippermettilu li jaffaċja r-rekwiżit, li dejjem qiegħed isir iktar urġenti, li jiżgura t-tranżizzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża lejn ekonomija tal-għarfien.

49. Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla huwa limitat biss għar-residenti fil-Lussemburgu, minħabba l-fatt li huma biss dawn il-persuni li jippreżentaw, fl-opinjoni tiegħu, rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ta’ natura tali li wieħed jista’ jippreżumi li wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mis-sistema kkonċernata ta’ għajnuna għall-finanzjament tal-istudji tagħhom, jekk ikun il-każ barra mil-Lussemburgu, dawn il-persuni jmorru lura l-Lussemburgu, fejn l-għarfien miksub ikun jista’ jitqiegħed għall-profitt tal-iżvilupp tal-ekonomija Lussemburgiża.

50. Skont l-imsemmi Gvern, minħabba limitazzjonijiet baġitarji, ma huwiex possibbli għalih li jkun iktar ġeneruż fil-konfront tal-istudenti mhux residenti, mingħajr ma jikkomprometti l-finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna kollha kemm hi. L-għan ta’ natura baġitarja jikkonsisti f’li jiġi evitat il-piż mhux raġonevoli fuq il-baġit tal-Istat li jkun jinvolvi l-estensjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja lil dawn l-istudenti mhux residenti, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali.

51. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ residenza, għandu jitfakkar li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq jadotta, huma madankollu ma humiex fihom innifishom l-għan imfittex minn din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni kontra ħaddiema migranti (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52. Li jiġi aċċettat li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jiġġustifikaw trattament differenti bejn ħaddiema migranti u ħaddiema nazzjonali jkun jimplika li l-applikazzjoni u l-portata ta’ regola tant fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huwa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jistgħu jvarjaw, fiż-żmien u fl-ispazju, skont l-Istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53. F’dak li jirrigwarda l-għan soċjali, għandu jiġi osservat li l-promozzjoni tat-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla huwa għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni, hekk kif josservaw b’mod partikolari l-Gvernijiet tal-Lussemburgu u tal-Awstrija.

54. Għalhekk, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2010, intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” [COM(2010) 2020 finali], iż-żieda tal-proporzjon tal-popolazzjoni, ta’ bejn it-30 u l-34 il-sena, li tkun lestiet kors universitarju minn 31 % għal mill-inqas 40 % fl-2020 hija ċċitata bħala waħda mill-għanijiet prinċipali miftiehma fuq livell tal-Unjoni. Dan id-dokument jinkoraġġixxi lil kull Stat Membru jimplementa fuq livell nazzjonali, permezz ta’ miżuri konkreti, dawn l-għanijiet prinċipali.

55. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħu, tat-12 ta’ Mejju 2009, dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“Edukazzjoni u taħriġ 2020”) (ĠU C 119, p. 2), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien diġà esprima dan l-għan intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2010, dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 135, p. 2), l-Istati Membri huma mistiedna, f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni ogħla, jelaboraw politiki intiżi sabiex itejbu r-rata ta’ suċċess f’din l-edukazzjoni.

56. Minn dan jirriżulta li azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ u sabiex jippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tiegħu tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

Fuq in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza

57. Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-iskema ta’ għajnuna limitata għal persuni residenti fil-Lussemburgu hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan soċjali leġittimu intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diplomi ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti ta’ dan l-Istat Membru.

58. F’dan ir-rigward, dan il-Gvern isostni li huwa probabbli li, wara li jkunu wettqu studji f’edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż, l-istudenti kkonċernati jiġu lura fl-Istat ta’ residenza sabiex jistabbilixxu ruħhom u jaħdmu hemmhekk. Huwa jikkunsidra li studenti residenti barra mill-pajjiż, anki jekk ikunu, barra minn hekk, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fil-Lussemburgu, la għandhom xi raġuni partikolari li jpoġġu ruħhom personalment għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom, u lanqas ma għandhom interess li jintegraw ruħhom fis-soċjetà Lussemburgiża. L-imsemmi Gvern iqis li huwa ġustifikat li jillimita l-għoti ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-istudenti residenti fil-Lussemburgu meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jibdew studji f’edukazzjoni ogħla, peress li dawn diġà huma integrati fis-soċjetà Lussemburgiża u, wara li jlestu l-istudji tagħhom, normalment għandhom ipoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru.

59. Il-Gvern Lussemburgiż ikompli jgħid li teżisti, barra minn hekk, “rata ta’ rotazzjoni” għolja ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali bħala ħaddiema transkonfinali, fejn dawn jaħdmu f’din il-kwalità biss għal perijodu limitat, fatt li ma jippermettix li x-xogħol transkonfinali jitqies bħala fattur ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-istat fejn jinsab l-impjieg li jkun jixxiebah għar-residenza f’dan l-Istat u jkun suffiċjentement kbir sabiex jeżerċita influwenza fuq l-għażliet ta’ residenza tal-ulied tal-ħaddiem transkonfinali, ladarba dawn jispiċċaw l-istudji tagħhom.

60. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza. Tali rekwiżit ma jiggarantixxix l-ilħiq tal-għan intiż li jiżdied in-numru ta’ persuni b’diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata biss lill-istudenti residenti fil-Lussemburgu fid-data ta’ meta ssir it-talba għal għajnuna finanzjarja ma jimplikax li wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom ta’ edukazzjoni ogħla dawn ser ipoġġu ruħhom b’mod permanenti u definittiv għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Barra minn hekk, peress li l-Università tal-Lussemburgu ma hijiex stabbiliment li joffri tagħlim ġenerali, ħafna minn dawn l-istudenti residenti jkomplu l-istudji tagħhom barra mil-Lussemburgu u huma jintegraw ruħhom fl-Istat tal-post fejn iwettqu l-istudji tagħhom iktar milli fil-Lussemburgu, u b’dan il-mod jibbenefikaw minn perspettivi professjonali li jmorru ferm lil hinn mil-Lussemburgu.

61. L-imsemmija rikorrenti jsostnu li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Lussemburgiż, l-istudenti mhux residenti, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali, għandhom raġunijiet partikolari sabiex ipoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom. Għalhekk, minn naħa, iċ-ċirkustanza li ġenitur tal-istudent jaħdem/taħdem fil-Lussemburgu timplika li l-unità familjari, li minnha jifforma parti l-istudent, għandha, fil-konfront tal-Lussemburgu, ċerta prossimità ġeografika. Min-naħa l-oħra, minħabba l-kriżi ekonomika li qed taffettwa b’mod qawwi l-Istati Membri konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, x’aktarx li ulied ħaddiema transkonfinali jkunu mħajra, wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom, li jfittxu sitwazzjoni professjonali stabbli, bħal dik tal-ġenituri tagħhom, li jkun ilhom jaħdmu għal diversi snin f’dan l-Istat Membru.

62. Skont il-Kummissjoni, mhux biss talli l-ħaddiema transkonfinali għandhom rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, iżda talli huma integrati fiha permezz tal-impjieg li huma jeżerċitaw fil-Lussemburgu. Peress li teżisti tali rabta, rekwiżit ta’ residenza la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-ulied ta’ tali ħaddiema, li edukazzjoni ogħla tagħhom tiġi ffinanzjata permezz tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollhom rabta stretta mal-Istat Membru li jagħti din l-għajnuna.

63. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħaddiema migranti u transkonfinali, ladarba jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju ħolqu rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla, rispettivament, mal-ħaddiema nazzjonali u mal-ħaddiema residenti. Ir-rabta ta’ integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, flimkien mal-kontribuzzjonijiet fiskali li huma jħallsu fl-Istat Membru ospitanti skont l-attività mħallsa li huma jeżerċitaw fih, il-ħaddiema migranti u transkonfinali jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tal-politika soċjali ta’ dan l-Istat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, C-379/11, Caves Krier Frères, punt 53).

64. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema transkonfinali, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerti ġustifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda leġiżlazzjonijiet li jagħmlu distinzjoni bejn persuni residenti u persuni mhux residenti li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat ikkonċernat, skont il-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru jew skont ir-rabta tagħhom miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Hartmann, punti 35 u 36, Geven, punt 26, u Hendrix, punti 54 u 55).

65. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ħaddiem transkonfinali qatt ma huwa integrat fl-Istat tal-impjieg bl-istess mod kif ikun integrat ħaddiem residenti f’dan l-Istat.

66. Fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali mill-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għal edukazzjoni ogħla, huwiex xieraq sabiex tinħoloq probabbiltà raġonevoli li l-istudent jiġi lura lejn il-Lussemburgu, wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu, peress li l-Gvern Lussemburgiż iqis li dan ir-ritorn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex.

67. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li huwa possibbli li jiġi preżunt li l-possibbiltà ta’ installazzjoni fil-Lussemburgu u ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż fi tmiem l-edukazzjoni ogħla, anki meta din l-edukazzjoni tkun inkisbet barra mill-pajjiż, hija iktar qawwija fir-rigward tal-istudenti li jkunu residenti fil-Lussemburgu meta jibdew l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla milli fir-rigward tal-istudenti li ma jkunux residenti.

68. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ residenza previst mill-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan intiż għall-promozzjoni tat-tkomplija tal-istudji f’edukazzjoni ogħla u sabiex jiżdied, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu.

69. Madankollu, jifdal li jiġi ddeterminat jekk dan ir-rekwiżit imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-imsemmi għan jintlaħaq.

Fuq in-neċessità tar-rekwiżit ta’ residenza

70. Skont il-Gvern Lussemburgiż, l-adozzjoni ta’ rekwiżit ta’ residenza ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex jintlaħaq. Dan ir-rekwiżit huwa ġġustifikat minn raġunijiet baġitarji u huwa marbut direttament mal-għan ekonomiku invokat. Minħabba limitazzjonijiet baġitarji, ma huwiex possibbli għalih li jkun iktar ġeneruż fil-konfront tal-istudenti mhux residenti, mingħajr ma jikkomprometti l-finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna kollha kemm hi. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ kriterju ieħor ta’ għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, dak ibbażat fuq il-fatt li ġenitur tal-istudent mhux residenti jaħdem/taħdem fil-Lussemburgu, tkun tmur direttament kontra ż-żewġ għanijiet flimkien tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71. F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk huwiex biss ir-rekwiżit ta’ residenza minn qabel li jista’ jiżgura lill-Istat Lussemburgiż probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura biex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jpoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, jew jekk jeżistux kriterji oħra li jippermettu wkoll li tali probabbiltà tiġi żgurata mingħajr ma jiġu esklużi l-ulied kollha mhux residenti ta’ ħaddiema transkonfinali.

72. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li rekwiżit ta’ residenza jista’ jkun sproporzjonat jekk dan ikun ta’ natura esklużiva wisq sa fejn dan jiffavorixxi indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor rappreżentattiv (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73. Fil-punti 86 u 87 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat ma kienx spjega b’mod konvinċenti r-raġunijiet li għalihom l-għan imfittex ma setgħax jintlaħaq, b’mod inqas restrittiv, jew permezz ta’ regola iktar flessibbli minn dik “ta’ tliet snin minn sitta”, jew billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, li juru livell simili ta’ rabta, bħall-impjieg. Għalhekk hija ddeċidiet li, billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija regola kienet tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-livell effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru u li huwa ta’ natura esklużiva wisq. Għalhekk ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” kienet tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex jintlaħaq.

74. L-iskema Lussemburgiża ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla teskludi lill-persuni mhux residenti kollha mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, u din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-istudenti mhux residenti.

75. Konsegwentement, wild ħaddiem migrant li jirrisjedi mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li jkun jixtieq jistudja fil-Lussemburgu huwa eskluż mill-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla. Barra minn hekk, anki jekk il-ġenituri tagħhom jirrisjedu fil-Lussemburgu, l-istudenti mhux residenti fid-data ta’ meta jagħmlu t-talba għall-għajnuna huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, minkejja li l-ġenituri tagħhom ikomplu jipprovdu għall-manteniment tagħhom. Barra minn hekk, l-effett tal-iskema ta’ għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jeskludi mill-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna lill-ulied ta’ ħaddiema mhux residenti li ilhom jaħdmu fil-Lussemburgu matul perijodu kunsiderevoli.

76. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura esklużiva wisq. Fil-fatt, billi timponi rekwiżit ta’ residenza minn qabel tal-istudent fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-liġi tagħti preferenza lil element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ rabta tal-persuna kkonċernata ma dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

77. B’mod partikolari, sa fejn l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla hija intiża sabiex tiffavorixxi t-tkomplija ta’ studji f’edukazzjoni ogħla kemm fil-Lussemburgu kif ukoll f’kull pajjiż ieħor, l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, tista’ tiġi stabbilita minn elementi oħra għajr ir-rekwiżit ta’ residenza minn qabel tal-istudent ikkonċernat.

78. Fil-fatt, jidher li huwa possibbli li rabta suffiċjenti tal-istudent mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tippermetti li tiġi konkluża tali probabbiltà tirriżulta wkoll mill-fatt li dan l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li l-ġenituri tiegħu ilhom, għal perijodu kunsiderevoli, jaħdmu fil-Lussemburgu u jgħixu fil-prossimità ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

79. Fir-rigward tal-possibbiltajiet li l-leġiżlatur Lussemburgiż għandu, jista’ jiġi indikat li, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, sa fejn l-għajnuna hija komposta minn, pereżempju, self, sistema ta’ finanzjament li tissuġġetta l-għoti ta’ dan is-self, jekk mhux saħansitra l-kumplament tiegħu, jew in-nuqqas ta’ rimbors tiegħu, għall-kundizzjoni li l-istudent li jibbenefika minnu jiġi lura l-Lussemburgu wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu barra mill-pajjiż, sabiex jaħdem u jirrisjedi hemmhekk, tista’ tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, mingħajr ma ssir ħsara lill-ulied ta’ ħaddiema transkonfinali. F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, ir-riskju ta’ kumulu mal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja ekwivalenti li titħallas fl-Istat Membru fejn l-istudent jirrisjedi, waħdu jew mal-ġenituri tiegħu, dan jista’ jiġi evitat billi tali allowance tittieħed inkunsiderazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna mħallsa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

80. Fuq kollox, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, invokat mill-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiem transkonfinali li jħallas it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-Lussemburgu jkollhom rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża, jista’ jiġi previst li l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent mhux residenti fil-Lussemburgu, ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu speċifiku. F’kuntest ieħor, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva, li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tal-imsemmija direttiva għandu jgawdi trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat li jagħti għajnuna għall-manteniment matul l-istudju qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti li, skont l-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva, huwa suġġett għal-rekwiżit ta’ residenza ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

81. Għandu jiġi osservat li, fil-kawżi prinċipali, tali riskju għandu jitwarrab sa fejn huwa paċifiku li E. Giersch, B. M. Stemper, J. Taminiaux u J. Hodin kollha kemm huma għandhom missier jew omm li ilhom jaħdmu fil-Lussemburgu għal, rispettivament, 23 sena, 32 sena, 28 sena u 23 sena.

82. Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent u li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti ta’ dan l-Istat Membru li huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività f’dan l-Istat Membru, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija nazzjonali.

83. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun kif ġej:

– L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

– Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant għall-imsemmija għajnuna finanzjarja mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.

Fuq l-ispejjeż

84. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant, għall-imsemmija għajnuna finanzjarja, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.


SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(2) — Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla — Rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna — Għajnuna rrifjutata lil studenti, ċittadini tal-Unjoni li ma jirrisjedux fl-Istat Membru kkonċernat, li missierhom jew ommhom, ħaddiema transkonfinali, jaħdmu fl-imsemmi Stat Membru — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla — Natura xierqa — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-20/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Elodie Giersch,

Benjamin Marco Stemper,

Julien Taminiaux,

Xavier Renaud Hodin,

Joëlle Hodin

vs

État du Grand-Duché de Luxembourg,

fil-preżenza ta’:

Didier Taminiaux,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Giersch, minn S. Coï, avukat,

għal B. M. Stemper, minn S. Jacquet, avukat,

għal J. Taminiaux, minn P. Peuvrel u V. Wauthoz, avukati,

għal X. R. Hodin u għal J. Hodin, minn G. Thomas, avukat,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,

għal D. Taminiaux, minn P. Peuvrel u V. Wauthoz, avukati,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u C. Vang, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Papagianni, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Stege u U. Persson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (il-Ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u studenti li talbu li jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, sabiex isegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

3

F’April 2011, il-Kummissjoni Ewropea b’mod parallel fetħet proċedura għal ksur kontra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għadha fil-fażi prekontenzjuża. Permezz ta’ opinjoni motivata tas-27 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru jtemm id-diskriminazzjoni osservata fil-konfront tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familja tagħhom fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, iżda wkoll fl-għoti ta’ għajnuna fix-xahar lil voluntieri żgħażagħ u tal-allowances imsejħa “boni pour enfant”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[...].”

Il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża

5

L-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla hija rregolata bil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2000, p. 1106), kif emendata bil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000”).

6

Din l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self u tista’ tintalab indipendentement mill-Istat li fih l-istudent beħsiebu jsegwi l-edukazzjoni ogħla tiegħu.

7

Fil-verżjoni inizjali tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-Artikolu 2 tagħha kien jiddefinixxi l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna fit-termini segwenti:

“jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti awtorizzatti li jkomplu l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

ikunu ċittadini lussemburgiżi, jew

b)

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, ikollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u jkunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 12 tar-Regolament [Nru 1612/68],

[...].”

8

Il-Liġi tal-4 ta’ April 2005 li temenda l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2005, p. 786) kienet issostitwiet l-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar Liġi bit-test li ġej:

“a)

ikunu ċittadini Lussemburgiżi u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew [...]”.

9

Wara l-emendi introdotti bl-Artikolu 1(2) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, l-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 jipprovdi:

“Benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja

Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, l-istudenti awtorizzatti li jkomplu l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

ikunu ċittadini Lussemburgiżi jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

b)

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkunu residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti [...]

[...].”

10

Il-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni ttrasponiet fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 2004/38. L-Artikolu 6(1) ta’ din il-Liġi jistabbilixxi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jgħix fit-territorju Lussemburgiż għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa jew ir-rekwiżit li jeżerċita, bħala ħaddiem, attività bħala persuna impjegata jew inkella attività indipendenti, jew ir-rekwiżit li jkun irreġistrat f’istituzzjoni pubblika jew privata, rikonoxxuta fil-Lussemburgu, biex hemmhekk isegwi prinċipalment l-istudji tiegħu, u jekk jiggarantixxi li għandu assigurazzjoni għall-mard u riżorsi suffiċjenti għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali.

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Billi mlew applikazzjoni stabbilita mis-Centre de documentation et d’information sur l’enseignement supérieur (Ċentru ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla) fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni ogħla u tar-Riċerka, E. Giersch, J. Hodin, D. Taminiaux u B. M. Stemper, talbu, inkwantu studenti u għas-sena universitarja 2010/2011, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ diploma.

12

E. Giersch, J. Hodin u D. Taminiaux huma residenti fil-Belġju u indikaw li segwew l-istudji tagħhom f’dan l-Istat Membru matul is-sena universitarja 2010/2011. B. M. Stemper huwa residenti fil-Ġermanja u ddikjara li beħsiebu jsegwi studji fir-Renju Unit.

13

Il-Ministru ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal għajnuna finanzjarja billi bbaża ruħu fuq l-istess raġuni, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ residenza previst fl-Artikolu 2(b) tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikorsi quddiem it-Tribunal administratif de recours [Qorti amministrattiva tal-appell] sabiex jiksbu l-bdil jew l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Ministru. Kull wieħed mir-rikorrenti invoka, b’mod partikolari, il-fatt li wieħed mill-ġenituri tiegħu jaħdem fil-Lussemburgu. Dawn ir-rikorsi ġew ikkunsidrati ammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet.

15

Filwaqt li ġie adit b’600 rikors simili ieħor, pendenti quddiemu, unikament għas-sena universitarja 2010/2011, it-Tribunal administratif iddeċieda li jgħaqqad ir-rikorsi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

16

Quddiem dik il-qorti, l-imsemmija rikorrenti sostnew li l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li hija suġġetta għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

17

Ir-rikorrenti jsostnu li r-rekwiżit ta’ residenza invokat kontrihom mill-Ministru jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk mhux diretta, minn tal-inqas indiretta.

18

Għalhekk qed tiġi invokata diskriminazzjoni diretta sa fejn, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, iċ-ċittadin Lussemburgiż jew il-membru tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż għandu jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Lussemburgu, filwaqt li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għandu jkun residenti hemmhekk. Madankollu, jekk ikollu jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadini Lussemburgiżi u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra huma suġġetti għall-istess rekwiżit ta’ residenza fit-territorju Lussemburgiż, dan ir-rekwiżit ta’ residenza jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li ċ-ċittadini Lussemburgiżi jistgħu jissodisfawh b’iktar faċilità miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

19

Quddiem it-Tribunal administratif, il-Gvern Lussemburgiż ikkontesta l-fatt li l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni tikkostitwixxi benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, minħabba li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna huwa student adult awtonomu, li jifforma l-unità familjari tiegħu u li ma huwiex taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu.

20

L-imsemmi Gvern sostna li l-għan imfittex mis-sistema ta’ għajnuna Lussemburgiża jiġġustifika li ċ-ċirku tal-benefiċjarji tagħha jiġi limitat biss għar-residenti. L-għan tal-liġi li tistabbilixxi l-imsemmija għajnuna finanzjarja huwa li tiġi inkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex din tilħaq l-40 % sal-2020, filwaqt li fl-2010 din kienet biss ta’ 28 %. Issa, din il-perċentwali hija nettament inqas minn dik ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istati paragunabbli għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

21

Skont il-Gvern Lussemburgiż, fl-assenza ta’ rekwiżit ta’ residenza, kull student, anki jekk ma jkollu l-ebda rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat sabiex isegwi studji f’edukazzjoni ogħla fi kwalunkwe pajjiż tad-dinja, u dan jagħti lok għal “turiżmu ta’ boroż ta’ studju” li ma jistax ikun sostnut mill-baġit nazzjonali.

22

Skont dan il-Gvern la hemm diskriminazzjoni diretta u lanqas diskriminazzjoni indiretta. Ir-rekwiżit ta’ residenza, li japplika kemm għaċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll għaċ-ċittadini barranin, jikkostitwixxi kriterju ta’ għoti leġittimu tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000.

23

It-Tribunal administratif jiċħad, l-ewwel nett, l-argument tal-Gvern Lussemburgiż li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla bħala benefiċċju soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, minħabba li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna huwa student adult awtonomu, li ma huwiex taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiegħu.

24

F’dan ir-rigward, it-Tribunal administratif josserva li din l-għajnuna finanzjarja, mogħtija mil-liġi sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla, hija komposta minn ammont bażiku u, fejn applikabbli, minn żieda li jistgħu jvarjaw skont, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu mill-istudent. Issa l-imsemmija qorti tqis li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent teżiġi li jiġi vverifikat jekk dan tal-aħħar, lil hinn mill-finzjoni prevista mil-leġiżlatur, huwiex realment awtonomu, jew bil-kontra ta’ dan jekk huwiex sostnut mill-ġenituri tiegħu.

25

Peress li kkonstata li, fil-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti kollha kienu studenti full-time u ma kienu għamlu l-ebda dħul matul is-sena universitarja 2010/2011, kif ukoll li dawn kienu għadhom jiffurmaw parti mill-unità familjari tal-missirijiet jew tal-ommijiet rispettivi tagħhom, it-Tribunal administratif iddeċieda li huma kellhom jiġu kkunsidrati bħala taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom, li huma ħaddiema migranti. L-imsemmija qorti tosserva wkoll li l-imsemmija rikorrenti kollha kemm huma jinvokaw, effettivament, il-fatt li missierhom jew ommhom jaħdmu fil-Lussemburgu.

26

Filwaqt li jirreferi għall-punt 23 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071), it-Tribunal administratif ifakkar, barra minn hekk, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

27

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, li ssemmi l-punt 24 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C-212/05, Ġabra p. I-6303), finanzjament għall-edukazzjoni mogħti mill-Istat Membru lil ulied ta’ ħaddiema migranti jikkostitwixxi, għall-ħaddiem migrant jew għal ħaddiem transkonfinali, vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, meta l-ħaddiem ikompli jiżgura l-manteniment tal-wild ikkonċernat. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-punt 28 tas-sentenza Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, dan il-wild jista’ jinvoka l-imsemmi Artikolu 7(2), sabiex jikseb finanzjament għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati fil-konfront ta’ wlied ta’ ħaddiema nazzjonali, peress li l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 hija wkoll intiża sabiex jiġu preklużi d-diskriminazzjonijiet magħmula bi ħsara tad-dixxendenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ħaddiem.

28

Għalhekk, skont it-Tribunal administratif, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(2) tar-regolament Nru 1612/68 sabiex jiksbu finanzjament għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ulied ta’ ħaddiema nazzjonali.

29

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argument dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Il-kunċetti ta’ “domiċilju” u ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, ikopru, fil-fehma tagħha, l-istess kunċett fattwali, jiġifieri l-post ta’ fejn tinsab l-abitazzjoni reali, legali u kontinwa tal-persuna kkonċernata. Il-fatt li sostantivament dawn huma identiċi huwa kkonfermat bl-Artikolu 3 tar-Regolament Gran Dukali, tat-12 ta’ Novembru 2012, li jemenda r-Regolament Gran Dukali, tal-5 ta’ Ottubru 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2010, p. 3430), li jippreċiża li l-istudenti msemmija fl-Artikolu 2 tal-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, jiġifieri kemm iċ-ċittadini Lussemburgiżi, jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż, kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, huma obbligati li jippreżentaw ċertifikat ta’ residenza fil-Lussemburgu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.

30

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, it-Tribunal administratif ifakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi l-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Filwaqt li tirreferi għall-punt 53 tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119), il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rekwiżit ta’ residenza, minħabba li hemm ir-riskju li dan ikun ta’ żvantaġġ prinċipalment għaċ-ċittadini ta’ stati Membri oħra peress li ċ-ċittadini Lussemburgiżi jistgħu jissodisfawh b’iktar faċilità, jista’, f’dan il-kuntest, jitqies li huwa diskriminatorju.

31

Differenza fit-trattament tista’ madankollu tkun ġustifikata jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u li jkunu proporzjonali għall-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali.

32

Peress li qies li fil-kawża prinċipali kien importanti li l-leġittimità ta’ tali diskriminazzjoni indiretta tiġi vverifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-Tribunal administratif iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] mħabbar fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja li saru mill-Istat Lussemburgiż, jiġifieri li tipprova tiġi nkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, li attwalment hija insuffiċjenti meta mqabbel ma’ dik internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni residenti fil-Lussemburgu, kunsiderazzjonijiet li jkunu mhedda serjament li kieku l-Istat Lussemburgiż kellu jagħti l-għajnuna finanzjarja għal studji terzjarji lill-istudenti kollha, mingħajr ebda konnessjoni mas-soċjetà tal-Gran Dukat, sabiex iwettqu l-istudji terzjarji tagħhom fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, li jwassal għal piż li ma huwiex raġonevoli għall-baġit tal-Istat Lussemburgiż, jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet, fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja ċċitata li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti li jirriżulta mill-obbligu ta’ residenza impost kemm fuq iċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll fuq ċittadini li ġejjin minn Stati Membri oħra sabiex jiksbu għajnuna għall-istudji terzjarji?”

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent u tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru, bil-għan li tiġi inkoraġġuta ż-żieda fil-proporzjon ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li jiġi evitat l-oneru finanzjarju kbir wisq li jirriżulta li kieku din l-għajnuna tingħata lill-istudenti kollha.

Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 45(2) TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

35

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C-287/05, Ġabra p. I-6909, punt 53).

36

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali.

37

Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C-213/05, Ġabra p. I-6347, punt 15, u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-542/09, punt 33).

38

Skont ġurisprudenza stabbilita għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punt 24, Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) meta dan tal-aħħar ikompli jipprovdi l-manteniment tal-wild (sentenzi Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 29, u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 19, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

40

Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Peress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni huwa nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, Ġabra p. 2811, punti 12 u 13; Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41

Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet manifesti, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija li, għalkemm fondata fuq kriterji ta’ riferiment oħra, twassal għall-istess riżultat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 44; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 41; tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-269/07, Ġabra p. I-7811, punt 53, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

42

Fil-kawża prinċipali inkwistjoni hawnhekk, il-qorti tar-rinviju qieset, billi interpretat id-dritt nazzjonali, li r-rekwiżiti ta’ domiċilju u ta’ residenza meħtieġa mil-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huma ekwivalenti, b’tali mod li r-rekwiżit ta’ residenza japplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Lussemburgiżi u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ta’ rekwiżit ta’ residenza fil-Lussemburgu ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta.

44

Min-naħa l-oħra, sa fejn tipprevedi distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, hemm ir-riskju li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ta’ ħsara għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn il-persuni mhux residenti huma normalment persuni li ma humiex ċittadini (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 14; tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C-382/08, Ġabra p. I-139, punt 34, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

45

F’dan il-kuntest, huwa immaterjali jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali rekwiżit kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14); Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny, C-172/11, punt 41).

46

L-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li rekwiżit ta’ residenza huwa impost fuq studenti wlied ta’ ħaddiema transkonfinali għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bħala prinċipju pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Sabiex tkun iġġustifikata din għandha tkun xierqa sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C-73/08, Ġabra p. I-2735, punti 47 u 48, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

Fuq l-eżistenza ta’ għan leġittimu

47

Sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament tal-ħaddiema transkonfinali f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla, il-Gvern Lussemburgiż jinvoka żewġ argumenti, wieħed, ta’ natura soċjali, l-ieħor, ta’ natura baġitarja, u jsostni li dawn huma intrinsikament marbutin ma’ xulxin.

48

L-għan ikklassifikat bħala “soċjali” minn dan il-Gvern jikkonsisti f’li jiżdied, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fil-Lussemburgu. Ir-rata kkonstatata ta’ dan il-proporzjon, jiġifieri 28 %, hija nettament inferjuri għall-perċentwali ta’ individwi li għandhom diplomi simili fi Stati komparabbli għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-imsemmi Gvern iqis li huwa meħtieġ li tintlaħaq ir-rata ta’ 66 % ta’ individwi li għandhom diplomi ta’ edukazzjoni ogħla fost il-popolazzjoni residenti, peress li dan jippermettilu li jaffaċja r-rekwiżit, li dejjem qiegħed isir iktar urġenti, li jiżgura t-tranżizzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża lejn ekonomija tal-għarfien.

49

Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla huwa limitat biss għar-residenti fil-Lussemburgu, minħabba l-fatt li huma biss dawn il-persuni li jippreżentaw, fl-opinjoni tiegħu, rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ta’ natura tali li wieħed jista’ jippreżumi li wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mis-sistema kkonċernata ta’ għajnuna għall-finanzjament tal-istudji tagħhom, jekk ikun il-każ barra mil-Lussemburgu, dawn il-persuni jmorru lura l-Lussemburgu, fejn l-għarfien miksub ikun jista’ jitqiegħed għall-profitt tal-iżvilupp tal-ekonomija Lussemburgiża.

50

Skont l-imsemmi Gvern, minħabba limitazzjonijiet baġitarji, ma huwiex possibbli għalih li jkun iktar ġeneruż fil-konfront tal-istudenti mhux residenti, mingħajr ma jikkomprometti l-finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna kollha kemm hi. L-għan ta’ natura baġitarja jikkonsisti f’li jiġi evitat il-piż mhux raġonevoli fuq il-baġit tal-Istat li jkun jinvolvi l-estensjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja lil dawn l-istudenti mhux residenti, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali.

51

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ residenza, għandu jitfakkar li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq jadotta, huma madankollu ma humiex fihom innifishom l-għan imfittex minn din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni kontra ħaddiema migranti (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Li jiġi aċċettat li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jiġġustifikaw trattament differenti bejn ħaddiema migranti u ħaddiema nazzjonali jkun jimplika li l-applikazzjoni u l-portata ta’ regola tant fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huwa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jistgħu jvarjaw, fiż-żmien u fl-ispazju, skont l-Istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dak li jirrigwarda l-għan soċjali, għandu jiġi osservat li l-promozzjoni tat-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla huwa għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni, hekk kif josservaw b’mod partikolari l-Gvernijiet tal-Lussemburgu u tal-Awstrija.

54

Għalhekk, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2010, intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” [COM(2010) 2020 finali], iż-żieda tal-proporzjon tal-popolazzjoni, ta’ bejn it-30 u l-34 il-sena, li tkun lestiet kors universitarju minn 31 % għal mill-inqas 40 % fl-2020 hija ċċitata bħala waħda mill-għanijiet prinċipali miftiehma fuq livell tal-Unjoni. Dan id-dokument jinkoraġġixxi lil kull Stat Membru jimplementa fuq livell nazzjonali, permezz ta’ miżuri konkreti, dawn l-għanijiet prinċipali.

55

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħu, tat-12 ta’ Mejju 2009, dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“Edukazzjoni u taħriġ 2020”) (ĠU C 119, p. 2), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien diġà esprima dan l-għan intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2010, dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 135, p. 2), l-Istati Membri huma mistiedna, f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni ogħla, jelaboraw politiki intiżi sabiex itejbu r-rata ta’ suċċess f’din l-edukazzjoni.

56

Minn dan jirriżulta li azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ u sabiex jippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tiegħu tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

Fuq in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza

57

Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-iskema ta’ għajnuna limitata għal persuni residenti fil-Lussemburgu hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan soċjali leġittimu intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diplomi ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti ta’ dan l-Istat Membru.

58

F’dan ir-rigward, dan il-Gvern isostni li huwa probabbli li, wara li jkunu wettqu studji f’edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż, l-istudenti kkonċernati jiġu lura fl-Istat ta’ residenza sabiex jistabbilixxu ruħhom u jaħdmu hemmhekk. Huwa jikkunsidra li studenti residenti barra mill-pajjiż, anki jekk ikunu, barra minn hekk, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fil-Lussemburgu, la għandhom xi raġuni partikolari li jpoġġu ruħhom personalment għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom, u lanqas ma għandhom interess li jintegraw ruħhom fis-soċjetà Lussemburgiża. L-imsemmi Gvern iqis li huwa ġustifikat li jillimita l-għoti ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-istudenti residenti fil-Lussemburgu meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jibdew studji f’edukazzjoni ogħla, peress li dawn diġà huma integrati fis-soċjetà Lussemburgiża u, wara li jlestu l-istudji tagħhom, normalment għandhom ipoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru.

59

Il-Gvern Lussemburgiż ikompli jgħid li teżisti, barra minn hekk, “rata ta’ rotazzjoni” għolja ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali bħala ħaddiema transkonfinali, fejn dawn jaħdmu f’din il-kwalità biss għal perijodu limitat, fatt li ma jippermettix li x-xogħol transkonfinali jitqies bħala fattur ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-istat fejn jinsab l-impjieg li jkun jixxiebah għar-residenza f’dan l-Istat u jkun suffiċjentement kbir sabiex jeżerċita influwenza fuq l-għażliet ta’ residenza tal-ulied tal-ħaddiem transkonfinali, ladarba dawn jispiċċaw l-istudji tagħhom.

60

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza. Tali rekwiżit ma jiggarantixxix l-ilħiq tal-għan intiż li jiżdied in-numru ta’ persuni b’diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata biss lill-istudenti residenti fil-Lussemburgu fid-data ta’ meta ssir it-talba għal għajnuna finanzjarja ma jimplikax li wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom ta’ edukazzjoni ogħla dawn ser ipoġġu ruħhom b’mod permanenti u definittiv għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Barra minn hekk, peress li l-Università tal-Lussemburgu ma hijiex stabbiliment li joffri tagħlim ġenerali, ħafna minn dawn l-istudenti residenti jkomplu l-istudji tagħhom barra mil-Lussemburgu u huma jintegraw ruħhom fl-Istat tal-post fejn iwettqu l-istudji tagħhom iktar milli fil-Lussemburgu, u b’dan il-mod jibbenefikaw minn perspettivi professjonali li jmorru ferm lil hinn mil-Lussemburgu.

61

L-imsemmija rikorrenti jsostnu li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Lussemburgiż, l-istudenti mhux residenti, ulied ta’ ħaddiema transkonfinali, għandhom raġunijiet partikolari sabiex ipoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol Lussemburgiż wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom. Għalhekk, minn naħa, iċ-ċirkustanza li ġenitur tal-istudent jaħdem/taħdem fil-Lussemburgu timplika li l-unità familjari, li minnha jifforma parti l-istudent, għandha, fil-konfront tal-Lussemburgu, ċerta prossimità ġeografika. Min-naħa l-oħra, minħabba l-kriżi ekonomika li qed taffettwa b’mod qawwi l-Istati Membri konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, x’aktarx li ulied ħaddiema transkonfinali jkunu mħajra, wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom, li jfittxu sitwazzjoni professjonali stabbli, bħal dik tal-ġenituri tagħhom, li jkun ilhom jaħdmu għal diversi snin f’dan l-Istat Membru.

62

Skont il-Kummissjoni, mhux biss talli l-ħaddiema transkonfinali għandhom rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, iżda talli huma integrati fiha permezz tal-impjieg li huma jeżerċitaw fil-Lussemburgu. Peress li teżisti tali rabta, rekwiżit ta’ residenza la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-ulied ta’ tali ħaddiema, li edukazzjoni ogħla tagħhom tiġi ffinanzjata permezz tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollhom rabta stretta mal-Istat Membru li jagħti din l-għajnuna.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħaddiema migranti u transkonfinali, ladarba jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju ħolqu rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla, rispettivament, mal-ħaddiema nazzjonali u mal-ħaddiema residenti. Ir-rabta ta’ integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, flimkien mal-kontribuzzjonijiet fiskali li huma jħallsu fl-Istat Membru ospitanti skont l-attività mħallsa li huma jeżerċitaw fih, il-ħaddiema migranti u transkonfinali jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tal-politika soċjali ta’ dan l-Istat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, C-379/11, Caves Krier Frères, punt 53).

64

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema transkonfinali, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerti ġustifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda leġiżlazzjonijiet li jagħmlu distinzjoni bejn persuni residenti u persuni mhux residenti li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat ikkonċernat, skont il-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru jew skont ir-rabta tagħhom miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Hartmann, punti 35 u 36, Geven, punt 26, u Hendrix, punti 54 u 55).

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ħaddiem transkonfinali qatt ma huwa integrat fl-Istat tal-impjieg bl-istess mod kif ikun integrat ħaddiem residenti f’dan l-Istat.

66

Fil-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali mill-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għal edukazzjoni ogħla, huwiex xieraq sabiex tinħoloq probabbiltà raġonevoli li l-istudent jiġi lura lejn il-Lussemburgu, wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu, peress li l-Gvern Lussemburgiż iqis li dan ir-ritorn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li huwa possibbli li jiġi preżunt li l-possibbiltà ta’ installazzjoni fil-Lussemburgu u ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż fi tmiem l-edukazzjoni ogħla, anki meta din l-edukazzjoni tkun inkisbet barra mill-pajjiż, hija iktar qawwija fir-rigward tal-istudenti li jkunu residenti fil-Lussemburgu meta jibdew l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla milli fir-rigward tal-istudenti li ma jkunux residenti.

68

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ residenza previst mill-Liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan intiż għall-promozzjoni tat-tkomplija tal-istudji f’edukazzjoni ogħla u sabiex jiżdied, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu.

69

Madankollu, jifdal li jiġi ddeterminat jekk dan ir-rekwiżit imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-imsemmi għan jintlaħaq.

Fuq in-neċessità tar-rekwiżit ta’ residenza

70

Skont il-Gvern Lussemburgiż, l-adozzjoni ta’ rekwiżit ta’ residenza ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex jintlaħaq. Dan ir-rekwiżit huwa ġġustifikat minn raġunijiet baġitarji u huwa marbut direttament mal-għan ekonomiku invokat. Minħabba limitazzjonijiet baġitarji, ma huwiex possibbli għalih li jkun iktar ġeneruż fil-konfront tal-istudenti mhux residenti, mingħajr ma jikkomprometti l-finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna kollha kemm hi. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ kriterju ieħor ta’ għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, dak ibbażat fuq il-fatt li ġenitur tal-istudent mhux residenti jaħdem/taħdem fil-Lussemburgu, tkun tmur direttament kontra ż-żewġ għanijiet flimkien tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71

F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk huwiex biss ir-rekwiżit ta’ residenza minn qabel li jista’ jiżgura lill-Istat Lussemburgiż probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura biex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jpoġġu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, jew jekk jeżistux kriterji oħra li jippermettu wkoll li tali probabbiltà tiġi żgurata mingħajr ma jiġu esklużi l-ulied kollha mhux residenti ta’ ħaddiema transkonfinali.

72

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li rekwiżit ta’ residenza jista’ jkun sproporzjonat jekk dan ikun ta’ natura esklużiva wisq sa fejn dan jiffavorixxi indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor rappreżentattiv (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fil-punti 86 u 87 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat ma kienx spjega b’mod konvinċenti r-raġunijiet li għalihom l-għan imfittex ma setgħax jintlaħaq, b’mod inqas restrittiv, jew permezz ta’ regola iktar flessibbli minn dik “ta’ tliet snin minn sitta”, jew billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, li juru livell simili ta’ rabta, bħall-impjieg. Għalhekk hija ddeċidiet li, billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija regola kienet tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-livell effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru u li huwa ta’ natura esklużiva wisq. Għalhekk ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” kienet tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex jintlaħaq.

74

L-iskema Lussemburgiża ta’ għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla teskludi lill-persuni mhux residenti kollha mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, u din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-istudenti mhux residenti.

75

Konsegwentement, wild ħaddiem migrant li jirrisjedi mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li jkun jixtieq jistudja fil-Lussemburgu huwa eskluż mill-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla. Barra minn hekk, anki jekk il-ġenituri tagħhom jirrisjedu fil-Lussemburgu, l-istudenti mhux residenti fid-data ta’ meta jagħmlu t-talba għall-għajnuna huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, minkejja li l-ġenituri tagħhom ikomplu jipprovdu għall-manteniment tagħhom. Barra minn hekk, l-effett tal-iskema ta’ għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jeskludi mill-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna lill-ulied ta’ ħaddiema mhux residenti li ilhom jaħdmu fil-Lussemburgu matul perijodu kunsiderevoli.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura esklużiva wisq. Fil-fatt, billi timponi rekwiżit ta’ residenza minn qabel tal-istudent fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-liġi tagħti preferenza lil element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ rabta tal-persuna kkonċernata ma dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

77

B’mod partikolari, sa fejn l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal studji f’edukazzjoni ogħla hija intiża sabiex tiffavorixxi t-tkomplija ta’ studji f’edukazzjoni ogħla kemm fil-Lussemburgu kif ukoll f’kull pajjiż ieħor, l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, tista’ tiġi stabbilita minn elementi oħra għajr ir-rekwiżit ta’ residenza minn qabel tal-istudent ikkonċernat.

78

Fil-fatt, jidher li huwa possibbli li rabta suffiċjenti tal-istudent mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tippermetti li tiġi konkluża tali probabbiltà tirriżulta wkoll mill-fatt li dan l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li l-ġenituri tiegħu ilhom, għal perijodu kunsiderevoli, jaħdmu fil-Lussemburgu u jgħixu fil-prossimità ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

79

Fir-rigward tal-possibbiltajiet li l-leġiżlatur Lussemburgiż għandu, jista’ jiġi indikat li, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, sa fejn l-għajnuna hija komposta minn, pereżempju, self, sistema ta’ finanzjament li tissuġġetta l-għoti ta’ dan is-self, jekk mhux saħansitra l-kumplament tiegħu, jew in-nuqqas ta’ rimbors tiegħu, għall-kundizzjoni li l-istudent li jibbenefika minnu jiġi lura l-Lussemburgu wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu barra mill-pajjiż, sabiex jaħdem u jirrisjedi hemmhekk, tista’ tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, mingħajr ma ssir ħsara lill-ulied ta’ ħaddiema transkonfinali. F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, ir-riskju ta’ kumulu mal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja ekwivalenti li titħallas fl-Istat Membru fejn l-istudent jirrisjedi, waħdu jew mal-ġenituri tiegħu, dan jista’ jiġi evitat billi tali allowance tittieħed inkunsiderazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna mħallsa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

80

Fuq kollox, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, invokat mill-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiem transkonfinali li jħallas it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-Lussemburgu jkollhom rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża, jista’ jiġi previst li l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent mhux residenti fil-Lussemburgu, ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu speċifiku. F’kuntest ieħor, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva, li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tal-imsemmija direttiva għandu jgawdi trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat li jagħti għajnuna għall-manteniment matul l-istudju qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti li, skont l-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva, huwa suġġett għal-rekwiżit ta’ residenza ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

81

Għandu jiġi osservat li, fil-kawżi prinċipali, tali riskju għandu jitwarrab sa fejn huwa paċifiku li E. Giersch, B. M. Stemper, J. Taminiaux u J. Hodin kollha kemm huma għandhom missier jew omm li ilhom jaħdmu fil-Lussemburgu għal, rispettivament, 23 sena, 32 sena, 28 sena u 23 sena.

82

Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent u li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti ta’ dan l-Istat Membru li huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività f’dan l-Istat Membru, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu intiż sabiex jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija nazzjonali.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant għall-imsemmija għajnuna finanzjarja mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

 

Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant, għall-imsemmija għajnuna finanzjarja, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.