DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura)

12 ta’ Lulju 2012

“Eżami mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑334/12 RX,

li għandha bħala suġġett proposta għal eżami mill-ġdid magħmula mill-ewwel Avukat Ġenerali, skont l-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tas-6 ta’ Lulju 2012,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura),

komposta minn M. V. Skouris, President, MM. A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur) u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ awla,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1        Il-proposta għal eżami mill-ġdid magħmula mill-ewwel Avukat Ġenerali tikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (L-Awla tal-Appelli) tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI (T‑234/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet l-appell ippreżentat minn Arango Jaramillo u minn 34 membru ieħor tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investment (BEI) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-4 ta’ Frar 2011, Arango Jaramillo et vs BEI (F‑34/10, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠabraSP), li jiċħad, minħabba tardività, ir-rikorsi tagħhom intiżi, minn naħa, għall-annullament tar-rendikonti tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010, inkwantu huma jiżvelaw id-deċiżjonijiet tal-BEI li jżid il-ħlas tagħhom għall-iskema tal-pensjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-BEI sabiex iħallashom id-danni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Mis-senstenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2007, ir-rendikonti tas-salarju tal-membri tal-persunal tal-BEI huma editjati mhux fil-preżentazzjoni tradizzjonali tagħhom fuq il-karta, iżda b’mezz elettroniku. Fil-preżent huma jiddaħħlu kull xahar fis-sistema informatika “Peoplesoft” tal-BEI u b’hekk jistgħu jiġu kkonsultati minn kull membru tal-persunal mill-kompjuter tax-xogħol tiegħu.

3        Is-Sibt, it-13 ta’ Frar 2010, ir-rendikonti tas-salarju għax-xahar ta’ Frar 2010 iddaħħlu fis-sistema informatika “Peoplesoft”. Dawn ir-rendikonti tas-salarju kienu juru, meta mqabbla mar-rendikonti tas-salarju għax-xahar ta’ Jannar 2010, żieda fir-rata tal-ħlas għall-iskema tal-pensjoni, żieda li rriżultat minn deċiżjonijiet meħuda mill-BEI fil-kuntest ta’ riforma tal-iskema tal-pensjoni tal-persunal tiegħu.

4        Fis-26 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tar-rendikonti tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010 u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-BEI sabiex iħallashom ewro simbolika, bħala kumpens għad-danni morali tagħhom.

5        B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-BEI talab lil dan it-Tribunal jiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma jeżamina l-mertu tiegħu.

6        Bid-digriet Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitat iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli. Huwa ddeċieda, essenzjalment, li t-terminu sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors, peress li beda jiddekorri mit-Tnejn, il-15 ta’ Frar 2010, kien jiskadi, fid-dawl tat-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, it-Tnejn il-25 ta’ Mejju 2010, b’tali mod li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, peress li wasal bil-mezz elettroniku fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss fis-26 ta’ Mejju 2010 f’nofsillejl, kellu jitqies bħala tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli.

7        Ir-rikorrenti ppreżentaw appell minn dan id-digriet quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li ċaħditu bis-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq.

8        Fil-punti 22 sa 25 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fakkret, essenzjalment, il-ġurisprudenza li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tistabbilixxi t-termini għall-preżentata tar-rikors applikabbli għall-kawżi bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, il-preżentata ta’ tali rikorsi għandha ssir fi żmien raġonevoli. Filwaqt li qieset li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għall-kawżi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom joffri “punt ta’ tqabbil rilevanti”, sa fejn dawn il-kawżi huma simili fin-natura tagħhom mal-kawżi interni bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu rigward atti tal-BEI li jippreġudikawhom u li huma jitolbu l-annullament tagħhom, hija sostniet, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, billi bbażat ruħha fuq xi’wħud mis-sentenzi preċedenti tagħha, li l-osservanza ta’ tali terminu għandha, bħala regola ġenerali, titqies bħala raġonevoli.

9        Fl-imsemmi punt 27, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea waslet għall-konklużjoni “a contrario [...] li r-rikorsi kollha ppreżentati minn membru tal-persunal tal-BEI wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandhom, bħala regola ġenerali jitqiesu li ġew ippreżentati f’terminu li ma huwiex raġonevoli”. Hija żiedet li tali interpretazzjoni hija ammissibbli “meta tkun biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”.

10      Fil-punt 30 tas-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea eskludiet il-kritika tar-rikorrenti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssostitwixxa l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli, min-natura tiegħu flessibbli u miftuħ għall-ibbilanċjar konkret tal-interessi kkonċernati, in-natura stretta u ġeneralizzata tal-osservanza ta’ terminu fiss ta’ tliet xhur. B’mod partikolari, hija qieset li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien sempliċement applika regola tad-dritt li “hija bbażata fuq preżunzjoni ġenerali li t-terminu ta’ tliet xhur huwa, bħala regola ġenerali, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal tal-BEI li jevalwaw il-legalità tal-atti tal-imsemmi bank li jippreġudikawhom u sabiex iħejju, fejn ikun il-każ, ir-rikorsi tagħhom”, mingħajr ma hija “tobbliga [...] lill-qorti tal-Unjoni li għandha tapplikaha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, li tibbilanċja konkretament l-interessi kkonċernati”.

11      Fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea reġgħet fakkret li “l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza” tissodisfa, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ ċertezza legali.

 Evalwazzjoni

12      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, minkejja li ġie deċiż li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, kellu jsir riferiment għall-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” fir-rigward tat-terminu għall-preżentata tar-rikors fil-kawżi bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 51 sa 58), il-BEI ma adottax, sal-lum, dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward.

13      Wara li saret din il-kjarifika preliminari, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti riskju serju ta’ ħsara għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, mis-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li peress li t-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem għandu, bħala regola ġenerali, jitqies bħala raġonevoli għall-preżentata minn membru tal-persunal tal-BEI ta’ rikors għall-annullament ta’ att ta’ dan tal-aħħar li jippreġudika lill-imsemmi membru, huwa terminu li l-iskadenza tiegħu jimplika n-natura tardiva u, għaldaqstant, l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku.

14      Dan ir-riskju serju jirriżulta minn żewġ motivi, li jiġġustifikaw eżami mill-ġdid tas-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq.

15      Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex marbut, fl-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih ġie ppreżentat rikors għal annullament minn membri tal-persunal tal-BEI kontra att maħruġ mill-imsemmi bank, li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat, abbażi ta’ raġunament a contrario, interpretazzjoni koerenti mal-ġurisprudenza li tipprovdi li n-natura raġonevoli ta’ terminu mhux stabbilit mid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 187 u 192, kif ukoll tas-7 ta’ April 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑321/09 P, punti 33 u 34).

16      Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk, meta ġie miżjud effett ta’ dekadenza mal-iskadenza tat-terminu, mhux stabbilit mid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni, għall-preżentata ta’ rikors, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv, affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

17      Jekk mill-konstatazzjonijiet magħmula jirriżulta li s-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, ikollu jiġi eżaminat jekk u, fejn xieraq, sa fejn is-sentenza tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura) tiddeċiedi:

1)      Għandu jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (L-Awla tal-Appelli) tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI (T-234/11 P).

2)      L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda l-kwistjonijiet dwar jekk is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI (T-234/11 P) tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, inkwantu qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”, fil-kuntest ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament minn membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment kontra att maħruġ minn dan tal-aħħar li jippreġudikahom, bħala terminu li l-iskadenza tiegħu timplika n-natura tardiva u, għaldaqstant, l-inammissibiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ speċifiku, u jekk din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv, affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma mistiedna jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fi żmien xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjoni bil-miktub tagħhom fuq l-imsemmija kwistjonijiet.

Firem