KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-23 ta’ Jannar 2014 ( 1 )
Kawża C‑591/12 P
Bimbo, SA
vs
UASI
“Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali BIMBO DOUGHNUTS — Trade mark verbali preċedenti DOGHNUTS — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
1. |
Bl-appell li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, Bimbo SA (iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Bimbo vs UASI–Panrico (BIMBO DOUGHNUTS) ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-7 ta’ Ottubru 2010 ( 3 ), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Panrico, SA (iktar ’il quddiem “Panrico”) u l-appellanti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
I – Il-fatti li wasslu għall-appell
2. |
Il-fatti fl-oriġini ta’ din il-konklużjoni, kif deskritti fis-sentenza appellata, huma fil-qosor elenkati hawn taħt. |
3. |
Fil-25 ta’ Mejju 2006, l-appellanti ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, abbażi tar-Regolament Nru 40/94/KE u emendi suċċessivi ( 4 ), li għandha bħala s-suġġett tagħha s-sinjal verbali BIMBO DOUGHNUTS. Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “prodotti ta’ ħlewwiet u ħobż, b’mod partikolari, puffs”. Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji tas-16 ta’ Ottubru 2006. |
4. |
Fis-16 ta’ Jannar 2007, Panrico ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li huwa s-suġġett tal-imsemmija applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza preċedenti ta’ diversi trade marks, nazzjonali u internazzjonali, kemm verbali kif ukoll figurattivi, fosthom, b’mod partikolari, it-trade mark verbali Spanjol DOGHNUTS, irreġistrata fit-18 ta’ Ġunju 1994 għal prodotti li jaqgħu fl-istess klassi 30 u korrispondenti għad-deskrizzjoni li ġejja: “prodotti u preparazzjonijiet [...] ta’ ħlewwiet [...]; [...], puffs ta’ forma tonda [...]”. Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94. |
5. |
Fil-25 ta’ Mejju 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjoni. Bid-deċiżjoni kkontestata r-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
6. |
Bl-appell ippreżentat fir-Reġistru fit-13 ta’ Diċembru 2010, l-appellanti talbet, prinċipalment, l-inverżjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li tintlaqa’ l-applikazzjoni għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u, sussidjarjament, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tagħha hija invokat żewġ motivi, li minnhom it-tieni kien jikkonċerna ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Bis-sentenza appellata, wara li ddikjarat inammissibbli t-talba intiża biex tikseb l-inverżjoni tad-deċiżjoni kkontestata u r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u wara li ċaħdet fuq il-mertu ż-żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat l-appellanti għall-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mill-UASI. Għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv tar-rikors, li bih l-appellanti kienet qed tikkontesta l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonfermat li l-pubbliku ta’ riferiment għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni kien ikkostitwit mill-konsumatur medju Spanjol u li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi. It-tieni nett, fl-ambitu tat-tqabbil bejn is-sinjali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, minn naħa, l-argument tal-appellanti li l-kelma “doughnuts”, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kellha titqies li hija deskrittiva, u b’hekk nieqsa minn karattru distintiv għall-pubbliku Spanjol (punti 57 sa 74) u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li l-kelma “bimbo” kienet tagħti karattru dominanti lil din it-trade mark, għaliex hija trade mark li tgawdi minn reputazzjoni fi Spanja (punti 75 sa 80). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, anki li kieku ġie żgurat il-karattru rinomat tat-trade mark BIMBO, u, għalhekk, l-importanza ikbar fi ħdan dan is-sinjal tal-element li jipproduċih, dan ma kienx ikun suffiċjenti biex jippermetti li tiġi llimitata l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti għal dan l-element waħdu, għaliex il-kelma “doughnuts” ma setgħetx f’kull każ titqies li hija negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ grad ta’ xebh viżiv u fonetiku medju bejn is-sinjali mqabbla u l-impossibbiltà li wieħed iqabbel mill-perspettiva kunċettwali. Fl-aħħar nett, fl-ambitu tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument tal-appellanti dwar l-allegat karattru dominanti tal-element “bimbo” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni billi rriferiet għas-sentenza Medion tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ) u ppreċiżat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li “probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ teżisti fil-moħħ tal-pubbliku, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti u tas-servizzi, meta s-sinjal ikkontestat ikun ikkostitwit mit-tqegħid ħdejn xulxin, minn naħa, tal-isem tal-kumpannija tat-terzi u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark irreġistrat, li jkollha karattru distintiv normali, u din tal-aħħar, mingħajr ma toħloq waħedha l-impressjoni ġenerali mogħtija mis-sinjal kompost, tibqa’ żżomm pożizzjoni distintiva awtonoma”. Hija mbagħad ikkonstatat li l-element “doughnuts” kellu pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għaliex, minn naħa, “kellu karattru distintiv medju għall-parti tal-pubbliku ta’ riferiment li ma jafx il-lingwa ingliża” u min-naħa l-oħra, billi ma kellu ebda sinjifikat għal dan il-konsumatur, ma kienx jingħaqad, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, mal-element “bimbo” fi “grupp unitarju” jew f’“għaqda loġika” fiha nnifisha, li jista’ jidentifika l-prodotti inkwistjoni bħala “puffs prodotti mid-ditta Bimbo” (punt 97). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, tal-livell imnaqqas ta’ attenzjoni tal-konsumatur minħabba n-natura ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll tax-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali mqabbla, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ġustament kien qies li f’dan il-każ kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. |
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
7. |
Permezz tal-att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2012, l-appellanti ressqet appell mill-imsemmija sentenza. Hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata, li jintlaqgħu t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 207/2009, u l-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż. L-UASI u Panrico jitolbu ċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż. Ir-rappreżentanti tal-partijiet instemgħu fis-seduta li nżammet fis-7 ta’ Novembru 2013. |
IV – Fuq l-appell
8. |
Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem aggravju wieħed biss tal-appell, dwar il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna allegat żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta rrikonoxxiet lill-element “doughnuts” pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għalija saret applikazzjoni, kif ukoll billi interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, l-iċċitata sentenza Medion. Fit-tieni parti, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-elementi kollha rilevanti f’dan il-każ. |
A – Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell: attribuzzjoni żbaljata lill-element “doughnuts” ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni
1. L-argumenti tal-partijiet
9. |
Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat, iddeduċiet, b’mod essenzjalment awtomatiku, il-pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni miċ-ċirkustanza li dan l-element għandu karattru distintiv medju u ma għandu ebda sinjifikat għall-konsumatur medju Spanjol. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-“kapaċità distintiva” u l-“assenza ta’ sinjifikat” ta’ wieħed mill-elementi ta’ trade mark komposta bil-“pożizzjoni distintiva awtonoma” tagħha fi ħdanha stess, u b’hekk tat, lil dak li ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sempliċi eċċezzjoni fis-sentenza ċċitata Medion, in-natura ta’ regola ġenerali. Skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ din il-“pożizzjoni distintiva awtonoma” għandha tiġi żgurata każ b’każ, fid-dawl, kif jindika l-istess użu tal-kelma “pożizzjoni”, tal-karatteristiċi tal-elementi l-oħra li jikkomponu t-trade mark kumplessa u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Issa, din l-evalwazzjoni hija assenti fis-sentenza appellata. Bil-kontra, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali jwassal awtomatikament li jiġi eskluż li trade mark magħmul minn żewġ elementi, li wieħed minnhom huwa kkostitwit minn trade mark rinomat u l-ieħor minn trade mark li għandu karattru distintiv medju u mingħajr sinjifikat għall-pubbliku ta’ riferiment, jista’ jifforma “grupp unitarju” jew “għaqda loġika”, li jagħti, għal darb’oħra awtomatikament, lit-tieni element “pożizzjoni distintiva awtonoma”. Barra minn hekk, l-appellanti tirrileva li l-kunċetti ta’ “grupp unitarju” u ta’ “għaqda loġika”, li jidhru fis-sentenza appellata ma ġewx iċċarati mill-Qorti Ġenerali u jibqgħu mhux ċari. Fil-każ li, b’riferiment għal dawn il-kunċetti, il-Qorti Ġenerali trid tenfasizza l-assenza ta’ konnessjoni bejn l-elementi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, l-appellanti tosserva li l-unika ċirkustanzi li wieħed jew iktar elementi ta’ trade mark kumplessa jkunu mingħajr konnessjoni fir-rigward tal-elementi l-oħra li jikkomponuha ma jimplikax neċessarjament li l-imsemmija elementi għandhom pożizzjoni distintiva awtonoma. |
10. |
Skont l-UASI u Panrico l-parti tal-aggravju uniku tal-appell taħt eżami għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli, għaliex tfittex li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja eżami mill-ġdid tal-fatti tal-każ. |
2. Analiżi
11. |
Mill-argument tal-appellanti, li ma tantx jispikka għal ċarezza partikolari, jidhirli li jqajjem essenzjalment żewġ ilmenti konnessi bejniethom. Minn naħa, billi tiddeduċi l-pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element fi ħdan it-trade mark komposta mill-kapaċità distintiva tagħha u mill-fatt li hija, billi ma tingħaqadx mal-elementi l-oħra tat-trade mark f’grupp distint kunċettwalment, iżżomm awtonomija tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat użat awtomatiżmu minflok ma evalwat globalment iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, preċiżament minħabba l-istituzzjoni ta’ dan l-awtomatiżmu, il-Qorti Ġenerali kienet tat lis-sentenza ċċitata Medion portata ġenerali li hija kontradetta mill-istandards tagħha stess. |
12. |
Sabiex jiġu eżaminati dawn l-ilmenti għandu qabel xejn jitfakkar fil-qosor dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Medion, li għaliha l-partijiet ta’ din il-kawża jidhru li qed jagħtu interpretazzjonijiet għall-inqas f’parti diverġenti [sub a)]. Ser ngħaddi sussegwentement biex nuri l-mod li bih din is-sentenza ġiet interpretata u applikata fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali [sub b], qabel ma pprovat tiddefinixxi l-eżatt applikazzjoni tagħha [sub ċ)]. Ser nipproċedi, fl-aħħar, għall-eżami tal-argumenti mqajma mill-appellanti [sub d)]. |
a) Is-sentenza Medion
13. |
Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li ta lok għas-sentenza Medion, l-Oberlandesgericht Düsseldorf talbet, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva Nru 89/104/KEE (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”) ( 6 ), li għandha l-istess kontenut tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kellhiex tiġi interpretata fis-sens li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi, bejn trade mark verbali preċedenti, li għandha kapaċità distintiva normali, u s-sinjal kompost li jiġi wara (verbali jew verbali u figurattiv) ta’ terz, li fih it-trade mark preċedenti tkun ippreċeduta mill-isem kummerċjali tat-terz, meta din it-trade mark, mingħajr ma tiddomina l-impressjoni globali tas-sinjal kompost, iżżomm fi ħdan din tal-aħħar pożizzjoni distintiva awtonoma. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof, ispirata mit-teorija magħrufa bħala “Prägetheorie” (teorija tal-impressjoni kkreata), sabiex jiġi evalwat ix-xebh tas-sinjal ikkontestat, huwa meħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-impressjoni ġenerali ta’ kull wieħed miż-żewġ sinjali u jistħarreġ jekk il-parti identika tikkaratterizzax is-sinjal kompost b’tali mod li l-bqija tal-elementi l-oħra jibqgħu fl-isfond mill-perspettiva tal-kreazzjoni tal-impressjoni ġenerali. Skont din it-teorija, ma kinitx tkun ammissibbli probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ li fih l-element identiku kien sempliċement jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impressjoni ġenerali tas-sinjal, anki jekk iżomm fis-sinjal kompost pożizzjoni distintiva awtonoma. Ir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali, proprjetarja tat-trade mark preċedenti LIFE, irreġistrata għal tagħmir elettroniku għall-ħin liberu, kienet qed tipprova tikseb li jiġi pprojbit l-użu, min-naħa tal-impriża Thomson, tas-sinjal THOMSON LIFE fir-rigward tal-istess prodotti. Il-qorti tar-rinviju rrilevat li, essenzjalment minħabba l-eżistenza, fis-settur tal-prodotti inkwistjoni, ta’ prattika ta’ għoti ta’ ismijiet li tendenzjalment tpoġġi fuq quddiem l-isem tal-produttur, l-element “thomson” kien jikkontribwixxi essenzjalment għall-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal THOMSON LIFE, minkejja l-kapaċità distintiva normali tal-element “life”. |
14. |
Wara li ppreċiżat li l-Artikolu 5(1)(b) tad-“Direttiva għandu japplika biss jekk jeżisti, min-naħa tal-pubbliku, probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba l-identiċità jew ix-xebh ta’ trade marks u ta’ prodotti jew servizzi indikati” u wara li fakkret li l-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, possibbilment, minn impriżi ekonomikament konnessi, jikkostitwixxi din il-probabbiltà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-eżistenza ta’ tali probabbiltà għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali bbażata “għal dak li jirrigwarda x-xebħ viżwali, auditiva jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. [...]” ( 8 ). Hija kompliet billi fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-perċezzjoni tat-trade marks użati mill-konsumatur medju tal-prodotti jew servizzi kkonċernati “tilgħab rwol determinanti f’din l-evalwazzjoni” u li l-imsemmi konsumatur “normalment jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-detalji differenti” ( 9 ). Hija ppreċiżat ukoll li, fil-verifika tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, “l-evalwazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks ma jfissirx li jittieħed kunsiderazzjoni ta’ komponent wieħed biss ta’ trade mark kumplessa u jitqabbel ma’ trade mark oħra”, jekk ikun meħtieġ minflok li jiġi operat paragun “waqt li jiġu eżaminati t-trade marks ikkonċernati, b’kull waħda tiġi kkunsidrata fil-kumpless tagħha, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha”. |
15. |
B’din il-premessa, fil-punt 30 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kif ġej:
|
16. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ bħal dan, il-pubbliku jista’ jiġi mġiegħel jifhem li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, għall-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, sitwazzjoni suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li jekk wieħed jissubordina d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju għall-kundizzjoni li, fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal kompost, jirriżulta dominanti l-element ikkostitwit mit-trade mark preċedenti, iċaħħad il-proprjetarju ta’ dan tal-aħħar mid-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva kull meta terz juża’ sinjal kompost ikkostitwit minn dan it-trade mark u mid-ditta jew minn trade mark tat-terz li jgawdu minn fama, billi dawn l-elementi jkunu, fil-maġġoranza tal-każijiet tali li jiddominaw l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal ( 11 ). |
b) L-applikazzjonijiet sussegwenti tas-sentenza Medion
17. |
Minn analiżi tal-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza Medion jirriżulta, l-ewwel nett, li l-ewwel parti tal-motivi ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-punti 27 sa 29, li l-kontenut tagħhom huwa rriprodott fil-qosor fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ġiet iċċitata b’mod kważi kostanti biex tindika l-metodoloġija li għandha tiġi segwita fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ li wieħed jew iż-żewġ trade marks kunfliġġenti jkunu kkostitwiti minn sinjali komposti ( 12 ). F’dan is-sens, l-imsemmija sentenza ġiet interpretata, minn naħa, bħala riaffermazzjoni tal-prinċipju li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali, ibbażata, fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali, fuq il-kriterju tal-impressjoni ġenerali prodotta minnha, min-naħa l-oħra, bħala konferma ta’ dak li kien iddikjarat qabel mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Matratzen, jiġifieri li l-bżonn li wieħed jipproċedi għal paragun bejn it-trade marks kunfliġġenti kkunsidrati kull waħda fil-kumpless tagħha “ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali pprodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha” ( 13 ). |
18. |
Diversi sentenzi, b’mod partikolari tal-Qorti Ġenerali, għamlu mbagħad riferiment għall-preċiżazzjonijiet inklużi fil-punti 30 sa 37 tas-sentenza Medion, li l-kontenut tagħhom huwa miġbur fil-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u għall-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma”. L-ewwel konklużjoni li tirriżulta mill-analiżi ta’ dawn is-sentenzi hija t-tendenza li tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ din il-parti tal-motivi tas-sentenza Medion lil hinn mill-ipoteżi espressament ikkontemplati minnha, dwar, kif intwera, l-użu minn terz, fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti, ta’ sinjal kompost mir-riproduzzjoni ta’ trade mark preċedenti li għandu karattru distintiv awtonomu mqiegħed ħdejn l-isem tal-impriża tat-terz jew ħdejn trade mark li tagħha huwa proprjetarju ( 14 ). Minkejja xi sentenzi fis-sens kuntrarju ( 15 ), ipprevaliet, fil-fatt, qabel il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 16 ), u sussegwentement anki f’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), orjentazzjoni li tiddeduċi b’analoġija mill-punti ta’ hawn fuq tas-sentenza Medion “regola” li tapplika fil-każijiet kollha li fihom trade mark preċedenti ( 18 ) tidher bħala element ta’ sinjal kompost li ġie wara, u dan anki meta ma jkunx ġie rriprodott identikament ( 19 ). |
19. |
Bl-istess mod, anki l-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma” ġie interpretat b’mod eżawrjenti u applikat anki f’ċirkustanzi differenti minn dawk li kienu jikkaratterizzaw il-proċedura prinċipali fil-kawża Medion, pereżempju fil-każ ta’ trade mark preċedenti figurattiva ( 20 ). Għalkemm ma tinstabx fil-ġurisprudenza definizzjoni ta’ tali kunċett, hija ġiet xi drabi konnessa mal-“perċettibbiltà” jew “rikonoxxibbiltà” tat-trade mark preċedenti fi ħdan it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li fiha l-ewwel trade mark, jew element tagħha ( 21 ), tiġi rriprodotta ( 22 ). F’każijiet oħra, min-naħa l-oħra, hija ġiet irrikonoxxuta applikabbli għal element “awtonomu, ċentrali u ta’ effett” ( 23 ), għal element li għandu “karattru distintiv tiegħu” ( 24 ) jew ta’ “kapaċità ta’ attrazzjoni suffiċjenti” ( 25 ) jew ġiet dedotta mill-karattru tagħha “mhux negliġibbli” fl-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost ( 26 ). Għal dak li jikkonċerna l-grad ta’ distintività neċessarju biex jiddistingwi tali pożizzjoni, il-ġurisprudenza hija partikolarment diverġenti. F’ċerti sentenzi ġie eskluż li r-riproduzzjoni tat-trade mark preċedenti f’sinjal kompost li ġie wara seta’ jkollu, fi ħdan it-tali sinjal, pożizzjoni distintiva awtonoma jekk l-imsemmija trade mark (l-element tas-sinjal li ġie wara li jirriproduċih) kienet deskrittiva ( 27 ) jew kellha karattru distintiv dgħajjef ( 28 ). F’oħrajn, min-naħa l-oħra, ġiet aċċettata konklużjoni kuntrarja ( 29 ). Il-ġurisprudenza tidher min-naħa l-oħra meta tqis li ma tistax tiġi rrikonoxxuta pożizzjoni distintiva awtonoma lill-element tas-sinjal li ġie wara li jirriproduċi trade mark preċedenti jekk jikkomponi, mal-elementi l-oħra tal-imsemmi sinjal, għaqda loġika indipendenti, li jitlef b’tali mod l-awtonomija kunċettwali tiegħu. ( 30 ) |
20. |
Għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi li għandhom x’jaqsmu mal-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva awtonoma li t-trade mark preċedenti żżomm fis-sinjal li jiġi wara, diversi sentenzi jiddeduċu awtomatikament minn din il-konstatazzjoni l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali mqabbla ( 31 ). Kawtela ikbar toħroġ min-naħa l-oħra fl-istadju tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat li din il-probabbiltà ma tistax tiġi dedotta miċ-ċirkustanza biss li t-trade mark preċedenti żżomm fit-trade mark li ġiet wara ċerta pożizzjoni distintiva għalkemm mhux dominanti ( 32 ), iżda għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni ( 33 ). |
21. |
Fl-aħħar, nirrileva inċertezza fil-ġurisprudenza kemm fl-importanza li għandha tingħata lill-preżenza, fi trade mark, tal-indikazzjoni tal-isem tal-manifattur. Jekk, fl-istess sentenza Medion u f’sentenzi oħra, tqies li tali indikazzjoni, minħabba l-funzjoni tagħha li tidentifika l-oriġini tal-prodott, ma tistax titqies li hija element negliġibbli ( 34 ) u anzi, ġie rrikonoxxut lilha karattru anki potenzjalment dominanti ( 35 ), f’sentenzi oħra, tqieset, proprju minħabba l-imsemmija funzjoni, li hija element ta’ importanza sekondarja ( 36 ). |
c) Il-portata tas-sentenza Medion
22. |
L-eżami qasir tal-ġurisprudenza ta’ hawn fuq juri ċerta diffikultà fid-delineazzjoni tal-portata attwali tas-sentenza Medion u fl-għoti ta’ kontenut lill-kunċett ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma” li jidher fl-imsemmi punt 30 ta’ din is-sentenza. Jekk it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-punt tħalli lil wieħed jaħseb li din tal-aħħar kienet intiża li toħloq eċċezzjoni għall-prinċipji stabbiliti sew fil-ġurisprudenza tal-Unjoni fuq is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, din l-interpretazzjoni ma tidhirlix madankollu sodisfaċenti. Differenzazzjoni tal-kriterji applikabbli għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks, li timplika, għal kategorija iżolata ta’ trade marks komposti, deroga mir-regoli fuq il-perċezzjoni tat-trade mark min-naħa tal-pubbliku, ma ssib, fil-fehma tiegħi, ebda ġustifikazzjoni plawżibbli. B’mod partikolari, ma tistax tikkostitwixxi tali ġustifikazzjoni l-ħtieġa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tenfasizza fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza Medion, li tipproteġi t-trade mark preċedenti minn indħil possibbli minn terzi. Fil-fatt, din il-ħtieġa, għalkemm leġittima, hija barranija mill-konklużjoni ta’ konfużjoni u, kif kien diġà rrileva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza inkwistjoni, għandha tintlaħaq bis-saħħa ta’ regoli differenti minn dawk li jwasslu għal din il-konklużjoni ( 37 ). |
23. |
Huwa għalhekk neċessarju fil-fehma tiegħi li wieħed jipprova jagħti rikostruzzjoni differenti tas-sentenza Medion. Għal dan il-għan huwa qabel xejn essenzjali li wieħed jiftakar li s-sentenza inkwistjoni ngħatat fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li fih kull konstatazzjoni ta’ fatt jibqa’ d-dominju esklużiv tal-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ inkwistjoni (paragun bejn it-trade marks THOMSOM LIFE u LIFE), iżda sempliċement irrispondiet għad-domanda li saritilha, billi ppreċiżat, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti nazzjonali, il-kriterji li fid-dawl tagħhom tintlaħaq il-konklużjoni ta’ konfużjoni. F’dan il-kuntest, is-sentenza inkwistjoni essenzjalment iddikjarat li ma tistax tiġi eskluża a priori l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade mark preċedenti użata minn terz fl-ambitu ta’ sinjal kompost u dan is-sinjal meta t-trade mark preċedenti, minkejja li ma tkunx l-element dominanti tas-sinjal kompost, iżżomm pożizzjoni tali li l-pubbliku ta’ riferiment jasal biex xorta jattribwixxi “lill-proprjetarju ta’ dan it-trade mark l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjal kompost” ( 38 ). |
24. |
Iktar inġenerali, u lil hinn miċ-ċirkustanzi tal-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dikjarazzjoni timplika li jekk l-element ta’ sinjal kompost, identiku jew simili għal trade mark preċedenti, jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv li joħloq id-dehra ta’ dan is-sinjal li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja mingħajr ma jiddominaha u minkejja l-prevalenza possibbli ta’ komponent ieħor tas-sinjal, l-imsemmi element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjal kompost u t-trade mark preċedenti u għalhekk jasal għall-konklużjoni ta’ konfużjoni. F’dan is-sens, ’il bogħod milli tiġi introdotta deroga għall-prinċipji li jippresjedu li jwasslu għal din il-konklużjoni, is-sentenza inkwistjoni pjuttost, fil-fehma tiegħi, hija maħsuba biex ittaffi r-rigorożità ta’ ċerti preċedenti, b’mod partikolari s-sentenzi mogħtija fil-kawżi Matratzen Concord vs UASI, li setgħu jiġu interpretati bħala applikazzjoni riġida tal-Prägetheorie ( 39 ). Dan il-qari tas-sentenza Medion jirriżulta li huwa kkonfermat mis-sentenza UASI vs Shaker ( 40 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan, espliċitu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott li s-sentenza tirreferi għalihom, li tirrikonċilja l-inkonsistenza evidenti bejn l-imsemmija sentenzi u s-sentenza Medion, ippreċiżat li, jekk ma huwiex eskluż li l-impressjoni ġenerali ġġenerata minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha, “huwa biss meta l-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark huma negliġibbli li jista’ jiġi evalwat ix-xebh [bejn żewġ trade marks] fuq il-bażi biss tal-element dominanti”. ( 41 ) Din il-preċiżazzjoni ġiet kostantement użata mill-ġdid fil-ġurisprudenza li ġiet wara ( 42 ). |
25. |
F’dan il-punt, huma neċessarji żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, jekk jiġi ddikjarat li, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks li minnhom waħda komposta minn iktar elementi li fosthom jidher irriprodott, b’mod identiku jew simili, l-uniku element li minnu hija komposta t-trade mark l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-element komuni, fejn ma jkunx marġinali fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark komposta, anki fejn ma tiddominax din l-impressjoni, ma timplikax li tista’ ssir deroga mill-kriterji ta’ perċezzjoni tat-trade mark min-naħa tal-pubbliku ta’ riferiment, li lilu l-ġurisprudenza tat in-natura ta’ parametri ġuridiċi reali u proprji. L-ewwel fost dawn il-parametri, stabbilit minn ġurisprudenza issa stabbilita, li fuqha hija bbażata l-istess sentenza Medion, huwa dak li l-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina l-elementi individwali tagħha ( 43 ). Minn din ir-regola jsegwi li l-analiżi tal-komponenti ta’ trade mark u tal-piż tagħhom fi ħdanha huwa madankollu funzjonali għall-identifikazzjoni, fil-proċess ta’ sinteżi, tal-impressjoni ġenerali li hija tipproduċi, li tista’ tinżamm fil-memorja mill-konsumatur u li torjenta l-għażliet sussegwenti tiegħu ta’ xiri. Din l-operazzjoni ta’ sinteżi hija essenzjali anki fil-każ ta’ trade marks komposti minn iktar elementi distintivi li jikkomponu mingħajr ma jiddeterminaw, kull wieħed meħud separatament, l-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark. Huwa wkoll meħtieġ fiċ-ċirkustanzi deskritti fis-sentenza Medion, jiġifieri fil-każ li fih trade mark preċedenti tiġi mqabbla ma’ sinjal ta’ terz fid-ditta ta’ dan tal-aħħar ( 44 ). Iktar inġenerali, l-importanti għalhekk ma huwiex daqstant il-pożizzjoni li jkollu, fis-sinjal li ġie wara, l-element ta’ din tal-aħħar li tirriproduċi t-trade mark preċedenti daqskemm pjuttost l-adegwatezza ta’ dan l-element li jiġi pperċepit u miżmum fil-memorja awtomatikament mill-pubbliku fil-kuntest tal-imsemmi sinjal. |
26. |
Fit-tieni lok, tkun xi tkun il-pożizzjoni li t-trade mark preċedenti tokkupa fl-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal li ġie wara, huwa xorta waħda neċessarju li wieħed jiddetermina l-probabbiltà ta’ konfużjoni mhux fl-astratt, iżda fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha flimkien tal-każ inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, minbarra x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-attenzjoni bejn wieħed u ieħor għolja tal-pubbliku ta’ riferiment u l-abitudnijiet tal-imsemmi pubbliku fis-settur interessat ( 45 ). Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi dedott awtomatikament, mill-fatt li t-trade mark preċedenti żżomm, fit-trade mark komposta li tkun ġiet wara, pożizzjoni distintiva awtonoma, li fost is-sinjali inkwistjoni hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 46 ). B’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tat-trade mark preċedenti ma għandhiex tippermetti li tiġi injorata d-determinazzjoni ta’ din il-probabbiltà, kif madankollu joħroġ b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, anki mill-istess punti 31 u 36 tas-sentenza Medion. |
27. |
Huwa fuq il-bażi tal-prinċipji esposti hawn fuq li ser neżamina l-ilmenti mqajma mill-appellanti fl-ewwel parti tal-uniku aggravju tagħha ta’ appell. |
d) Analiżi tal-ilmenti
28. |
L-appellanti tiddikjara fl-ewwel lok li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-element “doughnuts” jokkupa fis-sinjal li tiegħu qed tintalab ir-reġistrazzjoni pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tas-sentenza Medion, mingħajr ma evalwat il-fatti kollha flimkien fil-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward nirrileva, preliminarjament, li l-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata li fuqhom huwa bbażat l-ilment ineżami jikkostitwixxu risposta għall-argument tal-appellanti li l-element “bimbo” għandu karattru dominanti fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-riferiment għas-sentenza Medion, inkluż f’dawn il-punti, għandu jitqies li huwa ċitazzjoni tal-prinċipju, iddikjarat f’din is-sentenza, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li, fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mis-sinjal kompost, tirriżulta dominanti dik il-parti tal-istess trade mark li hija kkostitwita mit-trade mark preċedenti ( 47 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali riedet tikkjarifika li, anki jekk kellu jitqies li l-element “bimbo” għandu l-karattru dominanti li tagħtih l-appellanti, dan ma huwiex suffiċjenti biex jeskludi r-rilevanza tal-konklużjoni ta’ konfużjoni tal-element “doughnuts”. Il-Qorti Ġenerali waslet ukoll għall-istess konklużjoni fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li fiha ppreċiżat li dan l-element tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni inkwantu mhux negliġibbli fl-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. |
29. |
Dan premes, ma nħossx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rabtet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mal-grad tagħha ta’ distintività u mal-fatt li hija ma tingħaqadx mal-element l-ieħor ta’ din it-trade mark f’ġħaqda kunċettwalment distinta. Fil-fatt, minn naħa, dan il-punt għandu jinqara fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li diġà twettqu mill-Qorti Ġenerali dwar il-kapaċità tal-element “doughnuts” li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku u li jiġi għalhekk ipperċepit b’mod awtonomu minnu, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jikkomponi l-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark (b’mod partikolari l-punti 79 sa 81, 85, 86 u 92). Min-naħa l-oħra, kif wieħed jara aħjar meta jeżamina t-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx b’mod awtomatiku mill-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva u awtonoma tal-imsemmi element l-eżistenza ta’' probabbiltà ta’ konfużjoni. |
30. |
Fir-rigward tat-tieni lment, li jgħid li l-Qorti Ġenerali estendiet indebitament il-portata tas-sentenza ċċitata Medion, hija titlaq minn interpretazzjoni ta’ din is-sentenza differenti minn dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet u hija għalhekk, fil-fehma tiegħi, ibbażata fuq premessa żbaljata fid-dritt. |
31. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondata l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell. |
B – Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell: in-nuqqas ta ’ kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta ’ konfużjoni
1. Argumenti tal-partijiet
32. |
Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-bażi tal-unika konstatazzjoni tal- - allegata - pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra u, b’mod partikolari, il-fatt li l-element “bimbo” ma huwiex biss isem tal-kumpannija iżda anki trade mark rinomat fi Spanja għall-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-fatt li tali element jidher fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-karattru distintiv mhux għoli tat-trade mark preċedenti u l-fatt li t-trade mark preċedenti ma huwiex irriprodott bl-istess mod fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. B’mod partikolari, fil-fehma tal-appellanti, il-fama bħala trade mark tal-ewwel element tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha twassal biex teskludi l-konfużjoni bejn is-sinjali mqabbla, bl-istess mod kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata Becker vs Harman International Industries. |
33. |
Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għal liema raġuni l-pubbliku rilevanti jkun imħajjar jinjora l-ewwel element tat-trade mark kumplessa, li jidentifika oriġini kummerċjali magħrufa sew tal-prodotti inkwistjoni, u li jattribwixxi l-oriġini ta’ dawn tal-aħħar lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew lil impriżi marbuta ekonomikament. |
34. |
Fit-tielet lok, l-appellanti tenfasizza li l-kuntest li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Medion huwa differenti minn dak tal-każ inkwistjoni, li fih, b’differenza mis-settur tal-prodotti tal-elettronika, huwa mhux normali li jinħolqu rabtiet ekonomiċi bejn impriżi kompetituri. |
35. |
L-UASI u Panrico jqisu li l-argumenti tal-appellanti huma parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondati. |
2. L-analiżi
36. |
Filwaqt li naqbel mal-premessa tal-appellanti, jiġifieri li s-sentenza Medion ma tawtorizza la deroga mill-kriterju tal-impressjoni ġenerali ġġenerata mit-trade mark komposta u lanqas a priori minn evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, inqis madankollu infondati l-ilmenti li hija tressaq f’din il-parti tal-aggravju uniku tagħha tal-appell. |
37. |
Minn qari ġenerali - u mhux selettiv bħal dak propost mill-appellanti - joħroġ fil-fatt mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mill-konstatazzjoni biss li l-element “doughnuts” jokkupa, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, pożizzjoni distintiva awtonoma, iżda bbażat ruħha, għal dan l-iskop, fuq numru ta’ fatturi fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, skont il-ġurisprudenza ċċitata minnha stess fil-punt 51 tas-sentenza. |
38. |
Kuntrarjament għal dak iddikjarat mill-appellanti, fit-tqabbil tat-trade marks inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni kemm il-karattru allegatament rinomat tat-trade mark BIMBO, kif ukoll tal-fatt li din tal-aħħar tikkostitwixxi l-ewwel taż-żewġ elementi li minnhom hija magħmula t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Fl-ewwel profil, għalkemm ma teskludix li l-fatt li sinjal kompost huwa kkostitwit minn trade mark rinomata jista’ jkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-piż relattiv tal-komponenti varji ta’ dan is-sinjal, hija madankollu ppreċiżat li dan ma jimplikax awtomatikament li l-paragun bejn it-trade marks kunfliġġenti għandu biss jieħu inkunsiderazzjoni dan l-element biss, jekk jirriżulta li l-komponenti l-oħra tas-sinjal ma jkunux negliġibbli fl-impressjoni ġenerali ġġenerata minnha ( 48 ). Fit-tieni profil, fil-punti 80, 83 u 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm jinsab, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, wara l-element “bimbo”, l-element “doughnuts” kien xieraq biex jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku Spanjol minħabba l-akbar tul tiegħu, u l-karattru mhux tas-soltu, bl-Ispanjol, tas-sekwenza ta’ konsonanti “ghn” u għalhekk kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fil-mertu, tali evalwazzjoni ta’ natura fattwali ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
39. |
Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-fatt li t-trade mark preċedenti ma kinitx irriprodotta b’mod identiku fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u enfasizzat, fil-punt 82, li l-unika differenza kienet tikkonċerna ittra, imqiegħda fit-tielet pożizzjoni ġewwa kelma relattivament twila. Hija rrilevat li din id-differenza ma kienet tbiddel b’mod sinjifikattiv la t-tul u lanqas, mill-perspettiva tal-fonetika, il-pronunzja tal-kelma inkwistjoni. |
40. |
Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-element “bimbo” ma huwiex biss isem ta’ kumpannija iżda wkoll trade mark rinomata fi Spanja għall-prodotti inkwistjoni, nirrileva li l-appellanti ma tikseb l-ebda effett speċifiku fil-liġi. Fejn hija tixtieq b’dan il-mod tiddifferenzja l-każ inkwistjoni minn dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali fil-kawża Medion, nosserva li fl-ekonomija tas-sentenza mogħtija f’tali kawża, il-fatt li t-trade mark preċedenti jintuża fis-sinjal kompost ta’ terz flimkien mal-isem tal-kumpannija tagħha, jiġifieri b’trade mark tal-proprjetà tagħha, ma jidher li għandu ebda rilevanza. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja poġġiet fuq l-istess livell iż-żewġ ipoteżi u, min-naħa l-oħra, kien jirriżulta minn dak li ppreċiżat il-qorti tar-rinviju li, fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, kien użwali l-użu li tiġi inkorporata d-ditta fit-trade mark, bil-konsegwenza li din tal-aħħar kienet qed titlef il-konnotazzjoni tipika tagħha ta’ sinjal li jiddistingwi l-impriża biex tassumi dik ta’ element ta’ identifikazzjoni tal-prodott ( 49 ). |
41. |
Fl-ambitu tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-grad ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali mqabbla, identifikat bħala medju, tal-identiċità tal-prodotti (punt 91), tal-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti (punt 92) (punti 95 sa 97), tan-natura tal-prodotti inkwistjoni u tal-livell pjuttost baxx ta’ attenzjoni tal-pubbliku fil-mument tax-xiri (punt 99). B’riferiment għal dawn il-fatturi u, b’mod partikolari għax-xebh viżiv u fonetiku medju bejn is-sinjali u għall-identiċità bejn il-prodotti, hija fl-aħħar ikkonkludiet li hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. |
42. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nħossx li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi akkużata li ddeduċiet awtomatikament il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti mill-konstatazzjoni tal-pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u lanqas li ma evalwatx globalment il-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
43. |
Għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment intiż li jinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Il-motivi li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti dwar il-karattru deċiżiv tal-allegata dominanza, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, tal-kelma “bimbo” jirriżultaw, barra mill-punti 95 sa 97 tas-sentenza appellata, anki mill-punti 76 sa 81 tal-istess sentenza. |
44. |
Fl-aħħar nett, l-argument tal-appellanti li s-sentenza Medion ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti minħabba d-diversità tal-użi kummerċjali fis-settur tat-tagħmir elettroniku ta’ divertiment u f’dak tal-ħelu huwa, fl-opinjoni tiegħi, infondat fil-fatti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tidher li qed tiddikjara l-appellanti, ma jirriżultax, mill-qari tas-sentenza u tal-konklużjonijiet, li l-frekwenza tar-rabtiet ekonomiċi bejn l-impriżi li joperaw fis-suq ta’ riferiment kienet tagħmel parti mill-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali li huwa deskritt mill-qorti tar-rinviju. Kif diġà kelli mod li nenfasizza hawn fuq, fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-qorti minflok irrilevat li, fis-settur kummerċjali kkonċernat, l-użi fil-qasam tal-ismijiet kienu jattribwixxu iktar prominenza lill-isem tal-manifattur li, inkella, kieku marret fl-isfond fl-impressjoni ġenerali prodotta minn trade mark kompost, billi l-pubbliku għandu t-tendenza bħala regola li jidentifika l-isem tal-prodott f’komponent differenti tas-sinjal ( 50 ). L-eżistenza ta’ dawn l-użi kummerċjali, li, fejn dokumentati, żgur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fattur rilevanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ma ġiet la pprovata u lanqas avvanzata mill-appellanti dwar is-suq tal-prodotti inkwistjoni. |
45. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad bħala infondata anki t-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appell. |
V – Konklużjoni
46. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) T‑569/10.
( 3 ) R 838/2009-4.
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). Mit-13 ta’ April 2009, ir-Regolament Nru 40/94 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
( 5 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005 (C-120/04, Ġabra p. I-8551).
( 6 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).
( 7 ) Punti 25 sa 27.
( 8 ) Punti 27 u 28.
( 9 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I-6191), tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I-3819) u d-digriet tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI (C-3/03 P, Ġabra p. I-3657).
( 10 ) Punti 31 u 36.
( 11 ) Punti 32 sa 34.
( 12 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Seven for all mankind vs Seven (C‑655/11 P, punti 71 u 72), tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (C-254/09 P, Ġabra p. I-7989, punti 43 sa 45), tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates (C-202/08 P u C-208/08 P, Ġabra p. I-6933, punt 61), tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker (C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punti 33, 35 u 41); digrieti tal-20 ta’ Ottubru 2011, DTL vs UASI (C-67/11 P, Ġabra p. I-156, punti 39 sa 41), tal-15 ta’ Jannar 2010, Messer Group vs Air Products and Chemicals (C-579/08 P, Ġabra p. I-2, punt 71) u tal-20 ta’ Jannar 2009, Sebirán vs UASI u El Coto De Rioja (C-210/08 P, Ġabra p. I-6, punt 35 ). Għal dak li jikkonċerna l-Qorti Ġenerali, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2007, Merant vs UASI – Focus Magazin verlag (FOCUS) (T-491/04, Ġabra p. II-45, punti 43 sa 44).
( 13 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 34), digriet Matratzen Concord vs UASI (cit., punt 32), sentenza Medion (cit., punt 29). F’dan is-sens ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI (C-193/06 P, Ġabra p. I-114, punt 42) u UASI vs Shaker (iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
( 14 ) Kif diġà kelli mod nenfasizza fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-punt 34 tas-sentenza Medion, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment espress barra għall-ipoteżi li fiha mat-trade mark preċedenti tiżdied, fis-sinjal kumpless li ġie wara, id-ditta tat-terz, l-ipoteżi li fiha l-element li jiżdied ikun ikkostitwit minn trade mark (rinomat) li tagħha huwa stess ikun il-proprjetarju.
( 15 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2011, Procter & Gamble Manufacturing Cologne vs UASI – Natura Cosméticos (NATURAVIVA) (T-107/10, Ġabra p. II-338, punt 43) u tat-13 ta’ Settembru 2010, Procter & Gamble vs UASI – Prestige Cosmetics (P&G PRESTIGE BEAUTE) (T-366/07, Ġabra p. II-194, punt 82).
( 16 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPA THERAPY) (T-109/07, Ġabra p. II-687, punt 19), tas-7 ta’ Marzu 2013, FairWild Foundation vs UASI–Wild (FAIRWILD) (T‑247/11, punt 49), tat-8 ta’ Mejju 2012, Panzeri vs UASI – Royal Trophy (Royal Veste e premia lo sport) (T‑348/10, punt 33), tal-25 ta’ Marzu 2010, Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (T‑5/08 ‐ T-7/08, Ġabra p. II-1177, punt 60), tat-18 ta’ Mejju 2011, Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (T-376/09, Ġabra p. II-141, punt 34), tal-24 ta’ Mejju 2012, Grupo Osborne vs UASI –Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (T‑169/10, punt 27), tas-17 ta’ Mejju 2013, Rocket Dog Brands vs UASI –Julius-K9 (JULIUS K9) (T‑231/12, punt 30), tat-2 ta’ Diċembru 2008, Harman International Industries vs UASI – Becker (Barbara Becker) (T-212/07, Ġabra p. II-3431, punti 37 u 41) u tal-20 ta’ Jannar 2010, Nokia vs UASI – Medion (LIFE BLOG) (T-460/07, Ġabra p. II-89, punt 73).
( 17 ) Ara d-digrieti tat-22 ta’ Jannar 2010, ecoblue vs UASI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-23/09 P, Ġabra p. I-7, punt 45) u tal-15 ta’ Frar 2011 (C-353/09 P, Ġabra, p. I-12, punt 34). F’dan is-sens, minkejja li interpretat il-punti 30 et seq tas-sentenza Medion bħala eċċezzjoni għal prinċipju li l-konsumatur jipperċepixxi trade mark fil-globalità tagħha, jidher li kkonkluda hekk wkoll l-Avukat Ġenerali Cruz Villalon fil-kawża Becker vs Harman International Industries, punti 53, 55 u 56 (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, C-51/09 P, Ġabra p. I-5805); ara wkoll, b’mod impliċitu, il-punti 34 sa 39 tas-sentenza li għadna kemm iċċitajna.
( 18 ) Riprodott fl-intier tagħha, ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2013, Rocket Dog Brands vs UASI – Julius-K9 (JULIUS K9) (punt 31) u Focus Magazin Verlag vs UASI – Editorial Planeta (FOCUS Radio) (iċċitata iktar qabel, punt 40). F’sens impliċitament kuntrarju, ara madankollu s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2009, Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (T-305/07 u T-306/07, Ġabra p. II-155, punt 86).
( 19 ) Ara s-sentenzi Panzeri vs UASI (iċċitata iktar qabel, punt 33), Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punt 60), Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel punt 34); Grupo Osborne vs UASI –Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 27). Ara madankollu, f’sens kuntrarju s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Winzer Pharma vs UASI – Alcon (OFTAL CUSI) (T-160/09, Ġabra p. II-233).
( 20 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Phildar vs UASI – Comercial Jacinto Parera (FILDOR) (T-99/06, Ġabra p. II-164, punt 43), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-korrettezza tal-użu ta’ dan il-kunċett, minn naħa tal-Bord tal-Appell, sabiex tiġi evalwata l-importanza tal-element figurattiv fl-impressjoni ġenerali prodott mit-trade mark preċedenti.
( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, United States Polo Association vs UASI – Textiles CMG (U.S. POLO ASSN.) (T-228/09, Ġabra p. II-102, punt 38), ikkonfermata mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, United States Polo Association vs UASI (C‑327/11 P, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fil-punti 51 u 52, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx f’dan il-każ applikat is-sentenza Medion).
( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Harman International Industries vs UASI – Becker (Barbara Becker) (iċċitata iktar qabel, punt 37) u FairWild Foundation vs UASI–Wild (FAIRWILD) (iċċitata iktar qabel, punt 50).
( 23 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel, punt 54).
( 24 ) Ara d-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (iċċitat iktar qabel punt 37).
( 25 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali Grupo Osborne vs UASI – Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 42).
( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punti 60 sa 63) u Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (iċċitata iktar qabel, punti 82 sa 86).
( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway) (T-434/05, Ġabra p. II-163, punt 49), ikkonfermata minn C-57/08, u tas-17 ta’ Frar 2011, Formula One Licensing vs UASI – Global Sports Media (F1 – LIVE) (T-10/09, Ġabra p. II-427, punt 51), annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tal-element li jikkorrispondi għat-trade mark preċedenti, ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P).
( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Grupo Osborne vs UASI – Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 42)
( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (T‑63/09, punt 111), Offshore Legends vs UASI – Acteon (OFFSHORE LEGENDS en noir et blanc et OFFSHORE LEGENDS en bleu, noir et vert) (iċċitata iktar qabel, punt 82) u impliċitament, id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI (C-235/05 P, Ġabra p. I-57, punt 32).
( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Procter & Gamble Manufacturing Cologne vs UASI – Natura Cosméticos (NATURAVIVA) (iċċitata iktar qabel, punt 43), Grupo Osborne vs UASI–Industria Licorera Quezalteca (TORO XL) (iċċitata iktar qabel, punt 40), tad-19 ta’ Mejju 2010, Ravensburger vs UASI – Educa Borras (EDUCA Memory game) (T-243/08, Ġabra p. II-95, punti 33 sa 42), ikkonfermata mid-digriet tal-14 ta’ Marzu 2011, Ravensburger vs UASI (C-370/10 P, Ġabra p. I-27), u tal-1 ta’ Lulju 2009, Perfetti Van Melle vs UASI – Cloetta Fazer (CENTER SHOCK) (T-16/08, Ġabra p. II-97, bil-kuntrarju, punti 44 sa 48), ikkonfermata mid-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (iċċitata iktar qabel punt 37).
( 31 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali Panzeri vs UASI – Royal Trophy (Royal Veste e premia lo sport) (iċċitata iktar qabel, punt 33), Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle) (iċċitata iktar qabel, punt 60) u Glenton España vs UASI – Polo/Lauren (POLO SANTA MARIA) (iċċitata iktar qabel, punt 34).
( 32 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 109), Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway) (iċċitata iktar qabel, punt 49), tad-9 ta’ Settembru 2011, BVR vs UASI – Austria Leasing (Austria Leasing Gesellschaft m.b.H. Mitglied der Raiffeisen-Bankengruppe Österreich) (T-197/10, Ġabra p. II-273, punt 61) u DRV vs UASI – Austria Leasing (Austria Leasing Gesellschaft m.b.H. Mitglied der Raiffeisen-Bankengruppe Österreich) (T-199/10, Ġabra p. II-274, punt 61).
( 33 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (T-385/09, Ġabra p. II-455, punti 49, 50) u Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 113).
( 34 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Diċembru 2012, A. Loacker vs UASI–Editrice Quadratum (QUADRATUM) (T‑42/09, punti 34 u 35).
( 35 ) Ara s-sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 34).
( 36 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2006, Camper vs UASI – JC (BROTHERS by CAMPER) (T-43/05, Ġabra p. II-95, punti 65 et seq).
( 37 ) Pereżempju, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni inġusta, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, punt 40.
( 38 ) Sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 36).
( 39 ) Fil-punt 33 tas-sentenza ċċitata Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), imsemmija mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Medion, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “trade mark kumplessa tista’ titqies li tixbah lil trade mark oħra, identika jew simili għal waħda mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, biss jekk din tal-aħħar tikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark kumplessa”, filwaqt li madankollu ppreċiżat minnufih wara li “dan l-approċċ ma jfissirx li jittieħed inkunsiderazzjoni komponent biss ta’ trade mark kumplessa u jitqabbel ma’ trade mark oħra”, filwaqt li jkollu minflok “isir il-paragun billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, ikkunsidrati kull waħda fil-kumpless tagħha”, iżda tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa [tista’], f’ċirkustanzi ddeterminati, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha” (punt 34) .
( 40 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 12.
( 41 ) Ara l-punt 42. Dan il-prinċipju kien diġà impliċitu fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “element dominanti” mogħti fil-punt 34 tas-sentenza iċċitata iktar ’il fuq Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) tal-Qorti Ġenerali.
( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (iċċitata iktar qabel punti 56 u 57), Nestlé vs UASI (iċċitata iktar qabel, punti 41 sa 43) u DTL vs UASI (iċċitata iktar qabel, punt 41) .
( 43 ) Ara s-sentenzi SABEL (iċċitata iktar qabel, punt 23), Lloyd Schuhfabrik Meyer (iċċitata iktar qabel, punt 25) u Medion (iċċitata iktar qabel, punt 28).
( 44 ) Ara d-digrieti tad-29 ta’ Ġunju 2011, adp Gauselmann vs UASI (C-532/10 P, Ġabra p. I-94, punt 43) u tat-23 ta’ Novembru 2010, Enercon vs UASI (C-204/10 P, Ġabra p. I-156, punti 23 sa 26).
( 45 ) Ara s-sentenza SABEL (iċċitata iktar qabel, punt 22) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (iċċitata iktar qabel, punt 50).
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT) (iċċitata iktar qabel, punt 49), L’Oréal vs UASI – Spa Monopole (SPA THERAPY) (iċċitata iktar qabel, punt 29) u Volkswagen vs UASI – Suzuki Motor (SWIFT GTi) (iċċitata iktar qabel, punt 113), ara wkoll Becker vs Harman International Industries (iċċitata iktar qabel, punt 40).
( 47 ) Ara s-sentenza Medion (iċċitata iktar qabel, punt 32).
( 48 ) Punti 77 u 78.
( 49 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs (iċċitati iktar qabel, punti 9 u 10).
( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs (iċċitati iktar qabel punti 8 sa 10).