KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-21 ta’ Mejju 2014 ( 1 )

Kawża C‑575/12

AS Air Baltic Corporation

vs

Valsts robežsardze

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kontroll fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Artikolu 5(1) — Qsim tal-fruntiera — Ħtieġa ta’ viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Effett tal-annullament tad-dokument tal-ivvjaġġar fuq il-validità tal-viża inkluża fih”

1. 

Ċittadin ta’ Stat terz, suġġett għall-obbligu ta’ viża, jista’ jiġi ammess biex jidħol fit-territorju tal-Unjoni Ewropea meta jippreżenta ruħu fil-fruntiera esterna b’viża valida, inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar invalidu, u b’dokument tal-ivvjaġġar validu imma li ma jkollux viża. Din hija l-kwistjoni f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

2.

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 2 ) għandu bħala għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi “regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea”.

3.

L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jelenka, kif ġej, il-kundizzjonijiet għad-dħul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

“Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)

ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

b)

ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ [...]

[...]”

4.

L-Artikolu 5(4)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi:

“[b]’deroga mill-paragrfu 1:

[...]

b)

Ċittadini ta’ pajjiż terz li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief għall-punt (b), u li jippreżentaw ruħhom fuq il-fruntiera jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji ta’ l-Istati Membri, jekk tinħareġ viża fil-fruntiera [...]

[...]

Jekk ma jkunx possibbli li titwaħħal viża fid-dokument, din għandha, b’mod ta’ eċċezzjoni, titwaħħal fuq folja separata li tiddaħħal fid-dokument. [...]”

5.

L-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jgħid dan li ġej:

“Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

a)

verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat ta’ l-aspetti li ġejjin:

(i)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa fil-pussess ta’ dokument validu biex jaqsam il-fruntiera u li ma jkunx skada, u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew permess ta’ residenza meħtieġa;

(ii)

l-iskrutinju bir-reqqa tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni;

iii)

l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[…]”

6.

L-Artikolu 10(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi li d-“dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ. B’mod partikolari timbru tad-dħul jew ħruġ għandu jsir fuq […] id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz, li tkun inħarġitilhom viża fuq il-fruntiera minn Stat Membru biex jaqsmu l-fruntiera”.

7.

L-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi li “[ċ]ittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) [...] għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri”.

2. Il-Kodiċi dwar il-Viżi

8.

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) ( 3 ), għandu bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu li jistabbilixxi “l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur”.

9.

L-Artikolu 12 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, dwar id-dokument tal-ivvjaġġar, huwa redatt kif ġej:

“L-applikant għandu jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

a)

il-validità tiegħu għandha testendi mill-anqas tliet xhur wara d-data prevista tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri jew, fil-każ ta’ diversi żjarat, wara l-aħħar data prevista tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri. [...]

b)

għandu jkun fih mill-anqas żewġ paġni vojta;

c)

għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti.”

10.

L-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jippreċiża li “[f]il-verifika dwar jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul, il-konsulat għandu jivverifika [...] li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat”.

11.

L-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jgħid dan li ġej:

“1.   Viża għandha tiġi annullata fejn isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża ma ġewx sodisfatti fiż-żmien tal-ħruġ tagħha [...] Fil-prinċipju, viża għandha tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża. Viża tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali revoka.

2.   Viża għandha tkun revokata meta jsir evidenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha m’għadhomx ikunu sodisfatti. Viża fil-prinċipju għandha tkun revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jkun ħariġha. Viża tista’ tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali annullament.

[...]

5.   Jekk viża hija annullata jew revokata, għandu jiġi mehmuż magħha timbru li jiddikjara ‘ANNULLATA’ jew ‘REVOKATA’ [...].

6.   Deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka ta’ viża u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

7.   Id-detentur tal-viża li l-viża tiegħu tkun ġiet annullata jew revokata għandu jkollu d-dritt tal-appell [...].”

B – Id-dritt tal-Latvija

12.

L-Artikolu 4(1), punti 1 u 2 tal-Liġi dwar l-Immigrazzjoni (Imigrācijas likums) jgħid dan li ġej:

“(1)   . Barrani għandu d-dritt li jidħol u jissoġġorna fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvija jekk ikollu fl-istess ħin:

1)

dokument tal-ivvjaġġar validu [...]

2)

viża valida f’dokument tal-ivvjaġġar li jkun validu […]” ( 4 ).

13.

L-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-Immigrazzjoni jobbliga lit-trasportatur sabiex jiżgura li l-barrani li jkun qed jittrasporta jkollu d-dokumenti meħtieġa għad-dħul fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvija. Is-sanzjoni għall-ksur ta’ dan l-obbligu tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.

Fl-okkażjoni ta’ titjira bejn Moska (ir-Russja) u Riga (il-Latvja) li saret fit-8 ta’ Ottubru 2010, il-kumpannija tal-ajru AS Air Baltic Corporation (iktar ’il quddiem l-“Air Baltic Corporation”) ittrasportat ċittadin Indjan li, waqt il-kontrolli fil-fruntieri li saru mal-wasla, ippreżenta passaport Indjan validu mingħajr viża Schengen kif ukoll passaport Indjan annullat li kellu fih viża Schengen bi dħul multiplu tal-kategorija “C”, maħruġa mir-Repubblika Taljana u valida mill-25 ta’ Mejju 2009 sal-25 ta’ Mejju 2014. Il-passaport annullat kien jinkludi n-nota segwenti: “Passaport annullat. Il-viżi validi fil-passaport ma ġewx annullati”.

15.

L-awtoritajiet Latvjani inkarigati mill-kontroll li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jidħlu fit-territorju tal-Unjoni rrifjutaw id-dħul liċ-ċittadin Indjan għar-raġuni li ma kellux viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu.

16.

Barra minn hekk, il-gwardji tal-fruntieri Latvjani kkunsidraw li l-kumpannija tal-ajru kienet kisret il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni meta ttrasportat lejn il-Latvija vjaġġatur li ma kellux id-dokumenti meħtieġa għad‑dħul tiegħu fit-territorju Latvjan. Għaldaqstant, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, huma imponew fuq din il-kumpannija multa amministrattiva fl-ammont ta’ 2000 lats Latvjani (LVL).

17.

Air Baltic Corporation ressqet ilment quddiem il-kap tas-servizz tal-gwardji tal-fruntieri nazzjonali, li, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ikkonferma l-multa. Air Baltic Corporation għalhekk ippreżentat l-ewwel rikors ġudizzjarju, li ġie miċħud fit-12 ta’ Awwissu 2011.

18.

Imbagħad, Air Baltic Corporation ippreżentat appell quddiem l-administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li imponitilha l-multa amministrattiva inkwistjoni.

19.

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-liġi Latvjana timponi li tiġi ppreżentata fil-fruntieri viża valida mwaħħla f’dokument tal-ivvjaġġar validu, ma jirriżultax b’mod ċar mid-dritt tal-Unjoni li dan jimponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża ( 5 ), fil-mument li jinqasmu l-frunteri esterni tal-Unjoni, li jkollhom fil-pussess tagħhom viża valida mdaħħla f’dokument tal-ivvjaġġar li jkun, huwa wkoll, validu, u lanqas li l-annullament tad-dokument tal-ivvjaġġar li jinkludi l-viża għandu xi effett fuq il-validità ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk iċ-ċittadin Indjan setax effettivament jiġi kkunsidrat, mill-gwardji tal-fruntieri, li ma għandux id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għal-qsim tal-fruntieri. Fl-aħħar nett hija tosserva, kif sostnew il-partijiet fil-kawża quddiemha, li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jsegwu prattiki differenti fil-każijiet fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri esterni u jkollhom fil-pussess tagħhom kemm viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar invalidu kif ukoll dokument tal-ivvjaġġar validu separat iżda mingħajr viża.

20.

Billi sabet ruħha f’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-administratīvā apgabaltiesa ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2012, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, it-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5 ta[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa suġġett b’mod obbligatorju għall-kundizzjoni minn qabel tal-eżistenza ta’ viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu?

2)

Il-kanċellazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar li fih twaħħlet viża jimplika wkoll, skont id-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi dwar il-Viżi], għall-invalidità tal-viża maħruġa?

3)

Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu, għad-dħul ta’ ċittadin f’pajjiż terz, il-kundizzjoni minn qabel tal-eżistenza ta’ viża valida inkluża f’dokument ta’ vvjaġġar validu, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], u tal-[Kodiċi dwar il-Viżi]?

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Air Baltic Corporation, il-Gvern Latvjan, Taljan u Finlandiż, il-Konfederazzjoni Svizzera ( 6 ) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22.

L‑osservazzjonijiet orali ta’ Air Baltic Corporation, tal-Gvern Latvjan u Finlandiż kif ukoll tal-Kummissjoni nstemgħu fis‑seduta li saret fid-19 ta’ Marzu 2014.

IV – Analiżi legali

23.

Kieku l-invalidità tad-dokument tal-ivvjaġġar li fih titwaħħal il-viża kellha taffettwa l-validità tal-viża nnifisha, ma tqumx il-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ Stat terz jistax jiġi awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Unjoni meta jkun fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar invalidu li jkun jinkludi l-viża u dokument tal-ivvjaġġar validu.

24.

Għalhekk jeħtieġ li norganizza xi ftit id-domandi indirizzati mill-qorti tar-rinviju billi nibda bl-analiżi tat-tieni domanda. Imbagħad ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponix li l-viża valida tkun f’dokument tal-ivvjaġġar validu fil-mument tal-qsim tal-fruntiera tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, u fl-ipoteżi ta’ risposta negattiva, ikolli nistabbilixxi jekk l-Istati Membri humiex awtorizzati, fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li jimponu kundizzjoni ta’ dħul supplimentari meta mqabbla ma’ dawk previsti minn dawn il-kodiċijiet.

A – Fuq l-eventwali effett tat-telf ta ’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar li fih tkun twaħħlet il-viża fuq il-validità tal-viża nnifisha

25.

L-ewwel nett nosserva li l-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirregola l-kundizzjonijiet li fihom il-viża tiġi annullata jew irrevokata. B’dan il-mod, il-viża tiġi annullata meta jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ma jkunux ġew issodisfatti fil-mument tal-ħruġ ( 7 ) jew tiġi rrevokata meta jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ma jibqgħux issodisfatti ( 8 ).

26.

Fiż-żewġ każijiet, il-Kodiċi dwar il-Viżi jippreċiża li kemm l-awtoritajiet kompetenti li ħarġu l-viża, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiddeċiedu dwar l-annullament jew ir-revoka ( 9 ). Għaldaqstant, il-kompetenza biex tittieħed deċiżjoni fuq il-validità tal-viża hija esklużivament tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

27.

Ir-revoka jew l-annullament jiġu indikati b’notament fuq il-viża nnifisha ( 10 ). Id-deċiżjoni li l-viża tiġi annullata jew irrevokata kif ukoll il-motivazzjoni tagħha għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tad-detentur tal-viża permezz ta’ formola standard ( 11 ).

28.

Minn din il-formola jirriżulta li t-telf ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat fil-mument tal-applikazzjoni għall-viża ma jagħmilx parti mir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament jew ir-revoka tal-viża. Skont dak li jirriżulta mill-formola, l-unika raġuni li tirrigwarda direttament id-dokument tal-ivvjaġġar tirriżulta min-natura “falz[a], kontrafatt[a] jew iffalsifikat[a]” tad-dokument tal-ivvjaġġar li jkun ġie ppreżentat.

29.

Peress li ma huwiex ikkontestat li ċ-ċittadin Indjan inkwistjoni fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-viża fil-mument tal-applikazzjoni fformulata għall-kisba tagħha, il-kwistjoni li tqum hija jekk it-telf ta’ validità tal-passaport li fih il-viża setax iwassal għar-revoka tal-imsemmija viża.

30.

Mingħajr dubju, fil-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal viża, il-persuna kkonċernata hija obbligata li tippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu. Għalhekk, jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 34 u tal-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi li t-telf ta’ validità ta’ dan id-dokument, wara li l-viża tkun inħarġet, ma għandux bħala konsegwenza li jiġi kkontestat il-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-viża huma ssodisfatti, għall-inqas sakemm l-imsemmija persuna tkun tista’ tipproduċi dokument ġdid tal-ivvjaġġar validu.

31.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kodiċi dwar il-Viżi jiggarantixxi dritt għal azzjoni legali lill-persuni li l-viża tagħhom tkun ġiet irrevokata. Din l-azzjoni hija diretta kontra l-Istat Membru li jkun iddeċieda r-revoka u għandha tingħata informazzjoni lil dawn il-persuni dwar ir-rimedji ġudizzjarji eżistenti. Fl-aħħar nett, ir-revoka għandha tiġi indikata u rreġistrata fis-sistema ta’ informazzjoni fuq il-viżi (VIS) ( 12 ). Dan id-dritt għall-informazzjoni u għal azzjoni legali ma jkunx jista’ jiġi żgurat fil-każ fejn il-validità tal-viża Schengen tkun tiddependi minn deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat terz.

32.

Is-sistema legali tal-annullament u tar-revoka, kif stabbilita permezz tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għalhekk tidher li hija bbażata fuq il-postulat li huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-annullament jew ir-revoka. F’dan is-sens, jiġi osservat ċertu paralleliżmu tal-forom, għaliex huma dawn l-awtoritajiet ukoll li joħorġu l-viżi ( 13 ).

33.

Fil-fatt, il-viża maħruġa tipproduċi l-effetti tagħha fil-konfront tal-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-kompetenza għall-ħruġ jew għar-rifjut ta’ dan il-ħruġ ma tiġix eluża bl-effett ta’ deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritjiet ta’ Stati terzi. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jipprevali sakemm, jekk ikun il-każ, il-gwardji tal-fruntiera tal-Unjoni jikkonstataw bidla notevoli fis-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat terz, bidla li tista’ tiġġustifika li l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità ta’ ħruġ tal-viża titqiegħed f’dubju.

34.

Għaldaqstant, ma nistax naqbel mal-pożizzjoni li esprima l-Gvern Latvjan waqt is-seduta fejn qal li, ladarba l-passaport li fih tkun twaħħlet il-viża sar invalidu, il-passaport kollu kemm hu ‐ jiġifieri inkluża l-viża Schengen li hemm fih ‐ għandu l-valur biss ta’ biċċa karta.

35.

Għar-raġunijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tikkonstata l-invalidità tal-viża Schengen tista’ tiġi adottata biss fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u, fi kwalunkwe każ, hija biss fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Għaldaqstant, it-telf tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar li fih twaħħlet il-viża Schengen ma jistax, minnu nnifsu, jaffettwa l-validità tal-viża nnifisha, kif ġie rrikonoxut, wara kollox, diġà mill-awtoritajiet tal-ħruġ tal-passaport ikkonċernat meta għamlu n‑notament li, għalkemm il-passaport kien ġie annullat, il-viżi validi li kien jinkludi ma ġewx annullati.

B – Fuq l-allegata eżistenza ta ’ obbligu li tiġi ppreżentata viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu

36.

Jekk id-dħul taċ-ċittadin Indjan fit-territorju tal-Unjoni ma setax jiġi rrifjutat għas-sempliċi raġuni li l-passaport li kien fih il-viża Schengen kien ġie annullat, għaliex, minnha nnifisha, l-invalidità tal-passaport ma għandhiex effett fuq il-validità tal-viża, xorta għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponix, bħala kundizzjoni għad-dħul, il-pussess ta’ viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu.

37.

Biex isir dan, ser nibda billi nuri l-insuffiċjenza tal-interpretazzjoni letterali, minħabba diverġenzi lingwistiċi, u l-ħtieġa li wieħed juża l-analiżi sistemika. Imbagħad ser nivverifika li l-interpretazzjoni teleoloġika tikkorrobora l-konklużjonijiet dedotti minn din l-analiżi, qabel ma nifformula osservazzjonijiet konklużivi.

1. Insuffiċjenza tal-interpretazzjoni letterali u diverġenzi lingwistiċi

38.

L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jelenka l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti miċ-ċittadini ta’ Stati terzi biex jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Unjoni. Dan jelenka ħames kundizzjonijiet kumulattivi. Il-paragrafu a) jeżiġi li ċ-ċittadini tal-Istat terz ikunu “fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera” u l-paragrafu b) jindika, min-naħa tiegħu, li dan iċ-ċittadin għandu jkun “fil-pussess ta’ viża valida” meta din tal-aħħar tkun meħtieġa.

39.

Interpretazzjoni letterali stretta ta’ dan l-Artikolu 5(1) diġà tagħmilha apparenti li, minn naħa, saret distinzjoni bejn il-kundizzjoni li wieħed ikun fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu u dik dwar iż-żamma ta’ viża u, min-naħa l-oħra, ma saret l-ebda preċiżazzjoni mil-leġiżlatur dwar il-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni “fiżika” ta’ dawn iż-żewġ dokumenti.

40.

Madankollu jiena tal-fehma, fid-dawl ta’ dak li osserva l-Gvern Finlandiż, li l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen għalkemm ma jinkludix l-obbligu espress li tiġi ppreżentata, fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu, minħabba s-sistema li fiha jinsab, ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat. L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu b’hekk jinqara mhux biss flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen imma wkoll flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li miegħu l-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen għandu relazzjoni mill-qrib ( 14 ).

41.

Għaldaqstant qed nipproponi, b’mod għalkollox klassiku, li nikkompleta l-analiżi letterali permezz ta’ analiżi sistemika u teleoloġika. Dan huwa iktar u iktar meħtieġ peress li l-partijiet ikkonċernati li intervjenew matul din il-proċedura għamlu referenza għall-Artikolu 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jiddiskutu l-kwistjoni dwar jekk, iva jew le, il-viża valida tinftehimx, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi kodiċi bħal fis-sens tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jiġifieri li għandha tkun inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu. Fil-fehma tal-Gvern Finlandiż, peress li l-Artikolu 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi li d-dokument tal-ivvjaġġar għandu jkun “akkumpanjat” b’viża valida, dan ifisser li huwa biss dokument tal-ivvjaġġar validu li jinkludi l-viża jista’ jiġi ppreżentat fil-fruntieri.

42.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrimarka, fuq dan il-punt, li, filwaqt li l-verżjoni Latvjana tal-Artikolu 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issemmi espliċitament li għandu jkun hemm, fid-dokument validu tal-ivvjaġġar, il-viża, dan ma huwiex il-każ fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn. Il-verżjonijiet Daniża, Ingliża, Franċiża u Svediża jeżiġu biss li d-dokument tal-ivvjaġġar ikun “akkumpanjat” mill-viża, u dan mhux neċessarjament jimplika li l-viża tkun inkluża fiżikament fid-dokument tal-ivvjaġġar validu.

43.

Għalkemm id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li dwaru ma ġiet invokata l-ebda differenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Artikolu 7 tal-istess kodiċi jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali għall-ġestjoni komuni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u jista’ jkun utli li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni li għandha tingħata għal dan l-Artikolu 5.

44.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħtieġa ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE teskludi li din titqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tagħha, iżda teżiġi li din tiġi interpretata kemm skont l-intenzjoni reali tal-leġiżlatur kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha ( 15 ). Il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni ma għandhiex isservi ta’ bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħatalha natura prijoritarja meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn, għaliex approċċ bħal dan jirriżulta li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

45.

Kemm il-ħtieġa li tiġi kkonfermata l-ewwel konklużjoni dedotta mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ukoll dik li tingħeleb id-diffikultà ta’ interpretazzjoni marbuta mal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 7(3)(a)(i) ta’ dan il-kodiċi jeżiġu li r-raġunament jiġi kkompletat b’analiżi sistemika u teleoloġika.

2. Analiżi sistemika

46.

Peress li l-ħruġ tal-viża jiġi qabel il-kontroll magħmul fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, ser nibda bl-analiżi tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

47.

B’dan il-mod, u essenzjalment, iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal viża f’konsulat kompetenti fit-tliet xhur qabel il-bidu tal-vjaġġ ( 17 ). B’mod partikolari għandu jippreżenta formola ta’ applikazzjoni standard ( 18 ) u dokument tal-ivvjaġġar ( 19 ) li l-perijodu ta’ validità tiegħu għandu jaqbeż tal-inqas tliet xhur fid-data ta’ meta l-applikant ikun ippreveda li jitlaq għall-aħħar darba mit-territorju tal-Istati Membri ( 20 ), u dan id-dokument għandu jkollu fih tal-inqas żewġ paġni vojta u jkun inħareġ inqas minn għaxar snin qabel ( 21 ). Il-kaxxi 12 sa 16 tal-formola standard tal-applikazzjoni għandhom jindikaw ukoll it-tip tad-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat mill-applikant, in-numru tiegħu, id-dati tal-ħruġ u tal-iskadenza tiegħu kif ukoll l-awtorità li ħarġitu.

48.

Ladarba l-applikazzjoni titlesta u tiġi ppreżentata għand l-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha tivverifika “jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” ( 22 ) u b’mod partikolari li “d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat” ( 23 ). Fil-każ ta’ viża bi dħul multiplu, bħal dik maħruġa fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ validità ta’ din il-viża għandu jkun bejn sitt xhur u ħames snin ( 24 ).

49.

L-istiker tal-viża mbagħad timtela skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27 u fl-Anness VII tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Hija tinkludi t-tagħrif dwar il-perijodu li matulu d-detentur tal-viża jista’ jagħmel is-soġġorn previst, u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar li fuqu hemm mwaħħla l-viża, sakemm il-viża ma tkunx twaħħlet fuq folja separata ( 25 ). Hija mbagħad titwaħħal skont ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 29 u tal-Anness VIII tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Fil-prinċipju dan it-twaħħil għandu jsir “mal-ewwel paġna tad-dokument tal-ivvjaġġar li ma fih l-ebda annotamenti jew timbri” ( 26 ) sakemm il-viża ma tkunx twaħħlet fuq folja separata ( 27 ).

50.

Il-ħruġ tal-viża ma jseħħx fl-istess mument tal-qsim tal-fruntiera esterna tal-Unjoni ( 28 ), u dan speċjalment meta l-viża bi dħul multiplu, kif rajna, tista’ tkun valida bejn sitt xhur u ħames snin. Il-Kodiċi dwar il-Viżi jeżiġi biss li l-perijodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat fil-mument tal-applikazzjoni tal-viża jkun iktar minn, tal-inqas, tliet xhur fid-data li fiha l-applikant ikun ippreveda li jitlaq għall-aħħar darba mit-territorju tal-Unjoni ( 29 ). Fi kwalunkwe każ, intenni li din il-preċiżazzjoni tgħodd biss għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti meta ssir l-applikazzjoni għal-viża peress li l-awtoritajiet konsulari ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, kontroll fuq x’jista’ jiġri mid-dokument tal-ivvjaġġar bejn il-mument meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-viża u l-mument effettiv tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

51.

Għalhekk il-kontroll fil-fruntieri jikkostitwixxi stadju ieħor ( 30 ) ladarba l-viża maħruġa wara li l-awtoritajiet konsulari jkunu vverifikaw, b’mod partikolari, il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat.

52.

Fir-rigward tal-Kodiċi tal-Frunteri ta’ Schengen, l-ewwel nett ninnota li dan tal-aħħar għandu l-għan li jistabbilixxi “regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea” ( 31 ). Jidher li huwa fundamentali li dawn ir-regoli jiġu applikati b’mod uniformi, u f’dan ir-rigward jiena nikkondividi l-preokkupazzjonijiet espressi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali meta semmiet il-prattiki nazzjonali diverġenti.

53.

Kif tfakkar diġà, il-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirreferu b’mod partikolari għal obbligu li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar li jkunu validi u li jippermettu l-qsim tal-fruntiera u obbligu ta’ pussess ta’ viża valida meta din tkun meħtieġa. Għandu jiġi osservat li ma hemmx f’din il-lista ta’ kundizzjonijiet ta’ dħul, l-obbligu li jiġi ppreżentat id-dokument tal-ivvjaġġar validu li jinkludi l-viża valida.

54.

Iċ-ċittadin ta’ Stat terz, fil-mument li jkun ser jaqsam il-fruntiera, jiġi suġġett għal verifika bir-reqqa li tikkonsisti fil-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ dħul tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u f’eżami ddettaljat tal-fatt li ċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat ikun fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar “validu […] li ma jkunx skada”, u li d-dokument ikun “akkumpanjat” mill-viża meħtieġa ( 32 ). It-timbri ta’ dħul u ta’ ħruġ “fuq id-dokument ta’ l-ivvjaġġar” jiġu eżaminati wkoll sabiex jiġi vverifikat, billi jitqabblu d-dati, li dan iċ-ċittadin ma jkunx qabeż diġà l-perijodu ta’ soġġorn massimu awtorizzat fl-Unjoni.

55.

Fl-istadju tal-verifika bir-reqqa stabbilita fl-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ stadji, jiġifieri l-verifika, inizjalment, tas-sempliċi pussess — jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandux effettivament dokument tal-ivvjaġġar validu u jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz għandux effettivament viża — qabel ma jsir, fit-tieni lok, l-eżami proprju, jiġifieri verifika iktar sostanzjali — riċerka ta’ indizji ta’ falsifikazzjoni jew ta’ kontrafazzjoni, paragun tad-dati ta’ dħul u ta’ ħruġ, verifika tad-disponibbiltà ta’ mezzi suffiċjenti għar-ritorn, eċċ. ( 33 ).

56.

Għalhekk hija kkonfermata l-iskonnessjoni bejn ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat dokument tal-ivvjaġġar validu u dak li tiġi ppreżentata viża valida, li ġiet preżunta mill-qari tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

57.

Ladarba jkunu saru dawn il-verifiki, id-dħul jiġi awtorizzat. F’dan il-każ, l-awtoritajiet jagħmlu timbru sistematikament fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar, ippreżentati miċ-ċittadini ta’ Stati terzi mad-dħul u mal-ħruġ ( 34 ), li “fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera” ( 35 ). Il-kundizzjoni ta’ validità hija msemmija biss fir-rigward tal-viża, u mhux fir-rigward tad-dokument tal-ivvjaġġar.

58.

F’każ kuntrarju, meta ċ-ċittadin ta’ Stat terz ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, id-dħul jiġi rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni mmotivata u nnotifikata permezz tal-formola standard ( 36 ). Fost ir-raġunijiet ta’ rifjut jeżistu, fuq din il-formola, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex f’idejha dokumenti tal-ivvjaġġar validi ( 37 ) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ma jkollhiex f’idejha viża valida ( 38 ).

59.

Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur ma stabbilixxiex l-obbligu espliċitu li l-viża valida tidher f’dokument tal-ivvjaġġar validu. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għad-dħul mhux biss huma previsti b’mod distint fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen imma distinzjoni bħal din tirriżulta wkoll mill-istruttura ta’ dispożizzjonijiet oħrajn ( 39 ).

60.

Għaldaqstant mil-lat kemm letterali kif ukoll sistemiku, xejn ma jipprekludi li dan l-Artikolu 5 jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex meħtieġ li ċittadin ta’ Stat terz li huwa suġġett għall-obbligu ta’ viża jkollu fil-pussess tiegħu viża valida li tkun inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu.

61.

Madankollu għad irid jiġi vverifikat jekk interpretazzjoni bħal din tipperikolax l-għanijiet segwiti mill-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

3. Interpretazzjoni teleoloġika

62.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza tal-fruntieri intiża sabiex timpedixxi l-qsim mhux awtorizzat ta’ dawn il-fruntieri, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali, sabiex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu illegalment il-fruntiera u biex dawn il-persuni jinqabdu ( 40 ). Barra minn hekk, il-premessa 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tistabbilixxi li l-kontrolli fil-frunteri “huma fl-interess mhux biss ta’ l-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu isiru dawn il-kontrolli, iżda ta’ l-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni” u għandhom jikkontribwixxu għall-“ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri” ( 41 ).

63.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen “jaqa’ fil-kuntest l-iktar ġenerali ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fi ħdanha hija żgurata l-moviment liberu tal-persuni, flimkien ma’ miżuri xierqa fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri esterni, tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu […] Is-sistema stabbilita mill-ftehim ta’ Schengen hija għalhekk ibbażata fuq l-osservanza tar-regoli armonizzati ta’ kontroll fuq il-fruntieri esterni u, f’dan il-każ, fuq l-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stati partijiet għall-imsemmi ftehim, stabbiliti bi[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]. Kull Stat Membru li t-territorju tiegħu jagħmel parti miż-żona Schengen għandu fil-fatt ikun żgurat mill-effettività u mir-reqqa tal-kontrolli magħmula minn kwalunkwe Stat ieħor ta’ din iż-żona. ( 42 ) Dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-kontroll għandu l-għan, minn naħa, li jiżgura li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru jew li joħorġu minnu u, min-naħa l-oħra, li ma jħallix lill-individwi jaħarbu mill-kontrolli fil-fruntieri” ( 43 ).

64.

Min-naħa tagħha, l-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi tidħol ukoll fl-għan globali li jiġi stabbilit b’mod progressiv spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u l-Kodiċi dwar il-Viżi nnifsu għandu għan doppju li joħloq sistema b’elementi multipli maħsuba biex jiffaċilitaw il-vjaġġi magħmulin b’mod leġittimu u biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni klandestina, għal armonizzazzjoni ikbar tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-modalitajiet ta’ ħruġ tal-viżi ( 44 ). Fl-interpretazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Qorti tal-Ġustizzja toqgħod attenta sabiex la jiġi kompromess l-għan li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar u lanqas l-għan li jiġi evitat trattament mhux ugwali tal-applikanti ( 45 ).

65.

Il-Gvern Finlandiż isostni li s-seħħ tal-għanijiet ta’ sigurtà, ta’ fluwidità tal-qsim tal-fruntieri, ta’ prevenzjoni tat-theddid kontra l-ordni, u tas-sigurtà jew saħħa pubblika, tal-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, huwa ffaċilitat meta viża valida tiġi inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar li jkun validu huwa wkoll.

66.

Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tingħata importanza żejda u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex valur deċiżiv.

67.

Meta iktar ’il fuq iddeskrivejt is-sistema stabbilita bl-applikazzjoni flimkien tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għamilt enfasi fuq ċertu numru ta’ elementi li, filwaqt li jiggarantixxu l-effikaċja tal-kontroll fil-fruntieri, ma jippermettux li jiġi sostnut l-argument tal-Gvern Finlandiż. L‑awtoritajiet fdati bil-kontroll tal-fruntieri esterni ġew ippreżentati, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kemm bid-dokument tal-ivvjaġġar li fuq il-bażi tiegħu l-viża kienet nħarġet kif ukoll bid-dokument tal-ivvjaġġar il-“ġdid”. Għalhekk huma setgħu jiżguraw ruħhom li hemm “korrispondenza” bejn id-dokument prodott fil-mument tal-applikazzjoni għall-viża — u effettivament eżaminat mill-awtoritajiet konsulari kompetenti — u dak li kien fih il-viża valida, ippreżentat fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-preżentazzjoni tad-dokument tal-ivvjaġġar validu ppermetitilhom ukoll li jikkonfermaw l-identità taċ-ċittadin ta’ Stat terz kkonċernat u li jiġi vverifikat li l-ewwel kundizzjoni għad-dħul ġiet sodisfatta. Fl-aħħar nett, il-preżentazzjoni konkomitanti taż-żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar li ġew wara xulxin fiż-żmien setgħet tippermetti kontroll suffiċjenti tat-timbri ta’ dħul u ta’ ħruġ li abbażi tagħhom l-awtoritajiet jivverifikaw li l-perijodu massimu tas-soġġorn awtorizzat ma jkunx inqabeż.

68.

Filwaqt li tiġi rrikonoxxuta l-importanza fundamentali, għall-Istati Membri kkonċernati, li jkun hemm kontroll effettiv u effikaċi fil-fruntieri esterni tal-Unjoni u filwaqt li jiġi ammess li l-preżentazzjoni ta’ żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar distinti, wieħed validu, l-ieħor invalidu tikkomplika — forsi — xi ftit il-kompitu tal-awtoritajiet fdati bil-kontroll fil-fruntieri ( 46 ), madankollu ma ġiex ipprovat li l-każ li għandna quddiemna llum ipperikola jew jipperikola b’mod partikolari l-għan ta’ sigurtà segwit mill-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen.

69.

F’dan ir-rigward, ninnota differenza sinjifikattiva bejn il-każ li qed nittrattaw illum u d-diffikultajiet prattiċi li jinqalgħu ta’ spiss, imsemmija mill-Gvern Finlandiż, meta jsiru l-kontrolli fil-fruntieri marbutin mal-fatt li ċerti ċittadini ta’ Stati terzi jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri b’ħafna iktar minn żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar, validi u invalidi.

4. Osservazzjonijiet konklużivi

70.

Fl-aħħar mill-aħħar tidher li hija konformi mal-istandards internazzjonali l-awtorizzazzjoni tad-dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jippreżenta, waqt il-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, dokument tal-ivvjaġġar mhux validu li jinkludi l-viża meħtieġa mad-dħul tiegħu fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll dokument tal-ivvjaġġar validu. Air Baltic Corporation u l-Gvern Latvjan infushom osservaw, mingħajr ma ġew kontradetti, li l-punt 3.53 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, jirrakkomanda, fil-każ fejn il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar tkun skadiet meta huwa jkun jinkludi l-viża valida, li l-viża tibqa’ titqies valida sal-iskadenza tagħha jekk tkun akkumpanjata b’dokument tal-ivvjaġġar validu.

71.

Madankollu, il-Gvern Latvjan jiddubita li dan jista’ jiġi traspost fil-kuntest tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, peress li din il-konvenzjoni tirrakkomanda prattika bħal din f’kuntest fejn il-viża tippermetti d-dħul taċ-ċittadin ta’ Stat terz biss fit-territorju tal-Istat li jkun ħariġha. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Unjoni, għalkemm ma hijiex parti fl-imsemmija konvenzjoni, b’ċertu mod, diġà adottat parzjalment dan l-istandard internazzjonali għaliex emenda tal-manwal dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viżi u għall-emendar tal-viżi maħruġin ( 47 ), imwettqa permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2011) 5501 finali, tal-4 ta’ Awwissu 2011, daħħlet paragrafu ġdid fil-punt 4.1.1, li jgħid li “Fil-prinċipju vjaġġatur għandu jivvjaġġa b’viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu. Madankollu, meta l-paġni kollha vojta tad-dokument tal-ivvjaġġar tad-detentur tal-viża Schengen ikunu intużaw għall-inklużjoni ta’ viżi jew ta’ timbri ta’ dħul u ta’ ħruġ, dan ikun jista’ jivvjaġġa b’dokument tal-ivvjaġġar ‘sħiħ’ imma annullat li jkollu fih il-viża valida, u b’dokument tal-ivvjaġġar ġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 48 ).

72.

Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, għaldaqstant, li l-preżentazzjoni ta’ żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar distinti, wieħed invalidu imma li jinkludi l-viża valida, u l-ieħor validu imma mingħajr viża, ma tikkompromettix l-effikaċja tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Latvjan speċifika, waqt is-seduta, li implementa din ir-rakkomandazzjoni meta saret riforma leġiżlattiva nazzjonali.

73.

Ċertament, il-punt 4.1.1 tal-manwal li jirrigwarda l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża u l-emendi tal-viżi maħruġin jipprevedi biss il-każ speċifiku fejn id-dokument li jinkludi l-viża jkun invalidu minħabba li ma jkunx hemm disponibbli folji vojta, u għandu biss il-valur ta’ rakkomandazzjoni. Madankollu, għandu jiġi ggarantit is-seħħ tal-għanijiet kollha tal-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż dak li jiġi evitat li jkun hemm “visa shopping” u trattament mhux ugwali tal-applikanti għal viża ( 49 ).

74.

F’dan ir-rigward, id-diverġenza fil-prattiki nazzjonali, enfasizzata mill-qorti tar-rinviju, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Latvjan, hija preokkupanti għaliex għandha l-konsegwenza li l-fruntieri esterni tal-Unjoni jsiru kemxejn permeabbli. Għalhekk jeżisti riskju reali, osservat minn Air Baltic Corporation, li d-diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali fl-awtorizzazzjoni jew fir-rifjut, tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni fl-ipoteżi fejn jeżistu żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar, wieħed invalidu li jinkludi l-viża u l-ieħor validu imma mingħajr viża, isir kriterju ta’ għażla tal-Istat Membru li permezz tiegħu ċ-ċittadin tal-Istat terz jixtieq jidħol fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant jidher neċessarju li tiġi armonizzata l-prattika tal-gwardji tal-fruntieri lil hinn mill-każ waħdieni fejn id-dokument tal-ivvjaġġar ma jkollux paġni vojta disponibbli.

75.

Barra minn hekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-awtorità tal-Istat terz li ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar biex jinvalidawh, ma jkunux magħrufa, bosta drabi, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fdati bil-kontroll fil-fruntieri esterni. Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dawn ir-raġunijiet baqgħu mhux magħrufa. Madankollu, sakemm l-invalidità tiġi “kkorreġuta” bil-preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar li l-perijodu ta’ validità tiegħu jkopri l-perijodu tas-soġġorn massimu awtorizzat fl-Unjoni, u wara li jkunu saru l-verifiki meħtieġa dwar in-natura awtentika tad-dokument ġdid ippreżentat, fil-fehma tiegħi ma hemmx raġuni biex jiġi limitat id-dħul taċ-ċittadin ta’ Stat terz li jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar invalidu u dokument tal-ivvjaġġar validu għall-każ biss fejn l-invalidità tirriżulta min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ folji vojta.

76.

Fi kwalunkwe każ, jekk, f’dan l-aħħar każ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri li segwew ir-rakkomandazzjoni tagħha ma qisux li l-kontroll tal-perijodu tas-soġġorn kien sar iktar diffiċli bil-preżentazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar distinti, bilkemm nista’ nifhem għaliex dak għandu jkun il-każ fil-konfigurazzjoni preżenti. Fil-fatt, u kif enfasizzajt diġà, il-kontinwità kronoloġika żgurata bejn iż-żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati miċ-ċittadin Indjan kienet tippermetti lill-gwardji tal-fruntieri li jiżguraw li n-numru ta’ jiem ta’ preżenza awtorizzata fit-territorju tal-Unjoni ma kienx inqabeż. Fl-aħħar nett nippreċiża li possibbiltà bħal din tissussisti mingħajr ma tippreġudika l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jistabbilixxi, “[j]ekk id-dokument ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jassumu li d-detentur ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, il-kondizzjonijiet ta’ tul ta’ soġġorn applikabbli fl-Istat Membru konċernat”, peress li din il-preżunzjoni hija konfutabbli.

77.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li l-viża valida, meħtieġa miċ-ċittadin ta’ Stat terz suġġett għal dan l-obbligu fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, ma għandhiex neċessarjament tkun inkluża fid-dokument tal-ivvjaġġar validu u li l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a)(b) ta’ dak il-kodiċi jistgħu jiġu previsti b’mod separat, sakemm dan iċ-ċittadin jippreżenta, fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni, dokument tal‑ivvjaġġar awtentiku li l-perijodu ta’ validità tiegħu jkopri l-perijodu ta’ soġġorn massimu awtorizzat mill-viża Schengen, u din stess tkun inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar li sar invalidu.

C – Fuq it-tielet domanda preliminari

78.

Fil-każ li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Kodiċi dwar il-Viżi ma jimponux fuq iċ-ċittadin ta’ Stat terz suġġett għall-obbligu ta’ viża li jippreżentaha f’dokument tal-ivvjaġġar validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Istati Membri humiex awtorizzati jżidu kundizzjonijiet ġodda ta’ dħul ma’ dawk li diġà jinsabu fiż-żewġ kodiċijiet imsemmija iktar ’il fuq.

79.

Jekk il-kundizzjonijiet ta’ dħul huma elenkati fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan l-artikolu għandu jinqara neċessarjament flimkien mal-Artikolu 13 ta’ dan il-kodiċi li jirrigwarda każijiet fejn id-dħul jista’ jiġi rrifjutat.

80.

Għalhekk, id-dħul ta’ ċittadin “ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) […] għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri”. Id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul tiġi mgħarrfa liċ-ċittadin ta’ Stat terz permezz ta’ formola standard ( 50 ). Din il-formola tipprevedi disa’ raġunijiet għar-rifjut tad-dħul. Tmienja jirriflettu l-kundizzjonijiet ta’ dħul tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 51 ).

81.

Raġuni waħda ta’ rifjut biss ma għandhiex relazzjoni diretta mal-imsemmi Artikolu 5: dik dwar il-fatt li jinqabeż il-perijodu ta’ soġġorn massimu awtorizzat.

82.

Fi kwalunkwe każ, il-formola standard ma tipprevedix il-possibbiltà, għall-gwardji tal-fruntieri, li jżidu raġuni oħra ta’ rifjut mal-lista li hija tinkludi.

83.

Fid-dawl ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-Artikolu 32 tal-Kodiċi dwar il-Viżi fis-sentenza Koushkaki ( 52 ), il-fatt li l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi, b’referenza għall-Artikolu 5 tal-istess kodiċi, lista ta’ raġunijiet li abbażi tagħhom jiġi deċiż rifjut ta’ dħul, filwaqt li jiġi previst li r-raġuni għandha tiġi kkomunikata b’mod speċifiku lill-applikant permezz tal-formola tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen “jikkostitwixxi element favur l-interpretazzjoni li tgħid li l-lista ta’ raġunijiet għal rifjut elenkati […] hija eżawrjenti”.

84.

Barra minn dan, l-għan tal-faċilitazzjoni tal-vjaġġi magħmulin b’mod leġittimu, segwit mill-Kodiċi dwar il-Viżi u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tas-sentenza Koushkaki ċċitata iktar ’il fuq, jiġi kompromess kieku l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw id-dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz meta dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dħul elenkati fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u ma jkunx qabeż il-perijodu ta’ soġġorn massimu awtorizzat.

85.

Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-“visa shopping” titlob li tiġi ggarantita applikazzjoni armonizzata tal-kundizzjonijiet ta’ dħul kif ukoll il-korollarju tagħha, jiġifieri applikazzjoni armonizzata tar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ dħul ( 53 ).

86.

Inżid ngħid ukoll li, b’mod differenti mill-Kawża Koushkaki ċċitata iktar ’il fuq, il-kundizzjoni supplimentari li l-leġiżlatur nazzjonali introduċa ma hijiex komparabbli mal-evalwazzjonijiet kumplessi tas-sitwazzjonijiet individwali li jistgħu jaqgħu taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, intenzjonalment, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Istati Membri fir-rigward tal-evalwazzjoni konkreta ta’ ċerti raġunijiet ta’ rifjut ta’ ħruġ tal-viżi ( 54 ).

87.

Kif osservat, ġustament, il-Kummissjoni matul is-seduta, il-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut fis-sentenza Koushkaki, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi traspost għall-ewwel żewġ kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ natura pjuttost teknika, elenkati fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen. Għaldaqstant, mhux biss il-leġiżlatur nazzjonali ma huwiex awtorizzat li jżid kundizzjoni supplimentari ma’ dawk il-kundizzjonijiet, imma lanqas ma jista’ jiġi sostnut li, f’dan il-każ, l-imsemmi leġiżlatur uża l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu biex jinterpreta l-ewwel żewġ kundizzjonijiet b’mod tant interkonnessi li l-ewwel waħda ma tkunx tista’ tiġi ssodisfatta ħlief b’mod konkomitanti mal-oħra.

88.

Għalhekk, l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tal-imsemmi kodiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi kundizzjonijiet supplimentari sabiex jawtorizzaw id-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

V – Konklużjoni

89.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-administratīvā apgabaltiesa hekk kif organizzati mill-ġdid minni:

1)

Id-deċiżjoni li tikkonstata l-invalidità tal-viża Schengen ma tistax tiġi adottata ħlief bil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), u, fi kwalunkwe każ, hija biss fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Għaldaqstant, it-telf tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar li hemm inkluż fih l-viża Schengen, fih innifsu ma jistax jaffettwa l-validità tal-viża nnifisha.

2)

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz suġġett għall-obbligu ta’ viża, li jippreżenta ruħu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea b’dokument tal-ivvjaġġar invalidu imma li fih viża valida u dokument tal-ivvjaġġar validu mingħajr viża, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan il-kodiċi sakemm il-perijodu ta’ validità tad-dokument ġdid tal-ivvjaġġar ikopri effettivament il-perijodu ta’ soġġorn massimu awtortizzat mill-viża Schengen.

3)

L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tal-imsemmi kodiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi kundizzjonijiet supplimentari sabiex jawtorizzaw id-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 105, p. 1.

( 3 ) ĠU L 243, p. 1.

( 4 ) Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, biex ikun awtorizzat jidħol, iċ-ċittadin ta’ Stat terz li huwa suġġett għall-obbligu ta’ viża għandu jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu li fih hemm inkluża viża valida.

( 5 ) Ara r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65), u d-diversi atti li jemendawh.

( 6 ) Skont l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU 2008 L 53, p. 52).

( 7 ) L-Artikolu 34(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Ara, ukoll, il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 8 ) L-Artikolu 34(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 9 ) Dwar l-ipoteżi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ ħruġ jistgħu jiddeċiedu li jannullaw il-viża, ara s-sentenza Vo (C‑83/12 PPU, EU:C:2012:202, punt 39). Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jkunx dak li ħareġ il-viża jannullawha jew jirrevokawha, dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jinformaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ ħruġ [ara l-Artikolu 34(1) u (2), in fine, tal-Kodiċi dwar il-Viżi].

( 10 ) Artikolu 34(5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 11 ) Artikolu 34(6) u l-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 12 ) Artikolu 34(6) sa (8) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 13 ) Għalhekk wieħed jista’ jikkonċepixxi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tantiċipa, fuq il-bażi biss tal-invalidità tal-passaport ippreżentat, kif kienu ser jikkunsidraw il-viża l-gwardji tal-fruntiera tal-Unjoni u li hija, mill-istadju tal-imbarkazzjoni f’Moska, tirrifjuta lill-passiġġier kkonċernat fid-dawl tal-fatt li, l-ewwel nett, il-passaport kien jindika espliċitament li l-viżi inklużi baqgħu validi u, it-tieni nett, il-Kodiċi dwar il-Viżi jagħti, fi kwalunkwe każ, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri s-setgħa li jirrevokaw il-viża. Kieku l-kumpannija aġixxiet b’mod differenti, kieku kkunsidrat il-viża bħala invalida minħabba l-fatt biss li l-passaport ma baqax validu u, għaldaqstant, irrifjutat l-imbarkazzjoni f’Moska, il-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi kienu jisfaw mingħajr effettività.

( 14 ) Ara, pereżempu, l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 15 ) Sentenza Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza Zurita García u Choque Cabrera (EU:C:2009:648, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Artikolu 9(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 18 ) Artikolu 10(3)(a) u l-Anness I tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 19 ) Artikolu 10(3)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 20 ) Fil-każ ta’ vjaġġi multipli, jiġifieri dak li huwa inkwistjoni fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ara l-Artikolu 12(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 21 ) Rispettivament l-Artikolu 12(b) u (c) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 22 ) Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 23 ) Artikolu 21(3)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 24 ) Artikolu 24(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 25 ) Ara l-punt 6 tal-Anness VII tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 26 ) Punt 1 tal-Anness VIII tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 27 ) Ara l-Artikolu 29(2), (3) u (5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 28 ) Sakemm ma jkunx hemm eċċezzjonijiet, ara l-Kapitolu VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 29 ) Artikolu 12(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 30 ) Il-Kodiċi dwar il-Viżi jispeċifika, fl-Artikolu 30 tiegħu, li l-fatt li wieħed ikollu viża f’idejh ma huwiex biżżejjed biex jingħata dritt ta’ dħul irrevokabbli.

( 31 ) L-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 32 ) Artikolu 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Korsiv miżjud minni.

( 33 ) Artikolu 7(3)(a)(ii) sa (vi) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Meta ċittadin ta’ Stat terz joħroġ mit-territorju nazzjonali, it-test tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jerġa’ jagħmel ċerta distinzjoni meta jistabbilixxi li l-verifika bir-reqqa mal-ħruġ tfisser li jiġi vverifikat li dak iċ-ċittadin għandu fil-pussess tiegħu dokument validu biex jaqsam il-fruntiera [Artikolu 7(3)(b)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] u “jistgħu jinkludu wkoll […] il-verifika li l-persuna hija fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ”.

( 34 ) Artikolu 10(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 35 ) Artikolu 10(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Korsiv miżjud minni.

( 36 ) Ara l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 37 ) Ara l-punt A tal-formola annessa fil-parti B tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 38 ) Ara l-punt C tal-formola annessa fil-parti B tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 39 ) Din il-konklużjoni tidher li hija kkorroborata wkoll bil-punt 6.1 tal-Manwal Prattiku għall-Gwardji tal-Fruntieri (il-manwal ta’ Schengen) stabbilit mill-Kummissjoni [C(2006) 5186 finali, tas-6 ta’ Novembru 2006].

( 40 ) Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 70).

( 41 ) Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (EU:C:2012:516, punt 70) u ANAFE (C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 24).

( 42 ) Sentenza ANAFE (EU:C:2012:348, punti 25 u 26).

( 43 ) Sentenza Adil (C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara l-premessa 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi kif ukoll is-sentenza Vo (EU:C:2012:202 punti 34 u 35).

( 45 ) Sentenza Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 52 u 54).

( 46 ) Fi kwalunkwe każ, il-kompitu ma jsirx iktar tqil meta mqabbel mal-każ eċċezzjonali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jgħid li, fuq talba ta’ ċittadin ta’ Stat terz, jista’ ma jsirx timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ, u għalhekk dan isir fuq folja separata li jkollha diversi dettalji u tingħata lil dan iċ-ċittadin. F’dan il-każ, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-perijodu massimu tas-soġġorn awtorizzat, l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw ukoll il-kontenut ta’ mill-inqas żewġ dokumenti separati, jiġifieri l-folja separata minn naħa, u d-dokument tal-ivvjaġġar li jinkludi, jekk ikun il-każ, il-viża valida, min-naħa l-oħra. L-istiker tal-viża tista’ wkoll, f’ċerti kundizzjonijiet, titwaħħal ma’ folja separata [ara l-Artikolu 29(2), (3) u (5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi].

( 47 ) Deċiżjoni C(2010) 1620 finali tad-19 ta’ Marzu 2010.

( 48 ) Il-manwal ta’ Schengen kien diġà jgħid li n-nuqqas ta’ folji vojta f’passaport fih innifsu ma kienx raġuni valida u suffiċjenti biex jiġi rrifjutat id-dħul ta’ persuna (ara l-punt 4.5 ta’ dan il-manwal).

( 49 ) Ara l-premessa 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Latvjan, iċ-ċittadin Indjan fl-oriġini tat-tilwima fil-kawża prinċipali jidher li kien ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Unjoni meta ppreżenta ruħu, fl-istess kundizzjonijiet, fil-fruntieri ta’ Stati Membri oħrajn minbarra r-Repubblika tal-Latvija.

( 50 ) Parti B tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 51 ) Ir-raġunijiet ta’ rifjut A u B jirrigwardaw l-Artikolu 5(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ir-raġunijiet ta’ rifjut C u D jirreferu għall-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan il-kodiċi. Ir-raġunijiet ta’ rifjut E u G jirrigwardaw l-Artikolu 5(1)(c) ta’dan il-kodiċi. Ir-raġuni ta’ rifjut H tirreferi għall-Artikolu 5(1)(d) u (e) tal-istess kodiċi, filwaqt li r-raġuni ta’ rifjut I tirreferi wkoll għall-Artikolu 5(1)(e) ta’dan il-kodiċi.

( 52 ) EU:C:2013:862, punt 38.

( 53 ) B’analoġija, ara s-sentenza Koushkaki (EU:C:2013:862, punt 53).

( 54 ) Ara l-punti 56 et seq tas-sentenza Koushkaki (EU:C:2013:862).