Opinion of the Advocate-General
1. Din il-kawża hija okkażjoni ġdida sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ skemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli (2) li jillimitaw il-benefiċċju tal-għajnuna biss għall-produtturi tal-elettriku li jinsabu fit-territorju nazzjonali.
2. Il-kwistjoni, ikkaratterizzata mit-tensjoni bejn il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent, diġà tqajmet fil-kawża Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12), li bħalissa hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li fiha kkonkludejt fit-8 ta’ Mejju 2013, billi għamilt il-kunsiderazzjonijiet tiegħi kemm dwar il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (3) .
3. Għalkemm il-kuntest fattwali huwa simili, din il-kawża tinsab madankollu f’kuntest legali differenti, għaliex, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Förvaltningsrätten i Linköping (l-Isvezja), l-iskema Svediża kkontestata għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (4) .
4. Dan iqajjem kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 jippermettux l-istabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna nazzjonali għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (5) li permezz tagħha produtturi tal-elettriku aħdar jingħataw ċertifikati tal-elettriku li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti għandhom imbagħad b’mod obbligatorju jixtru ċerta kwota skont il-kwantità totali tal-elettriku li huma jbigħu jew jikkonsmaw, meta l-imsemmija skema tirriżerva l-għoti ta’ tali ċertifikati biss lill-produtturi tal-elettriku aħdar li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat.
5. Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, ser tqum ukoll il-kwistjoni tad-determinazzjoni jekk ir-restrizzjonijiet territorjali għall-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra humiex konformi mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, li twassal għall-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2009/28 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 TFUE.
6. F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni, fl-ewwel lok, li, għalkemm id-Direttiva 2009/28 tawtorizza tali restrizzjonijiet territorjali, l-Artikolu 34 TFUE, għall-kuntrarju, jipprekludihom.
7. Minn dan ser niddeduċi, fit-tieni lok, l-invalidità tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 sa fejn jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għall-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jinsabu fi Stat Membru ieħor.
8. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, nipproponi, fl-aħħar nett, li din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun limitata ratione temporis .
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
9. Id-Direttiva 2009/28, li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009 u li t-traspożizzjoni tagħha kellha ssir sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2010, tħassar id-Direttiva 2001/77 mill-1 ta’ Jannar 2012.
10. Il-premessi 1, 13 sa 15, 25, 36, 52 u 56 tad-Direttiva 2009/28 jiddikjaraw:
“(1) Il-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija [ħadra], flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra u jkun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u ma’ aktar impenji tal-Komunità u internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra wara l-2012. Dawk il-fatturi għandhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika u fl-għoti ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, speċjalment f’żoni rurali u iżolati.
[...]
(13) [...] [H]uwa xieraq li jkunu stabbiliti miri nazzjonali mandatorji konsistenti ma’ sehem ta’ 20 % ta’ enerġija [ħadra] [...] fil-konsum tal-enerġija Komunitarja sal-2020.
(14) L-għan ewlieni ta’ miri nazzjonali mandatorji huwa li jipprovdi ċertezza għall-investituri u li jinkoraġġixxi żvilupp kontinwu ta’ teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija mit-tipi kollha ta’ sorsi rinnovabbli. [...]
(15) Il-punt tat-tluq, il-potenzjal tal-enerġija [ħadra] u t-taħlit tal-enerġija ta’ kull Stat Membru jvarja. Huwa għalhekk meħtieġ li l-mira tal-Komunità ta’ 20 % tiġi tradotta f’miri individwali għal kull Stat Membru, b’konsiderazzjoni debita għal allokazzjoni ġusta u adegwata li tqis il-punti ta’ tluq u l-potenzjali differenti tal-Istati Membri, inkluż il-livell eżistenti ta’ enerġija [ħadra] u t-taħlita tal-enerġija. [...]
[...]
(25) L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ [għajnuna] għall-enerġija [ħadra] fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija [ħadra] li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. [...] Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-appoġġ transkonfinali tal-enerġija [ħadra] mingħajr ma teffettwa skemi ta’ appoġġ nazzjonali. Hija tintroduċi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fakultattivi bejn l-Istati Membri li jippermettulhom li jaqblu fuq il-livell li fih Stat Membru ieħor jappoġġa l-produzzjoni tal-enerġija fi Stat Membru ieħor u dwar il-livell li għalih il-produzzjoni tal-enerġija [ħadra] għandha tgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Sabiex tiġi żgurata l-effettività taż-żewġ miżuri ta’ konformità tal-mira, jiġifieri l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk u sa liema livell l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom japplikaw għall-enerġija [ħadra] prodotta fi Stati Membri oħra u biex jaqblu dwar dan billi japplikaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti f’din id-Direttiva.
[...]
(36) Biex jinħolqu opportunitajiet biex jitnaqqsu l-ispejjeż biex jinkisbu l-miri stabbiliti f’din id-Direttiva, huwa xieraq kemm li jkun iffaċilitat il-konsum fl-Istati Membri ta’ enerġija [ħadra] prodotta [...] fi Stati Membri oħra, u li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkalkulaw l-enerġija [ħadra] kkunsmata fi Stati Membri oħra mal-miri nazzjonali tagħhom stess. Għal din ir-raġuni, filwaqt li huma meħtieġa miżuri ta’ flessibbiltà, iżda dawn jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istati Membri sabiex ma jaffettwawx l-abbiltà tagħhom li jilħqu l-miri nazzjonali. Dawn il-miżuri ta’ flessibbiltà jieħdu l-forma ta’ trasferimenti statistiċi, ta’ proġetti konġunti bejn l-Istati Membri jew ta’ skemi ta’ appoġġ konġunt.
[...]
(52) Il-garanziji tal-oriġini, maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom il-funzjoni unika li jagħtu prova lill-konsumatur finali li sehem jew kwantità speċifika ta’ enerġija ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. [...] Hu importanti li jkun hemm distinzjoni bejn ċertifikati ħodor użati għal skemi ta’ appoġġ u garanziji tal-oriġini.
[...]
(56) Il-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali.”
11. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija [ħadra]. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija [ħadra] fil-konsum finali gross tal-enerġija [...]”
12. Il-punti (j) sa (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jinkludu d-definizzjonijiet segwenti:
“(j) ‘garanzija tal-oriġini’ tfisser dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli [...];
(k) ‘skema ta’ sostenn [għajnuna]’ tfisser kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija [ħadra] billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat biss għal, l-għajnuna għall-investiment, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxi, ir-rifużzjonijiet tat-taxxa, l-iskemi ta’ sostenn għall-obbligu ta’ enerġija [ħadra], u l-iskemi ta’ sostenn, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi, iżda wkoll l-iskemi diretti ta’ sostenn għall-prezzijiet, inklużi tariffi ‘feed-in’ u ħlasijiet ta’ primjums;
l) ‘obbligu ta’ enerġija [ħadra]’ tfisser skema ta’ sostenn nazzjonali li tirrikjedi li l-produtturi tal-enerġija jinkludu fil-produzzjoni tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija [ħadra], li tirrikjedi li l-fornituri ta’ enerġija jinkludu proporzjon speċifikat ta’ enerġija [ħadra] fil-provvista tagħhom, jew tirrikjedi li l-konsumaturi ta’ enerġija jinkludu fil-konsum tagħhom proporzjon speċifikat ta’ enerġija [ħadra]. Dan jinkludi skemi li bihom dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz tal-użu ta’ ċertifikati ekoloġiċi.”
13. L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija [ħadra], ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija [ħadra] f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. [...]
2. L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija [ħadra] tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.
3. Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:
(a) skemi ta’ sostenn [għajnuna];
(b) miżuri ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri differenti u ma’ pajjiżi terzi għall-kisba tal-miri globali nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 11.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija [ħadra] li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.”
14. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28:
“1. Il-konsum finali gross ta’ enerġija [ħadra] f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:
(a) konsum finali gross ta’ elettriku [aħdar];
[...]
3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku [aħdar] għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq.
[...]”
15. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Skemi konġunti ta’ appoġġ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 3, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, biex jgħaqqdu jew jikkoordinaw parzjalment l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom. F’tali każijiet, ċertu ammont ta’ enerġija [ħadra] prodott fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti wieħed jista’ jgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor [...]”
16. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Garanziji tal-oriġini tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” jipprovdi:
“1. Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija [ħadra] f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE [(6) ], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku [aħdar] tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.
2. [...] Il-garanzija tal-oriġini m’għandhiex funzjoni f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ Stat Membru mal-Artikolu 3. It-trasferimenti ta’ garanziji tal-oriġini [...] m’għandux ikollu effett [...] fuq il-kalkolu tal-konsum finali gross ta’ enerġija [ħadra] kkalkulat skont l-Artikolu 5.
[...]
9. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-garanziji tal-oriġini maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva esklużivament bħala prova tal-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 6(a) sa (f). [...]
[...]”
B – Id-dritt Svediż
17. L-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar ġiet stabbilita permezz tal-Liġi Nru 113 tal-2003 dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2003:113) om elcertifikat] (7), li ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, bil-Liġi Nru 1200 tal-2011 dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2011:1200) om elcertifikat] (8), li kellha, b’mod partikolari, l-għan li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/28.
18. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm id-deċiżjoni tal-Energimyndigheten, tad-9 ta’ Ġunju 2010, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet adottata b’applikazzjoni tal-Liġi tal-2003, skont id-dritt Svediż, kawża għandha, bħala prinċipju, tkun deċiża skont il-liġi applikabbli waqt l-analiżi tagħha mill-qorti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Liġi tal-2011.
19. L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-leġiżlazzjoni Svediża hija bbażata fuq l-għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku aħdar u fuq l-obbligu korrelattiv tal-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti li jixtru ċertu numru ta’ ċertifikati li jikkorrispondi għal sehem partikolari mill-kwantità totali ta’ elettriku fornuta jew użata.
20. Iċ-ċertifikat aħdar, li jipprovdi prova tal-produzzjoni ta’ megawatt fis-siegħa ta’ elettriku aħdar, jista’ jiġi nnegozjat b’mod liberu f’suq kompetittiv fejn il-prezzijiet huma ddeterminati mir-regoli tal-offerta u d-domanda. Il-prezz tiegħu jgħaddi finalment fuq il-konsumatur tal-elettriku. In-numru ta’ ċertifikati li l-fornituri jew l-utenti għandhom l-obbligu li jakkwistaw ivarja skont il-mira tal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li trid tintlaħaq. Fis-snin 2010 sa 2012, huwa tela’ għal 0.179 ċertifikat aħdar għal kull megawatt fis-siegħa mibjugħ jew użat.
21. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm din il-limitazzjoni ma tidhirx fit-test tal-Liġi tal-2011, mix-xogħol preparatorju tal-Liġijiet tal-2003 u tal-2011 jirriżulta li l-għoti ta’ ċertifikati ħodor huwa rriżervat għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jinsabu fl-Isvezja.
22. Barra minn hekk, hija tispeċifika li l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi tal-2011 jinkludi dispożizzjoni ġdida fformulata kif ġej:
“Iċ-ċertifikati tal-elettriku mogħtija għall-produzzjoni ta’ elettriku rinnovabbli fi Stat ieħor jistgħu jiintużaw sabiex jissodisfaw l-obbligu tal-kwoti ta’ din il-liġi, bil-kundizzjoni li l-iskema Svediża taċ-ċertifikati tal-elettriku kienet is-suġġett ta’ koordinazzjoni ma’ dik ta’ dan l-Istat l-ieħor permezz ta’ ftehim internazzjonali.”
23. Fid-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju tal-Isvezja kkonkluda tali ftehim mar-Renju tan-Norveġja (9) . Mill-banda l-oħra, ma jeżistix ftehim ta’ dan it-tip mar-Repubblika tal-Finlandja.
II – Il-kawża prinċipali
24. Fit-30 ta’ Novembru 2009, Ålands Vindkraft AB (10), li topera park eoliku fil-Finlandja fl-arċipelagu tal-Gżejjer Åland, iżda li huwa konness, skont il-motivi ta’ Ålands Vindkraft riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, man-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku Svediż, talbet approvazzjoni sabiex tkun tista’ tikseb il-ħruġ ta’ ċertifikati ħodor skont il-leġiżlazzjoni Svediża.
25. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Energimyndigheten permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2010, għar-raġuni li l-iskema taċ-ċertifikati ħodor jistgħu jibbenefikaw minnha biss l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja.
26. Ålands Vindkraft ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Linköping billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li l-iskema kkontestata għandha l-effett li tirriżerva s-sodisfazzjon tal-bżonn tal-elettriku ta’ madwar 18 % tal-konsumaturi Svediżi għall-produtturi tal-elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja, għad-detriment tal-importazzjoni li ġejja minn Stati Membri oħra.
III – Id-domandi preliminari
27. Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/28 u dwar il-portata tal-Artikolu 34 TFUE, il-Förvaltningsrätten i Linköping iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
1) Is-sistema Svediża dwar iċ-ċertifikat tal-elettriku hija skema ta’ appoġġ [għajnuna] nazzjonali li teħtieġ li l-fornituri tal-elettriku u li ċerti utenti tal-elettriku fl-Istat Membru jixtru ċertifikat tal-elettriku, li jikkorrispondi għal sehem partikolari mill-bejgħ jew mill-użu tagħhom, mingħajr il-ħtieġa speċifika li jinxtara l-elettriku mill-istess sors. Iċ-ċertifikat tal-elettriku jinħareġ mill-Istat Svediż u jservi ta’ prova li ġie prodott ċertu ammont ta’ elettriku [aħdar]. Il-produtturi tal-elettriku [aħdar] jirċievu, permezz tal-bejgħ taċ-ċertifikat tal-elettriku, qligħ żejjed bħala dħul addizzjonali mill-produzzjoni tal-elettriku tagħhom. [Il-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2] u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu lil Stat Membru li japplika skema ta’ appoġġ nazzjonali bħal dik imsemmija iktar ’il fuq, li permezz tagħha huma biss il-produtturi li jinsabu fit-territorju ta’ dak l-Istat li jistgħu jipparteċipaw u li r-riżultat tagħha huwa li dawn il-produtturi għandhom vantaġġ ekonomiku fuq il-produtturi li ma jistgħux jiksbu ċertifikat tal-elettriku?
2) Sistema bħal dik deskritta fl-ewwel domanda — fid-dawl tal-Artikolu 34 [TFUE] — tista’ titqies li hija tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew bħala miżura li għandha effetti ekwivalenti?
3) Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, tista’ sistema tkun kompatibbli mal-Artikolu 34 [TFUE] fir-rigward tal-għan li tiġi promossa l-produzzjoni tal-elettriku [aħdar]?
4) Kif inhuma affettwati l-kunsiderazzjonijiet għad-domandi preċedenti mill-fatt li r-restrizzjoni li l-iskema ta’ appoġġ tinkludi biss produtturi nazzjonali ma hijiex espressament irregolata mil-liġi nazzjonali?
IV – L-analiżi tiegħi
A – Dwar l-ewwel domanda
28. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk skema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 u, fit-tieni lok, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li l-benefiċċju ta’ tali skema jiġi limitat biss għal produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
1. Dwar l-ewwel parti tad-domanda
29. Skema ta’ ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28?
30. Skont Ålands Vindkraft, id-Direttiva 2009/28 tapplika għall-iskemi ta’ għajnuna għall-użu tal-elettriku aħdar u mhux għall-produzzjoni tiegħu, filwaqt li skont l-Energimyndigheten, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ sostenn [għajnuna]” fis-sens ta’ din id-direttiva.
31. Mingħajr dubju naqbel ma’ din l-aħħar analiżi li tapplika fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.
32. Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni nfisha ta’ dawn id-definizzjonijiet jirriżulta ċar li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra jinkorporaw dawk li jimponu fuq il-produtturi jew fuq il-fornituri ta’ enerġija, kwota tal-produzzjoni jew tal-offerta ta’ enerġija ħadra. Għalhekk il-kunċett ta’ użu ta’ elettriku aħdar għandu jinftiehem b’sinjifikat li jinkorpora l-produzzjoni ta’ dan l-elettriku, b’mod li ma jkunx konformi ma’ tifsira litterali tad-Direttiva 2009/28 li jiġu opposti dawn iż-żewġ termini billi wieħed jitqies li jeskludi lill-ieħor.
33. Fit-tieni lok, l-użu tal-aġġettiv “kull” u tat-termini “strument”, “skema” jew “mekkaniżmu”, li huma kkunsidrati ekwivalenti, kif ukoll in-natura mhux limitattiva tal-eżempji mogħtija fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jżomm tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna.
34. Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jsemmu espressament fost l-iskemi ta’ għajnuna, barra mit-tariffi feed-in u ħlasijiet ta’ primjums, l-iskemi ta’ ċertifikati ħodor (11) .
35. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda dubju li skema ta’ ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tad-Direttiva 2009/28.
36. Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jipprojbixxux li l-benefiċċju ta’ tali skema jiġi rriżervat biss għall-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
2. Dwar it-tieni parti tad-domanda
37. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 jagħtu lok għal interpretazzjonijiet diverġenti min-naħa tal-partijiet prinċipali u tal-intervenjenti.
38. Skont interpretazzjoni minnhom, sostnuta minn Ålands Vindkraft, id-Direttiva 2009/28, minkejja li hija intiża għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mal-miri mandatorji tagħhom, ma tippermettix l-istabbiliment ta’ skemi ta’ għajnuna diskriminatorji, li jikkawżaw ostakoli illegali għall-kummerċ.
39. Interpretazzjoni radikalment opposta hija proposta mill-Energimyndigheten u mill-Gvern Svediż, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Norveġiż, li jikkunsidraw li d-Direttiva 2009/28 tawtorizza espressament, jiġifieri tippreżumi limitazzjoni tal-benefiċċju tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-enerġija ħadra prodotta fit-territorju nazzjonali.
40. Din l-interpretazzjoni hija konformi mat-test stess ta’ din id-direttiva peress li l-premessa 25 u l-Artikolu 3(3) tagħha jsemmu li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw jekk u sa fejn huma jridu jsostnu l-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra u jelenkaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, ta’ natura fakultattiva, li għalihom huma jistgħu jirrikorru f’dan il-każ.
41. L-imsemmija interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-istruttura tad-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, din issegwi approċċ orjentat fuq l-Istati Membri meħuda individwalment, billi timponi fuq kull wieħed miri speċifiċi. Barra minn hekk, hija tagħmel l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali l-istrument essenzjali għat-twettiq ta’ dawn il-miri u tistabbilixxi l-possibbiltà li l-Istati Membri jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi skont il-potenzjali rispettivi tagħhom, ħaġa li tippreżupponi li jkollhom skemi li jkunu limitati għat-territorju ta’ kull Stat Membru.
42. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll, skont il-Gvern Svediż u l-Gvern Norveġiż, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2009/28 li jagħti x’tifhem li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ manuvra sostanzjali sabiex iwettqu sewwa l-politiki tagħhom stess sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-direttiva, li tillimita ruħha għad-definizzjoni ta’ qafas komuni (12) .
43. Il-Kummissjoni tipproponi triq intermedja. Filwaqt li targumenta li, b’differenza mid-Direttiva 2001/77, id-Direttiva 2009/28 imkien ma ssemmi l-effetti restrittivi fuq il-kummerċ u li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tagħha jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jistabbilixxu skemi ta’ għajnuna, li jimplementaw miżuri ta’ kooperazzjoni jew li jiddeċiedu sa fejn huma jsostnu l-enerġija ħadra prodotta fi Stat Membru ieħor, hija tikkunsidra li d-Direttiva 2009/28 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li Stat Membru jimplementa skema ta’ għajnuna nazzjonali li minnha jibbenefikaw biss il-produtturi li jinsabu fit-territorju tiegħu.
44. Min-naħa tiegħi, inqis li d-Direttiva 2009/28 tawtorizza l-limitazzjonijiet territorjali tal-iskemi ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra, kif juru kemm l-interpretazzjoni litterali kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ din id-direttiva.
a) Il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28
45. Il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28 issemmi espressament li jeżistu restrizzjonijiet fil-parti l-kbira tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u li l-Istati Membri, li għandhom potenzjali differenti, igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk u sa fejn dawn l-iskemi ta’ għajnuna japplikaw għall-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra. Din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija riflessa, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, fid-dikjarazzjoni tal-prinċipju li l-Istati Membri għandhom “id-dritt li jiddeċiedu” sa fejn huma jridu jsostnu l-enerġija ħadra importata “skont l-Artikoli 5 sa 11” tal-imsemmija direttiva, bl-unika kundizzjoni li josservaw l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2009/28 tagħti lill-Istati Membri kompetenza sabiex jiddeterminaw il-prinċipju u l-portata tas-sostenn tagħhom tal-enerġija ħadra importata u sabiex jikkonkludu, jekk ikun il-każ, ftehim ma’ Stati Membri oħra.
b) L-istruttura tad-Direttiva 2009/28
46. Żewġ argumenti bbażati fuq l-istruttura tad-Direttiva 2009/28 jipprovdu indikazzjonijiet ċari fuq il-kwistjoni jekk Stat Membru li jimplementa skema ta’ għajnuna huwiex obbligat jagħti l-benefiċċju ta’ dik l-iskema lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fi Stati Membri oħra.
47. L-ewwel argument huwa bbażat fuq in-natura fakultattiva tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà rregolati mill-Artikoli 6 sa 11 ta’ din id-direttiva. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ried isostni l-kummerċ transkonfinali tal-enerġija ħadra billi jiffaċilita l-konsum, fl-Istati Membri, tal-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra u billi jippermetti l-kalkolu, fil-mira nazzjonali ta’ Stat Membru, tal-enerġija ħadra kkonsmata fi Stat Membru ieħor (13), il-“miżuri ta’ flessibbiltà” (14), magħrufa wkoll bħala “mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni” (15), stabbiliti għal dan il-għan u li jistgħu jieħdu l-forma jew ta’ “trasferimenti statistiċi” (16), jew ta’ “proġetti konġunti bejn l-Istati Membri” (17), jew saħansitra ta’ “skemi konġunti ta’ appoġġ” (18) huma espressament intiżi bħala mekkaniżmi fakultattivi (19), suġġetti għall-konklużjoni minn qabel ta’ ftehim bejn Stati Membri. Konsegwentement, anki jekk Stat Membru jkun dispost japplika unilateralment l-iskema ta’ għajnuna tiegħu għall-enerġija ħadra prodotta fi Stat Membru ieħor, din l-enerġija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan li jitwettqu l-miri nazzjonali tagħha biss meta dan it-tieni Stat jaċċetta li din tittieħed inkunsiderazzjoni u jikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ewwel Stat.
48. It-tieni argument joħroġ mill-portata limitata mogħtija lill-garanziji tal-oriġini. Għalkemm hija tistabbilixxi obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-garanziji, id-Direttiva 2009/28 tillimita espressament il-portata tal-garanziji maħruġa minn Stati Membri oħra billi tispeċifika li huma jgħoddu esklużivament bħala strument ta’ prova (20), mingħajr ma jagħtu d-dritt ta’ benefiċċju mill-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali (21) . Minn dan jirriżulta li Stat Membru jista’ jirrifjuta li mill-iskema ta’ għajnuna tiegħu jibbenefika produttur tal-elettriku aħdar stabbilit f’pajjiż barrani, anki jekk l-oriġini ħadra tal-produzzjoni tiegħu tkun stabbilita permezz ta’ garanzija tal-oriġini skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/28.
49. L-għanijiet ta’ din id-direttiva jikkonfermaw din il-marġni ta’ diskrezzjoni mħollija lill-Istati Membri.
c) L-għanijiet tad-Direttiva 2009/28
50. B’differenza mid-Direttiva 2001/77 li kienet timponi fuq l-Istati Membri miri sempliċement indikattivi, id-Direttiva 2009/28 tistabbilixxi miri globali nazzjonali mandatorji (22) għall-konsum tal-elettriku aħdar li għandhom jippermettu li tintlaħaq il-mira ta’ għall-inqas 20 % ta’ produzzjoni ta’ enerġija ħadra fl-Unjoni Ewropea, waqt li tħalli lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi xierqa sabiex jilħqu dawn il-miri. Barra minn hekk, filwaqt li, fil-kuntest tad-Direttiva 2001/77, il-miri nazzjonali indikattivi għall-“konsum” setgħu jiġu sodisfatti billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-elettriku aħdar importat (23), id-Direttiva 2009/28 tiddefinixxi l-konsum tal-elettriku aħdar bħala l-kwantità ta’ elettriku aħdar “prodott fi Stat Membru [...], bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq” (24) . It-tpoġġija fuq livell nazzjonali tal-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra u l-enfasi magħmula fuq il-produzzjoni donnhom jiġġustifikaw li Stat Membru jiddeċiedi li jirriżerva s-sostenn tiegħu biss għall-produzzjoni nazzjonali, li hija dik li se tippermettilu jissodisfa l-miri tiegħu.
51. Dawn huma r-raġunijiet li għalihom nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Förvaltningsrätten i Linköping għandha tkun li l-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-produtturi tal-elettriku aħdar ċertifikati ħodor, li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti għandhom b’mod obbligatorju jixtru ċerta kwota skont il-kwantità totali ta’ elettriku li huma jbigħu jew jikkonsmaw, tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens ta’ din id-direttiva;
– l-imsemmija direttiva tawtorizza lill-Istati Membri, meta jistabbilixxu tali skemi, li jirriżervaw l-għoti taċ-ċertifikati ħodor biss għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fit-territorju tagħhom.
B – Dwar it-tieni u t-tielet domandi
52. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix ir-restrizzjoni territorjali li tikkaratterizza l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
53. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser napplika l-istess raġunament fi tliet stadji bħal dak li segwejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, billi niddetermina suċċessivament jekk l-Artikolu 34 TFUE huwiex applikabbli, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix ostakolu u jekk hija tistax tkun iġġustifikata.
1. L-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE
54. L-adozzjoni tad-Direttiva 2009/28 tipprojbixxi li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE?
55. Il-pożizzjonijiet adottati dwar din il-kwistjoni mill-partijiet li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma diversi.
56. Ålands Vindkraft targumenta li d-Direttiva 2009/28 ma armonizzatx l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u li, konsegwentement, il-miżuri nazzjonali adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandhom ikunu kompatibbli mad-dritt primarju, irrispettivament mill-eventwali konformità tagħhom mal-imsemmija direttiva.
57. Għall-kuntrarju, l-Energimyndigheten tiċħad il-possibbiltà ta’ kunflitt bejn ir-restrizzjoni territorjali kkontestata u l-Artikolu 34 TFUE, għaliex id-dritt primarju japplika biss sa fejn ma jeżistix dritt sekondarju applikabbli (25) .
58. Filwaqt li jirrikonoxxi li d-Direttiva 2009/28 ma wettqitx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, konxjament, il-leġiżlatur tal-Unjoni aċċetta eventwali restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija, neċessarji għall-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali.
59. Fl-aħħar nett, mill-fatt li d-Direttiva 2009/28 tat lill-Istati Membri d-dritt li jżommu l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-iskema Svediża ta’ ċertifikati ħodor għandha tiġi preżunta li hija konformi mal-Artikolu 34 TFUE.
60. Fl-opinjoni tiegħi, l-intervent tad-Direttiva 2009/28 ma jistax jeskludi li l-kwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.
61. Għalkemm jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull miżura nazzjonali f’qasam li jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju (26), din il-ġurisprudenza ma tapplikax, għaliex huwa paċifiku li d-Direttiva 2009/28 ma armonizzatx il-kontenut materjali tal-iskemi ta’ għajnuna intiżi għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra.
62. Fir-realtà, id-diffikultà tinsab mhux fl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni komuni li tipprovdi għall-armonizzazzjoni eżawrjenti tal-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ambjent fil-kummerċ tal-enerġija ħadra bejn l-Istati Membri, iżda fl-affermazzjoni, fid-Direttiva 2009/29, tal-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom japplikawx jew le għall-enerġija ħadra importata minn Stat Membru ieħor.
63. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Svediża fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt primarju fuq is-sorsi l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jirriżultaw żewġ konsegwenzi.
64. L-ewwel waħda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju, li għandha ssir fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dritt primarju u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li skontha, meta test tad-dritt sekondarju jista’ jingħata iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà magħhom (27) .
65. It-tieni konsegwenza tirrigwarda l-validità tad-dritt sekondarju, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli tad-dritt primarju dwar il-libertajiet ta’ moviment. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll tal-miżuri b’effett ekwivalenti, prevista fl-Artikolu 34 TFUE, “tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, imma wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni” (28), li “huma ukoll obbligati josservaw il-libertà tal-kummerċ [bejn l-Istati Membri], prinċipju fundamentali tas-suq komuni” (29) .
66. Madankollu, fil-kuntest partikolari tal-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit bl-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, anki meta titressaq quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda esklużivament kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha għalfejn, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, teżamina l-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju.
67. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “meta jkun jidher li l-għan veru tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali huwa l-eżami tal-validità iktar milli tal-interpretazzjoni tal-atti [tal-Unjoni], il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti d-deċiżjoni tagħha immedjatament lill-imsemmija qorti mingħajr ma tobbligaha tosserva formaliżmu purament dilatorju li jkun inkompatibbli man-natura nfisha tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Artikolu [267 TFUE] (30) ”.
68. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikjarat ex officio invalidu att li ntalbet tagħti biss l-interpretazzjoni tiegħu (31) .
69. Din il-flessibbiltà li tikkaratterizza l-istrument ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari donnha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju fil-każ fejn, bħala fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi preliminari kemm dwar l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tad-dritt primarju. Jekk, f’dan l-eżempju, mill-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tirriżulta inkompatibbiltà mad-dritt primarju, l-effikaċja tal-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali tippreżupponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn tali konstatazzjoni fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju kkonċernata.
70. Huwa minnu li ma jistax jintesa li l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, u mhux il-fajl nazzjonali li eventwalment jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (32) .
71. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm l-għan tad-domandi huwa formalment l-interpretazzjoni tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE, il-Förvaltningsrätten i Linköping, bil-fatt li ma teskludix li l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi mad-Direttiva 2009/28 filwaqt li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, indirettament tesprimi dubji dwar il-validità ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-għan tad-domandi jeżiġi li ssir evalwazzjoni tal-validità.
72. Hekk ukoll inftiehmet it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif juru, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet tal-Energimyndigheten li skonthom il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet territorjali abbażi tal-Artikolu 34 TFUE tkun “inkompatibbli” mad-Direttiva 2009/28 (33) .
73. Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi restrizzjoni territorjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, jekk ikun il-każ għandhom jinsiltu l-konsegwenzi dwar il-validità tad-Direttiva 2009/28 fid-dawl tal-imsemmi test.
2. L-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija
74. Kif fakkart fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (34), jirriżulta minn ġurisprudenza fermament stabbilita li kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.
75. Ir-restrizzjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn penalizzazzjoni tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, iżda wkoll, bil-kontra, minn vantaġġ mogħti lill-produzzjoni nazzjonali meta mqabbla mal-merkanzija importata (35), u anki leġiżlazzjoni li, għalkemm ma tirriżervax il-benefiċċju għall-prodotti nazzjonali, teżiġi kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jingħata lill-prodotti importati (36) .
76. L-iskema Svediża ta’ ċertifikati ħodor, għalkemm ma tipprojbixxix l-importazzjoni tal-elettriku, tagħti b’mod inkontestabbli vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-produtturi ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja meta mqabbla mal-produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħra, għaliex filwaqt li tal-ewwel jibbenefikaw minn dħul addizzjonali li jirriżulta mill-bejgħ ta’ ċertifikati ħodor, li jaġixxi bħala primjum għall-produzzjoni, tat-tieni huma rremunerati biss mill-bejgħ ta’ elettriku aħdar.
77. L-impossibbiltà li l-produtturi tal-elettriku stabbiliti fi Stati Membri oħra jibbenefikaw mill-iskema ta’ ċertifikati ħodor meta huma jesportaw l-elettriku aħdar tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni diskriminatorja għall-moviment liberu tal-merkanzija, ipprojbita bl-Artikolu 34 TFUE.
78. Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.
3. Il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija
79. Għar-raġunijiet li esponejt fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, u li naħseb li huwa inutli li nerġa’ neżamina, inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tal-ambjent anki jekk tkun diskriminatorja, bil-kundizzjoni, madankollu, f’dak il-każ, li tkun suġġetta għal test ta’ proporzjonalità partikolarment rigoruż, li jiena kkwalifikajt bħala “iktar [b’]saħħtu”.
80. Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
81. L-Energimyndigheten kif ukoll il-gvernijiet kollha li ressqu osservazzjonijiet jirreferu għas-sentenza PreussenElektra (37) billi jsostnu li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija f’dik is-sentenza japplikaw ukoll għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
82. Ma naqbilx ma’ din l-opinjoni u jidhirli li l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv jirrikjedi reviżjoni tat-termini tad-dibattitu.
83. Żewġ ċirkustanzi ġodda għandhom jingħataw attenzjoni b’mod iktar partikolari, jiġifieri l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-garanziji tal-oriġini.
84. Fl-ewwel lok, wara s-sena 1999 l-Unjoni bdiet dinamika ta’ liberalizzazzjoni progressiva tas-suq intern tal-enerġija, li tidher mill-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv ġdid intitolat “It-Tielet Pakkett ‘Enerġija’”. Ikkostitwit, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (38), u mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE (39), l-imsemmi qafas jistabbilixxi kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-elettriku u jintensifika l-kummerċ transkonfinali fl-elettriku, billi jiffaċilita l-interkonnessjonijiet tan-netwerks.
85. Għandu jiġi osservat li, b’differenza mid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (40), li kienet tikkostitwixxi biss “fażi ġdida tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku li [ħalliet] jissussistu ċerti ostakoli għall-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri” (41), id-Direttiva 2009/72, kif jirriżulta mill-premessa 62 tagħha, għandha l-għan li toħloq suq intern tal-elettriku totalment operattiv, li jippermetti l-bejgħ tal-elettriku f’kundizzjonijiet identiċi bis-saħħa ta’ netwerk interkonness.
86. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jikkonfermaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 (42) kif ukoll dawk tat-18 u 19 ta’ Ottubru 2012 (43), l-Istati Membri qablu li jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku sas-sena 2014 sabiex jippermettu l-moviment liberu ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Gvern Ġermaniż, it-twettiq tas-suq intern tal-elettriku għas-sena 2014 jikkostitwixxi mhux biss ambizzjoni proprja tal-Kummissjoni, iżda wkoll “neċessità” (44) u għan tal-Unjoni.
87. Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-integrazzjoni tal-enerġiji ħodor fis-suq intern tal-elettriku tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2009/28, li tfittex, b’mod partikolari, li tiżviluppa l-interkonnessjoni bejn in-netwerks tal-elettriku tal-Istati Membri sabiex jiġi żviluppat il-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar, ta’ natura intermittenti, billi l-produtturi ta’ elettriku aħdar jiġu żgurati aċċess prijoritarju jew garantit għan-netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni (45) .
88. Fit-tieni lok, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi ddeterminata l-oriġini ħadra tal-elettriku prodott fi Stat Membru ieħor ma tistax titressaq iktar b’mod validu wara l-istabbiliment, permezz tad-Direttiva 2001/77, tal-“garanziji tal-oriġini” intiżi preċiżament sabiex jistabbilixxu li l-elettriku mibjugħ huwa prodott minn sorsi rinnovabbli.
89. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi oġġezzjonat li l-garanziji tal-oriġini huma intiżi esklużivament, fid-Direttiva 2009/28, bħala strumenti ta’ prova li jippermettu lill-fornitur juri lill-klijenti tiegħu li t-taħlita ta’ enerġija tiegħu tinkludi sehem jew kwantità partikolari ta’ enerġija ħadra (46), li ma għandhom ebda funzjoni għat-twettiq tal-miri nazzjonali mandatorji (47), u ma jagħtux, minnhom infushom, id-dritt li wieħed jibbenefika mill-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali (48) .
90. Madankollu, jidhirli li din l-oġġezzjoni hija irrilevanti fir-rigward tar-raġuni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata esklużivament fuq l-assenza ta’ strument ta’ prova li jippermetti li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-elettriku prodott. Barra minn hekk, hija tammonta għal tentattiv ta’ ġustifikazzjoni tal-ksur tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija permezz tal-istabbiliment ta’ regola ta’ saħħa inferjuri.
91. Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li l-iżvilupp doppju li kellu l-qafas leġiżlattiv tal-kummerċ fl-elettriku, ikkaratterizzat b’dinamika ta’ liberalizzazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku, jirrendi diffiċli li tinżamm il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li naqbel mingħajr ebda riżerva mal-proposta li l-użu tal-enerġiji ħodor, li jfittex li jippromwovi l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari billi jnaqqas l-emissjoni ta’ gassijiet serra (49) .
92. Nibqa’, madankollu, iktar dubjuż fir-rigward tal-affermazzjoni li l-possibbiltà li produttur ta’ elettriku aħdar stabbilit fi Stat Membru jibbenefika minn skema ta’ għajnuna applikata minn Stat Membru ieħor tmur neċessarjament kontra dan il-għan. F’dan ir-rigward, jidhirli li daħlet ċerta konfużjoni bejn l-iskopijiet tal-iskemi ta’ għajnuna b’mod ġenerali u dawk tar-restrizzjonijiet territorjali b’mod partikolari.
93. Din il-kwistjoni timmerita analiżi metikoluża, għaliex, għalkemm huwa faċli li jiġi rrikonoxxut li l-iskemi ta’ ċertifikati ħodor jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent billi jistimulaw il-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, hemm, mill-banda l-oħra, ċertu paradoss fil-fatt li jiġi kkunsidrat li l-inkoraġġiment tal-importazzjoni ta’ elettriku aħdar li ġej minn Stat Membru ieħor jista’ jkollu effett negattiv fuq il-protezzjoni tal-ambjent.
94. Jidhirli għalhekk li huwa importanti li tiġi eżaminata b’mod iktar preċiż kull ġustifikazzjoni mqajma sabiex jiġi spjegat ir-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li ġejja minn Stati Membri oħra.
95. Għalkemm huma miġbura taħt l-intestatura ġenerali ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn il-ġustifikazzjonijiet huma, fir-realtà, ta’ natura differenti ħafna. Għaldaqstant, sabiex jitkejjel il-piż rispettiv tagħhom, għandi mmur lura, sabiex nikkonfutahom, għal kull argument prinċipali żviluppat mill-Energimyndigheten u mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet (50) .
96. L-ewwel argument huwa bbażat fuq in-neċessità li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna u li ma tiġix kompromessa l-kapaċità tal-Istati Membri li jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom ta’ żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku aħdar, ħaġa li tippreżupponi li huma jistgħu jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ għajnuna tagħhom skont il-potenzjali rispettivi tagħhom.
97. Dan l-ewwel argument ma huwiex konvinċenti, għaliex ir-riskju ta’ destabilizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ ċertifikati ħodor f’każ li jinfetħu għall-produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jidhirlix li ġie pprovat.
98. Minbarra l-fatt li l-ostakoli tekniċi persistenti għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku marbuta, b’mod partikolari, mad-diffikultajiet ta’ aċċess għan-netwerks u għan-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet jillimitaw, ċertament fi proporzjonijiet varjabbli skont l-Istati Membri kkonċernati, ir-riskji ta’ influss f’daqqa u qawwi ta’ produtturi ta’ elettriku aħdar barranin, l-iskemi ta’ għajnuna huma ġeneralment mogħnija b’mekkaniżmi ta’ aġġustament li jistgħu jippermettu, jekk ikun il-każ, li jitnaqqas ir-riskju ta’ tnaqqis fil-prezz taċ-ċertifikati ħodor f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ ċertifikati fis-suq minħabba l-għoti tagħhom lill-produzzjonijiet barranin. F’sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ kwoti evoluttivi imposti fuq il-fornituri u ċerti utenti, iż-żieda fin-numru ta’ ċertifikati fis-suq taċ-ċertifikati ħodor tista’, fil-fatt, tkun ikkumpensata b’żieda korrelattiva fil-kwoti meħtieġa, ħaġa li tista’ tkun biss pożittiva.
99. It-tieni argument huwa bbażat fuq li l-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar jeħtieġ il-konklużjoni minn qabel ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati sabiex jiġu rregolati diversi kwistjonijiet relattivi, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati ħodor, għall-koordinazzjoni tal-informazzjoni u għall-ħatra tal-awtoritajiet responsabbli mill-approvazzjoni tal-installazzjonijiet.
100. Dan l-argument lanqas ma jikkonvinċini.
101. Minn naħa, kif irrikonoxxa l-Gvern Ġermaniż, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri previsti mid-Direttiva 2009/28 għandhom l-għan mhux li jiggarantixxu l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali tal-elettriku aħdar prodott f’pajjiżi barranin, iżda li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri globali nazzjonali bl-għajnuna ta’ Stati Membri oħra. Fl-opinjoni tiegħi, iktar milli jipprojbixxi l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, il-ftuħ tal-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-installazzjonijiet li jinsabu f’pajjiżi barranin jista’, għall-kuntrarju, jiffaċilitah, billi jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkoordinaw l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom.
102. Min-naħa l-oħra, jidhirli li huwa sinjifikattiv li, għalkemm fost l-għanijiet tad-Direttiva 2009/28 hemm l-iżvilupp tal-kummerċ fl-enerġija ħadra bejn l-Istati Membri, ftehim ta’ kooperazzjoni wieħed biss ġie konkluż minn meta daħlet fis-seħħ, dak iffirmat bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tan-Norveġja, fid-29 ta’ Ġunju 2011. Ninnota għalhekk b’interess li, fil-Komunikazzjoni tagħha, tal-5 ta’ Novembru 2013, intitolata “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku” (51), il-Kummissjoni, li ddikjarat dispjaċir li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ma kinux intużaw, bl-eċċezzjoni ta’ dan il-ftehim, tirrileva li l-iżvilupp tal-enerġiji ħodor fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna transkonfinali “jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità mad-Direttiva 2009/28[..] [u] jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-eventwali distorsjonijiet tas-suq intern li jirriżultaw mill-approċċi nazzjonali differenti” (52) .
103. It-tielet argument jipprovdi li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet territorjali ttellef lill-Istati Membri mill-kontroll tal-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom.
104. Ma jidhirlix li dan l-argument huwa fondat iktar minn dawk ta’ qablu. Għalkemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jirriżulta li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija trid tosserva l-libertà tal-għażla tat-taħlita tal-enerġija nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2(ċ) TFUE (53), din l-għażla tal-politika tal-enerġija tista’, madankollu, tkun affettwata bil-miżuri adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika tal-ambjent tagħha, kif turi d-Direttiva 2009/28 stess li, billi timponi fuq kull Stat Membru miri mandatorji ta’ konsum ta’ enerġija ħadra, tinfluwenza neċessarjament il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom.
105. Ir-raba’ argument huwa bbażat fuq il-fatt li l-produtturi tal-elettriku aħdar stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jagħżlu l-iktar skema favorevoli għalihom, u dan jiftaħ il-bibien għal għajnuna “à la carte”, jiġifieri li tinkiseb għajnuna minn żewġ skemi nazzjonali.
106. Madankollu, naħseb li l-possibbiltà li l-Istati Membri jikkoordinaw l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom bis-saħħa tad-diversi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti fid-Direttiva 2009/28 hija ta’ natura li tirrispondi għal din l-oġġezzjoni.
107. Il-ħames argument imressaq insostenn tar-restrizzjonijiet territorjali huwa li l-ftuħ tal-iskemi ta’ għajnuna għall-produzzjonijiet barranin ikollha l-konsegwenza li l-konsumatur nazzjonali jkollu jiffinanzja l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fi Stati Membri oħra. Madankollu, nistaqsi kif dan l-argument imqajjem mill-Energimyndigheten waqt is-seduta jista’ juża l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, li għall-kuntrarju jiġġustifika li, permezz tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-konsumaturi ta’ Stat Membru jiffinanzjaw l-enerġija ħadra importata minn Stat Membru pjuttost milli l-enerġija fossili nazzjonali.
108. Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li ebda wieħed mill-argumenti invokati ma jippermetti li jiġi pprovat li r-restrizzjonijiet territorjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent.
109. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li fost wieħed mill-erba’ komponenti tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, stabbiliti fl-Artikolu 191(1) TFUE, hemm “l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali” (54) . Issa l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar li jirriżulta mill-ftuħ tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-produzzjonijiet barranin jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan il-għan billi jippermetti l-aħjar tqassim tal-produzzjoni bejn l-Istati Membri skont il-potenzjali rispettivi tagħhom.
110. Għalhekk, nikkunsidra li r-restrizzjonijiet territorjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex konformi mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija.
111. Sa fejn id-Direttiva 2009/38 ma tidhirx li tista’ tiġi interpretata mod ieħor ħlief li tawtorizza tali restrizzjonijiet, inqis li hija għandha tiġi ddikjarata invalida fuq dan il-punt.
112. Jibqa’ li jiġu ddeterminati l-effetti ratione temporis ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità.
113. Peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità u r-rikors għal annullament jikkostitwixxu żewġ modalitajiet kumplimentari tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità b’raġunament analogu għas-sentenzi ta’ annullament, li l-effetti ratione temporis tagħhom huma speċifikati fl-Artikolu 264 TFUE .
114. Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha, bħala prinċipju, l-istess effett retroattiv bħal annullament.
115. Madankollu, abbażi tad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li hija tista’ tidderoga b’mod eċċezzjonali mill-prinċipju tal-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità meta jkun hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jiġġustifikawha.
116. Għaldaqstant, permezz ta’ tliet sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1980, Providence agricole de la Champagne (55), Maïseries de Beauce (56), u Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, wara li kkonstatat l-invalidità tar-regolamenti kkontestati, li din l-invalidità ma kinitx tippermetti li jitqiegħed inkwistjoni l-ġbir jew il-ħlas ta’ ammonti monetarji kumpensatorji magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ dawn ir-regolamenti matul il-perijodu preċedenti għas-sentenza tagħha.
117. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita l-effetti ratione temporis tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ att tal-Unjoni meta kien hekk meħtieġ minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali relattivi għall-interessi kollha inkwistjoni (57) .
118. Sabiex tiddeċiedi dwar tali limitazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, min-naħa, il- bona fide tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-problemi gravi li dawn is-sentenzi jistgħu jikkawżaw fid-dawl tas-sitwazzjonijiet legali li jinħolqu.
119. Naħseb li l-implementazzjoni tas-setgħa ta’ modulazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjonijiet ta’ invalidità hija ġġustifikata fil-kawża prinċipali li għandha ċirkustanzi partikolari.
120. L-iżvilupp tal-enerġiji ħodor jippreżupponi, fil-fatt, investimenti għaljin u fuq żmien twil. Issa emendi retroattivi għall-iskemi ta’ għajnuna jistgħu jwasslu għal kriżi ta’ fiduċja tal-investituri u jnaqqsu l-investimenti f’dan is-settur, b’mod partikolari fl-inqas teknoloġiji maturi.
121. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi konkretament li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddifferixxi b’24 xahar l-effetti tas-sentenza tagħha li jibdew jgħoddu minn meta tingħata, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-emendi meħtieġa għad-Direttiva 2009/28.
C – Dwar ir-raba’ domanda
122. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-fatt li r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-produtturi nazzjonali biss ma hijiex espressament irregolata mil-liġi nazzjonali għandux effett fuq ir-risposti għad-domandi preċedenti.
123. Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi espressament li, għalkemm din il-limitazzjoni “ma tinsabx fit-test tal-liġi iżda fix-xogħol preparatorju” (58), “[s]kont id-dritt Svediż, huwa [...] impossibbli li jiġi awtorizzat l-aċċess għall-iskema ta’ ċertifikati [ħodor] għal installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku [aħdar] li jinsabu barra mill-fruntieri” (59) .
124. Il-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika d-dritt nazzjonali u tinterpretah, tikkunsidra għalhekk, abbażi tax-xogħol preparatorju tal-liġi, li r-restrizzjoni territorjali tirrifletti l-istat tad-dritt pożittiv nazzjonali. Barra minn hekk, li kieku dan ma kienx il-każ, l-ewwel tliet domandi tagħha kienu jkunu ta’ natura ipotetika.
125. Permezz tal-aħħar domanda tagħha, hija għalhekk tfittex, finalment, li tikseb validazzjoni tal-metodu ta’ interpretazzjoni teleoloġika li hija użat sabiex tiddetermina l-kontenut tad-dritt pożittiv tagħha stess.
126. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja, li ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-funzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali (60), ma tistax tistħarreġ il-metodu ta’ interpretazzjoni ta’ din il-liġi użat mill-qorti nazzjonali.
127. Għalhekk, jidhirli li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda li ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
V – Konklużjoni
128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li r-risposta għad-domandi magħmula mill-Förvaltningsrätten i Linköping għandha tkun kif ġej:
1) Il-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ċertifikati ħodor li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti għandhom b’mod obbligatorju jixtru ċerta kwota skont il-kwantità totali ta’ elettriku li huma jbigħu jew jikkonsmaw, tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tad-Direttiva 2009/28;
– id-Direttiva 2009/28 tawtorizza lill-Istati Membri, meta jistabbilixxu tali skemi, li jirriżervaw l-għoti taċ-ċertifikati ħodor biss għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu fit-territorju tagħhom.
2) L-Artikolu 34 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ċertifikati ħodor li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti għandhom, b’mod obbligatorju, jixtru ċerta kwota skont il-kwantità totali ta’ elettriku li huma jbigħu jew jikkonsmaw, sakemm din il-leġiżlazzjoni teskludi mill-iskema ta’ għajnuna l-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
3) L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 huwa invalidu sa fejn jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għall-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jinsabu fi Stat Membru ieħor.
4) Din l-invalidità jkollha effett sentejn wara l-għoti tas-sentenza.
(1) .
(2) – Għal skopijiet lingwistiċi ser nirreferi għal din l-enerġija bħala “enerġija ħadra”.
(3) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121.
(4) – ĠU L 140, p. 16.
(5) – Iktar ’il quddiem l-“elettriku aħdar”.
(6) – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211, u rettifika ĠU 2004, L 16, p. 74).
(7) – Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2003”.
(8) – Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011”.
(9) – Id-Direttiva 2009/28 ġiet integrata fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), kif adattat permezz tal-Protokoll li aġġusta dan il-ftehim (ĠU 1994, L 1, p. 572), permezz tad-Deċiżjoni Nru 162/2011 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, tad-9 ta’ Diċembru 2011, li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim taż-ŻEE (ĠU 2012, L 76, p. 49, u rettifika ĠU 2012, L 247, p. 16).
(10) – Iktar ’il quddiem “Ålands Vindkraft”.
(11) – Dawn l-iskemi jissemmew ukoll fl-aħħar sentenza tal-premessa 52 tad-Direttiva 2009/28.
(12) – Il-Gvern Svediż jirreferi għall-punt 3.1, p. 8 tad-dokument tax-xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija rinnovabbli: attriċi prinċipali fis-suq Ewropew tal-enerġija [SWD(2012) 164 finali]. Dan id-dokument huwa disponibbli biss bil-lingwa Ingliża.
(13) – Ara l-premessa 36 tal-imsemmija direttiva.
(14) – Idem .
(15) – Premessa 25 tad-Direttiva 2009/28.
(16) – Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.
(17) – Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Din tal-aħħar tawtorizza wkoll proġetti komuni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (Artikolu 9 tagħha).
(18) – Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/28.
(19) – Is-sitt sentenza tal-premessa 25 ta’ din id-direttiva.
(20) – Artikolu 15(9) tal-imsemmija direttiva.
(21) – Ara, f’dan is-sens, il-premessa 56 tad-Direttiva 2009/28, li ssemmi li “[i]l-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali”. Għalkemm l-użu tal-kondizzjonal, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, joħloq perplessità, sa fejn donnu jeskludi kull ċertezza, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw l-indikattiv preżent [ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Herkunftsnachweise begründen nicht an sich ein Recht auf Inanspruchnahme nationaler Förderregelungen”); Ingliża (“Guarantees of origin do not by themselves confer a right to benefit from national support schemes”), u Spanjola (“Las garantías de origen no confieren de por sí el derecho a acogerse a sistemas de apoyo nacionales”)].
(22) – Ara t-titolu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.
(23) – Ara l-punti 107 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq.
(24) – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.
(25) – L-Energimyndigheten tirreferi għall-punt 53 tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, Ġabra p. I‑11763).
(26) – Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑216/11, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(27) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28). Ara wkoll, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir (C‑19/12, punt 34).
(28) – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, Ġabra p. I‑10465, punt 50).
(29) – Sentenza tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale (37/83, Ġabra p. 1229, punt 18).
(30) – Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze (16/65, Ġabra, p. 1081, 1094).
(31) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Strehl (62/76, Ġabra p. 211, punti 10 sa 17); tal-15 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères (145/79, Ġabra p. 2917, punt 6), u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie (C‑457/05, Ġabra p. I‑8075, punti 32 sa 39).
(32) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(33) – Ara p. 28, il-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar, ta’ dawn l-osservazzjonijiet fil-verżjoni tagħhom bil-Franċiż.
(34) – Punt 78.
(35) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (103/84, Ġabra p. 1759), li tikklassifika għajnuna finanzjarja mogħtija lill-impriżi ta’ trasport pubbliku bil-kundizzjoni li huma jixtru vetturi ta’ produzzjoni nazzjonali bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.
(36) – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde (C‑443/10, Ġabra p. I‑9327), dwar leġiżlazzjoni Franċiża li tissuġġetta l-għoti ta’ bonus ekoloġiku għall-ittimbrar tal-kliem “vettura għal wiri” fuq l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur għall-wiri importata.
(37) – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099).
(38) – ĠU L 211, p. 15.
(39) – ĠU L 211, p. 55.
(40) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3.
(41) – Sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).
(42) – Dokument EUCO 2/1/11.
(43) – Dokument EUCO 156/12.
(44) – Ara l-punt 2(ċ) tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u 19 ta’ Ottubru 2012.
(45) – Artikolu 16(2)(b) ta’ din id-direttiva.
(46) – Artikolu 15(7) ta’ din id-direttiva.
(47) – Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tal-imsemmija direttiva.
(48) – Premessa 56 tad-Direttiva 2009/28. Ara wkoll il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
(49) – Ara s-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).
(50) – Fir-rigward tal-argumenti bbażati, minn naħa, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u, min-naħa l-oħra, fuq is-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, nirreferi għall-punti 105 u 106 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq.
(51) – C (2013) 7243 finali.
(52) – Paġni 18 u 19.
(53) – Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tawtorizza lill-Unjoni tadotta, fil-kuntest tal-politika tal-ambjent, “miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija”.
(54) – Korsiv miżjud minni.
(55) – 4/79, Ġabra p. 2823.
(56) – 109/79, Ġabra p. 2883.
(57) – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos (C‑228/99, Ġabra p. I‑8401, punti 35 u 36); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punti 121 u 122); u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punti 93 u 94).
(58) – Ara l-punt 46 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
(59) – Idem . Ara wkoll il-punt 24 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li ssemmi li “it-test il-ġdid tal-liġi lanqas ma jippermetti l-ħruġ ta’ ċertifikati [ħodor] lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-assenza ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Finlandja”, kif ukoll il-punt 23 ta’ din id-deċiżjoni, li jispjega l-kontenut tax-xogħol preparatorju.
(60) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Logstor ROR Polska (C‑212/10, Ġabra p. I‑5453, punt 30).
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2014 ( 1 )
Kawża C‑573/12
Ålands Vindkraft AB
vs
Energimyndigheten
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Linköping (l-Isvezja)]
“Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Direttiva 2009/28/KE — Skemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli — Ċertifikati ħodor mogħtija għall-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli — Għoti rriżervat għall-produtturi stabbiliti fl-Isvezja jew fi Stat Membru li miegħu r-Renju tal-Isvezja kkonkluda ftehim ta’ kooperazzjoni”
1. |
Din il-kawża hija okkażjoni ġdida sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ skemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli ( 2 ) li jillimitaw il-benefiċċju tal-għajnuna biss għall-produtturi tal-elettriku li jinsabu fit-territorju nazzjonali. |
2. |
Il-kwistjoni, ikkaratterizzata mit-tensjoni bejn il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent, diġà tqajmet fil-kawża Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12), li bħalissa hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li fiha kkonkludejt fit-8 ta’ Mejju 2013, billi għamilt il-kunsiderazzjonijiet tiegħi kemm dwar il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku ( 3 ). |
3. |
Għalkemm il-kuntest fattwali huwa simili, din il-kawża tinsab madankollu f’kuntest legali differenti, għaliex, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Förvaltningsrätten i Linköping (l-Isvezja), l-iskema Svediża kkontestata għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ( 4 ). |
4. |
Dan iqajjem kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 jippermettux l-istabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna nazzjonali għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ( 5 ) li permezz tagħha produtturi tal-elettriku aħdar jingħataw ċertifikati tal-elettriku li l-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti għandhom imbagħad b’mod obbligatorju jixtru ċerta kwota skont il-kwantità totali tal-elettriku li huma jbigħu jew jikkonsmaw, meta l-imsemmija skema tirriżerva l-għoti ta’ tali ċertifikati biss lill-produtturi tal-elettriku aħdar li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat. |
5. |
Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, ser tqum ukoll il-kwistjoni tad-determinazzjoni jekk ir-restrizzjonijiet territorjali għall-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra humiex konformi mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, li twassal għall-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2009/28 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 TFUE. |
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni, fl-ewwel lok, li, għalkemm id-Direttiva 2009/28 tawtorizza tali restrizzjonijiet territorjali, l-Artikolu 34 TFUE, għall-kuntrarju, jipprekludihom. |
7. |
Minn dan ser niddeduċi, fit-tieni lok, l-invalidità tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 sa fejn jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna tagħhom għall-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jinsabu fi Stat Membru ieħor. |
8. |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, nipproponi, fl-aħħar nett, li din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun limitata ratione temporis. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
9. |
Id-Direttiva 2009/28, li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009 u li t-traspożizzjoni tagħha kellha ssir sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2010, tħassar id-Direttiva 2001/77 mill-1 ta’ Jannar 2012. |
10. |
Il-premessi 1, 13 sa 15, 25, 36, 52 u 56 tad-Direttiva 2009/28 jiddikjaraw:
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
|
11. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija [ħadra]. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija [ħadra] fil-konsum finali gross tal-enerġija [...]” |
12. |
Il-punti (j) sa (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 jinkludu d-definizzjonijiet segwenti:
|
13. |
L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija [ħadra], ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija [ħadra] f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. [...] 2. L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija [ħadra] tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I. 3. Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu skont l-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva, sa fejn huma jsostnu enerġija [ħadra] li tkun prodotta fi Stat Membru differenti.” |
14. |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28: “1. Il-konsum finali gross ta’ enerġija [ħadra] f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:
[...] 3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku [aħdar] għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq. [...]” |
15. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Skemi konġunti ta’ appoġġ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 3, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, biex jgħaqqdu jew jikkoordinaw parzjalment l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom. F’tali każijiet, ċertu ammont ta’ enerġija [ħadra] prodott fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti wieħed jista’ jgħodd għall-mira globali nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti ieħor [...]” |
16. |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Garanziji tal-oriġini tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” jipprovdi: “1. Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija [ħadra] f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE [ ( 6 )], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku [aħdar] tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. 2. [...] Il-garanzija tal-oriġini m’għandhiex funzjoni f’dak li jirrigwarda l-konformità ta’ Stat Membru mal-Artikolu 3. It-trasferimenti ta’ garanziji tal-oriġini [...] m’għandux ikollu effett [...] fuq il-kalkolu tal-konsum finali gross ta’ enerġija [ħadra] kkalkulat skont l-Artikolu 5. [...] 9. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-garanziji tal-oriġini maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva esklużivament bħala prova tal-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 6(a) sa (f). [...] [...]” |
B – Id-dritt Svediż
17. |
L-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar ġiet stabbilita permezz tal-Liġi Nru 113 tal-2003 dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2003:113) om elcertifikat] ( 7 ), li ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, bil-Liġi Nru 1200 tal-2011 dwar iċ-ċertifikati tal-elettriku [lagen (2011:1200) om elcertifikat] ( 8 ), li kellha, b’mod partikolari, l-għan li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/28. |
18. |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm id-deċiżjoni tal-Energimyndigheten, tad-9 ta’ Ġunju 2010, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet adottata b’applikazzjoni tal-Liġi tal-2003, skont id-dritt Svediż, kawża għandha, bħala prinċipju, tkun deċiża skont il-liġi applikabbli waqt l-analiżi tagħha mill-qorti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Liġi tal-2011. |
19. |
L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-leġiżlazzjoni Svediża hija bbażata fuq l-għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku aħdar u fuq l-obbligu korrelattiv tal-fornituri tal-elettriku u ċerti utenti li jixtru ċertu numru ta’ ċertifikati li jikkorrispondi għal sehem partikolari mill-kwantità totali ta’ elettriku fornuta jew użata. |
20. |
Iċ-ċertifikat aħdar, li jipprovdi prova tal-produzzjoni ta’ megawatt fis-siegħa ta’ elettriku aħdar, jista’ jiġi nnegozjat b’mod liberu f’suq kompetittiv fejn il-prezzijiet huma ddeterminati mir-regoli tal-offerta u d-domanda. Il-prezz tiegħu jgħaddi finalment fuq il-konsumatur tal-elettriku. In-numru ta’ ċertifikati li l-fornituri jew l-utenti għandhom l-obbligu li jakkwistaw ivarja skont il-mira tal-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li trid tintlaħaq. Fis-snin 2010 sa 2012, huwa tela’ għal 0.179 ċertifikat aħdar għal kull megawatt fis-siegħa mibjugħ jew użat. |
21. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm din il-limitazzjoni ma tidhirx fit-test tal-Liġi tal-2011, mix-xogħol preparatorju tal-Liġijiet tal-2003 u tal-2011 jirriżulta li l-għoti ta’ ċertifikati ħodor huwa rriżervat għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jinsabu fl-Isvezja. |
22. |
Barra minn hekk, hija tispeċifika li l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi tal-2011 jinkludi dispożizzjoni ġdida fformulata kif ġej: “Iċ-ċertifikati tal-elettriku mogħtija għall-produzzjoni ta’ elettriku rinnovabbli fi Stat ieħor jistgħu jiintużaw sabiex jissodisfaw l-obbligu tal-kwoti ta’ din il-liġi, bil-kundizzjoni li l-iskema Svediża taċ-ċertifikati tal-elettriku kienet is-suġġett ta’ koordinazzjoni ma’ dik ta’ dan l-Istat l-ieħor permezz ta’ ftehim internazzjonali.” |
23. |
Fid-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju tal-Isvezja kkonkluda tali ftehim mar-Renju tan-Norveġja ( 9 ). Mill-banda l-oħra, ma jeżistix ftehim ta’ dan it-tip mar-Repubblika tal-Finlandja. |
II – Il-kawża prinċipali
24. |
Fit-30 ta’ Novembru 2009, Ålands Vindkraft AB ( 10 ), li topera park eoliku fil-Finlandja fl-arċipelagu tal-Gżejjer Åland, iżda li huwa konness, skont il-motivi ta’ Ålands Vindkraft riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, man-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku Svediż, talbet approvazzjoni sabiex tkun tista’ tikseb il-ħruġ ta’ ċertifikati ħodor skont il-leġiżlazzjoni Svediża. |
25. |
Din it-talba ġiet miċħuda mill-Energimyndigheten permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2010, għar-raġuni li l-iskema taċ-ċertifikati ħodor jistgħu jibbenefikaw minnha biss l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja. |
26. |
Ålands Vindkraft ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Linköping billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li l-iskema kkontestata għandha l-effett li tirriżerva s-sodisfazzjon tal-bżonn tal-elettriku ta’ madwar 18 % tal-konsumaturi Svediżi għall-produtturi tal-elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja, għad-detriment tal-importazzjoni li ġejja minn Stati Membri oħra. |
III – Id-domandi preliminari
27. |
Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/28 u dwar il-portata tal-Artikolu 34 TFUE, il-Förvaltningsrätten i Linköping iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV – L-analiżi tiegħi
A – Dwar l-ewwel domanda
28. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk skema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 u, fit-tieni lok, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li l-benefiċċju ta’ tali skema jiġi limitat biss għal produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
1. Dwar l-ewwel parti tad-domanda
29. |
Skema ta’ ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28? |
30. |
Skont Ålands Vindkraft, id-Direttiva 2009/28 tapplika għall-iskemi ta’ għajnuna għall-użu tal-elettriku aħdar u mhux għall-produzzjoni tiegħu, filwaqt li skont l-Energimyndigheten, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ta’ elettriku aħdar għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ sostenn [għajnuna]” fis-sens ta’ din id-direttiva. |
31. |
Mingħajr dubju naqbel ma’ din l-aħħar analiżi li tapplika fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
32. |
Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni nfisha ta’ dawn id-definizzjonijiet jirriżulta ċar li l-iskemi ta’ għajnuna intiżi għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra jinkorporaw dawk li jimponu fuq il-produtturi jew fuq il-fornituri ta’ enerġija, kwota tal-produzzjoni jew tal-offerta ta’ enerġija ħadra. Għalhekk il-kunċett ta’ użu ta’ elettriku aħdar għandu jinftiehem b’sinjifikat li jinkorpora l-produzzjoni ta’ dan l-elettriku, b’mod li ma jkunx konformi ma’ tifsira litterali tad-Direttiva 2009/28 li jiġu opposti dawn iż-żewġ termini billi wieħed jitqies li jeskludi lill-ieħor. |
33. |
Fit-tieni lok, l-użu tal-aġġettiv “kull” u tat-termini “strument”, “skema” jew “mekkaniżmu”, li huma kkunsidrati ekwivalenti, kif ukoll in-natura mhux limitattiva tal-eżempji mogħtija fil-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jżomm tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna. |
34. |
Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jsemmu espressament fost l-iskemi ta’ għajnuna, barra mit-tariffi feed-in u ħlasijiet ta’ primjums, l-iskemi ta’ ċertifikati ħodor ( 11 ). |
35. |
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda dubju li skema ta’ ċertifikati ħodor bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tad-Direttiva 2009/28. |
36. |
Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jipprojbixxux li l-benefiċċju ta’ tali skema jiġi rriżervat biss għall-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
2. Dwar it-tieni parti tad-domanda
37. |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 jagħtu lok għal interpretazzjonijiet diverġenti min-naħa tal-partijiet prinċipali u tal-intervenjenti. |
38. |
Skont interpretazzjoni minnhom, sostnuta minn Ålands Vindkraft, id-Direttiva 2009/28, minkejja li hija intiża għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mal-miri mandatorji tagħhom, ma tippermettix l-istabbiliment ta’ skemi ta’ għajnuna diskriminatorji, li jikkawżaw ostakoli illegali għall-kummerċ. |
39. |
Interpretazzjoni radikalment opposta hija proposta mill-Energimyndigheten u mill-Gvern Svediż, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Norveġiż, li jikkunsidraw li d-Direttiva 2009/28 tawtorizza espressament, jiġifieri tippreżumi limitazzjoni tal-benefiċċju tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-enerġija ħadra prodotta fit-territorju nazzjonali. |
40. |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mat-test stess ta’ din id-direttiva peress li l-premessa 25 u l-Artikolu 3(3) tagħha jsemmu li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw jekk u sa fejn huma jridu jsostnu l-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra u jelenkaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, ta’ natura fakultattiva, li għalihom huma jistgħu jirrikorru f’dan il-każ. |
41. |
L-imsemmija interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-istruttura tad-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, din issegwi approċċ orjentat fuq l-Istati Membri meħuda individwalment, billi timponi fuq kull wieħed miri speċifiċi. Barra minn hekk, hija tagħmel l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali l-istrument essenzjali għat-twettiq ta’ dawn il-miri u tistabbilixxi l-possibbiltà li l-Istati Membri jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż ta’ dawn l-iskemi skont il-potenzjali rispettivi tagħhom, ħaġa li tippreżupponi li jkollhom skemi li jkunu limitati għat-territorju ta’ kull Stat Membru. |
42. |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll, skont il-Gvern Svediż u l-Gvern Norveġiż, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2009/28 li jagħti x’tifhem li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ manuvra sostanzjali sabiex iwettqu sewwa l-politiki tagħhom stess sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-direttiva, li tillimita ruħha għad-definizzjoni ta’ qafas komuni ( 12 ). |
43. |
Il-Kummissjoni tipproponi triq intermedja. Filwaqt li targumenta li, b’differenza mid-Direttiva 2001/77, id-Direttiva 2009/28 imkien ma ssemmi l-effetti restrittivi fuq il-kummerċ u li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tagħha jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jistabbilixxu skemi ta’ għajnuna, li jimplementaw miżuri ta’ kooperazzjoni jew li jiddeċiedu sa fejn huma jsostnu l-enerġija ħadra prodotta fi Stat Membru ieħor, hija tikkunsidra li d-Direttiva 2009/28 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li Stat Membru jimplementa skema ta’ għajnuna nazzjonali li minnha jibbenefikaw biss il-produtturi li jinsabu fit-territorju tiegħu. |
44. |
Min-naħa tiegħi, inqis li d-Direttiva 2009/28 tawtorizza l-limitazzjonijiet territorjali tal-iskemi ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra, kif juru kemm l-interpretazzjoni litterali kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ din id-direttiva. |
a) Il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28
45. |
Il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28 issemmi espressament li jeżistu restrizzjonijiet fil-parti l-kbira tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u li l-Istati Membri, li għandhom potenzjali differenti, igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk u sa fejn dawn l-iskemi ta’ għajnuna japplikaw għall-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra. Din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija riflessa, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, fid-dikjarazzjoni tal-prinċipju li l-Istati Membri għandhom “id-dritt li jiddeċiedu” sa fejn huma jridu jsostnu l-enerġija ħadra importata “skont l-Artikoli 5 sa 11” tal-imsemmija direttiva, bl-unika kundizzjoni li josservaw l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2009/28 tagħti lill-Istati Membri kompetenza sabiex jiddeterminaw il-prinċipju u l-portata tas-sostenn tagħhom tal-enerġija ħadra importata u sabiex jikkonkludu, jekk ikun il-każ, ftehim ma’ Stati Membri oħra. |
b) L-istruttura tad-Direttiva 2009/28
46. |
Żewġ argumenti bbażati fuq l-istruttura tad-Direttiva 2009/28 jipprovdu indikazzjonijiet ċari fuq il-kwistjoni jekk Stat Membru li jimplementa skema ta’ għajnuna huwiex obbligat jagħti l-benefiċċju ta’ dik l-iskema lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fi Stati Membri oħra. |
47. |
L-ewwel argument huwa bbażat fuq in-natura fakultattiva tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà rregolati mill-Artikoli 6 sa 11 ta’ din id-direttiva. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ried isostni l-kummerċ transkonfinali tal-enerġija ħadra billi jiffaċilita l-konsum, fl-Istati Membri, tal-enerġija ħadra prodotta fi Stati Membri oħra u billi jippermetti l-kalkolu, fil-mira nazzjonali ta’ Stat Membru, tal-enerġija ħadra kkonsmata fi Stat Membru ieħor ( 13 ), il-“miżuri ta’ flessibbiltà” ( 14 ), magħrufa wkoll bħala “mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni” ( 15 ), stabbiliti għal dan il-għan u li jistgħu jieħdu l-forma jew ta’ “trasferimenti statistiċi” ( 16 ), jew ta’ “proġetti konġunti bejn l-Istati Membri” ( 17 ), jew saħansitra ta’ “skemi konġunti ta’ appoġġ” ( 18 ) huma espressament intiżi bħala mekkaniżmi fakultattivi ( 19 ), suġġetti għall-konklużjoni minn qabel ta’ ftehim bejn Stati Membri. Konsegwentement, anki jekk Stat Membru jkun dispost japplika unilateralment l-iskema ta’ għajnuna tiegħu għall-enerġija ħadra prodotta fi Stat Membru ieħor, din l-enerġija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan li jitwettqu l-miri nazzjonali tagħha biss meta dan it-tieni Stat jaċċetta li din tittieħed inkunsiderazzjoni u jikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ewwel Stat. |
48. |
It-tieni argument joħroġ mill-portata limitata mogħtija lill-garanziji tal-oriġini. Għalkemm hija tistabbilixxi obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-garanziji, id-Direttiva 2009/28 tillimita espressament il-portata tal-garanziji maħruġa minn Stati Membri oħra billi tispeċifika li huma jgħoddu esklużivament bħala strument ta’ prova ( 20 ), mingħajr ma jagħtu d-dritt ta’ benefiċċju mill-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali ( 21 ). Minn dan jirriżulta li Stat Membru jista’ jirrifjuta li mill-iskema ta’ għajnuna tiegħu jibbenefika produttur tal-elettriku aħdar stabbilit f’pajjiż barrani, anki jekk l-oriġini ħadra tal-produzzjoni tiegħu tkun stabbilita permezz ta’ garanzija tal-oriġini skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/28. |
49. |
L-għanijiet ta’ din id-direttiva jikkonfermaw din il-marġni ta’ diskrezzjoni mħollija lill-Istati Membri. |
c) L-għanijiet tad-Direttiva 2009/28
50. |
B’differenza mid-Direttiva 2001/77 li kienet timponi fuq l-Istati Membri miri sempliċement indikattivi, id-Direttiva 2009/28 tistabbilixxi miri globali nazzjonali mandatorji ( 22 ) għall-konsum tal-elettriku aħdar li għandhom jippermettu li tintlaħaq il-mira ta’ għall-inqas 20 % ta’ produzzjoni ta’ enerġija ħadra fl-Unjoni Ewropea, waqt li tħalli lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi xierqa sabiex jilħqu dawn il-miri. Barra minn hekk, filwaqt li, fil-kuntest tad-Direttiva 2001/77, il-miri nazzjonali indikattivi għall-“konsum” setgħu jiġu sodisfatti billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-elettriku aħdar importat ( 23 ), id-Direttiva 2009/28 tiddefinixxi l-konsum tal-elettriku aħdar bħala l-kwantità ta’ elettriku aħdar “prodott fi Stat Membru [...], bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq” ( 24 ). It-tpoġġija fuq livell nazzjonali tal-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra u l-enfasi magħmula fuq il-produzzjoni donnhom jiġġustifikaw li Stat Membru jiddeċiedi li jirriżerva s-sostenn tiegħu biss għall-produzzjoni nazzjonali, li hija dik li se tippermettilu jissodisfa l-miri tiegħu. |
51. |
Dawn huma r-raġunijiet li għalihom nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Förvaltningsrätten i Linköping għandha tkun li l-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
B – Dwar it-tieni u t-tielet domandi
52. |
Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix ir-restrizzjoni territorjali li tikkaratterizza l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
53. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser napplika l-istess raġunament fi tliet stadji bħal dak li segwejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, billi niddetermina suċċessivament jekk l-Artikolu 34 TFUE huwiex applikabbli, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix ostakolu u jekk hija tistax tkun iġġustifikata. |
1. L-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE
54. |
L-adozzjoni tad-Direttiva 2009/28 tipprojbixxi li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE? |
55. |
Il-pożizzjonijiet adottati dwar din il-kwistjoni mill-partijiet li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma diversi. |
56. |
Ålands Vindkraft targumenta li d-Direttiva 2009/28 ma armonizzatx l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u li, konsegwentement, il-miżuri nazzjonali adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandhom ikunu kompatibbli mad-dritt primarju, irrispettivament mill-eventwali konformità tagħhom mal-imsemmija direttiva. |
57. |
Għall-kuntrarju, l-Energimyndigheten tiċħad il-possibbiltà ta’ kunflitt bejn ir-restrizzjoni territorjali kkontestata u l-Artikolu 34 TFUE, għaliex id-dritt primarju japplika biss sa fejn ma jeżistix dritt sekondarju applikabbli ( 25 ). |
58. |
Filwaqt li jirrikonoxxi li d-Direttiva 2009/28 ma wettqitx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, konxjament, il-leġiżlatur tal-Unjoni aċċetta eventwali restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija, neċessarji għall-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali. |
59. |
Fl-aħħar nett, mill-fatt li d-Direttiva 2009/28 tat lill-Istati Membri d-dritt li jżommu l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom sabiex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-iskema Svediża ta’ ċertifikati ħodor għandha tiġi preżunta li hija konformi mal-Artikolu 34 TFUE. |
60. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-intervent tad-Direttiva 2009/28 ma jistax jeskludi li l-kwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE. |
61. |
Għalkemm jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull miżura nazzjonali f’qasam li jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju ( 26 ), din il-ġurisprudenza ma tapplikax, għaliex huwa paċifiku li d-Direttiva 2009/28 ma armonizzatx il-kontenut materjali tal-iskemi ta’ għajnuna intiżi għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija ħadra. |
62. |
Fir-realtà, id-diffikultà tinsab mhux fl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni komuni li tipprovdi għall-armonizzazzjoni eżawrjenti tal-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ambjent fil-kummerċ tal-enerġija ħadra bejn l-Istati Membri, iżda fl-affermazzjoni, fid-Direttiva 2009/29, tal-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom japplikawx jew le għall-enerġija ħadra importata minn Stat Membru ieħor. |
63. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Svediża fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt primarju fuq is-sorsi l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jirriżultaw żewġ konsegwenzi. |
64. |
L-ewwel waħda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju, li għandha ssir fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dritt primarju u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li skontha, meta test tad-dritt sekondarju jista’ jingħata iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà magħhom ( 27 ). |
65. |
It-tieni konsegwenza tirrigwarda l-validità tad-dritt sekondarju, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli tad-dritt primarju dwar il-libertajiet ta’ moviment. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll tal-miżuri b’effett ekwivalenti, prevista fl-Artikolu 34 TFUE, “tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, imma wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni” ( 28 ), li “huma ukoll obbligati josservaw il-libertà tal-kummerċ [bejn l-Istati Membri], prinċipju fundamentali tas-suq komuni” ( 29 ). |
66. |
Madankollu, fil-kuntest partikolari tal-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit bl-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, anki meta titressaq quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda esklużivament kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha għalfejn, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, teżamina l-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju. |
67. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “meta jkun jidher li l-għan veru tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali huwa l-eżami tal-validità iktar milli tal-interpretazzjoni tal-atti [tal-Unjoni], il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti d-deċiżjoni tagħha immedjatament lill-imsemmija qorti mingħajr ma tobbligaha tosserva formaliżmu purament dilatorju li jkun inkompatibbli man-natura nfisha tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Artikolu [267 TFUE] ( 30 )”. |
68. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikjarat ex officio invalidu att li ntalbet tagħti biss l-interpretazzjoni tiegħu ( 31 ). |
69. |
Din il-flessibbiltà li tikkaratterizza l-istrument ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari donnha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju fil-każ fejn, bħala fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi preliminari kemm dwar l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tad-dritt primarju. Jekk, f’dan l-eżempju, mill-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tirriżulta inkompatibbiltà mad-dritt primarju, l-effikaċja tal-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali tippreżupponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn tali konstatazzjoni fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju kkonċernata. |
70. |
Huwa minnu li ma jistax jintesa li l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, u mhux il-fajl nazzjonali li eventwalment jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ( 32 ). |
71. |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm l-għan tad-domandi huwa formalment l-interpretazzjoni tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE, il-Förvaltningsrätten i Linköping, bil-fatt li ma teskludix li l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi mad-Direttiva 2009/28 filwaqt li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, indirettament tesprimi dubji dwar il-validità ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-għan tad-domandi jeżiġi li ssir evalwazzjoni tal-validità. |
72. |
Hekk ukoll inftiehmet it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif juru, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet tal-Energimyndigheten li skonthom il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet territorjali abbażi tal-Artikolu 34 TFUE tkun “inkompatibbli” mad-Direttiva 2009/28 ( 33 ). |
73. |
Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi restrizzjoni territorjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, jekk ikun il-każ għandhom jinsiltu l-konsegwenzi dwar il-validità tad-Direttiva 2009/28 fid-dawl tal-imsemmi test. |
2. L-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija
74. |
Kif fakkart fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq ( 34 ), jirriżulta minn ġurisprudenza fermament stabbilita li kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. |
75. |
Ir-restrizzjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn penalizzazzjoni tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, iżda wkoll, bil-kontra, minn vantaġġ mogħti lill-produzzjoni nazzjonali meta mqabbla mal-merkanzija importata ( 35 ), u anki leġiżlazzjoni li, għalkemm ma tirriżervax il-benefiċċju għall-prodotti nazzjonali, teżiġi kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jingħata lill-prodotti importati ( 36 ). |
76. |
L-iskema Svediża ta’ ċertifikati ħodor, għalkemm ma tipprojbixxix l-importazzjoni tal-elettriku, tagħti b’mod inkontestabbli vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-produtturi ta’ elettriku aħdar li jinsabu fl-Isvezja meta mqabbla mal-produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħra, għaliex filwaqt li tal-ewwel jibbenefikaw minn dħul addizzjonali li jirriżulta mill-bejgħ ta’ ċertifikati ħodor, li jaġixxi bħala primjum għall-produzzjoni, tat-tieni huma rremunerati biss mill-bejgħ ta’ elettriku aħdar. |
77. |
L-impossibbiltà li l-produtturi tal-elettriku stabbiliti fi Stati Membri oħra jibbenefikaw mill-iskema ta’ ċertifikati ħodor meta huma jesportaw l-elettriku aħdar tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni diskriminatorja għall-moviment liberu tal-merkanzija, ipprojbita bl-Artikolu 34 TFUE. |
78. |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata. |
3. Il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija
79. |
Għar-raġunijiet li esponejt fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, u li naħseb li huwa inutli li nerġa’ neżamina, inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tal-ambjent anki jekk tkun diskriminatorja, bil-kundizzjoni, madankollu, f’dak il-każ, li tkun suġġetta għal test ta’ proporzjonalità partikolarment rigoruż, li jiena kkwalifikajt bħala “iktar [b’]saħħtu”. |
80. |
Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
81. |
L-Energimyndigheten kif ukoll il-gvernijiet kollha li ressqu osservazzjonijiet jirreferu għas-sentenza PreussenElektra ( 37 ) billi jsostnu li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija f’dik is-sentenza japplikaw ukoll għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
82. |
Ma naqbilx ma’ din l-opinjoni u jidhirli li l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv jirrikjedi reviżjoni tat-termini tad-dibattitu. |
83. |
Żewġ ċirkustanzi ġodda għandhom jingħataw attenzjoni b’mod iktar partikolari, jiġifieri l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-garanziji tal-oriġini. |
84. |
Fl-ewwel lok, wara s-sena 1999 l-Unjoni bdiet dinamika ta’ liberalizzazzjoni progressiva tas-suq intern tal-enerġija, li tidher mill-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv ġdid intitolat “It-Tielet Pakkett ‘Enerġija’”. Ikkostitwit, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 ( 38 ), u mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE ( 39 ), l-imsemmi qafas jistabbilixxi kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-elettriku u jintensifika l-kummerċ transkonfinali fl-elettriku, billi jiffaċilita l-interkonnessjonijiet tan-netwerks. |
85. |
Għandu jiġi osservat li, b’differenza mid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku ( 40 ), li kienet tikkostitwixxi biss “fażi ġdida tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku li [ħalliet] jissussistu ċerti ostakoli għall-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri” ( 41 ), id-Direttiva 2009/72, kif jirriżulta mill-premessa 62 tagħha, għandha l-għan li toħloq suq intern tal-elettriku totalment operattiv, li jippermetti l-bejgħ tal-elettriku f’kundizzjonijiet identiċi bis-saħħa ta’ netwerk interkonness. |
86. |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jikkonfermaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 ( 42 ) kif ukoll dawk tat-18 u 19 ta’ Ottubru 2012 ( 43 ), l-Istati Membri qablu li jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku sas-sena 2014 sabiex jippermettu l-moviment liberu ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Gvern Ġermaniż, it-twettiq tas-suq intern tal-elettriku għas-sena 2014 jikkostitwixxi mhux biss ambizzjoni proprja tal-Kummissjoni, iżda wkoll “neċessità” ( 44 ) u għan tal-Unjoni. |
87. |
Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-integrazzjoni tal-enerġiji ħodor fis-suq intern tal-elettriku tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2009/28, li tfittex, b’mod partikolari, li tiżviluppa l-interkonnessjoni bejn in-netwerks tal-elettriku tal-Istati Membri sabiex jiġi żviluppat il-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar, ta’ natura intermittenti, billi l-produtturi ta’ elettriku aħdar jiġu żgurati aċċess prijoritarju jew garantit għan-netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni ( 45 ). |
88. |
Fit-tieni lok, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi ddeterminata l-oriġini ħadra tal-elettriku prodott fi Stat Membru ieħor ma tistax titressaq iktar b’mod validu wara l-istabbiliment, permezz tad-Direttiva 2001/77, tal-“garanziji tal-oriġini” intiżi preċiżament sabiex jistabbilixxu li l-elettriku mibjugħ huwa prodott minn sorsi rinnovabbli. |
89. |
F’dan ir-rigward, jista’ jiġi oġġezzjonat li l-garanziji tal-oriġini huma intiżi esklużivament, fid-Direttiva 2009/28, bħala strumenti ta’ prova li jippermettu lill-fornitur juri lill-klijenti tiegħu li t-taħlita ta’ enerġija tiegħu tinkludi sehem jew kwantità partikolari ta’ enerġija ħadra ( 46 ), li ma għandhom ebda funzjoni għat-twettiq tal-miri nazzjonali mandatorji ( 47 ), u ma jagħtux, minnhom infushom, id-dritt li wieħed jibbenefika mill-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali ( 48 ). |
90. |
Madankollu, jidhirli li din l-oġġezzjoni hija irrilevanti fir-rigward tar-raġuni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata esklużivament fuq l-assenza ta’ strument ta’ prova li jippermetti li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-elettriku prodott. Barra minn hekk, hija tammonta għal tentattiv ta’ ġustifikazzjoni tal-ksur tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija permezz tal-istabbiliment ta’ regola ta’ saħħa inferjuri. |
91. |
Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li l-iżvilupp doppju li kellu l-qafas leġiżlattiv tal-kummerċ fl-elettriku, ikkaratterizzat b’dinamika ta’ liberalizzazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku, jirrendi diffiċli li tinżamm il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li naqbel mingħajr ebda riżerva mal-proposta li l-użu tal-enerġiji ħodor, li jfittex li jippromwovi l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari billi jnaqqas l-emissjoni ta’ gassijiet serra ( 49 ). |
92. |
Nibqa’, madankollu, iktar dubjuż fir-rigward tal-affermazzjoni li l-possibbiltà li produttur ta’ elettriku aħdar stabbilit fi Stat Membru jibbenefika minn skema ta’ għajnuna applikata minn Stat Membru ieħor tmur neċessarjament kontra dan il-għan. F’dan ir-rigward, jidhirli li daħlet ċerta konfużjoni bejn l-iskopijiet tal-iskemi ta’ għajnuna b’mod ġenerali u dawk tar-restrizzjonijiet territorjali b’mod partikolari. |
93. |
Din il-kwistjoni timmerita analiżi metikoluża, għaliex, għalkemm huwa faċli li jiġi rrikonoxxut li l-iskemi ta’ ċertifikati ħodor jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent billi jistimulaw il-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, hemm, mill-banda l-oħra, ċertu paradoss fil-fatt li jiġi kkunsidrat li l-inkoraġġiment tal-importazzjoni ta’ elettriku aħdar li ġej minn Stat Membru ieħor jista’ jkollu effett negattiv fuq il-protezzjoni tal-ambjent. |
94. |
Jidhirli għalhekk li huwa importanti li tiġi eżaminata b’mod iktar preċiż kull ġustifikazzjoni mqajma sabiex jiġi spjegat ir-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-produzzjoni ta’ elettriku aħdar li ġejja minn Stati Membri oħra. |
95. |
Għalkemm huma miġbura taħt l-intestatura ġenerali ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn il-ġustifikazzjonijiet huma, fir-realtà, ta’ natura differenti ħafna. Għaldaqstant, sabiex jitkejjel il-piż rispettiv tagħhom, għandi mmur lura, sabiex nikkonfutahom, għal kull argument prinċipali żviluppat mill-Energimyndigheten u mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ( 50 ). |
96. |
L-ewwel argument huwa bbażat fuq in-neċessità li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ għajnuna u li ma tiġix kompromessa l-kapaċità tal-Istati Membri li jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom ta’ żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku aħdar, ħaġa li tippreżupponi li huma jistgħu jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ għajnuna tagħhom skont il-potenzjali rispettivi tagħhom. |
97. |
Dan l-ewwel argument ma huwiex konvinċenti, għaliex ir-riskju ta’ destabilizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ ċertifikati ħodor f’każ li jinfetħu għall-produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jidhirlix li ġie pprovat. |
98. |
Minbarra l-fatt li l-ostakoli tekniċi persistenti għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku marbuta, b’mod partikolari, mad-diffikultajiet ta’ aċċess għan-netwerks u għan-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet jillimitaw, ċertament fi proporzjonijiet varjabbli skont l-Istati Membri kkonċernati, ir-riskji ta’ influss f’daqqa u qawwi ta’ produtturi ta’ elettriku aħdar barranin, l-iskemi ta’ għajnuna huma ġeneralment mogħnija b’mekkaniżmi ta’ aġġustament li jistgħu jippermettu, jekk ikun il-każ, li jitnaqqas ir-riskju ta’ tnaqqis fil-prezz taċ-ċertifikati ħodor f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ ċertifikati fis-suq minħabba l-għoti tagħhom lill-produzzjonijiet barranin. F’sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ kwoti evoluttivi imposti fuq il-fornituri u ċerti utenti, iż-żieda fin-numru ta’ ċertifikati fis-suq taċ-ċertifikati ħodor tista’, fil-fatt, tkun ikkumpensata b’żieda korrelattiva fil-kwoti meħtieġa, ħaġa li tista’ tkun biss pożittiva. |
99. |
It-tieni argument huwa bbażat fuq li l-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar jeħtieġ il-konklużjoni minn qabel ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati sabiex jiġu rregolati diversi kwistjonijiet relattivi, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati ħodor, għall-koordinazzjoni tal-informazzjoni u għall-ħatra tal-awtoritajiet responsabbli mill-approvazzjoni tal-installazzjonijiet. |
100. |
Dan l-argument lanqas ma jikkonvinċini. |
101. |
Minn naħa, kif irrikonoxxa l-Gvern Ġermaniż, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri previsti mid-Direttiva 2009/28 għandhom l-għan mhux li jiggarantixxu l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali tal-elettriku aħdar prodott f’pajjiżi barranin, iżda li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri globali nazzjonali bl-għajnuna ta’ Stati Membri oħra. Fl-opinjoni tiegħi, iktar milli jipprojbixxi l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, il-ftuħ tal-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-installazzjonijiet li jinsabu f’pajjiżi barranin jista’, għall-kuntrarju, jiffaċilitah, billi jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkoordinaw l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom. |
102. |
Min-naħa l-oħra, jidhirli li huwa sinjifikattiv li, għalkemm fost l-għanijiet tad-Direttiva 2009/28 hemm l-iżvilupp tal-kummerċ fl-enerġija ħadra bejn l-Istati Membri, ftehim ta’ kooperazzjoni wieħed biss ġie konkluż minn meta daħlet fis-seħħ, dak iffirmat bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tan-Norveġja, fid-29 ta’ Ġunju 2011. Ninnota għalhekk b’interess li, fil-Komunikazzjoni tagħha, tal-5 ta’ Novembru 2013, intitolata “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku” ( 51 ), il-Kummissjoni, li ddikjarat dispjaċir li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ma kinux intużaw, bl-eċċezzjoni ta’ dan il-ftehim, tirrileva li l-iżvilupp tal-enerġiji ħodor fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna transkonfinali “jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità mad-Direttiva 2009/28[..] [u] jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-eventwali distorsjonijiet tas-suq intern li jirriżultaw mill-approċċi nazzjonali differenti” ( 52 ). |
103. |
It-tielet argument jipprovdi li l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet territorjali ttellef lill-Istati Membri mill-kontroll tal-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom. |
104. |
Ma jidhirlix li dan l-argument huwa fondat iktar minn dawk ta’ qablu. Għalkemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jirriżulta li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija trid tosserva l-libertà tal-għażla tat-taħlita tal-enerġija nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2(ċ) TFUE ( 53 ), din l-għażla tal-politika tal-enerġija tista’, madankollu, tkun affettwata bil-miżuri adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-politika tal-ambjent tagħha, kif turi d-Direttiva 2009/28 stess li, billi timponi fuq kull Stat Membru miri mandatorji ta’ konsum ta’ enerġija ħadra, tinfluwenza neċessarjament il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom. |
105. |
Ir-raba’ argument huwa bbażat fuq il-fatt li l-produtturi tal-elettriku aħdar stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jagħżlu l-iktar skema favorevoli għalihom, u dan jiftaħ il-bibien għal għajnuna “à la carte”, jiġifieri li tinkiseb għajnuna minn żewġ skemi nazzjonali. |
106. |
Madankollu, naħseb li l-possibbiltà li l-Istati Membri jikkoordinaw l-iskemi ta’ għajnuna tagħhom bis-saħħa tad-diversi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti fid-Direttiva 2009/28 hija ta’ natura li tirrispondi għal din l-oġġezzjoni. |
107. |
Il-ħames argument imressaq insostenn tar-restrizzjonijiet territorjali huwa li l-ftuħ tal-iskemi ta’ għajnuna għall-produzzjonijiet barranin ikollha l-konsegwenza li l-konsumatur nazzjonali jkollu jiffinanzja l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku aħdar li jinsabu fi Stati Membri oħra. Madankollu, nistaqsi kif dan l-argument imqajjem mill-Energimyndigheten waqt is-seduta jista’ juża l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, li għall-kuntrarju jiġġustifika li, permezz tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, il-konsumaturi ta’ Stat Membru jiffinanzjaw l-enerġija ħadra importata minn Stat Membru pjuttost milli l-enerġija fossili nazzjonali. |
108. |
Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li ebda wieħed mill-argumenti invokati ma jippermetti li jiġi pprovat li r-restrizzjonijiet territorjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent. |
109. |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li fost wieħed mill-erba’ komponenti tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, stabbiliti fl-Artikolu 191(1) TFUE, hemm “l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali” ( 54 ). Issa l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali fl-elettriku aħdar li jirriżulta mill-ftuħ tal-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-produzzjonijiet barranin jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan il-għan billi jippermetti l-aħjar tqassim tal-produzzjoni bejn l-Istati Membri skont il-potenzjali rispettivi tagħhom. |
110. |
Għalhekk, nikkunsidra li r-restrizzjonijiet territorjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex konformi mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija. |
111. |
Sa fejn id-Direttiva 2009/38 ma tidhirx li tista’ tiġi interpretata mod ieħor ħlief li tawtorizza tali restrizzjonijiet, inqis li hija għandha tiġi ddikjarata invalida fuq dan il-punt. |
112. |
Jibqa’ li jiġu ddeterminati l-effetti ratione temporis ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
113. |
Peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità u r-rikors għal annullament jikkostitwixxu żewġ modalitajiet kumplimentari tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità b’raġunament analogu għas-sentenzi ta’ annullament, li l-effetti ratione temporis tagħhom huma speċifikati fl-Artikolu 264 TFUE. |
114. |
Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha, bħala prinċipju, l-istess effett retroattiv bħal annullament. |
115. |
Madankollu, abbażi tad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li hija tista’ tidderoga b’mod eċċezzjonali mill-prinċipju tal-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità meta jkun hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jiġġustifikawha. |
116. |
Għaldaqstant, permezz ta’ tliet sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1980, Providence agricole de la Champagne ( 55 ), Maïseries de Beauce ( 56 ), u Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, wara li kkonstatat l-invalidità tar-regolamenti kkontestati, li din l-invalidità ma kinitx tippermetti li jitqiegħed inkwistjoni l-ġbir jew il-ħlas ta’ ammonti monetarji kumpensatorji magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ dawn ir-regolamenti matul il-perijodu preċedenti għas-sentenza tagħha. |
117. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita l-effetti ratione temporis tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ att tal-Unjoni meta kien hekk meħtieġ minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali relattivi għall-interessi kollha inkwistjoni ( 57 ). |
118. |
Sabiex tiddeċiedi dwar tali limitazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, min-naħa, il-bona fide tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-problemi gravi li dawn is-sentenzi jistgħu jikkawżaw fid-dawl tas-sitwazzjonijiet legali li jinħolqu. |
119. |
Naħseb li l-implementazzjoni tas-setgħa ta’ modulazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjonijiet ta’ invalidità hija ġġustifikata fil-kawża prinċipali li għandha ċirkustanzi partikolari. |
120. |
L-iżvilupp tal-enerġiji ħodor jippreżupponi, fil-fatt, investimenti għaljin u fuq żmien twil. Issa emendi retroattivi għall-iskemi ta’ għajnuna jistgħu jwasslu għal kriżi ta’ fiduċja tal-investituri u jnaqqsu l-investimenti f’dan is-settur, b’mod partikolari fl-inqas teknoloġiji maturi. |
121. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi konkretament li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddifferixxi b’24 xahar l-effetti tas-sentenza tagħha li jibdew jgħoddu minn meta tingħata, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-emendi meħtieġa għad-Direttiva 2009/28. |
C – Dwar ir-raba’ domanda
122. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-fatt li r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-produtturi nazzjonali biss ma hijiex espressament irregolata mil-liġi nazzjonali għandux effett fuq ir-risposti għad-domandi preċedenti. |
123. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi espressament li, għalkemm din il-limitazzjoni “ma tinsabx fit-test tal-liġi iżda fix-xogħol preparatorju” ( 58 ), “[s]kont id-dritt Svediż, huwa [...] impossibbli li jiġi awtorizzat l-aċċess għall-iskema ta’ ċertifikati [ħodor] għal installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku [aħdar] li jinsabu barra mill-fruntieri” ( 59 ). |
124. |
Il-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika d-dritt nazzjonali u tinterpretah, tikkunsidra għalhekk, abbażi tax-xogħol preparatorju tal-liġi, li r-restrizzjoni territorjali tirrifletti l-istat tad-dritt pożittiv nazzjonali. Barra minn hekk, li kieku dan ma kienx il-każ, l-ewwel tliet domandi tagħha kienu jkunu ta’ natura ipotetika. |
125. |
Permezz tal-aħħar domanda tagħha, hija għalhekk tfittex, finalment, li tikseb validazzjoni tal-metodu ta’ interpretazzjoni teleoloġika li hija użat sabiex tiddetermina l-kontenut tad-dritt pożittiv tagħha stess. |
126. |
Issa l-Qorti tal-Ġustizzja, li ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-funzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali ( 60 ), ma tistax tistħarreġ il-metodu ta’ interpretazzjoni ta’ din il-liġi użat mill-qorti nazzjonali. |
127. |
Għalhekk, jidhirli li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda li ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
V – Konklużjoni
128. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li r-risposta għad-domandi magħmula mill-Förvaltningsrätten i Linköping għandha tkun kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Għal skopijiet lingwistiċi ser nirreferi għal din l-enerġija bħala “enerġija ħadra”.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121.
( 4 ) ĠU L 140, p. 16.
( 5 ) Iktar ’il quddiem l-“elettriku aħdar”.
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211, u rettifika ĠU 2004, L 16, p. 74).
( 7 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2003”.
( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011”.
( 9 ) Id-Direttiva 2009/28 ġiet integrata fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), kif adattat permezz tal-Protokoll li aġġusta dan il-ftehim (ĠU 1994, L 1, p. 572), permezz tad-Deċiżjoni Nru 162/2011 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, tad-9 ta’ Diċembru 2011, li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim taż-ŻEE (ĠU 2012, L 76, p. 49, u rettifika ĠU 2012, L 247, p. 16).
( 10 ) Iktar ’il quddiem “Ålands Vindkraft”.
( 11 ) Dawn l-iskemi jissemmew ukoll fl-aħħar sentenza tal-premessa 52 tad-Direttiva 2009/28.
( 12 ) Il-Gvern Svediż jirreferi għall-punt 3.1, p. 8 tad-dokument tax-xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija rinnovabbli: attriċi prinċipali fis-suq Ewropew tal-enerġija [SWD(2012) 164 finali]. Dan id-dokument huwa disponibbli biss bil-lingwa Ingliża.
( 13 ) Ara l-premessa 36 tal-imsemmija direttiva.
( 14 ) Idem.
( 15 ) Premessa 25 tad-Direttiva 2009/28.
( 16 ) Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.
( 17 ) Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Din tal-aħħar tawtorizza wkoll proġetti komuni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (Artikolu 9 tagħha).
( 18 ) Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/28.
( 19 ) Is-sitt sentenza tal-premessa 25 ta’ din id-direttiva.
( 20 ) Artikolu 15(9) tal-imsemmija direttiva.
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 56 tad-Direttiva 2009/28, li ssemmi li “[i]l-garanziji tal-oriġini waħedhom ma jagħtux dritt li wieħed jibbenefika minn skemi ta’ appoġġ nazzjonali”. Għalkemm l-użu tal-kondizzjonal, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, joħloq perplessità, sa fejn donnu jeskludi kull ċertezza, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw l-indikattiv preżent [ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Herkunftsnachweise begründen nicht an sich ein Recht auf Inanspruchnahme nationaler Förderregelungen”); Ingliża (“Guarantees of origin do not by themselves confer a right to benefit from national support schemes”), u Spanjola (“Las garantías de origen no confieren de por sí el derecho a acogerse a sistemas de apoyo nacionales”)].
( 22 ) Ara t-titolu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.
( 23 ) Ara l-punti 107 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq.
( 24 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.
( 25 ) L-Energimyndigheten tirreferi għall-punt 53 tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C-309/02, Ġabra p. I-11763).
( 26 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑216/11, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28). Ara wkoll, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir (C‑19/12, punt 34).
( 28 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C-97/09, Ġabra p. I-10465, punt 50).
( 29 ) Sentenza tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale (37/83, Ġabra p. 1229, punt 18).
( 30 ) Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze (16/65, Ġabra, p. 1081, 1094).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Strehl (62/76, Ġabra p. 211, punti 10 sa 17); tal-15 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères (145/79, Ġabra p. 2917, punt 6), u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie (C-457/05, Ġabra p. I-8075, punti 32 sa 39).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara p. 28, il-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar, ta’ dawn l-osservazzjonijiet fil-verżjoni tagħhom bil-Franċiż.
( 34 ) Punt 78.
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (103/84, Ġabra p. 1759), li tikklassifika għajnuna finanzjarja mogħtija lill-impriżi ta’ trasport pubbliku bil-kundizzjoni li huma jixtru vetturi ta’ produzzjoni nazzjonali bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.
( 36 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde (C-443/10, Ġabra p. I-9327), dwar leġiżlazzjoni Franċiża li tissuġġetta l-għoti ta’ bonus ekoloġiku għall-ittimbrar tal-kliem “vettura għal wiri” fuq l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur għall-wiri importata.
( 37 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (C-379/98, Ġabra p. I-2099).
( 38 ) ĠU L 211, p. 15.
( 39 ) ĠU L 211, p. 55.
( 40 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3.
( 41 ) Sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).
( 42 ) Dokument EUCO 2/1/11.
( 43 ) Dokument EUCO 156/12.
( 44 ) Ara l-punt 2(ċ) tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u 19 ta’ Ottubru 2012.
( 45 ) Artikolu 16(2)(b) ta’ din id-direttiva.
( 46 ) Artikolu 15(7) ta’ din id-direttiva.
( 47 ) Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tal-imsemmija direttiva.
( 48 ) Premessa 56 tad-Direttiva 2009/28. Ara wkoll il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara s-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).
( 50 ) Fir-rigward tal-argumenti bbażati, minn naħa, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u, min-naħa l-oħra, fuq is-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, nirreferi għall-punti 105 u 106 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Essent Belgium, iċċitata iktar ’il fuq.
( 51 ) C (2013) 7243 finali.
( 52 ) Paġni 18 u 19.
( 53 ) Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tawtorizza lill-Unjoni tadotta, fil-kuntest tal-politika tal-ambjent, “miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija”.
( 54 ) Korsiv miżjud minni.
( 55 ) 4/79, Ġabra p. 2823.
( 56 ) 109/79, Ġabra p. 2883.
( 57 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos (C-228/99, Ġabra p. I-8401, punti 35 u 36); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C-333/07, Ġabra p. I-10807, punti 121 u 122); u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punti 93 u 94).
( 58 ) Ara l-punt 46 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 59 ) Idem. Ara wkoll il-punt 24 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li ssemmi li “it-test il-ġdid tal-liġi lanqas ma jippermetti l-ħruġ ta’ ċertifikati [ħodor] lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-assenza ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Finlandja”, kif ukoll il-punt 23 ta’ din id-deċiżjoni, li jispjega l-kontenut tax-xogħol preparatorju.
( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Logstor ROR Polska (C-212/10, Ġabra p. I-5453, punt 30).