KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑571/12

SIA Greencarrier Freight Services Latvia

vs

Valsts ieņēmumu dienests

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja)]

“Unjoni doganali — Kodiċi Doganali — Artikoli 70, 78, 221 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali — Eżami parzjali tal-merkanzija — Estensjoni tar-riżultati tal-verifiki għal merkanzija identika inkluża f’dikjarazzjonijiet oħrajn — Ammissibbiltà — Eżami wara r-rilaxx — Impossibbiltà li jintalab eżami supplimentari — Terminu ta’ preskrizzjoni — Ċertezza legali”

I – Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, imressaq mill-Augstākās tiesas Senāts (Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja), iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar kemm l-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu r-riżultati tal-eżami ta’ dikjarazzjonijiet doganali mwettqa fuq kampjuni meħuda minn merkanzija msemmija fihom għal dikjarazzjonijiet preċedenti li jirrigwardaw merkanzija apparentement identika li minnha ma kienx ittieħed u ma jistax jittieħed kampjun.

2.

Din il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA Greencarrier Freight Services Latvia (iktar ’il quddiem “GFSL”), kumpannija b’responsabbiltà limitata skont il-liġi tal-Latvja, li timporta mir-Russja, f’isem il-kumpannija SIA “Hantas”, gallettini u ċikkulata għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, lill-awtoritajiet fiskali tal-Latvja.

3.

B’mod partikolari, matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2007, dawn l-awtoritajiet wettqu eżami tad-dazju mħallas minn SIA Hantas bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 fuq il-bażi ta’ 35 dikjarazzjoni doganali mimlija minn GFSL, li kellha titqies li hija d-debitriċi jekk jinħoloq dejn doganali. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet fiskali tal-Latvja għaddew biex ħadu u eżaminaw kampjuni minn sitt dikjarazzjonijiet doganali magħmula matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2005. Filwaqt li bbażaw ruħhom fuq ir-riżultati ta’ dan l-eżami, l-awtoritajiet fiskali osservaw li, f’29 dikjarazzjoni doganali ppreżentati bejn l-4 ta’ Ġunju 2004 u d-29 ta’ Novembru 2005, inklużi s-sitt dikjarazzjonijiet ikkontrollati, GFSL kienet iddikjarat il-merkanzija importata fl-Unjoni għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni skont kodiċi tan-nomenklatura magħquda għall-klassifikazzjoni fit-Tariffa Doganali Komuni (TARIC) li kienu inkorretti.

4.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, l-awtoritajiet fiskali infurmaw lil GFSL li kien inħoloq debitu doganali, iffissaw l-ammont tad-dazju, u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien ma’ imgħaxijiet minħabba d-dewmien, u imponew multa fuqha minħabba l-applikazzjoni inkorretta tal-kodiċi tan-nomenklatura magħquda.

5.

Sussegwentement għall-appell ta’ GFSL, din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2007.

6.

Wara li GFSL ppreżentat quddiemha rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, l-Administratīvā apgabaltiesa (Qorti Reġjonali tal-Appell Amministrattiv) iddeċidiet, b’sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, li, filwaqt li d-dazju, il-VAT u l-multa dwar il-merkanzija msemmija fis-sitt dikjarazzjonijiet ikkontrollati kienu ġew stabbiliti korrettement, għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2007 kellha, għall-kumplament, tiġi annullata għar-raġuni li l-awtoritajiet fiskali tal-Latvja, bi ksur tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kienu applikaw b’mod żbaljat ir-riżultati tal-eżami tal-merkanzija msemmija f’dawk is-sitt dikjarazzjonijiet għall-merkanzija koperta minn 23 dikjarazzjoni oħra magħmula bejn l-4 ta’ Ġunju 2004 u s-6 ta’ Settembru 2005, jiġifieri merkanzija importata iktar minn sena qabel il-merkanzija ikkontrollata. Billi l-awtoritajiet fiskali tal-Latvja ma setgħux jistabbilixxu li l-kodiċi inkorretti kienu ġew applikati għall-merkanzija inkwistjoni, GFSL xejn ma hija obbligata li tipprovdi provi dwar il-karatteristiċi oġġettivi ta’ din il-merkanzija, u dan iktar u iktar għaliex ma għadx għandha l-possibbiltà li tippermetti li jsir eżami ta’ din il-merkanzija.

7.

Kemm l-awtoritajiet fiskali tal-Latvja kif ukoll il-GFSL kienu ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

8.

Quddiem din il-qorti, l-awtoritajiet fiskali argumentaw li l-merkanzija msemmija fit-23 dikjarazzjoni doganali oħra kienet identika għal dik imsemmija fis-sitt dikjarazzjonijiet ikkontrollati, billi kellha l-istess kompożizzjoni, l-istess denominazzjoni, l-istess dehra u l-istess manifattur, kif huwa pprovat mill-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikati pprovduti mill-GFSL. Għaldaqstant l-amministrazzjoni tal-Latvja għandha jkollha l-possibbiltà, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li ma tivverifikax il-kumplament tal-merkanzija u li tapplika r-riżultati tal-identifikazzjoni għall-merkanzija oħra identika, billi l-GFSL kienet obbligata, min-naħa tagħha, li tipproduċi provi tad-differenza bejn il-merkanzija.

9.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-imsemmija riżultati kienu ġew applikati għal merkanzija msemmija fid-dikjarazzjonijiet preċedenti b’iktar minn sena d-dikjarazzjonijiet li dwarhom kienu ttieħdu kampjuni. Issa, fl-opinjoni tal-GFSL, ma kienx ser ikun oġġettivament possibbli li l-merkanzija li kienet issemmiet f’dawn id-dikjarazzjonijiet tiġi ssuġġettata għal eżami wara t-tranżitu doganali, lanqas li jiġi eżerċitat id-dritt li jintalab eżami supplimentari.

10.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(1) [tal-Kodiċi Doganali] jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati tal-eżaminazzjoni ta’ parti mill-merkanzija msemmija f’dikjarazzjoni jistgħu jiġu estiżi għal merkanzija msemmija f’dikjarazzjonijiet oħrajn preċedenti, li fil-konfront tagħhom ma saret ebda eżaminazzjoni parzjali, iżda li kienu ġew iddikjarati taħt l-istess kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, li kienu jipprovjenu mingħand l-istess manifattur u li, skont l-informazzjoni mniżżla fiċ-ċertifikati tal-imsemmi manifattur, id-denominazzjoni u l-kompożizzjoni tagħhom kienu identiċi għal dawk tal-merkanziji msemmija fid-dikjarazzjoni u li kienu ttieħdu kampjuni tagħhom bil-għan li ssir eżaminazzjoni parzjali tagħhom?

Fi kliem ieħor:

Il-kunċett ta’ ‘dikjarazzjoni’ skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(1) [tal-Kodiċi Doganali], jinkludi wkoll id-dikjarazzjonijiet [li jirrigwardaw merkanzija] li ma ttieħidx kampjun tagħha, iżda li fihom ġiet iddikjarata merkanzija identika (il-merkanzija ġiet iddikjarata taħt l-istess kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kienet provjenti mill-istess manifattur, u d-denominazzjoni kif ukoll il-kompożizzjoni tal-merkanzija indikati fiċ-ċertifikati tal-manifattur kienu l-istess)?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: huwa ammissibbli li r-riżultati tal-eżaminazzjoni parzjali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(1) [tal-Kodiċi Doganali] jiġu estiżi għal dikjarazzjonijiet li għalihom id-dikjarant, għal raġunijiet oġġettivi, ma jinsabx f’pożizzjoni li jitlob eżaminazzjoni supplimentari abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) għaliex ma għandux il-possibbiltà li jissuġġetta l-merkanzija għal kontroll skont l-Artikolu 78(2) tal-istess [Kodiċi]?”

11.

GFSL, il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Latvja u tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet interessati, ħlief il-Gvern ta’ Spanja u tar-Repubblika Ċeka, kienu attendew għas-seduta li nżammet fit-2 ta’ Ottubru 2013.

II – Analiżi

A – Fuq l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali

12.

Fiż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali, billi marġinalment tagħmel riferiment għall-Artikolu 78 tal-imsemmi Kodiċi fit-tieni domanda.

13.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament irrikonoxxiet ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali, meta jressqu rinviju preliminari quddiemha, li jevalwaw, b’mod partikolari, ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu, madankollu, sabiex hija tkun tista’ tipprovdi risposta utli lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li tingħata minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom l-imsemmija qorti titlob l-interpretazzjoni u fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-imsemmija tilwima ( 3 ).

14.

Għar-raġunijiet li ser jiġu spjegati iktar ’il quddiem, ma naħsibx li, f’dan il-każ, id-domandi preliminari qegħdin fil-perikolu li jkollhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.

15.

Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali esposti mill-qorti tar-rinviju, ir-rilevanza ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tidher diskutibbli kif fl-aħħar mill-aħħar jargumenta l-Gvern ta’ Spanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

16.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni li tinsab fit-taqsima tal-Kodiċi Doganali li tirreferi għal “Proċedura Normali” tal-eżami tad-dikjarazzjonijiet doganali, tipprovdi li, “[f]ejn parti biss mill-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni tkun eżaminata, ir-riżultati ta’ l-eżami parzjali għandhom jittieħdu bħala li jgħoddu għall-merkanzija kollha koperta b’dik id-dikjarazzjoni ( 4 )”.

17.

Għaldaqstant l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali jirregola, kif sostnew korrettement il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Repubblika Ċeka fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-eżami, imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, tad-dikjarazzjonijiet doganali qabel ir-rilaxx tal-merkanzija billi tawtorizza estrapolazzjoni tar-riżultati ta’ tali eżami fuq parti tal-merkanzija koperta b’dikjarazzjoni waħda għall-merkanzija kollha ta’ dik l-istess dikjarazzjoni.

18.

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għall-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali iżda li ispiraw direttament dan l-artikolu, li l-kontestazzjoni minn operatur tar-rappreżentattività ta’ kampjun magħżul mill-awtoritajiet doganali ma għandhiex tkun illimitata u għandha fil-prinċipju tiġi fit-tmiem meta l-awtoritajiet jagħtu r-rilaxx tal-merkanzija kkonċernata ( 5 ).

19.

Issa, iċ-ċirkustanzi fattwali esposti mill-qorti tar-rinviju jiffurmaw parti, minn naħa, minn eżami wara r-rilaxx mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Latvja tad-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li lkoll jirreferu għal merkanzija li tagħha kien diġà ngħata r-rilaxx qabel u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estrapolazzjoni tal-eżami ta’ merkanzija msemmija fis-sitt dikjarazzjonijiet għal merkanzija li kienet koperta bi 23 dikjarazzjoni preċedenti oħra u mhux l-estrapolazzjoni tal-eżami parzjali ta’ merkanzija tal-istess dikjarazzjoni, billi din l-aħħar ipoteżi hija l-unika waħda li tissemma mill-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali.

20.

Għalhekk, risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jidhirli li ftit tista’ tkun ta’ għajnuna lill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ħlief, sempliċement sabiex tindika li l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali ma jirregolax is-sitwazzjoni ta’ eżami wara r-rilaxx ta’ merkanzija wara l-għoti tar-rilaxx u ma tippermettix l-estrapolazzjoni tal-eżami ta’ merkanzija msemmija minn diversi dikjarazzjonijiet doganali għal merkanzija, anki identika, li kienet koperta b’dikjarazzjonijiet doganali preċedenti oħra.

21.

Tali risposta ma hijiex ikkonfermata biss mill-kliem tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali imma tikkorrispondi wkoll mal-istruttura ta’ dan il-kodiċi.

22.

Fil-fatt, l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali jifforma parti mill-erba’ taqsimiet prinċipali tal-proċedura unika dwar dikjarazzjoni doganali waħda u li twassal għad-deċiżjoni ta’ rilaxx jew le tal-merkanzija taħt is-sistema doganali kkonċernata, li huma: a) il-preżentata tad-dikjarazzjoni doganali (Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali); b) l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali (Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi); c) id-dritt tal-verifika tad-dikjarazzjoni doganali, inkluż il-possibbli eżami tal-merkanzija u l-istabbiliment tal-konsegwenzi possibbli għal tali eżami (Artikoli 68 sa 72 tal-kodiċi), u d) id-deċiżjoni ta’ rilaxx jew le tal-merkanzija (Artikoli 73 sa 75 tal-kodiċi). Fejn id-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet ivverifikata, kif jidher li probabbilment ġara fil-każ tad-dikjarazzjonijiet inizjali ta’ GFSL, l-Artikolu 71(1) tal-kodiċi jipprovdi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi wara l-istqarrijiet tad-dikjarazzjoni, filwaqt li l-Artikolu 73 ta’ dan l-istess kodiċi jindika li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu r-rilaxx tal-merkanzija għall-merkanzija kollha koperta bl-istess dikjarazzjoni.

23.

B’hekk, l-istruttura tal-Kodiċi Doganali tikkonferma, fl-opinjoni tiegħi li l-eżami previst fl-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali għandu bħala għan biss il-verifika ta’ parti mill-merkanzija ta’ dikjarazzjoni waħda qabel ma tiġi rrilaxxata l-merkanzija, verifika li b’hekk ma tistax isseħħ wara l-imsemmi rilaxx u fejn ir-riżultati ma jistgħux jiġu estrapolati minn dikjarazzjonijiet oħra preċedenti.

24.

Billi l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali ma jirregolax is-sitwazzjoni ta’ eżami wara r-rilaxx ta’ merkanzija wara l-għoti tar-rilaxx u ma jippermettix l-estrapolazzjoni tal-eżami ta’ merkanzija msemmija minn diversi dikjarazzjonijiet doganali għal merkanzija, anki identika, li hija koperta minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti oħra, isegwi li ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda li tressqet mill-qorti tar-rinviju, li saret biss f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel waħda mid-domandi tagħha.

25.

Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ fatt previst mill-qorti tar-rinviju li tinvoka, kif diġà għedt, eżami wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet doganali ta’ GFSL, kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, hija din id-dispożizzjoni li jidher li kellha tiġi applikata fil-kawża prinċipali u li tagħha l-interpretazzjoni tista’ tipprovdi ċerta utilità lill-qorti tar-rinviju, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar, bħala qorti ta’ kassazzjoni, tista’ madankollu tkun limitata fl-istħarriġ tagħha bl-evalwazzjoni u l-bażi legali li fuqhom ibbażat ruħha l-qorti nazzjonali li kontra s-sentenza tagħha ġie ppreżentat appell.

26.

B’din ir-riżerva ta’ natura proċedurali, li, jekk hemm bżonn, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tikkunsidraha u bl-għan li jingħataw lilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni utli sabiex tkun tista’ ssolvi l-problema ġuridika mressqa quddiemha ( 6 ), l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jirrikjedi mingħandi l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

B – Fuq l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali

27.

L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jinsab fit-taqsima “C. Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx” tal-Kodiċi Doganali u jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu, li “[l]-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija”.

28.

Il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jippreċiża li dawn l-awtoritajiet “jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta”.

29.

Fl-aħħarnett, l-Artikolu 78(3) tal-kodiċi jindika li “[f]ejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom”.

30.

Infakkar ukoll li ma jinsab xejn ekwivalenti għal dan l-artikolu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet tippreċedi l-Kodiċi Doganali u għaldaqstant huwa permissibbli li jiġi preżunt li huwa ġie introdott għaliex kienet ġiet ikkonstatata lakuna fis-sistema preċedenti, fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrealizza li kien neċessarju li jipprovdi għall-possibbiltà ta’ korrezzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali anki wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija ( 7 ).

31.

F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-awtoritajiet doganali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, diġà rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jipproċedu għal tali eżamijiet wara r-rilaxx tal-merkanzija u sabiex jirrevedu d-dikjarazzjoni jew id-dikjarazzjonijiet li jkunu s-suġġett tal-imsemmija eżamijiet, kemm ex ufficio kif ukoll fuq talba tad-dikjarant, inkluż fil-każ fejn ma jkunx jista’ jsir eżami fiżiku fuq il-merkanzija kkonċernata ( 8 ).

32.

Din il-kawża lanqas ma tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-frażi, użata fl-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, “informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa” fid-dikjarazzjonijiet doganali inizjali li jista’ jkun li ġew ikkonstatati mill-awtoritajiet doganali waqt l-eżamijiet tagħhom wara r-rilaxx u tar-reviżjoni tal-imsemmija dikjarazzjonijiet ( 9 ).

33.

Għall-kuntrarju, l-argumenti kienu kkonċentrati fuq tliet aspetti oħra li għandhom komuni bejniethom dak li jikkonċernaw il-portata tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali u li jistgħu jiġu riassunti bil-mistoqsijiet li ġejjin: a) L-eżami wara r-rilaxx u r-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni jistgħu jiġu estiżi għal dikjarazzjonijiet oħrajn?; b) Jekk dan huwa l-każ, l-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet hija limitata għall-merkanzija identika biss?; c) L-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali hija limitata fiż-żmien b’mod li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jirrevedu d-dikjarazzjonijiet doganali b’mod indefinit?

1. Fuq il-prinċipju tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet wara r-rilaxx ta’ ċerti dikjarazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet oħrajn, inkluż dawk preċedenti

34.

Għal żmien twil, l-irrevokabbiltà tad-dikjarazzjonijiet doganali kienet ikkunsidrata bħala prinċipju intanġibbli tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni ( 10 ). Mingħajr ma dan il-prinċipju jiġi kkontestat, ir-rigorożità tiegħu ġiet madankollu gradwalment imtaffija, bil-Kodiċi Doganali tammetti li dikjarazzjoni tista’, qabel l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija u fiċ-ċirkustanzi li hija tipprovdi għalihom, tkun is-suġġett ta’ rettifika fuq talba tad-dikjarant (ara l-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali) u, wara l-aċċettazzjoni tar-rilaxx, tiġi rriveduta, skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ( 11 ).

35.

Għaldaqstant l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-irrevokabbiltà tad-dikjarazzjonijiet doganali ( 12 ) u għandu, fil-fehma tiegħi, minħabba f’hekk jirċievi interpretazzjoni stretta.

36.

Anki mill-qari biss tal-kliem tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi kkonstatat li ma tissemma l-ebda estrapolazzjoni tal-eżamijiet wara r-rilaxx imwettqa mill-awtoritajiet doganali fuq ċerti dikjarazzjonijiet doganali għal dikjarazzjonijiet oħrajn, b’mod partikolari għad-dikjarazzjonijiet doganali li saru preċedentement.

37.

Madankollu, ma jidhirx li din id-dispożizzjoni topponi li tali estrapolazzjoni titwettaq mill-awtoritajiet doganali fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Kodiċi Doganali.

38.

Fil-fatt, sa fejn, minn naħa, l-awtoritajiet doganali ġeneralment ma jipproċedux b’eżamijiet minn qabel peress li dan ikun ifisser li “formalitajiet u kontrolli doganali għandhom jiġu aboliti jew għall-inqas jinżammu f’livell minimu ( 13 )” sabiex jiffavorixxu l-ħeffa tal-operazzjonijiet kummerċjali minħabba “l-importanza kbira ferm ( 14 )” li għandu l-kummerċ estern għall-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, dawn l-istess awtoritajiet għandhom ikollhom il-possibbiltà li jestendu l-eżami sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali ( 15 ), jidhirli li huwa indispensabbli li jkun permess lilhom kemm ex ufficio, kif ukoll fuq talba tad-dikjarant, li jestendu r-riżultati ta’ eżamijiet wara r-rilaxx li jsiru fuq merkanzija ta’ dikjarazzjoni doganali għal merkanzija identika li kienet is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet doganali oħra u għaldaqstant, jekk ikun hemm bżonn, li jirrevedu l-imsemmija dikjarazzjonijiet kollha.

39.

Ir-rikonoxximent ta’ tali latitudini lill-awtoritajiet doganali jiżgura bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni doganali u d-drittijiet tad-dikjaranti.

40.

Fil-fatt, jekk ir-reviżjoni turi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali kkonċernata ġew applikati fuq il-bażi ta’ elementi ineżatti u inkompleti, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni billi jikkunsidraw l-elementi ġodda li għandhom. Issa, skont il-ġurisprudenza, b’mod partikolari fejn talba għal reviżjoni ssir mid-dikjarant, jekk din ir-reviżjoni turi li d-dazju mħallas fuq l-importazzjoni kien iktar minn dak legalment dovut, il-miżura neċessarja sabiex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni tista’ tikkonsisti biss fir-rimbors tal-ammont imħallas żejjed jew il-maħfra ta’ dawk id-dazji ( 16 ). Għaldaqstant, jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, ikun pprojbit lill-awtoritajiet doganali li jestendu r-riżultati tal-eżamijiet wara r-rilaxx tagħhom fuq ċerti dikjarazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet oħrajn, tali projbizzjoni tista’ twassal għal arrikkiment indebitu ta’ dawn l-awtoritajiet jekk dawn ir-riżultati juru ħlas żejjed lill-amministrazzjoni. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, dawn l-awtoritajiet ma humiex ser ikunu jistgħu jissodisfaw pjenament l-obbligu tagħhom li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tad-dikjarant, fid-dawl tal-informazzjoni ġdida li huma ser ikollhom, bi ksur tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali.

41.

Tali argument għandu japplika wkoll fil-każ fejn l-eżamijiet wara r-rilaxx jistgħu jwasslu għal reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali li r-riżultat tagħhom jista’ jwassal għal komunikazzjoni ta’ dejn doganali ġdid konsistenti fiż-żieda tad-dazju inizjalment imħallas.

42.

Fil-fatt, id-deċiżjoni li jsiru tali eżamijiet, inkluż ex ufficio, ma twassalx neċessarjament għar-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni doganali waħda jew iktar u a fortiori għal korrezzjoni tad-dazju mħallas inizjalment, jiena ma narax kif l-awtoritajiet doganali jistgħu jkunu awtorizzati biss ex ante sabiex jipproċedu bil-kundizzjoni li r-riżultat ikun favorevoli għad-dikjarant.

43.

Barra minn hekk, jekk il-kompetenzi tal-awtoritajiet doganali jkunu limitati b’dan il-mod, ikun hemm raġuni għaliex wieħed jaħseb li dawn l-awtoritajiet ikunu mġiegħla jżidu u jintensifikaw l-eżamijiet a priori tad-dikjarazzjonijiet doganali, li jkun inkompatibbli mal-għan tal-Kodiċi Doganali li jiggarantixxi l-proċeduri b’ħeffa u effettivi tal-moviment ħieles tal-merkanzija importata fl-Unjoni ( 17 ).

44.

F’dan il-kuntest, l-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet doganali li jipproċedu għal eżamijiet wara r-rilaxx fuq il-bażi ta’ kampjuni ta’ merkanzija u għal estrapolazzjoni adegwata tar-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet tidher ukoll konformi kemm mar-riżorsi limitati li jgawdu dawn l-awtoritajiet kif ukoll mal-liġi tal-probabbiltà u l-amministrazzjoni tar-riskji ( 18 ).

45.

Madankollu, il-latitudini tal-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma tistax tkun bla limitu.

2. Fuq in-natura identika tal-merkanzija kkonċernata bl-estrapolazzjoni tal- eżamijiet wara r-rilaxx

46.

Qabelxejn, kif korrettement jinnotaw il-GFSL u l-Gvern ta’ Spanja, din l-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet wara r-rilaxx hija leġittima biss jekk il-merkanzija li ma tkunx ġiet issuġġettata għal eżamijiet hija identika għal dik li tkun ġiet ikkontrollata, jiġifieri li hija kollha tkun ikklassifikata taħt l-istess subtitolu tan-nomenklatura tat-tariffa. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, differenzi bejn il-merkanzija li ma jkollhom l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-imsemmija merkanzija ma għandhom ikollhom l-ebda effett.

47.

Jekk, fuq il-livell tal-prinċipju, il-kundizzjoni rigward in-natura identika tal-merkanzija ma hijiex is-suġġett ta’ kontroversja, għall-kuntrarju, is-sodisfazzjon tagħha fil-kawża prinċipali ssib oppożizzjoni qawwija mill-GFSL, billi din issostni li l-awtoritajiet doganali ma kinux urew li l-merkanzija msemmija mid-dikjarazzjonijiet doganali li ma kinux ġew issuġġettati għal eżamijiet wara r-rilaxx kienet effettivament identika għal dawk tas-sitt dikjarazzjonijiet li kienu ġew issuġġettati għall-imsemmija eżamijiet.

48.

Ma huwiex ċar jekk il-kwistjoni tal-identità tal-merkanzija ġietx definittivament deċiża fil-kawża prinċipali, problema ta’ natura fattwali li f’kull każ ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċidiha fil-kuntest tal-kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

49.

Huwa fatt li, bħala qorti tal-aħħar istanza, sabiex tifformula d-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-premessa preċiża li l-identità tal-merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali tikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet wara r-rilaxx imwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali.

50.

Inżid, għall-finijiet prattiċi kollha, li ma għandu jkun hemm ebda dubju li l-oneru tal-prova tal-identità tal-imsemmija merkanzija, kwistjoni diskussa wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taqa’ fuq il-parti li tixtieq tipprevalixxi ruħha minn dik l-identità għall-għanijiet tar-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet, jiġifieri l-awtoritajiet doganali.

51.

F’każ illi, bħal fil-kawża prinċipali, il-merkanzija ma tistax tiġi issuġġettata għal ispezzjoni fiżika, dawn l-awtoritajiet għandhom id-dritt, skont l-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali, li jibbażaw ruħhom fuq il-provi dokumentarji kollha li huma jistgħu jkunu ġabru u li jsostnu din l-identità.

52.

Ikkonfrontat b’dawn il-provi, id-dikjarant li jixtieq jikkontesta l-identità tal-merkanzija adottata mill-awtoritajiet doganali għandu d-dritt li jikkontesta l-pożizzjoni tagħhom b’kull mezz ta’ prova u li jkollu r-rimedji sabiex jagħmel dan.

3. Fuq il-limiti ratione temporis tal-eżamijiet wara r-rilaxx

53.

Fid-dawl tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet interessati ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni fuq l-eżistenza ta’ possibbli limiti ratione temporis fuq id-dritt tal-awtoritajiet doganali li jirrevedu d-dikjarazzjonijiet doganali a posteriori, bis-saħħa tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari fid-dawl tas-silenzju ta’ din id-dispożizzjoni dwar possibbli terminu ta’ preskrizzjoni.

54.

Filwaqt li l-GFSL sempliċement issostni li r-reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjonijiet doganali preċedenti għal dik li tkun is-suġġett tal-eżamijiet mill-awtoritajiet doganali hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Gvern tal-Latvja u l-Kummissjoni esponew pożizzjoni iktar artikolata.

55.

Fil-fehma ta’ din tal-aħħar, ir-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni doganali ma tistax isseħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin wara li tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni inizjali. Il-fissazzjoni ta’ tali terminu għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi Doganali, li, essenzjalment, jipprovdu li d-dikjaranti għandhom obbligu li jżommu d-dokumenti relevanti biss għal perijodu ta’ tliet snin mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx effettiv, kif ukoll dawk tal-Artikolu 221(3) tal-istess kodiċi li jipprovdu li l-komunikazzjoni ta’ dejn doganali ma tistax issir wara l-għeluq ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha jkun ġie inkors. F’dan il-każ, dan il-perijodu għandu jitqies li ġie osservat għaliex il-komunikazzjoni tad-dejn doganali ġdid wara l-eżamijiet wara r-rilaxx imwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Latvja kienet intbagħtet fil-31 ta’ Mejju 2007, filwaqt li l-ewwel dikjarazzjonijiet inizjali kkonċernati kienu ddatati l-4 ta’ Ġunju 2004.

56.

Filwaqt li jaqbel ma’ din it-teżi, il-Gvern tal-Latvja ammetta li tista’ tiġi proposta wkoll teżi oħra fis-sens li jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni fl-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, għandhom ikunu l-Istati Membri li jimlew din il-lakuna. F’dan ir-rigward, ir-rappreżentant tal-Gvern tal-Latvja indika li r-Repubblika tal-Latvja tirrikjedi li r-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni doganali li tkun segwita minn dikjarazzjoni doganali ġdida ma tistax issir wara l-għeluq ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data tad-dikjarazzjoni inizjali. Dan il-perijodu għandu jitqies li huwa raġonevoli u jiggarantixxi bilanċ bejn l-obbligi tal-amministrazzjoni doganali u d-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi.

57.

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma jipprovdix għal terminu ta’ preskrizzjoni li warajh ma tistax issir reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali.

58.

Tali silenzju jista’ jinftiehem sa fejn il-konsegwenzi ta’ reviżjoni a posteriori ma joperawx sistematikament bi ħsara għad-dikjarant. Fil-fatt, kif diġà nnotajt, jista’ jkun dan tal-aħħar li jkun ta bidu għal tali reviżjoni a posteriori li twassal finalment għal tnaqqis tad-dazju inizjalment imħallas.

59.

Bil-kuntrarju, meta r-reviżjoni a posteriori tista’ twassal għaż-żieda tad-dazju inizjalment imħallas, iċ-ċertezza legali tad-dikjaranti għandha tiġi ppreżervata, għaliex dan il-prinċipju jirrikjedi li s-sitwazzjoni tal-individwi, b’mod partikolari fil-konfront tal-awtoritajiet fiskali jew doganali, ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit ( 19 ).

60.

Dan il-kliem jippermetti li jiġi kkonstatat li, finalment, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali, hija inqas il-proċedura ta’ reviżjoni a posteriori fiha nnifisha li għandha tiġi suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni milli l-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali bil-għan li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jippreċiża li tali miżuri għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali biss “skond kull dispożizzjoni stipulata”.

61.

Issa, din il-perspettiva, kif essenzjalment jindikaw kemm il-Gvern tal-Latvja kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali jiggarantixxi li, fejn reviżjoni a posteriori tista’ twassal għal komunikazzjoni ġdida ta’ dejn doganali, din ma tistax issir jekk id-dejn doganali jkun ġie inkors iktar minn tliet snin qabel id-data li fiha l-awtoritajiet doganali jibagħtu jew iġiegħlu li tintbagħat komunikazzjoni ġdida lid-dikjarant. Fil-fatt, wara dan il-perijodu ta’ tliet snin, id-dejn huwa preskritt u għalhekk jintemm, fis-sens tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali ( 20 ).

62.

Anki fil-każ fejn id-dejn doganali jintemm u fejn komunikazzjoni ġdida lid-debitur ma hijiex iktar possibbli, il-fatt li reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali bħala tali ma tkunx issuġġettata għal terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jippreżenta ċerti vantaġġi. Fil-fatt, kif argumenta l-Gvern tal-Latvja fis-seduta, l-aċċettazzjoni li tista’ ssir tali reviżjoni ser tippreżerva effett utli għall-futur, fil-każ fejn id-dikjarant ikollu l-intenzjoni li jimporta merkanzija identika fit-territorju tal-Unjoni.

63.

Madankollu, is-silenzju tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali fir-rigward tal-iffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni li lil hinn minnu ma tistax issir ir-reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali, ma jostakolax lill-Istati Membri milli jissuġġettaw din il-proċedura għal tali terminu. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jimlew tali silenzju ma jidhirlix li għandha tiġi kkontestata, għaliex il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni ma hijiex iffurmata biss mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali jew dawk adottati għall-applikazzjoni tagħha fil-livell tal-Unjoni, imma wkoll, kif jipprovdi l-Artikolu 1 ta’ dak il-kodiċi, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu fuq il-livell nazzjonali ( 21 ).

64.

F’dan ir-rigward, il-Gvern tal-Latvja indika, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-Repubblika tal-Latvja kienet issuġġettat il-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jirrevedu a posteriori tad-dikjarazzjonijiet doganali għal perijodu massimu ta’ tliet snin mid-data tad-dikjarazzjoni inizjali, perijodu li huwa analogu għal dak stabbilit għall-komunikazzjoni lid-debitur tad-dejn doganali. Mir-riċerki li għamilt, din hija wkoll is-sitwazzjoni fl-Italja ( 22 ).

65.

Jekk, fil-kawża prinċipali, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni tal-Latvja effettivament tissuġġettax ir-reviżjoni a posteriori għall-osservanza ta’ tali perijodu, l-imsemmija reviżjoni (kif ukoll il-komunikazzjoni tad-debitu doganali li qed jintalab) tidher, skont l-informazzjoni pprovduta mill-imsemmija qorti kif ukoll mill-partijiet interessati fis-seduta, li saret in osservanza tal-imsemmi perijodu (kif ukoll, għall-komunikazzjoni tad-dejn doganali, ta’ dak ta’ tliet snin stabbilit bl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali) għad-dikjarazzjonijiet kollha li għalihom ġew estiżi r-riżultati tal- eżamijiet wara r-rilaxx. Fil-fatt, skont il-proċess, l-ewwel waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet saret fl-4 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali tal-Latvja li għarrfet lid-dikjarant bir-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet ikkonċernati u li kkomunikat id-dejn doganali ġdid kienet intbagħtet fil-31 ta’ Mejju 2007.

66.

L-għażla ta’ Stat Membru li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għar-reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali tidher raġonevoli u koerenti ma’ dak applikabbli għall-komunikazzjoni tad-dejn doganali stabbilit bl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali ( 23 ). Hija tippermetti wkoll li l-prinċipju tal-irrevokabbiltà tad-dikjarazzjonijiet doganali ma jkunx affettwat iktar milli meħtieġ.

67.

L-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni differenti skont l-Istati Membri jew il-koeżistenza tagħhom mal-assenza ta’ iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni fi Stati Membri oħra jistgħu madankollu jalteraw l-applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali fl-Unjoni.

68.

Il-konsegwenzi mhux mixtieqa ta’ dawn id-differenzi jistgħu jittaffew bl-adozzjoni ta’ miżuri adegwati fil-livell tal-Unjoni, kemm mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll, jekk meħtieġ, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 247 u 247a tal-Kodiċi Doganali ( 24 ).

69.

Min-naħa l-oħra, iffaċċjat bis-silenzju tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, u tal-kompetenza residwa tal-Istati Membri, ma naħsibx li l-qorti tal-Unjoni tista’ tissostitwixxi lilha nnifisha għal-leġiżlatur tal-Unjoni billi b’mod pretorjan tintroduċi terminu ta’ preskrizzjoni determinat. Daqstant ieħor ma tistax, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni doganali, tistħarreġ in-natura raġonevoli tat-termini ta’ preskrizzjoni stabbiliti mill-Istati Membri sabiex timla s-silenzju tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

70.

F’dan ir-rigward, u anki jekk ma huwiex ċert li każ bħal dan jista’ jippreżenta ruħu, tali stħarriġ jista’ jsir fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għar-reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali li jkun inqas mill-perijodu ta’ tliet snin applikabbli għall-komunikazzjoni tad-dejn doganali, skont l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

71.

Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, ikollu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni ta’ reviżjoni a posteriori tad-dikjarazzjonijiet doganali f’perijodu ta’ tliet snin hijiex fil-fatt ser twassal sabiex tipprojbixxi lill-awtoritajiet doganali milli jirkupraw dejn doganali, kollu jew in parti, li ġie inkors qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin indikat fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, li jista’ wkoll ikollu konsegwenzi ta’ preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

72.

Hekk ukoll, iċ-ċirkustanza li Stat Membru ma jkunx iffissa terminu ta’ dekadenza preċiż li lil hinn minnu l-awtoritajiet doganali ma jistgħux iktar jirrevedu a posteriori dikjarazzjoni doganali ma għandhiex twassal sabiex jinkiser it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit bl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali. Kif indikajt iktar ’il fuq, tali reviżjoni a posteriori tista’ possibbilment ikollha effetti għall-futur biss, fil-każ fejn id-dikjarant għandu l-ħsieb li jimporta merkanzija identika fit-territorju tal-Unjoni.

73.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li mar-risposta proposta dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali, jiżdied li l-Artikolu 78 ta’ dak il-kodiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jopponix li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jestendu r-riżultati ta’ eżamijiet wara r-rilaxx imwettqa fuq dikjarazzjonijiet doganali għal dikjarazzjonijiet doganali oħra, inkluż dawk preċedenti, suġġett għall-kundizzjoni li l-merkanzija kkonċernata minn dawn id-dikjarazzjonijiet kollha tkun identika u mingħajr ma r-reviżjoni a posteriori tal-imsemmija dikjarazzjonijiet tista’ tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet li jinjoraw it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-komunikazzjoni lid-debitur tad-dejn doganali, skont l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikaha.

III – Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw dawn ir-risposti għad-domandi preliminari rrinvijati mill-Augstākās tiesas Senāts:

“1)

L-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ma jirregolax is-sitwazzjoni ta’ eżami wara r-rilaxx ta’ merkanzija wara l-għoti tar-rilaxx u ma jippermettix l-estrapolazzjoni tal-eżami ta’ merkanzija msemmija minn diversi dikjarazzjonijiet doganali għal merkanzija, anki identika, li kienet imsemmija f’dikjarazzjonijiet doganali oħrajn preċedenti.

2)

L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jopponix li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jestendu r-riżultati ta’ eżamijiet wara r-rilaxx imwettqa fuq dikjarazzjonijiet doganali għal dikjarazzjonijiet doganali oħrajn, inkluż dawk preċedenti, suġġett għall-kundizzjoni li l-merkanzija kkonċernata f’dawn id-dikjarazzjonijiet kollha tkun identika u mingħajr ma r-reviżjoni a posteriori tal-imsemmija dikjarazzjonijiet tista’ tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet li jinjoraw it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-komunikazzjoni lid-debitur tad-debitu doganali, skont l-Artikolu 221(3) tal-imsemmi Regolament, ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifikaha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kienu ġew emendati diversi drabi, imma dawn l-emendi huma irrilevanti għal din il-kawża. Għandu jiġi nnotat ukoll li r-Regolament Nru 2913/92 kien ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 450/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1), li huwa applikabbli biss mill-24 ta’ Ġunju 2013.

( 3 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tas-17 ta’ Settembru 2009, Investitionsbank Sachsen-Anhalt (C‑404/08 u C‑409/08, punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Enfasi miżjuda minni.

( 5 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Derudder (C-290/01, Ġabra p. I-2041, punt 43).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gülbahce (C‑268/11, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, punt 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2002, Overland Footwear (C-379/00, Ġabra p. I-11133). Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha (ara l-punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx neċessarju li hija tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali.

( 8 ) Ara, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Südzucker et, (C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, punt 48), u, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reviżjoni anki fl-assenza ta’ ispezzjoni fiżika tal-merkanzija, is-sentenzi Südzucker et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50), u tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et (C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, punt 66).

( 9 ) Għall-għanijiet prattiċi kollha, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-frażi tkopri fl-istess waqt kemm l-iżbalji jew nuqqasijiet materjali kif ukoll l-iżbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Terex Equipment et (C-430/08 u C-431/08, Ġabra p. I-321, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, C.J. Berr u H. Trémeau, Le droit douanier communautaire et national, 6 Edizzjoni, Economica, Paris, 2004, p. 179.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear (C-468/03, Ġabra p. I-8937, punt 64).

( 12 ) Ara l-punt 33 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq.

( 13 ) Ara s-sitt premessa tal-Kodiċi Doganali.

( 14 ) Ibid.

( 15 ) Ara l-ħames premessa tal-Kodiċi Doganali.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Overland Footwear (punt 53) u Terex Equipment et (punt 63). Din il-maħfra hija rregolata bl-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali: ara s-sentenza Terex Equipment et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Derudder, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-eżami wara r-rilaxx mill-awtoritajiet nazzjonali tal-merkanzija (ċanga) li jkunu wasslu għal talbiet għal rimbors għall-esportazzjoni mogħtija lil operatur ekonomiku, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, HMIL (C-436/98, Ġabra p. I-10555, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom (C‑294/11, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C-201/04, Ġabra p. I-2049, punti 40 u 41), u tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium (C-264/08, Ġabra p. I-731, punt 43).

( 21 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward ta’ kawża dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali li jillimita għal tliet snin ir-rimbors tad-dazju doganali li ma huwiex legalment dovut, li, irrispettivament mill-kwistjoni jekk perijodu ta’ dekadenza raġonevoli huwiex impost mid-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, l-iffissar ta’ tali perijodu jimmilita favur iċ-ċertezza legali u għalhekk ma jipprekludix l-eżerċizzju, mill-akkużat, tad-drittijiet mogħtija mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni: Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD (C‑533/10, punt 23).

( 22 ) Ara l-Artikolu 11(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 374/90, tat-8 ta’ Novembru 1990, li jippreċiża: “[l]a revisione (dell’accertamento divenuto definitivo) e’ eseguita d’ufficio, ovvero quando l’operatore interessato ne abbia fatta richiesta con istanza presentata, a pena di decadenza, entro il termine di tre anni dalla data in cui l’accertamento e divenuto definitivo”. Ara wkoll, A. De Cicco, Legislazione e tecnica doganale, G. Giappichelli Editore, Torino, 2003, p. 524.

( 23 ) Kif ukoll dak applikabbli għat-talbiet għal rimbors ta’ dazji ta’ importazzjoni li ma humiex legalment dovuti, skont l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali.

( 24 ) Dan jirrigwarda l-proċedura msejħa “ta’ regolamentazzjoni”, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali għall-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tal-kodiċi.