KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-13 ta’ Novembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑546/12 P

Ralf Schräder

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO)

u

Jørn Hansson

“Appell — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fi proċedimenti ta’ annullament — Investigazzjoni ex officio tal-fatti — Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94”

1. 

F’dan l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑242/09 ( 2 ) R. Schräder jikkontesta d-deċiżjoni tagħha li ċaħdet l-azzjoni tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (iktar ’il quddiem “il-Bord”) tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (iktar ’il quddiem is-“CPVO” jew l-“Uffiċċju”) tat-23 ta’ Jannar 2009 li tikkonċerna applikazzjoni għall-annullament tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta (iktar ’il quddiem is-“CPVR”) mogħti lill-varjetà LEMON SYMPHONY ta’ Osteospermum ecklonis ( 3 ).

2. 

Fil-qosor, l-isfond tal-litigazzjoni huwa kif ġej. Fil-5 ta’ Settembru 1996, J. Hansson (l-intervenjenti fil-proċedimenti quddiem is-CPVO) issottometta applikazzjoni lis-CPVO għal CPVR għal LEMON SYMPHONY. Is-CPVO talab lill-Bundessortenamt (Uffiċċju tal-Varjetajiet tal-Pjanti tal-Ġermanja Federali) biex jagħmel l-eżami tekniku meħtieġ. Biex jagħmel hekk il-Bundessortenamt talab “20 pjanta żgħira ta’ kwalità tajba li titqiegħed fis-suq, la mirquma u lanqas ittrattata bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir”. J. Hansson bagħat il-materjal tal-pjanti mitlub fl-10 ta’ Jannar 1997. L-espert responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tekniku kiteb lis-CPVO fit-termini li ġejjin: “Skont il-punt II(2) tal-protokoll tekniku tas-CPVO għal testijiet ta’ distintività, uniformità u stabbiltà (iktar ’il quddiem ‘DUS’), b’dan ngħarrfek li l-materjal ta’ propagazzjoni tal-varjetà msemmija fl-intestatura tas-suġġett li ntbagħatli huwa magħmul minn pjanti biż-żahar maħsuba sabiex jinbiegħu li kienu ttrattati bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir u mirquma. Għalhekk hemm riskju li l-eżami tekniku ma jagħmilx progress b’mod sodisfaċenti”. Madankollu l-eżami tekniku sussegwentement kien sar (iktar ’il quddiem “l-eżami tekniku tal-1997”), għalkemm il-Qorti Ġenerali nnotat fis-sentenza appellata li l-Bundessortenamt ma setax jikkonferma jekk kienx sar direttament fuq il-materjal tal-pjanti mibgħut minn J. Hansson jew fuq tirqid miksub minn dan il-materjal. Il-Bundessortenamt sussegwentement ħejja rapport tal-eżami li miegħu kien hemm mehmuża deskrizzjoni uffiċjali ta’ LEMON SYMPHONY bħala anness, li kienet turi li l-karatteristika “dehra ta’ zkuk” kienet espressa bħala “wieqfa” ( 4 ).

3. 

Is-CPVR għal LEMON SYMPHONY ingħata fis-6 ta’ April 1999.

4. 

Fis-26 ta’ Novembru 2001 R. Schräder issottometta applikazzjoni għal CPVR għall-varjetà SUMOST 01 ta’ Osteospermum ecklonis ( 5 ). L-eżami tekniku wera li SUMOST 01 ma kinitx distinta mill-varjetà LEMON SYMPHONY. Għalhekk l-applikazzjoni ta’ R. Schräder ma rnexxietx. Sabiex isegwi t-talba tiegħu għal protezzjoni għal SUMOST 01 R. Schräder sussegwentement ippreżenta għadd ta’ applikazzjonijiet bil-għan li jaqleb id-deċiżjoni li jingħata CPVR għal LEMON SYMPHONY. Fil-proċedura amministrattiva u fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, R. Schräder sostna li dan is-CPVR kellu jiġi ddikjarat null u bla effett. Il-każ tiegħu huwa essenzjalment li l-eżami tekniku tal-1997 kien invalidu minħabba li l-materjal użat għall-finijiet ta’ dan l-eżami kien difettuż. Jargumenta li LEMON SYMPHONY qatt ma kienet eżistiet fl-għamla riprodotta fid-deskrizzjoni uffiċjali mdaħħla fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti fl-1997.

5. 

R. Schräder isostni li l-eżami tekniku tal-1997 kien difettuż għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, kien ittieħed tirqid mill-pjanti mibgħuta lill-Bundessortenamt u dan it-tirqid intuża fit-testijiet minflok il-materjal mibgħut minn J. Hansson (id-detentur tas-CPVR għal LEMON SYMPHONY). It-tieni nett, il-materjal ittestjat kien magħmul minn pjanti biż-żahar li kienu ttrattati bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir. It-tielet nett, kien hemm differenzi mid-deskrizzjoni ta’ LEMON SYMPHONY li kienet prodotta fil-Ġappun. Ir-raba’ nett, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 ( 6 ), varjetà ma tkunx distinta jekk ma tkunx distingwibbli b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew minn taħlita ta’ ġenotipi; ma tista’ ssir ebda distintività fejn l-espressjoni tal-karatteristiċi misjuba tirriżulta minn trattament mekkaniku u trattament bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir.

6. 

R. Schräder issa jressaq sitt aggravji.

7. 

Fil-fehma tiegħi l-ewwel aggravju biss — li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, biex b’hekk kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu, meta ddeċidiet li l-Bord ma kienx suġġett għal obbligu li jinvestiga l-fatti ex officio — jiżvela punt veru ta’ liġi; u dan l-aggravju huwa infondat għar-raġunijiet li jiena ser nippreżenta iktar ’l isfel.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Drittijiet fundamentali

8.

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 7 ) jiggarantixxi d-dritt ta’ persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet tal-UE.

9.

L-Artikolu 47 tal-Karta jagħti d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

Ir-Regolament (KE) Nru 2100/94

10.

Ir-Regolament Bażiku jistabbilixxi sistema (li teżisti flimkien ma’ sistemi nazzjonali) għall-għoti ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għal varjetajiet ta’ pjanti li jkunu validi mal-Unjoni Ewropea kollha ( 8 ). Is-CPVO twaqqaf sabiex jiġi implementat ir-Regolament ( 9 ). Varjetajiet tal-ġenera u tal-ispeċi botaniċi kollha, inklużi, fost oħrajn, ibridi bejn ġenera u speċi, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ CPVR ( 10 ). Sabiex tikseb protezzjoni, varjetà għandha tkun distinta, uniformi, stabbli u ġdida ( 11 ). Id-detentur ta’ CPVR igawdi d-dritt esklużiv li jwettaq jew jawtorizza l-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) ( 12 ). CPVR jista’ jinkiseb wara l-preżentata ta’ applikazzjoni; il-kundizzjonijiet li jirregolaw dan il-proċess huma stabbiliti fil-Kapitolu I tar-Regolament. Is-CPVO huwa responsabbli sabiex jagħmel eżami formali, sostantiv u tekniku tal-applikazzjoni ( 13 ).

11.

L-Artikolu 7(1) jgħid: “Varjetà [għandha titqies] li [hija] distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull [varjetà] oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data ta’ l-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 51” ( 14 ). Skont l-Artikolu 7(2) l-eżistenza ta’ varjetà oħra tkun “fatt li jafu kulħadd” meta (a) kienet is-suġġett ta’ dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti jew kienet inkluża f’reġistru uffiċjali ta’ varjetajiet ta’ pjanti, fil-Komunità jew f’xi Stat, jew f’xi organizzazzjoni intergovernattiva bil-kompetenza rilevanti; jew meta (b) tkun saret applikazzjoni għall-għoti ta’ CPVR jew għall-inklużjoni tiegħu f’tali reġistru uffiċjali, sakemm fil-frattemp din l-applikazzjoni tkun wasslet għall-għoti jew għall-inklużjoni.

12.

Varjetà titqies li hija “stabbli” jekk, inter alia, l-espressjoni tal-karatteristiċi inklużi fl-eżami għad-distintività tibqa’ mhux mibdula wara propagazzjoni repetuta ( 15 ).

13.

L-Artikolu 20 (“Annullament tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”) jgħid:

“1.   L-Uffiċċju għandu jiddikjara d-dritt tal-Komunita tal-varjetajiet ta’ pjanti null u bla effett jekk jiġi stabbilit:

(a)

li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 jew 10 ma kienux imħarsa fiż-żmien tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti;

[…]

2.   Meta d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti ikun ġie dikjarat null u bla effett, għandu jiġi meqjus li ma jkun qatt kellu, mill-bidu nett, l-effetti speċifikati f’dan ir-Regolament.”

14.

Il-kundizzjonijiet għat-tħassir ta’ CPVR jinsabu fl-Artikolu 21.

15.

Id-deċiżjonijiet tas-CPVO għandhom ikollhom magħhom dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew provi li fir-rigward tagħhom il-partijiet fil-proċedimenti kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti orali jew bil-miktub tagħhom ( 16 ).

16.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali fir-Regolament, is-CPVO għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali li huma ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri ( 17 ).

17.

Jista’ jsir appell quddiem il-Bordijiet ta’ Appell minn deċiżjonijiet tas-CPVO meħuda skont, inter alia, l-Artikoli 20 u 21 ( 18 ).

18.

L-Artikolu 76 jgħid: “Fi proċeduri quddiemu l-Uffiċċju għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu, sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55. Għandu jiskarta fatti jew bċejjeċ ta’ xiehda li ma jkunux intbagħtu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju”.

19.

Is-CPVO jista’, ex officio u b’konsultazzjoni mad-detentur, jadatta d-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà dwar in-numru u t-tip ta’ karatteristiċi jew dwar l-espressjonijiet speċifikati ta’ dawn il-karatteristiċi ( 19 ).

20.

Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tas-CPVO ( 20 ).

21.

L-Artikolu 73(1) jagħti d-dritt li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bord. Tali kawża tista’ tkun ibbażata biss fuq il-motivi limitati stabbiliti fl-Artikolu 73(2) ( 21 ).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95

22.

Ir-Regolament Nru 1239/95 ( 22 ) fih regoli dettaljati għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Bażiku. L-Artikolu 51 jgħid li għajr jekk ipprovdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għandhom japplikaw għall-proċedimenti tal-appell mutatis mutandis.

Il-proċedimenti amministrattivi

23.

Spjega sħiħa tal-proċedimenti amministrattivi quddiem il-kumitat rilevanti tas-CPVO u l-Bord tal-Appell tinsab fil-punti 5 sa 78 tas-sentenza appellata. Fil-qosor, il-pożizzjoni hija kif ġej.

24.

Fis-27 ta’ Ottubru 2003, J. Hansson (bħala detentur ta’ drittijiet għal LEMON SYMPHONY) ippreżenta oġġezzjoni bil-miktub fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ R. Schräder (tas-26 ta’ Novembru 2001) għal CPVR għal SUMOST 01 ( 23 ). B’deċiżjoni tad-19 ta Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut”), l-Uffiċċju laqa’ l-oġġezzjonijiet tiegħu u rrifjuta l-applikazzjoni ta’ R. Schräder, essenzjalment għar-raġuni li SUMOST 01 ma kinitx distingwibbli b’mod ċar minn LEMON SYMPHONY u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament, għalhekk, ma kinux issodisfatti.

25.

Imbagħad, fis-26 ta’ Ottubru 2004, R. Schräder ippreżenta applikazzjoni għat-tħassir tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta li qabel kien ingħata għal LEMON SYMPHONY, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament, għar-raġuni li l-karatteristiċi użati għad-deskrizzjoni tal-varjetà, inklużi dawk evalwati fl-eżami għad-distintività, ma kinux stabbli u, għalhekk, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9. B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2007, is-CPVO għarraf lil R. Schräder li l-kumitat kompetenti kien iddeċieda li l-kundizzjonijiet għat-tħassir skont l-Artikolu 21 tar-Regolament ma kinux issodisfatti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad it-tħassir”).

26.

Fis-7 ta’ Diċembru 2004, is-CPVO ddeċieda li jagħmel verifika teknika sabiex jara jekk LEMON SYMPHONY kinitx baqgħet teżisti fl-istess għamla. Fl-14 ta’ Settembru 2005, il-Bundessortenamt ħejja rapport tal-eżami u kkonkluda li l-varjetà kellha tibqa’ teżisti. Deskrizzjoni ġdida ta’ LEMON SYMPHONY, bid-data tal-istess jum, kienet annessa ma’ dan ir-rapport, u minn din id-deskrizzjoni jidher, inter alia, li l-karatteristika “dehra ta’ zkuk” issa kienet espressa bħala “nofsha wieqfa għal orizzontali”. B’ittra lil J. Hansson tal-25 ta’ Awwissu 2006, is-CPVO ppropona li jadatta d-deskrizzjoni uffiċjali ta’ LEMON SYMPHONY inkluża fir-Reġistru fl-1997 għad-deskrizzjoni l-ġdida tal-14 ta’ Settembru 2005. Is-CPVO kien tal-fehma li adattament bħal dan kien meħtieġ, l-ewwel nett, minħabba l-progress magħmul fit-tkabbir tal-pjanti mill-eżami tekniku tal-1997 lil hawn u, it-tieni nett, minħabba li wara l-emenda tal-Linji gwida tat-testijiet fl-2001, id-differenza fil-punti għall-karatteristika “dehra ta’ zkuk” setgħet tiġi spjegata mill-fatt li ma kienx hemm varjetà ta’ paragun fit-“Tabella ta’ Karatteristiċi VI” użata fl-1997 u li LEMON SYMPHONY kienet l-iktar varjetà wieqfa matul dik is-sena. Barra minn dan, kien hemm żieda sinjifikattiva fl-għadd ta’ varjetajiet tal-ispeċi tal-Osteospermum ecklonis mill-1997 lil hawn u l-Linji gwida tat-testijiet kienu emendati parzjalment, billi kien meħtieġ li l-livelli ta’ espressjoni jiġu adattati.

27.

J. Hansson aċċetta din il-proposta b’ittra tat-22 ta’ Settembru 2006. B’ittra tat-18 ta’ April 2007, is-CPVO għarraf lil J. Hansson bid-deċiżjoni tiegħu li jadatta, ex officio, id-deskrizzjoni uffiċjali ta’ LEMON SYMPHONY skont l-Artikolu 87(4) tar-Regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ adattament”). Fil-21 ta’ Mejju 2007, l-Uffiċċju għarraf lil R. Schräder bid-deċiżjoni dwar l-adattament tad-deskrizzjoni u s-sostituzzjoni tad-deskrizzjoni uffiċjali ta’ LEMON SYMPHONY inkluża fir-Reġistru tad-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti fl-1997 b’dik tal-2005.

28.

R. Schräder appella d-deċiżjoni ta’ rifjut, id-deċiżjoni li tiċħad it-tħassir u d-deċiżjoni ta’ adattament quddiem il-Bord tal-Appell ( 24 ). Ebda wieħed mit-tliet appelli tiegħu ma kellu eżitu pożittiv.

29.

Fil-11 ta’ April 2007, R. Schräder ippreżenta applikazzjoni għall-annullament tas-CPVR mogħti lil LEMON SYMPHONY. B’ittra tas-26 ta’ Settembru 2007 is-CPVO ċaħad din l-applikazzjoni. Kien ippreżentat appell quddiem il-Bord fid-19 ta’ Ottubru 2007 ( 25 ).

30.

Fit-23 ta’ Jannar 2009, il-Bord ma laqax l-appell għax kien bla bażi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ annullament”). Il-Bord sab dan li ġej. L-ewwel nett, il-Bundessortenamt kien għarraf lis-CPVO dwar riskju li l-eżami seta’ ma kienx affidabbli jekk kien użat il-materjal ipprovdut (pjanti biż-żahar li kienu ttrattati bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir), iżda kien ingħata l-parir li jkompli bl-eżami u biex jieħu tirqid minn dak il-materjal. It-tieni nett, hija prattika komuni li l-varjetajiet kollha minn tirqid użati f’eżami jiġu ppropagati, u jittieħdu fl-istess waqt biex ikun żgurat li l-materjal kollu jkollu l-istess żmien fiżjoloġiku. It-tielet nett, il-kwistjoni ta’ trattament kimiku ma kinitx sempliċi daqskemm sostna li kienet R. Schräder ( 26 ). Ir-raba’ nett, seta’ jiġi konkluż b’mod ġustifikat li trattament bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir ma kellux influwenza fuq l-eżami. It-tip ta’ prodott li jirregola t-tkabbir użat matul il-propagazzjoni, normalment ma jkollux effett fit-tul minħabba li l-eżami mill-ġdid li jsir wara t-tkabbir tal-pjanta jkun jeħtieġlu iktar bexx bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir (il-Bord ipprefera l-informazzjoni mogħtija minn J. Hansson f’dan ir-rigward). Il-ħames nett, dak li qal R. Schräder li l-varjetajiet kollha ta’ riferiment imsemmija fil-Linji gwida kienu magħrufa fl-1997 kien irrilevanti. Is-sitt nett, il-varjetà LEMON SYMPHONY, li nkisbet minn tidkir ġeneriku bejn l-ispeċijiet Osteospermum u Dimorphotheca, bħala tali hija unika, mhux biss minħabba l-karatteristiċi morfoloġiċi tagħha , iżda wkoll minħabba l-perijodu tagħha li fih twarrad il-ħin kollu, li huwa itwal minn dak tal-varjetajiet Osteospermum ta’ bħalissa. Fid-dawl tan-natura unika ta’ LEMON SYMPHONY, ma kienx possibbli jinstabu, għall-eżami magħmul mill-Bundessortenamt fl-1997, varjetajiet ta’ riferiment li magħhom hija setgħet titqabbel.

31.

B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2009, R. Schräder għamel sensiela ta’ kritika u oġġezzjonijiet kemm dwar il-minuti kif ukoll dwar kif tmexxiet is-seduta li saret fit-23 ta’ Jannar 2009. Quddiem il-Qorti Ġenerali, R. Schräder offra li jipproduċi provi sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu ( 27 ).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

32.

R. Schräder ressaq erba’ azzjonijiet separati fil-Qorti Ġenerali sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Bord ( 28 ). F’kull kawża huwa talab l-annullament tad-deċiżjoni rilevanti u l-ispejjeż mingħand is-CPVO. L-erba’ kawżi kollha tgħaqqdu għall-finijiet tas-sentenza.

33.

Il-Qorti Ġenerali nnotat li l-ewwel tliet kawżi magħquda (T‑133/08, T‑134/08 u T‑177/08) kellhom rabta mill-qrib bejniethom u kienu jiddependu mill-Kawża T‑242/09, dwar il-proċeduri ta’ annullament. Għalhekk, dik il-kawża tqieset l-ewwel.

34.

R. Schräder ressaq erba’ motivi. L-ewwel tlieta allegaw ksur tar-Regolament Bażiku: (i) tal-Artikolu 76 (eżami tal-fatti mill-Uffiċċju ex officio) u tal-Artikolu 81 (applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali rikonoxxuti fl-Istati Membri); (ii) tal-Artikolu 7 (kundizzjonijiet għad-distintività ta’ varjetà) u tal-Artikolu 20 (annullament ta’ CPVR); u (iii) tal-Artikolu 75 (obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet). Ir-raba’ motiv allega ksur tal-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (regoli dwar il-minuti tal-proċedimenti orali u tat-teħid tax-xhieda).

35.

Il-Qorti Ġenerali sabet li r-rikors fil-Kawża T‑242/09 kien infondat. Hija għalhekk ċaħdet dan ir-rikors b’sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012.

36.

Fil-Kawżi T‑133/08, T‑134/08 u T‑177/08 il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi fuq il-bażi tal-motiv li jallega ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li jikkonċerna t-taħrika għall-proċedimenti orali quddiem is-CPVO u d-dritt għal smigħ. Għalhekk hija annullat id-deċiżjonijiet tal-Bord dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut, id-deċiżjoni li tiċħad it-tħassir u d-deċiżjoni ta’ adattament.

L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37.

R. Schräder jitlob li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn tikkonċerna d-deċiżjoni fil-Kawża T‑242/09, li tintlaqa’ l-applikazzjoni tiegħu għall-annullament tas-CPVR għal LEMON SYMPHONY u li tingħata deċiżjoni favur tiegħu fir-rigward tal-ispejjeż tiegħu fl-erba’ settijiet ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

38.

Is-sitt aggravji ta’ R. Schräder jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord ma setax jaġixxi ex officio fi proċedimenti ta’ annullament. Meta għamlet dan il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova quddiem il-Bord — għalhekk, jirriżulta li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tistħarreġ u kisret id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta sabet li parti ma hijiex intitolata għal miżuri istruttorji fil-proċedimenti quddiem il-Bord jekk ma tkunx ressqet mill-inqas prova prima facie fir-rigward ta’ dak li tkun qiegħda ssostni f’applikazzjoni bħal din u, f’dan id-dawl, kisret ir-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova. Barra minn dan, anki jekk wieħed jassumi li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant fi proċedimenti ta’ annullament quddiem il-Bord, il-Qorti Ġenerali ċaħħditu mid-dritt għal smigħ tiegħu u żnaturat il-fatti u l-provi. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat fatt (il-prattika ta’ propagazzjoni ta’ kampjuni ta’ testijiet minn tirqid) bħala li kien “magħruf b’mod ġenerali” meta (fil-fehma tiegħu) dak il-fatt kien żbaljat. F’dan id-dawl hija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tistħarreġ u żnaturat il-fatti u l-provi. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li huwa ma kien ipproduċa ebda prova sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-effett tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir. F’dan id-dawl, l-appellanti jinvoka n-natura kontradittorja tas-sentenza u assenza ta’ motivazzjoni. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord. Il-ħames nett, id-dikjarazzjoni li l-karatteristika “dehra taz-zkuk” ta’ varjetà ta’ Osteospermum ma kinitx inkluża fl-eżami tal-karattru distintiv tal-varjetà tikser l-Artikoli 7 u 20 tar-Regolament Bażiku. Din hija twessigħ indebitu tas-suġġett tal-kawża, u meta għamlet hekk il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio aspett li ma kienx ġie diskuss mill-partijiet u li ma kienx kwistjoni ta’ ordni pubbliku. Is-sitt nett, R. Schräder jikkontesta d-dikjarazzjoni li d-“dehra taz-zkuk” ta’ varjetà ta’ Osteospermum tista’ tiġi ddeterminata fil-konfront ta’ pjanti oħra suġġetti għall-eżami korrispondenti. Dikjarazzjoni bħal din twassal għal żnaturament tal-fatti, għal ksur tar-Regolament, għal twessigħ indebitu tas-suġġett tal-kawża u għan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li twettaq l-obbligu tagħha li tistħarreġ kompletament il-legalità. Għaldaqstant, is-sentenza hija vvizzjata b’kontradizzjonijiet.

39.

Is-CPVO, sostnut minn J. Hansson (detentur ta’ drittijiet għal LEMON SYMPHONY, l-intervenjenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell), jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lil R. Schräder iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

Evalwazzjoni

L-ewwel aggravju: żball ta ’ liġi fid-deċiżjoni li l-Bord ma setax jaġixxi ex officio, u ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq

Siltiet rilevanti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali

40.

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 76 tar-Regolament Bażiku (dwar l-eżami tal-fatti mis-CPVO ex officio), fis-sens strett tal-kelma, ma japplikax għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ( 29 ). Ix-xogħol tal-Bord huwa biss li jiddeċiedi, wara applikazzjoni ta’ parti interessata, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tas-CPVO adottata skont l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament u li tirrifjuta li tiddikjara CPVR bħala null u bla effett għar-raġuni li din il-parti kienet naqset milli tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 jew 10 ta’ dan ir-Regolament ma kinux issodisfatti fiż-żmien meta s-CPVR kien ingħata ( 30 ). Minħabba li l-proċedimenti ta’ annullament ma kinux inbdew mis-CPVO ex officio, iżda wara l-applikazzjoni ta’ R. Schräder, l-Artikoli 76 u 81 moqrija flimkien mal-Artikolu 20 tar-Regolament iqiegħdu l-oneru fuq R. Schräder sabiex iġib prova li l-kundizzjonijiet għal din id-dikjarazzjoni ta’ nullità kienu ssodisfatti ( 31 ). Dawn l-arranġamenti dwar l-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda kienu differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk previsti mill-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ( 32 ). Id-differenza fir-regoli dwar il-provi tas-sistemi Komunitarji ta’ trade marks u ta’ varjetajiet ta’ pjanti tista’, iżda, tkun spjegata mill-fatt li, b’differenza mir-Regolament Nru 207/2009, ir-Regolament Bażiku ma jiddistingwix bejn raġunijiet assoluti u relattivi għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni. Ir-regoli tar-Regolament Bażiku kienu konsistenti ma’ dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 ( 33 ) dwar id-disinji u ma’ prinċipji ġenerali tad-dritt u regoli proċedurali applikabbli għall-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda, inter alia l-massima actori incumbit onus probandi ( 34 ). Għaldaqstant, l-ewwel motiv kellu jiġi miċħud bħala li kien ibbażat fuq il-premessa mhux korretta li l-oneru tal-prova kien jaqa’, f’dan il-każ, fuq is-CPVO bis-saħħa tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament Bażiku ( 35 ).

41.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad osservat li ma kienx jidher mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku li l-proċedimenti quddiem is-CPVO huma minnhom infushom purament investigattivi. B’mod partikolari, il-“prinċipju ta’ eżami ex officio” (stabbilit, fir-rigward tal-eżami tekniku, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 76) kellu jiġi rrikonċiljat mar-regola (stabbilita fit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu) li s-CPVO huwa meħtieġ li ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux ippreżentati fit-terminu preskritt minnu. Kien, għalhekk, għall-partijiet fil-proċedimenti quddiem is-CPVO li jissottomettu fit-terminu dovut il-fatti li kien fi ħsiebhom li l-Uffiċċju kellu jsib u jevalwa, billi jressqu l-provi li kienu jixtiequ li jkunu ammessi insostenn ta’ dawn il-fatti ( 36 ). Sakemm dawn id-dispożizzjonijiet kienu applikabbli għal proċedimenti ta’ appell minn deċiżjoni tas-CPVO meħuda skont l-Artikolu 20 tar-Regolament li tiċħad l-annullament tas-CPVR, kien, għalhekk, għall-parti li kienet qed titlob l-annullament li tressaq il-fatti u li tissottometti l-provi li, fil-fehma tagħha, kienu jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet li jannullaw is-CPVR kienu ssodisfatti. Il-Bord imbagħad kien meħtieġ li jeżamina sewwa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ, u li jiżgura konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt u mar-regoli proċedurali applikabbli li jirregolaw l-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda ( 37 ).

42.

Wara dan, il-Qorti Ġenerali qieset li R. Schräder essenzjalment kien qed jilmenta li l-Bord kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu esklużivament fuq il-verżjoni tal-fatti mressqa mis-CPVO u minn J. Hansson, mingħajr ma ġabar jew evalwa l-provi li huwa kien offra u, b’mod partikolari, mingħajr ma laqa’ t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja li kienet tikkonsisti f’opinjoni esperta sabiex jiġi stabbilit, inter alia, l-effett tal-prodotti li jirregolaw it-tkabbir ( 38 ). Il-Qorti Ġenerali qieset li t-talba ta’ R. Schräder ma setgħetx tintlaqa’ minħabba li ma kien offra ebda prova sabiex jiġġustifika miżuri bħal dawn ( 39 ).

43.

Il-Qorti Ġenerali sabet li matul il-fażi amministrattiva tal-proċedimenti, R. Schräder kien naqas milli jressaq kull informazzjoni rilevanti (bħal studju xjentifiku ad hoc, estratt minn pubblikazzjoni speċjalizzata, rapport espert magħmul fuq talba tiegħu jew anki sempliċi dikjarazzjoni ta’ espert botaniku jew ortikulturali) li setgħet tikkostitwixxi prima facie prova li ssostni t-teżi tiegħu (imtennija ħafna drabi iżda qatt ma ġiet issostanzjata, u kkontestata mill-partijiet l-oħra kollha fil-proċedimenti) li trattament kimiku u mekkaniku jew it-teħid ta’ tirqid bħal dak magħmul f’dan l-każ setgħu żnaturaw ir-riżultati tal-eżami tekniku tal-1997 ( 40 ). Barra minn dan, filwaqt li l-Bord ipprefera l-argumenti tas-CPVO u ta’ J. Hansson, huwa ma wasalx għal din il-konklużjoni “unilateralment u mingħajr verifika” (kif sostna R. Schräder), iżda billi straħ fuq dak li kien jaf u fuq il-kompetenza esperta tiegħu f’materji botaniċi, wara li eżamina, inter alia, jekk kienx għadu possibbli li LEMON SYMPHONY tkun deskritta fl-2005 b’riferiment għal-Linji gwida tat-testijiet tal-1997 u billi spjega r-raġunijiet għaliex kien biħsiebu jaċċetta l-argumenti tas-CPVO u ta’ J. Hansson minflok dawk ta’ R. Schräder ( 41 ).

44.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li R. Schräder ma kienx ġab provi sal-istandard legali meħtieġ li l-Bord kien kiser ir-regoli dwar l-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda ( 42 ). Meta għamel it-talba tiegħu, R. Schräder kien effettivament qed jitlob li jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi rilevanti ( 43 ).

45.

Il-Qorti Ġenerali għaddiet biex ma aċċettatx l-argumenti l-oħra ta’ R. Schräder li kkritikaw il-Bord li ma kienx wieġeb għall-argumenti tiegħu dwar kemm ma kienx affidabbli l-eżami tekniku tal-1997. L-ewwel nett, hija ddeċidiet li dak l-eżami tekniku kien sar fuq materjal adatt ta’ pjanti, jiġifieri t-tirqid oriġinarjament meħud mill-pjanti mibgħuta lill-Bundessortenamt minn J. Hansson. It-tieni nett, R. Schräder kien naqas milli jidentifika kull varjetà oħra ta’ pjanti li minnha LEMON SYMPHONY, anki jekk deskritta bħala li kellha dehra ta’ zkuk “nofsha wieqfa għal orizzontali”, ma kinitx distingwibbli b’mod ċar fl-1997. Din l-evalwazzjoni kienet konsistenti mal-argumenti prinċipali mressqa mis-CPVO u minn J. Hansson ( 44 ). B’hekk, anki jekk, kif sostna R. Schräder, l-eżami tekniku tal-1997 sab livell mhux korrett ta’ espressjoni dwar il-karatteristika “dehra ta’ zkuk” u kien imissu ġie attribwit livell differenti ta’ espressjoni mill-1997 ’il quddiem, dan ma kien ikollu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ LEMON SYMPHONY għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament, minħabba li din l-evalwazzjoni ma kinitx iddeterminata esklużivament, jekk xejn, b’riferiment għal din il-karatteristika ( 45 ). F’dan ir-rigward, id-deskrizzjoni adattata tal-2005 ta’ LEMON SYMPHONY kienet differenti mid-deskrizzjoni tal-1997 biss minħabba li bidlet il-karatteristika “dehra ta’ zkuk” minn“wieqfa” għal “nofsha wieqfa” ( 46 ). Barra minn dan, R. Schräder ma kienx stabbilixxa li l-effect ta’ din il-bidla kien li l-kriterju ta’ DUS ( 47 ) ma kienx tħares fl-1997. Għalhekk is-CPVR kien, f’kull każ, jingħata għal LEMON SYMPHONY ( 48 ). Barra minn dan, il-Bord espressament ma laqax dak li sostna R. Schräder fis-sens li, li kieku l-eżami ta’ SUMOST 01 kien sar bl-użu tad-deskrizzjoni tal-1997 ta’ LEMON SYMPHONY, iż-żewġ varjetajiet kienu jinstabu li kienu distinti b’mod ċar ( 49 ).

46.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li f’kull każ l-argument tekniku ta’ R. Schräder ma setax jirnexxi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi fid-deċiżjoni kkontestata, li kienu suġġetti għal stħarriġ limitat, u fid-dawl tal-argumenti bi tweġiba sottomessi mis-CPVO u minn J. Hansson ( 50 ). B’mod partikolari, il-fatt li l-materjal tal-pjanti mibgħut minn J. Hansson lill-Bundessortenamt ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-uffiċċju fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ Novembru 1996 ma kienx konklużiv ( 51 ).

47.

Fir-rigward tat-tilwima dwar il-karatteristika “dehra ta’ zkuk”, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-kwistjoni kienet jekk din il-karatteristika kellhiex tkun iddeterminata skont kriterji relattivi jew assoluti ( 52 ). Hija ma laqgħetx is-sottomissjonijiet ta’ R. Schräder u kkonkludiet, filwaqt li ċċitat l-ispjegazzjonijiet tal-Bundessortenamt, li l-karatteristika kellha tkun suġġetta għal evalwazzjoni relattiva u komparattiva bejn varjetajiet tal-istess speċi ( 53 ). Il-Qorti Ġenerali sabet li LEMON SYMPHONY kienet baqgħet eżattament l-istess bejn l-1997 u l-2005. Ma kienx hemm emenda materjali tad-deskrizzjoni li kienet taffettwa l-identità tal-varjetà, iżda biss emenda tat-termini oriġinarjament magħżula. Din l-emenda ma bidlitx l-identità tal-varjetà iżda biss għenet sabiex tkun deskritta b’mod iktar preċiż, b’mod partikolari billi stabbilixxiet il-limiti tagħha fil-konfront ta’ varjetajiet oħra tal-ispeċi ( 54 ). Fl-aħħar nett, meta waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali qieset ritratti tal-pjanti fil-fajl li kien ġej mill-proċeduri quddiem il-qrati Ġermaniżi ( 55 ).

L-argumenti tal-partijiet

48.

R. Schräder iressaq erba’ argumenti insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu. Huwa jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li fi proċedimenti ta’ annullament il-Bord ma jinvestigax il-fatti ex officio. Meta għamlet hekk hija: (i) kisret l-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni; (ii) żbaljat meta qieset li proċedimenti ta’ annullament kienu minnhom infushom kontradittorji ( 56 ); (iii) żnaturat il-fatti meta qalet li huwa kien argumenta li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq is-CPVO; u (iv) kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu meta rrifjutat li teżamina l-provi li kien offra fil-proċeduri quddiem dik il-Qorti.

49.

Is-CPVO jgħid li d-deskrizzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-proċedimenti amministrattivi quddiem il-Bord ma hijiex korretta fis-sens li l-Bord huwa intitolat jinvestiga l-fatti ex officio. Madankollu, is-CPVO jissottometti li l-ewwel aggravju huwa infondat u/jew inoperattiv; barra minn hekk, dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn R. Schräder jitlob eżami mill-ġdid tal-fatti.

50.

J. Hansson jaqbel mas-CPVO.

Analiżi

51.

Għall-eżami tal-ewwel aggravju ta’ R. Schräder jeħtieġ li jiġi interpretat l-Artikolu 76 tar-Regolament Bażiku. Proċedimenti bħal dawn huma minnhom infushom investigattivi jew kontradittorji; u l-parti li titlob annullament ikollha ġġorr l-oneru tal-prova? Il-partijiet jaqblu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Artikolu 76 tar-Regolament ma japplikax għal proċedimenti quddiem il-Bord.

52.

Jiena wkoll naqbel ma’ din il-fehma.

53.

Nibda billi nqis l-Artikolu 76 b’rabta mal-proċedimenti quddiem is-CPVO, qabel ma ngħaddi għall-Bord. Skont l-ewwel parti tal-Artikolu 76, is-CPVO għandu jagħmel investigazzjoni tal-fatti ex officio sa fejn dawn ikunu jikkonċernaw l-eżamijiet sostantivi u tekniċi ( 57 ). Għalhekk, meta, fi proċedimenti ta’ annullament jiġi sottomess li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 (dwar id-distintività ta’ varjetà ta’ pjanta) ma jkunux issodisfatti, l-Uffiċċju jkollu obbligu espliċitu li jinvestiga l-fatti.

54.

Huwa minnu li t-tieni parti tal-Artikolu 76 tgħid li l-partijiet ukoll għandhom rwol fis-sottomissjoni tal-provi, sa fejn is-CPVO għandu jiskarta fatti jew provi li ma jkunux intbagħtu fit-terminu rilevanti. Il-parti li titlob annullament għandha b’mod ċar rwol u dritt li tippreżenta l-provi sabiex issostni l-applikazzjoni tagħha ( 58 ).

55.

Madankollu, din il-formulazzjoni tfisser li s-CPVO ma jistax jieħu deċiżjoni biss abbażi tal-fatt li l-persuna li titlob annullament tkun naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova, u dan minħabba li għandu obbligu espliċitu li jinvestiga ex officio l-fatti li jikkonċernaw l-eżami tekniku.

56.

Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ( 59 ) jissuġġerixxu li l-proċedimenti minnhom infushom huma iktar investigattivi milli kontradittorji sa fejn l-Uffiċċju jidderiġi proċedimenti dwar it-teħid tax-xhieda u kif jiġu kkummissjonati rapporti esperti. B’kuntrast, fi proċess purament kontradittorju l-applikant iġorr l-oneru tal-prova sabiex jistabbilixxi l-każ tiegħu u l-konvenut ikollu juri li l-kundizzjonijiet li fuqhon id-difiża tkun ibbażata jkunu ssodisfatti.

57.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti quddiem is-CPVO japplikaw ukoll għall-Bord ( 60 ). Meta jiddeċiedi appell minn deċiżjoni tas-CPVO, il-Bord jista’ jeżerċita “kull setgħa li hemm fi ħdan il-kompetenza tal-Uffiċċju” ( 61 ). Għalhekk, minħabba li s-CPVO għandu diskrezzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ( 62 ) u għandu rwol ċar u stabbilit skont l-Artikolu 76 tar-Regolament sabiex jinvestiga l-fatti ex officio, b’mod partikolari relatati mal-eżami tekniku, mill-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 72 tar-Regolament u mill-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirriżulta li l-Artikolu 76 japplika mutatis mutandis għall-Bord.

58.

M’inix nissuġġerixxi li l-Bord għandu jitlob li jsir eżami tekniku għall-finijiet tal-Artikolu 55(1) kull meta jinġiebu proċedimenti ta’ annullament għar-raġuni li r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 dwar id-distintività ma jkunux issodisfatti. (Dan lanqas ma huwa l-każ ta’ R. Schräder. Huwa jqis li l-eżami tekniku tal-1997 kien invalidu u li, li kieku l-Bord kien investiga l-provi li kien hemm, dan kien inevitabbilment jasal għal din il-konklużjoni. Il-Bord ma laqax din il-fehma u l-Qorti Ġenerali kkonfermat dak li sab il-Bord.) Madankollu, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 76 tar-Regolament Bażiku bħala inapplikabbli għal proċedimenti quddiem il-Bord.

59.

B’dan premess, jiena naqbel mal-Qorti Ġenerali li, fir-rigward tas-CPVR, ma hemmx ekwivalenti għar-raġunijiet assoluti u relattivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Fi proċedimenti ta’ annullament ta’ CPVR il-punt rilevanti huwa (f’dan il-każ eżatt) jekk ikunux issodisfatti l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-distintività tal-varjetà skont l-Artikolu 7 tar-Regolament. Din l-investigazzjoni teħtieġ tagħrif tekniku u kompetenza esperta li għandu (l-Uffiċċju u) il-Bord tal-Appell sabiex issir l-evalwazzjoni meħtieġa. Dan il-proċess ma huwiex l-istess bħal dak irregolat mis-sistema Komunitarja dwar it-trade marks, li hija intiża li tistabbilixxi, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jekk il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jistax jipprova ċerti elementi, bħall-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Dawn il-kwistjonijiet ma jqumux fi proċedimenti ta’ annullament fil-kuntest tas-sistema tas-CPVR, bħal dawk fil-każ ineżami, fejn il-kwistjoni hija jekk, fiż-żmien li fih kien ingħata s-CPVR (fl-1999, abbażi tal-eżami tekniku tal-1997), LEMON SYMPHONY kinitx varjetà distinta ( 63 ). F’dan ir-rigward is-sottomissjonijiet ta’ R. Schräder dwar id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 huma irrilevanti.

60.

Il-Qorti Ġenerali tirreferi wkoll għall-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fehma tiegħi dan ukoll jipprovdi qafas differenti minn dak tas-CPVR u, għalhekk, ma jimpunjax is-sentenza appellata. L-ewwel nett, l-Artikolu 63(1) jistabbilixxi regola ġenerali li fi proċedimenti dwar disinn l-UASI għandu jeżamina l-fatti ex officio. Din ir-regola hija kkwalifikata fir-rigward tal-proċedimenti ta’ invalidità, fejn l-UASI huwa ristrett li jeżamina l-fatti u l-provi mressqa mill-partijiet. Dan joħroġ mill-fatt li proċedimenti bħal dawn ma jistgħux jinbdew mill-UASI nnifsu skont ir-Regolament Nru 6/2002 ( 64 ). Ma hemmx ekwivalenti għal dan ir-rekwiżit fir-rigward tal-proċedimenti ta’ annullament skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku.

61.

Barra minn dan, R. Schräder huwa korrett meta jikkritika d-deskrizzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-motiv tiegħu huwa bbażat fuq il-premessa li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq is-CPVO. Din id-dikjarazzjoni ma hijiex ikkonfermata mid-deskrizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-każ tiegħu fil-punt 105 tas-sentenza tagħha. Iżda l-iżball tal-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxix żnaturament tal-fatti ( 65 ). Din ma hijiex konstatazzjoni tal-fatti iżda hija pjuttost deskrizzjoni inkorretta tal-motiv tiegħu. Għalhekk hija irrilevanti għall-validità tas-sentenza appellata.

62.

Id-drittijiet fundamentali ta’ R. Schräder għal amministrazzjoni tajba u għal smigħ xieraq inkisru minħabba dawn l-iżbalji?

63.

Il-każ ta’ R. Schräder quddiem il-Qorti Ġenerali kien li l-Bord kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu esklużivament fuq il-fatti mressqa mis-CPVO u minn J. Hansson. R. Schräder sostna li l-Bord kien imissu ġabar il-provi ex officio u mbagħad evalwa l-provi li huwa kien ressaq, b’mod partikolari dwar l-allegazzjoni tiegħu li l-eżami tekniku tal-1997 kien irrimedjabbilment difettuż minħabba li (i) l-pjanti ttestjati kienu ġew minn tirqid ittrattat bi prodotti li jirregolaw it-tkabbir; u (ii) trattament bħal dak ma “skadiex” matul il-perijodu tal-eżami.

64.

R. Schräder argumenta li, meta għamel hekk, il-Bord kiser id-drittijiet fundamentali li dak kollu li jirrigwardah jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust (Artikolu 41 tal-Karta) u għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47 tal-Karta). Issa huwa jissottometti li meta waslet għad-deċiżjoni tagħha l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-Bord kienx eżamina sewwa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-każ. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa dawk il-fatti li ma kinux investigati biżżejjed mill-Bord; hija sempliċement ikkonfermat l-iżnaturament tal-fatti mwettaq preċedentement minn dak it-tribunal. Li kieku l-Qorti Ġenerali ma għamlitx dawn l-iżbalji hija kienet tiddeċiedi li l-Bord kien kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu meta wasal għad-deċiżjoni tiegħu. Meta għamlet dawn l-iżbalji l-Qorti Ġenerali nfisha kisret id-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.

65.

Ma naċċettax is-sottomissjoni ta’ R. Schräder.

66.

Il-Qorti Ġenerali sabet, l-ewwel nett, li R. Schräder fl-ebda stadju tal-proċedimenti amministrattivi ma ressaq xi element li seta’ jikkostitwixxi prima facie prova sabiex isostni t-teżi tiegħu li trattament kimiku u mekkaniku jew it-teħid ta’ tirqid (bħal dak li sar f’dan il-każ) setgħu jiżnaturaw ir-riżultati tal-eżami tekniku ta’ LEMON SYMPHONY fl-1997 ( 66 ). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argument tiegħu li l-Bord kien wasal għall-konklużjoni tiegħu b’riferiment biss għall-provi sottomessi minn J. Hansson u mis-CPVO. Hija qieset li, għalkemm il-Bord ipprefera dawn is-sottomissjonijiet, huwa kien straħ fuq it-tagħrif li kellu u fuq il-kompetenza esperta tiegħu stess f’affarijiet botaniċi ( 67 ). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset li R. Schräder kien effettivament qed ifittex li jikseb evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi ( 68 ). Hija mbagħad eżaminat il-konstatazzjonijiet kollha magħmula mill-Bord u qisithom li kienu kompatibbli mad-data oġġettiva tal-fajl tal-każ. Ir-raba’ nett, hija osservat li, fl-esperjenza tal-Bord, kien fatt “magħruf b’mod ġenerali” ( 69 ) li l-prattika li jittieħed tirqid kienet tapplika għall-varjetajiet kollha użati fl-eżami tekniku. Il-ħames nett, hija qieset li R. Schräder kien biss qed iqajjem dubju dwar dak li kien sab il-Bord f’dan ir-rigward ( 70 ).

67.

Meta għamlet din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma kkonfermatx biss id-deċiżjoni tal-Bord. Hija għamlet pjuttost stħarriġ sħiħ u komplet tal-proċedimenti quddiem il-Bord. Hija qieset il-provi miġjuba mill-partijiet kollha. Il-Qorti Ġenerali sabet li R. Schräder ma kienx ġab provi sabiex isostni s-sottomissjonijiet tiegħu. Sabet ukoll li l-Bord kien straħ fuq il-kompetenza esperta tiegħu stess meta evalwa l-elementi fattwali u tekniċi tal-każ tiegħu ( 71 ).

68.

Għalhekk inqis li d-drittijiet fundamentali ta’ R. Schräder għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv u smigħ xieraq ma nkisrux.

69.

R. Schräder jissottometti wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis il-fatt li l-Bord ma kienx għamel dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Bażiku.

70.

Inqis li ma hemmx ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta ddeterminat jekk l-eżami tekniku tal-1997 kienx validu, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Bord. Hija sabet li l-Bord kien eskluda l-premessa fattwali ta’ R. Schräder dwar l-affidabbiltà ta’ dan l-eżami. Hija qieset li ma kienx hemm żball manifest li vvizzja dawn l-evalwazzjonijiet għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 67 iktar ’il fuq. Barra minn dan, hija sabet li fl-1997 huwa ma kienx wera li LEMON SYMPHONY kienet b’mod ċar distingwibbli minn xi varjetà ta’ pjanta oħra. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx is-sottomissjonijiet ta’ R. Schräder li jqajmu dubju dwar l-effett tal-eżami tekniku tal-1997 fuq il-bażi li kienet saret konstatazzjoni żbaljata fir-rigward tal-livell tal-espressjoni mogħti lill-karatteristika “dehra ta’ zkuk”. Hija qieset li din il-karatteristika ma kellhiex effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ LEMON SYMPHONY għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament.

71.

Għalhekk inqis li r-raba’ argument ta’ R. Schräder huwa infondat.

72.

Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 76 tar-Regolament Bażiku u li d-deskrizzjoni tagħha tal-inċidenza u tas-sinjifikat tal-oneru tal-prova fi proċedimenti ta’ annullament hija żbaljata, is-sentenza appellata ma hijiex ibbażata fuq dawn l-iżbalji. Dak li jimporta huwa li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett l-Artikoli 7 and 20 tar-Regolament. Hija kkonkludiet li l-Bord kien iddeċieda b’mod korrett li, kuntrarjament għall-argumenti ta’ R. Schräder, LEMON SYMPHONY kienet distinta għaliex kienet distingwibbli b’riferiment għall-espressjoni ta’ karatteristiċi li kienu ġejjin minn ġenotip milli minn interferenza mekkanika jew kimika. Skont ġurisprudenza stabbilita l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tistabbilixxi fatti jew teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti, sakemm dawn il-provi ma jkunux żnaturati. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk ( 72 ).

73.

L-ewwel aggravju, għalhekk, ma jistax jirnexxi. Dan l-aggravju huwa l-bażi tal-appell kollu ta’ R. Schräder minħabba li l-ħames aggravji li jibqa’ jiddependu minn jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 7 u 20 hijiex korretta. Għalhekk ser nindirizza kull wieħed minn dawn l-aggravji fil-qosor wieħed wara l-ieħor.

It-tieni aggravju: miżuri istruttorji

74.

R. Schräder jilmenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal miżuri istruttorji. L-għan tat-talba tiegħu kien li tinkiseb prova esperta fis-sens li trattament kimiku u mekkaniku jew it-teħid ta’ tirqid bħal dak li kien sar f’dan il-każ kienu żnaturaw ir-riżultati tal-eżami tekniku tal-1997. Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argument tiegħu għar-raġuni li huwa kien naqas milli jissottometti prova prima facie insostenn ta’ din it-talba. R. Schräder iressaq erba’ argumenti sabiex isostni t-tieni aggravju tiegħu. Fil-qosor, huwa jallega li l-Qorti Ġenerali: (i) kisret ir-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova u t-teħid tax-xhieda fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal miżuri istruttorji; (ii) naqset milli tidentifika r-raġunijiet tagħha u ċaħditu minn smigħ xieraq u rimedju effettiv; (iii) qajmet ex officio kwistjoni li ma tqegħditx quddiemha mill-partijiet u li ma kinitx kwistjoni ta’ ordni pubbliku, u b’hekk estendiet illegalment il-portata tal-proċedura; u (iv) applikat b’mod ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta waslet għad-deċiżjoni tagħha.

75.

Dawn l-argumenti huma erba’ varjanti tal-istess tema u ser inqishom flimkien.

76.

Minħabba li r-Regolament ma jipprovdix separatament għal miżuri istruttorji fil-fażi amministrattiva, mill-Artikolu 81 isegwi li l-prinċipji tad-dritt proċedurali ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri japplikaw għal proċedimenti quddiem il-Bord (jew is-CPVO). Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta applikat prinċipji mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 73 ) fis-sens li l-persuna li titlob miżuri istruttorji għandha tressaq provi sabiex tiġġustifika l-kisba tagħhom. L-għan ta’ din ir-regola huwa li jkun żgurat li talbiet għalkollox frivolużi ma jkunux segwiti. Jidhirli li, meta għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali osservat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 tar-Regolament.

77.

Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dover li għandha Qorti Ġenerali (skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) li s-sentenzi tagħha timmotivahom ma jeżiġix li hija għandha tagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wara ieħor l-argumenti kollha artikolati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’, għalhekk, tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet li fuqhom is-sentenza appellata tkun ibbażata u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’materjal biżżejjed sabiex teżerċita s-setgħat tagħha ta’ stħarriġ fl-appell ( 74 ).

78.

Il-Qorti Ġenerali tat spjegazzjoni sħiħa tar-raġunijiet tagħha fil-punti 136 sa 139 tas-sentenza appellata. Meta stabbilixxiet dawn ir-raġunijiet il-Qorti Ġenerali kienet sempliċement qed tapplika prinċipji legali għall-fatti quddiemha. Dan jidhirli li huwa għalkollox ineċċepibbli.

79.

Għalhekk inqis li t-tieni aggravju huwa infondat.

It-tielet sas-sitt aggravji

80.

Fit-tielet sas-sitt aggravji tiegħu, R. Schräder jikkonċentra fuq diversi aspetti tal-iżbalji allegati fl-eżami tekniku tal-1997. Għalhekk ser inqishom flimkien.

81.

Skont l-Artikolu 256 tat-TFEU u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jsir biss fuq punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u li tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, għalhekk, ma tikkostitwixxix, ħlief meta tiżnatura l-fatti jew il-provi, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 75 ).

82.

Essenzjalment R. Schräder jilmenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet dan li ġej. L-ewwel nett, li l-prattika ta’ propagazzjoni ta’ kampjuni għal ittestjar permezz ta’ tirqid huwa fatt “magħruf b’mod ġenerali” (it-tielet aggravju) ( 76 ). It-tieni nett, li l-użu ta’ prodotti li jirregolaw it-tkabbir fuq dawn il-kampjuni ma affettwax il-validità tat-testijiet (ir-raba’ aggravju) ( 77 ). It-tielet nett, li d-deskrizzjoni tal-karatteristika “dehra ta’ zkuk” ma affettwatx l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ LEMON SYMPHONY (il-ħames aggravju) ( 78 ). Ir-raba’ nett, meta ddeċidiet li d-deskrizzjoni ta’ din il-karatteristika partikolari tkun suġġetta għal evalwazzjoni komparattiva bejn varjetajiet tal-istess speċi (is-sitt aggravju) ( 79 ).

83.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti ta’ R. Schräder.

84.

R. Schräder issa qed jipprova juri li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx raġonevolment tikkonkludi li l-fatti u ċ-ċirkustanzi ma kinux suffiċjenti sabiex ikun stabbilit li l-eżami tekniku tal-1997 kien difettuż irrimedjabbilment. Għalkemm formalment qed jeċċepixxi żbalji ta’ liġi, fir-realtà qed jixħet dubju fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u fuq l-valur probattiv li hija tat li dawn il-fatti.

85.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet sas-sitt aggravji għandhom, għalhekk, jitqiesu li huma inammissibbli.

86.

Inżid ngħid li fil-fehma tiegħi huma f’kull każ infondati.

87.

Ikun hemm żnaturament tal-fatti u/jew tal-provi meta, mingħajr ma jinġiebu provi oħra, l-evalwazzjoni eżistenti tal-provi tkun manifestament inkorretta ( 80 ). L-iżbalji allegati identifikati minn R. Schräder huma li Qorti Ġenerali: (i) iddikjarat li l-awtur ta’ nota dwar il-fajl tal-każ kien l-espert tal-Bundessortenamt, iżda huwa jemmen li kien uffiċjal tas-CPVO; u (ii) indikat li l-unika kwistjoni kkontestata kienet jekk il-karatteristika “dehra ta’ zkuk” kellhiex tiġi ddeterminata skont kriterji relattivi jew assoluti.

88.

L-ewwel punt huwa kwistjoni ta’ dettall dwar l-awtur ta’ nota dwar il-fajl, li l-kontenut tagħha ma huwiex ikkontestat. It-tieni punt huwa dwar il-karatterizzazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-argument ta’ R. Schräder iktar milli kwistjoni ta’ prova. L-ebda wieħed miż-żewġ punti ma juri li l-Qorti Ġenerali għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni: l-ebda wieħed ma għandu effett fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-eżami tekniku tal-1997 b’mod li jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ dan l-eżami.

89.

Barra minn dan, infakkar li l-parametri tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali għal stħarriġ huma stabbiliti mill-Artikolu 73(2) tar-Regolament Bażiku. Għalhekk ma kienx meħtieġ li ssir evalwazzjoni fattwali kompleta u dettaljata sabiex ikun iddeterminat jekk LEMON SYMPHONY kinitx nieqsa jew le minn distintività għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-regolament (fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ R. Schräder għal annullament skont l-Artikolu 20). Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali setgħet, fid-dawl tal-kumplessità xjentifika u teknika ta’ din il-kwistjoni, tillimita ruħha għal stħarriġ ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ( 81 ).

90.

Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, setgħet tasal għall-konklużjoni li l-prova dwar il-fajl kienet biżżejjed sabiex tippermetti lill-Bord jiddeċiedi li l-eżami tekniku tal-1997 ma kienx invalidu għar-raġunijiet li l-materjal użat kien difettuż u li R. Schräder kien naqas milli juri li LEMON SYMPHONY ma kinitx distingwibbli b’mod ċar minn kull varjetà oħra ta’ pjanti fl-1997.

91.

Barra minn dan, mill-punti rilevanti tas-sentenza appellata ( 82 ) jidher b’mod ċar li meta waslet għall-konklużjonijiet tagħha l-Qorti Ġenerali eżaminat bir-reqqa d-deċiżjoni tal-Bord. Meta għamlet dan hija mmotivat dak li sabet abbażi tar-raġunijiet u tal-provi mressqa mill-partijiet fil-proċeduri.

92.

Għalhekk nikkonkludi li jekk (quod non) it-tielet sas-sitt aggravji huma ammissibbli, dawn huma f’kull każ infondati.

Spejjeż

93.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi li l-appell ma għandux jintlaqa’, allura, skont l-Artikoli 137, 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura (moqrija flimkien), R. Schräder, li l-appell tiegħu ma rnexxa fuq ebda wieħed mill-aggravji, għandu jkun ordnat iħallas l-ispejjeż.

Konklużjoni

94.

Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad l-appell; u

tordna lil R. Schräder iħallas l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza Schräder vs CPVO – Hansson (LEMON SYMPHONY), T‑133/08, T‑134/08, T‑177/08 u T‑242/09, EU:T:2012:430, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) Fjura safra tixbah margerita żgħira użata bħala pjanta ornamentali tajba għat-taħwil.

( 4 ) Ara l-punti 7 sa 12 tas-sentenza appellata. Niġbor fil-qosor il-proċedimenti amministrattivi quddiem is-CPVO u l-Bord fil-punti 23 sa 36 iktar ’l isfel.

( 5 ) Varjetà mkabbra u mqiegħda fis-suq minn Jungpflanzen Grünewald GmbH (iktar ’il quddiem “Grünewald”), li fiha R. Schräder għandu parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 5 %.

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku” jew ir-“Regolament”).

( 7 ) ĠU C 83, p. 389.

( 8 ) Artikoli 1 u 3.

( 9 ) Artikolu 4.

( 10 ) Artikolu 5(1).

( 11 ) Artikolu 6.

( 12 ) Jiġifieri: (a) produzzjoni jew riproduzzjoni (multiplikazzjoni); (b) ikkundizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni; (c) offerta għall-bejgħ; (d) bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq; (e) esportazzjoni mill-Komunità; (f) importazzjoni fil-Komunità; (g) ħżin għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija f’(a) sa (f).

( 13 ) Kapitolu II tar-Regolament Bażiku.

( 14 ) Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżami ta’ applikazzjonijiet jinsabu fil-Kapitolu II. Skont l-Artikolu 54, is-CPVO għandu jeżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ CPVR ikunux issodisfatti. L-Artikolu 55(1) jipprovdi għall-eżami tekniku li jikkonċerna, inter alia, id-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 7 relatati mad-distintività jkunux issodisfatti. L-eżami jitmexxa mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri u fdati b’dik ir-responsabbiltà, kif stabbilit fl-Artikolu 30(4).

( 15 ) Artikolu 9.

( 16 ) Artikolu 75.

( 17 ) Artikolu 81(1).

( 18 ) Artikolu 67. Skont l-Artikolu 21 is-CPVO għandu jħassar is-CPVR jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-uniformità (Artikolu 8) u għall-istabbiltà (Artikolu 9) ma jkunux għadhom issodisfatti.

( 19 ) Artikolu 87(4).

( 20 ) Artikolu 72.

( 21 ) F’dan ir-rigward, kawża tista’ titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali fuq punti ta’ liġi biss. Il-motivi li fuqhom tista’ tkun ibbażata tali kawża skont l-Artikolu 73(2) tar-Regolament jinkludu nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat, tar-Regolament Bażiku jew ta’ kull regola tad-dritt relatata mal-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, jew użu ħażin ta’ poter.

( 22 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1239/95, tal-31 ta’ Mejju 1995, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 327) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni’). Dan ir-regolament tħassar u kien issostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 (ĠU L 251, p. 3) b’effett mill-14 ta’ October 2009, jiġifieri wara ż-żmien rilevanti għall-proċedimenti prinċipali. Dawn ir-regoli jinkludu d-dritt tal-partijiet fil-proċedimenti li jinfilzaw dokumenti insostenn tal-pożizzjoni tagħhom (Artikolu 57) u regoli dwar it-teħid ta’ xhieda (Artikolu 60) u kif jiġu kkummissjonati l-esperti (Artikolu 61).

( 23 ) J. Hansson qies ukoll li l-bejgħ ta’ SUMOST 01 kiser id-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ LEMON SYMPHONY. Għalhekk ħa azzjoni kontra Grünewald fil-qrati Ġermaniżi u kiseb deċiżjoni favur tiegħu. L-appell ta’ Grünewald quddiem il-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja) ġie miċħud fit-23 ta’ April 2009.

( 24 ) Id-deċiżjonijiet fl-appell tal-Bord huma rispettivament A 005/2007 (dwar applikazzjoni għall-għoti ta’ CPVR għall-varjetà SUMOST 01), A 006/2007 (dwar applikazzjoni għat-tħassir tas-CPVR għal LEMON SYMPHONY) u A 007/2007 (kontestazzjoni tad-deċiżjoni tas-CPVO li jadatta minn jeddu d-deskrizzjoni uffiċjali ta’ LEMON SYMPHONY).

( 25 ) A 010/2007 (kontestazzjoni tad-deċiżjoni tas-CPVO dwar l-annullament tas-CPVR għal LEMON SYMPHONY) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 26 ) Skont il-Bord, dak kien minħabba li t-trattament kimiku inkwistjoni kien sar konformement mal-protokolli rilevanti ta’ testijiet.

( 27 ) R. Schräder għamel din l-offerta wara li kien ippreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2009: ara l-punt 77 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

( 28 ) Rispettivament Kawża T‑177/08 (id-deċiżjoni ta’ rifjut A 005/2007); Kawża T‑134/08 (id-deċiżjoni li tiċħad it-tħassir A 006/2007); Kawża T‑133/08 (id-deċiżjoni ta’ adattament A 007/2007); u Kawża T‑242/09 (id-deċiżjoni ta’ annullament A 010/2007).

( 29 ) Punt 126.

( 30 ) Punt 128.

( 31 ) Punt 129.

( 32 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), li jgħid li fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem “l-UASI”) għandu jeżamina l-fatti ex officio; madankollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-UASI għandu jkun ristrett għal eżami tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet u għar-rimedji mitluba. Ara l-punt 130.

( 33 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 6/2002”) li jipprovdi li l-UASI għandu jeżamina l-fatti ex officio, ħlief fi proċedimenti relatati ma’ dikjarazzjoni ta’ invalidità fejn għandu jkun ristrett għal eżami tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet. Ara l-punt 131.

( 34 ) Punt 132. Ara wkoll l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Bażiku.

( 35 ) Punt 133.

( 36 ) Punt 134.

( 37 ) Punt 135.

( 38 ) Punt 136.

( 39 ) Punt 137; ara, b’mod partikolari, is-sentenza ILFO vs Awtorità Għolja, 51/65, EU:C:1966:21.

( 40 ) Punt 138.

( 41 ) Punt 139.

( 42 ) Punt 140.

( 43 ) Punt 141.

( 44 ) Punt 158.

( 45 ) Punt 159.

( 46 ) Punt 160.

( 47 ) Stabbilit fil-protokoll tekniku tas-CPVO għal testijiet ta’ distintività, uniformità u stabbiltà (testijiet DUS); ara l-punt 2 iktar ’il fuq.

( 48 ) Punt 161.

( 49 ) Punt 162.

( 50 ) Punt 163.

( 51 ) Punt 164.

( 52 ) Punt 165.

( 53 ) Punt 166.

( 54 ) Punti 167 u 168.

( 55 ) Punt 169.

( 56 ) Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku.

( 57 ) Magħmula skont l-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament Bażiku.

( 58 ) Ara wkoll l-Artikolu 57 tar-Regolament bażiku.

( 59 ) Ara l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

( 60 ) Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

( 61 ) Artikolu 72 tar-Regolament Bażiku.

( 62 ) Sentenza Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50.

( 63 ) Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddikjarat invalida meta, pereżempju, tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7 minħabba, inter alia, li t-trade mark inkwistjoni ma jkollha ebda karattru distintiv [Artikolu 7(1)(b)].

( 64 ) Artikolu 52 tar-Regolament dwar id-Disinji.

( 65 ) Sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punti 78 u 79.

( 66 ) Ara l-punt 138 tas-sentenza appellata.

( 67 ) Ara l-punt 139 tas-sentenza appellata.

( 68 ) Ara l-punt 141 tas-sentenza appellata.

( 69 ) Ara l-punt 149 tas-sentenza appellata.

( 70 ) Ara l-punt 150 tas-sentenza appellata.

( 71 ) Dak li nstab jista’ jitqies li huwa inkonsistenti mal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 76 sa fejn il-Qorti Ġenerali qalet li fis-sens strett tal-kelma l-Bord huwiex meħtieġ jistħarreġ fatti ex officio.

( 72 ) Sentenza Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, EU:C:2012:813, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 73 ) Sentenza ILFO vs Awtorità Għolja, EU:C:1966:21, fil-paġni 95 u 96.

( 74 ) Sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 64.

( 75 ) Sentenza Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, EU:C:2012:813, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 76 ) Ara l-punt 145 tas-sentenza appellata.

( 77 ) Ara l-punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata.

( 78 ) Ara l-punti 158 sa 162 tas-sentenza appellata.

( 79 ) Ara l-punti 165 sa 168 tas-sentenza appellata.

( 80 ) Sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, EU:C:2011:679, punti 78 u 79 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 81 ) Sentenza Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77.

( 82 ) Punti 145 sa 168 tas-sentenza appellata.