KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C‑531/12Commune de Millau u

Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA)

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt ta’ sussidju li jikkonċerna żvilupp lokali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Preskrizzjoni — Infurzabbiltà ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Stipulazzjoni għall-benefiċċju ta’ terzi”

I – Introduzzjoni

1.

F’din il-proċedura ta’ appell, il-Qorti għandha tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi minn naħa, iżda wkoll dwar kwistjonijiet fundamentali min-naħa l-oħra.

2.

L-ewwel nett, l-appell jagħti l-opportunità sabiex jiġi ċċarat jekk u taħt liema kundizzjonijiet appell li inizjalment ikun kompletament mingħajr mandat imressaq fid-dawl tal-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li daħħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, jista’ jipproduċi effetti legali jekk il-mandat jingħata iktar tard matul il-proċediment.

3.

It-tieni nett, tqum il-kwistjoni jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-partijiet li ma jagħmlux parti mill-kuntratt jistgħu jiġu inklużi fil-klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE sabiex il-Qrati tal-Unjoni jkollhom ukoll ġurisdizzjoni għal proċedimenti kontra dawn il-partijiet terzi.

4.

It-tielet nett, huwa neċessarju li jiġi diskuss jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikat il-Qorti Ġenerali abbażi tal-libertà tal-għażla xierqa tal-partijiet fl-ewwel istanza, fil-proċedura tal-appell ( 2 ).

5.

Ir-raba’ nett, tqum il-kwistjoni jekk skont id-dritt tal-Unjoni, partikolarment id-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba, jistax jiġi stabbilit prinċipju li skontu l-irkupru tal-pagamenti jkun jista’ jiġi eskluż jekk il-pretensjonijiet rilevanti possibbilment ikunu għadhom ma ġewx preskritti, iżda l-istituzzjoni tal-Unjoni eliġibbli ma tkunx irkuprat malajr l-ammonti riċevibbli tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Dritt primarju

6.

L-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirregola d-“dritt għal amministrazzjoni tajba” u jipprovdi li:

“Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.”

7.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali […] jistgħu ikunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta’ dritt, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.”

8.

L-Artikolu 272 TFUE jistabbilixxi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola tal-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skont id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni [ ( 3 )] jew f’isimha.”

9.

L-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.”

B – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

10.

L-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“[…]

(2)   L-aġenti u l-avukati għandhom jippreżentaw lir-Reġistru b’dokument uffiċjali jew mandat mogħti mill-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw.

[…]

(4)   Jekk dawn id-dokumenti ma jiġux ippreżentati, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jiġu prodotti. Jekk dawn id-dokumenti ma jiġux prodotti fit-terminu mogħti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors jew tan-noti.”

11.

L-Artikolu 168 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“[…]

(2)   L-Artikoli 119, 121 u 122(1) ta’ dawn ir-regoli huma applikabbli għall-appell.

[…]

(4)   Jekk l-appell ma jkunx konformi mal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, ir-Reġistratur għandu jagħti lill-appellant terminu raġonevoli sabiex jirregolarizza r-rikors tal-appell. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors tal-appell.”

C – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

12.

L-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li:

“Ir-rikors ippreżentat skond klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew privat, konkluż mill-Unjoni jew f’isimha skont l-Artikolu 272 TFUE għandu jkollu miegħu kopja tal-kuntratt li għandu din il-klawżola.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

13.

Il-Komunità Ekonomika Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f’Lulju 1990 ikkonkludiet kuntratt ta’ sussidju għall-implementazzjoni ta’ proġett ta’ żvilupp lokali ma’ Société d’économie mixte d’Équipement de l’Aveyron (iktar ’il quddiem “SEMEA”), li magħha kellha sehem il-Commune de Millau (Franza) b’50 % tal-kapital. Skont il-ftehim bejn il-partijiet, il-kuntratt ta’ sussidju minn naħa huwa suġġett għad-dritt Franċiż, u min-naħa l-oħra għall-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva “għal kull tilwim legali bejn il-partijiet relatati mal-kuntratt u li ma setgħetx tinstab soluzzjoni amikevoli għalih”.

14.

Madankollu, SEMEA ma wettqitx l-implementazzjoni ulterjuri tal-proġett ta’ żvilupp kif miftiehem mal-Kummissjoni, iżda twaqqfet assoċjazzjoni għall-implementazzjoni tal-proġett. Iżda dan ma kienx inkluż fil-kuntratt ta’ sussidju, għalhekk SEMEA baqgħet sieħba kuntrattwali tal-Komunità.

15.

Wara li rriżulta li kien hemm ħlas żejjed mill-Komunità, fl-1993 il-Kummissjoni talbet lil SEMEA biex tħallas lura s-somma ta’ ECU 41 012 (iktar ’il quddiem id-“dejn inkwistjoni”). Għalkemm SEMEA ma laqgħetx din it-talba għal ħlas, għall-ewwel ma kienx hemm twissijiet oħra mill-Kummissjoni.

16.

Mill-2005, jiġifieri madwar tnax-il sena wara, il-Kummissjoni reġgħet għamlet it-talba tagħha għal ħlas. SEMEA informat lill-Kummissjoni li fil-frattemp il-kumpannija kienet tinsab fi stralċ. Barra minn hekk SEMEA argumentat li l-assoċjazzjoni li kienet fdata bl-implementazzjoni tal-proġett issussidjat kienet żguratha li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat għad-dejn inkwistjoni, li fil-frattemp sar ukoll preskritt. Il-Kummissjoni ċaħdet kwalunkwe rinunzja għad-dejn inkwistjoni. Minkejja diversi snin ta’ iktar korrispondenza u noti ta’ twissija, SEMEA ma għamlet l-ebda ħlas. Fi Frar 2008, hija ntalbet tħallas għall-aħħar darba mill-Kummissjoni.

17.

Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ SEMEA rrikonoxxiet id-deċiżjoni tal-Commune de Millau, l-azzjonista prinċipali tagħha, li tieħu f’idejha l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-kumpannija u ddeċidiet li tħallas EUR 82 719.76, l-ammont ta’ flus disponibbli ta’ SEMEA, lill-Commune de Millau. Fir-rapport tal-istralċ ippreżentat mil-likwidatur ġie ddikjarat id-dejn inkwistjoni.

18.

Fid-9 ta’ Diċembru 2008, il-likwidatur ta’ SEMEA temm l-istralċ tal-kumpannija, u kkanċella lil SEMEA mir-reġistru kummerċjali. Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-kunsill muniċipali tal-Commune de Millau akkwista l-patrimonju tal-kumpannija ta’ SEMEA. Fost ir-responsabbiltajiet tal-kumpannija ġiet iddikjarata, fost l-oħrajn, id-dejn inkwistjoni tal-Kummissjoni flimkien mal-indikazzjoni li SEMEA f’dan ir-rigward invokat il-preskrizzjoni u li l-kredituri ma jistgħux ikomplu jagħmlu iktar talbiet għall-ħlas. Ma kinitx inkisbet approvazzjoni mill-Kummissjoni għal din il-proċedura.

IV – Is-sentenza appellata

19.

Biex tippermetti proċeduri ġudizzjarja tat-talba kkontestata minkejja l-kanċellazzjoni ta’ SEMEA mir-reġistru kummerċjali, il-Kummissjoni talbet lit-Tribunal de commerce Rodez (Franza) sabiex taħtar mandatarju ad hoc bħala rappreżentant tal-kumpannija.

20.

Wara li sar hekk, il-Kummissjoni ressqet kawża kontra SEMEA (Kawża T‑168/10) quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri f’isimha stess, f’April 2010 u oħra f’Diċembru 2010, kontra l-Commune de Millau (Kawża T‑572/10), li hija responsabbli b’obbligazzjoni in solidum skont il-Kummissjoni għad-dejn inkwistjoni, peress li l-muniċipalità ħadet f’idejha l-obbligazzjonijiet finanzjarji ta’ SEMEA. Iż-żewġ kawżi ġew magħquda għal deċiżjoni konġunta minħabba li kienu relatati.

21.

Il-konvenuti sostnew id-difiża tal-preskrizzjoni. Il-muniċipalità konvenuta kkontestat ukoll primarjament il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u esprimiet ir-raġuni għalfejn il-klawżola applikabbli għall-kuntratt tas-sussidju li skontha l-Qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni, ma tistax tiġi invokata kontriha. B’mod sussidjarju, il-konvenuti ppreżentaw kontrotalba f’każ li t-talba għall-ħlas lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dejn inkwistjoni tiġi aċċettata, abbażi tal-Artikolu 340 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni, permezz tad-dewmien twil tagħha fl-infurzar tat-talba kkontestata, naqset mid-dmir tagħha għall-amministrazzjoni tajba u wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u mit-tali nuqqas irriżultat talba għad-danni mill-konvenuti kontra l-Kummissjoni, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-ammont mitlub mill-Kummissjoni, u b’hekk finalment waqa’ l-obbligu tal-ħlas tal-konvenuti.

22.

Il-Qorti Ġenerali approvat primarjament ir-rikors tal-Kummissjoni permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, u ċaħdet il-kontrotalba tal-konvenuti. SEMEA u Commune de Millau ġew ordnati jħallsu in solidum is-somma ta’ EUR 41 012 flimkien mal-interessi fuq arretrati lill-Kummissjoni.

23.

Fir-rigward tal-muniċipalità, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet affermata fuq il-bażi li “Commune de Millau kienet issuġġettat lilha nnifisha għal klawżola ta’ arbitraġġ għall-benefiċċju tal-Unjoni permezz ta’ kuntratt konkluż ma’ SEMEA għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi” ( 4 ). Mill-prinċipji ġenerali tad-dritt kuntrattwali, “jirriżulta li l-eżistenza ta’ […] kuntratt għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi tista’ tiġi derivata anki mill-fini tal-kuntratt jew iċ-ċirkustanzi tal-każ” ( 5 ). Il-muniċipalità, “bl-għarfien sħiħ tal-fatti” ( 6 ), u mingħajr restrizzjonijiet fir-rigward tal-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ sussidju, ħadet f’idejha r-responsabbiltà għall-obbligi finanzjarji ta’ SEMEA u b’hekk issuġġettat lilha nnifisha għall-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ sussidju.

V – L-appell

24.

F’Novembru 2012, l-uffiċċju tal-avukati, li rrappreżenta lil SEMEA u lil Commune de Millau quddiem il-Qorti Ġenerali, ippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tiegħu talab primarjament l-annullament tas-sentenza appellata f’isem il-konvenuti tal-ewwel istanza u li sussidjarjament jilqa’ l-kontrotalba tal-ewwel istanza.

25.

L-appell tad-19 ta’ Novembru 2012 kellu diversi dokumenti annessi. Dawn jinkludu fost l-oħrajn mandat għall-appell tal-Commune de Millau u ittra tal-mandatarju ad hoc ta’ SEMEA, Maître B., maħtur fil-proċedimenti tal-ewwel istanza lil wieħed mill-avukati msemmija. Din l-ittra hija tal-15 ta’ Novembru 2012, u fiha Maître B. approva l-appell kontra s-sentenza tal-ewwel istanza, madankollu jikkonċedi li l-pożizzjoni tiegħu bħala mandatarju ad hoc ta’ SEMEA kienet diġà ntemmet f’Awwissu 2012.

26.

Fid-dawl ta’ din id-diskrepanza temporali, f’Ottubru 2013, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lill-uffiċċju tal-avukati msemmi biex jagħti prova tal-mandat li jikkonċerna lil SEMEA fil-proċedura ta’ appell. L-uffiċċju tal-avukati ppreżenta digriet tat-Tribunal de Commerce Rodez tal-5 ta’ Novembru 2013 fil-limitu ta’ żmien stabbilit lilu f’Novembru 2013 li minnu jirriżulta li Maître B., fuq talba tal-avukati msemmija tad-29 ta’ Ottubru 2013 ġie maħtur għal perijodu ta’ sitt xhur bħala l-mandatarju ad hoc ta’ SEMEA għal dan l-appell.

27.

L-appellanti jinvokaw erba’ aggravji kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

28.

L-ewwel nett, il-Commune de Millau jirrimarka li l-Qrati tal-Unjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni għat-talba li tikkonċerna l-muniċipalità. Huwa impossibbli għal persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku Franċiż li tistipula klawżola ta’ arbitraġġ permezz ta’ stipulazzjoni għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi. Ma hemm l-ebda qbil f’dan ir-rigward.

29.

It-tieni nett, SEMEA ssostni li hija eskluża mill-obbligi finanzjarji tagħha permezz tat-trasferiment tal-patrimonju fil-proċeduri tal-istralċ tagħha lill-muniċipalità, li hija l-persuna ġuridika solventi skont id-dritt pubbliku.

30.

It-tielet nett, l-appellanti joġġezzjonaw għal żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Franċiżi dwar il-preskrizzjoni mill-Qorti Ġenerali.

31.

Ir-raba’ nett, l-appellanti ma jaqblux li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li t-tnax-il sena ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni huwa ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant l-appellanti ma setgħux jieħdu l-miżuri fi żmien xieraq, sabiex jindirizzaw l-ilment tal-Kummissjoni. L-ammont tal-interessi fuq l-arretrati mitlub huwa marbut man-nuqqas tagħha milli tirkupra d-dejn inkwistjoni tagħha, b’mod li teżisti rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-aġir tal-Kummissjoni.

VI – L-analiżi tal-appell

32.

Il-proċedura tal-appell tqajjem kwistjonijiet proċedurali u sostantivi. Fir-rigward ta’ SEMEA, l-ewwel nett hemm dubju dwar jekk ġiex ippreżentat appell validu f’isem il-kumpannija. Din il-kwistjoni għandha tiġi vverifikata qabel kollox (taħt il-punt A). Imbagħad għandu jiġi vverifikat jekk il-Qrati tal-Unjoni kellhomx il-ġurisdizzjoni, b’mod partikolari għar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni kontra il-Commune de Millau (taħt il-punt B) fir-rigward tal-ewwel aggravju inkwistjoni. Sussegwentement, fejn rilevanti, jiġu diskussi l-aggravji materjali (taħt il-punti C u D). Permezz tagħhom tirriżulta bil-quddiem il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali hijiex saħansitra suġġetta għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

A – Huwa appell xieraq minn naħa ta ’ SEMEA?

33.

Mid-dokumenti għandu jiġi preżunt li l-avukati li qed jirrappreżentaw lil SEMEA ma kinux debitament awtorizzati f’dan ir-rigward meta ppreżentaw l-appell f’Novembru 2012. Peress li t-terminu tal-mandatarju ad hoc ta’ SEMEA kien diġà ntemm f’Awwissu tal-2012, għalhekk l-approvazzjoni espressa tal-preżentazzjoni tal-appell f’Novembru 2012 ma għandhiex “mandat” fis-sens tal-Artikolu 119 flimkien mal-Artikolu 168 tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, l-avukati inizjalment aġixxew, probabbilment mingħajr ma kienu konxji, bħala rappreżentanti fil-proċess mingħajr mandat li jaġixxu bħala rappreżentanti ( 7 ).

34.

Wara li dan in-nuqqas ta’ mandat kien ikkontestat madwar sena wara l-preżentazzjoni tal-appell quddiem ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukati msemmija talbu lill-qorti kummerċjali kompetenti sabiex tordna mandatarju ad hoc għall-proċedura tal-appell. Ġie maħtur Maître B., li kien diġà ddikjara li ser jippreżenta appell f’isem SEMEA f’Novembru 2012, iżda dak iż-żmien mingħajr awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward.

35.

Għandu jiġi diskuss jekk fid-dawl ta’ dan jistax ikun preżunt li l-appell ta’ SEMEA ġie ppreżentat validament.

36.

L-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura, li skont l-Artikolu 168 tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll għall-proċeduri tal-appell ( 8 ), jirregola l-formulazzjoni tiegħu, primarjament skont il-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ mandat. L-Artikolu 119(4) tar-Regoli tal-Proċedura jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-“dokumenti” mhux ippreżentati mingħajr ma jispeċifika dwar in-nuqqasijiet sostantivi tal-mandat. Għalhekk, id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-appell, primarjament tirrigwarda wkoll is-sitwazzjoni fejn meta avukat ippreżenta l-appell, għalkemm kien awtorizzat mill-klijent għall-preżentazzjoni ta’ dan l-appell, madankollu miegħu ma kinitx mehmuża l-prova rilevanti. Skont l-Artikolu 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura din il-prova tista’ tiġi ppreżentata fi żmien stipulat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja; jekk dan ma jseħħx, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi “jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali”.

37.

Mir-Regoli tal-Proċedura ma jistax jiġi immedjatament deċiż liema konsegwenzi legali għandhom japplikaw, jekk mhux biss ma jkunx ġie ppreżentat l-mandat lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda barra minn hekk, kif tassew seħħ, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-appell l-avukati ma kellhomx awtorizzazzjoni. Lanqas it-test tad-dispożizzjoni ma jagħti informazzjoni dwar il-kwistjoni jekk appell ippreżentat mingħajr mandat jistax jiġi sussegwentement aċċettat mill-parti kkonċernata u b’dan il-mod jistax ikun retroattivament irrimedjat in-nuqqas sostantiv tal-mandat. Din hija l-kwistjoni hawnhekk.

38.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li hemm argumenti sodi fil-każ ta’ appell ippreżentat mingħajr awtorizzazzjoni fuq bażi ta’ vizzju li ma jistax jiġi iktar irrimedjat. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ripetutament, b’mod partikolari, li l-kriterji tal-ammissibbiltà għandhom ikunu ġew essenzjalment ippreżentati fil-perijodu li fih jingħata bidu għall-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ).

39.

B’maġġoranza tar-rikorrenti għall-ammissibbiltà tal-proċess kollu l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa suffiċjenti, jekk fiż-żmien meta jiġi ppreżentat rikors kien hemm rikorrent ( 10 ) wieħed biss li kellu locus standi, li madankollu huwa stabbilixxa dan primarjament b’argumenti ta’ ekonomija tal-ġudizzju ( 11 ). Dawn ma humiex applikabbli għall-każ ta’ SEMEA. Minn naħa, l-aggravji taż-żewġ appellanti f’dan il-każ ma humiex identiċi, u għalhekk minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jkun aħjar li f’każ ta’ inammissibbiltà pprovata tal-appell ta’ SEMEA ma ssirx l-analiżi tiegħu. Min-naħa l-oħra appell ippreżentat mingħajr mandat jitqies li huwa nuqqas iktar serju differenti minn sempliċement nuqqas ta’ locus standi. Il-parti li ma kellhiex locus standi li baqgħet effettivament tagħti istruzzjonijiet lir-rappreżentanti tagħha biex jippreżentaw appell f’isimha, għandha ġġorr l-ispejjeż li rriżultaw mill-falliment tiegħu. Huwa diffiċli li din il-konsegwenza legali f’dan il-każ ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tiġi ttrasferita, anzi pjuttost bil-maqlub: jekk jiġi ppreżentat appell fuq inizjattiva indipendenti ta’ rappreżentant mingħajr l-għoti ta’ mandat, kwalunkwe spiża li tirriżulta ma tantx tista’ titħallas mill-appellant allegat, iżda pjuttost tiġġarrab mill-falsus procurator. Barra minn hekk, ikun assurd li ssir analiżi tal-mertu ta’ appell li l-preżentazzjoni tiegħu ma tistax tiġi attribwita lill-parti allegata minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni.

40.

Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu, jinsabu wkoll dikjarazzjonijiet li minnhom jista’ jiġi konkluż li l-Artikoli 119(4) u 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura, abbażi tal-fehim wiesa’ tal-kliem tiegħu, jista’ jkun applikabbli mhux biss għal nuqqas ta’ provi ppreżentati, iżda wkoll għar-rimedju ta’ nuqqas ta’ mandat sostantiv.

41.

Għalhekk, f’każ partikolari fejn kien jeżisti dubju dwar l-awtorizzazzjoni valida tal-avukat li kien qed jirrappreżenta lill-klijent tiegħu, għall-Qorti tal-Ġustizzja kien biżżejjed li ġie kkonfermat l-għoti ta’ mandat minn parti awtorizzata wara li jkun tressaq il-każ quddiem il-qorti ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma oġġezzjonatx għall-fatt li d-dokument korrispondenti ma ġiex ippreżentat qabel bdew il-proċedimenti quddiem il-qorti. L-Avukat Ġenerali Darmon indika b’konnessjoni mad-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 119(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli dak iż-żmien, li “[ikun] formaliżmu eċċessiv li din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi applikata biss jekk, wara li jiġi ppreżentat l-att promotur ikun ġie ppreżentat dokument li joriġina mill-perijodu ta’ qabel l-att promotur” ( 13 ).

42.

B’mod konformi ma’ dan, l-Artikoli 119(4) u 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jinftiehmu fis-sens li d-dispożizzjoni tirregola mhux biss il-preżentazzjoni sussegwenti ta’ prova ta’ mandat nieqes fl-appell, iżda tippermetti wkoll ir-rimedju ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, pereżempju, permezz ta’ “konferma” sussegwenti ta’ appell.

43.

Interpretazzjoni li tinkludi tali nuqqasijiet fuq firxa wiesgħa twassal għal riżultati xierqa. Hija tissuġġetta minn naħa l-eliminazzjoni ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjonijiet, sew jekk ikunu kwistjoni ta’ prova u sew jekk ikunu sostantivi, għal kunċett regolatorju uniformi, biex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe problema ta’ distinzjoni u jiġi żgurat trattament uniformi tas-suġġett fl-Unjoni kollha, separat minn prekunċezzjonijiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, b’dan il-mod, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ l-oriġinatur tal-proċess u tista’ tikkontribwixxi għal kjarifika rapida f’każi ta’ dubju permezz tal-iffissar ta’ skadenzi, il-kwistjonijiet taċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jibqgħu jiġu rrispettati kif xieraq.

44.

Fil-każ tal-appell ippreżentat f’isem SEMEA, abbażi tas-suġġeriment korrispondenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-regolarità tal-mandat, l-awtorità deċiżiva jiġifieri l-qorti kummerċjali, ħatret mandatarju ad hoc għal SEMEA wara li tippreżenta l-appell. Il-ħatra tiegħu seħħet, simili għall-“Konferma” fil-każ imsemmi fil-punt 41 bl-għan li tippermetti t-tmexxija tal-appell attwali għal SEMEA. SEMEA kienet b’dan il-mod responsabbli għall-preżentazzjoni tal-appell mill-avukat, speċjalment peress li l-aġent maħtur ad hoc huwa l-istess persuna li madwar sena qabel kienet diġà aċċettat l-appell kontra d-digriet tal-qorti kontra l-avukati f’isem SEMEA. Peress li l-ħatra ta’ Maître B. bħala l-mandatarju ad hoc ta’ SEMEA b’dan il-mod għandha titqies li hija konferma sussegwenti tal-appell kontra d-digriet tal-qorti, huwa preżunt li ġie rrimedjat dan in-nuqqas ta’ mandat oriġinarjament inerenti skont l-Artikolu 119 flimkien mal-Artikolu 168(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

45.

Għalhekk, mhux l-appell tal-muniċipalità biss, iżda wkoll l-appell ta’ SEMEA ġew validament ippreżentati.

46.

Bħala konsegwenza issa jrid jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża l-azzjonijiet tagħha kontra SEMEA u l-muniċipalità fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ SEMEA.

B – Ir-rilevanza tal-klawżola ta ’ arbitraġġ f’dan il-każ

47.

Huwa dubjuż jekk il-Kummissjoni tistax tinvoka l-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ sussidju, għal żewġ raġunijiet. Minħabba li f’eżaminazzjoni formali la l-muniċipalità konvenuta u lanqas il-Kummissjoni li qed tressaq il-każ ma huma partijiet mill-kuntratt ta’ sussidju li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni.

48.

Il-Kummissjoni, li ppreżentat rikors f’isimha stess kontra SEMEA u l-muniċipalità, dehret fil-kuntratt ta’ sussidju partikolarment bħala r-rappreżentant tal-Komunità Ekonomika Ewropea, u għalhekk minn naħa jeżisti dubju dwar il-locus standi tagħha (f’dan il-każ ma għamlet l-ebda sanzjoni) fil-kawża msemmija u min-naħa l-oħra ma huwiex ċar jekk tistax tikseb id-drittijiet ta’ azzjoni tagħha mill-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ sussidju. Finalment għandu jiġi eżaminat ex officio (taħt il-punt 1).

49.

Il-muniċipalità, madankollu, ma kienet bl-ebda mod involuta fil-kuntratt ta’ sussidju, iżda għandha tqis il-klawżola ta’ arbitraġġ ta’ kuntratt ta’ sussidju xorta waħda, bħas-sentenza appellata, fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kuntratt għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi. Jekk dan ir-raġunament huwiex aċċettabbli, se jkun eżaminat sussegwentement għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà li tikkonċerna lill-Kummissjoni (taħt il-punt 2).

1. Il-Kummissjoni tista’ fi proċess immexxi f’isimha tinvoka l-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ SEMEA?

50.

Din il-kwistjoni finalment hija dwar min jista’ jkun parti fil-każ abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ: l-Unjoni bħala msieħba kontraenti jew l-istituzzjoni rappreżentattiva fil-konklużjoni tal-kuntratt?

51.

Skont it-test tal-Artikolu 272 TFUE ma hemm l-ebda indikazzjoni li tiċċara din il-kwistjoni, għalkemm hemm xi evidenza li fil-proċess “bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li tinsab f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni ( 14 ) jew f’isimha” anki l-Unjoni bħala tali b’mod proċedurali kellha tkun parti ( 15 ). Sadanittant, jidher li l-oppost ta’ dan huwa l-prattika standard ( 16 ), għaliex regolarment fl-att promotur u fit-titolu tas-sentenza sussegwenti ma hijiex l-Unjoni nnifisha, iżda l-istituzzjoni involuta fil-kuntratt li jkun fih il-klawżola ta’ arbitraġġ, li tidher bħala parti ( 17 ).

52.

Is-sentenza appellata ma tieħu l-ebda pożizzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-parti tista’ finalment tibqa’ miftuħa. Attwalment għandu jiġi biss evalwat jekk il-Kummissjoni tistax tinvoka l-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni fir-rikors ippreżentat f’isimha. Dan se jkollu jiġi affermat billi tiġi kkunsidrata bis-sħiħ il-ġurisprudenza għad-determinazzjoni tal-parti fil-każ tal-Unjoni quddiem il-Qrati tal-Unjoni ( 18 ), li fiha tiġi identifikata t-tendenza li l-identifikazzjoni żbaljata tal-parti ma għandhiex tkun essenzjalment ta’ ħsara fuq in-naħa tal-Unjoni, sakemm mill-perspettiva tal-konvenut il-kwistjoni tkun definita b’mod ċar u għalhekk l-eżerċitar tal-drittijiet proċedurali ma jkunx ipperikolat mill-konvenuti. Fiż-żewġ punti ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju f’dan il-każ.

53.

Għalhekk, il-Kummissjoni fil-proċedura msemmija f’isimha kontra SEMEA setgħet mill-inqas tinvoka l-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ SEMEA.

54.

Madankollu, għad irid jiġi ċċarat jekk il-klawżola ta’ arbitraġġ tistax tiġi applikata mhux biss kontra SEMEA, iżda wkoll kontra l-muniċipalità.

2. Il-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ SEMEA tista’ tiġi applikata kontra l-muniċipalità?

55.

Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata bħala proċess ex officio assolutament essenzjali u inaljenabbli mill-ilmenti tal-aggravji. Għandhom jiġu eżaminati erba’ aspetti: primarjament, il-kliem tal-klawżola fil-kuntratt ta’ SEMEA; it-tieni, il-proċeduri postkuntrattwali; it-tielet, il-kriterji li jirriżultaw mill-Artikolu 272 TFUE; u r-raba’, ir-rekwiżiti tal-prova għall-klawżola ta’ arbitraġġ li jirriżultaw mir-Regoli tal-Proċedura.

a) It-test tal-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ta’ SEMEA.

56.

Skont il-kuntratt ta’ SEMEA, il-Qorti tal-Ġustizzja “għandha ġuriżdizzjoni esklużiva […] għal kwistjonijiet legali kollha bejn il-partijiet.” Din il-klawżola għalhekk torbot lill-partijiet kontraenti, SEMEA u l-Unjoni, u ma tistax tiġi invokata kontra l-Commune de Millau.

b) Proċeduri postkuntrattwali

57.

Primarjament, għandu jiġi nnotat, li l-Kummissjoni ma kienet involuta fl-ebda ftehim postkuntrattwali, li seta’ affettwa l-klawżola ta’ arbitraġġ. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda kuntratt iddokumentat bejn SEMEA u l-muniċipalità, iżda riżoluzzjonijiet separati tal-laqgħa ġenerali jew tal-kunsill muniċipali biss. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ( 19 ) tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt kuntrattwali u waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjonijiet tal-muniċipalità li jikkonċernaw is-suppożizzjoni tad-dejn tal-obbligazzjonijiet finanzjarji ta’ SEMEA, flimkien mat-trasferiment tal-patrimonju mingħand SEMEA lill-muniċipalità, skont l-għan tagħha, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kumplessivi bħala kuntratt għandhom jiġu interpretati favur l-Unjoni. Il-muniċipalità u SEMEA riedu jiġġustifikaw it-talba tal-Unjoni fil-konfront tal-Commune de Millau, u l-muniċipalità allegatament riedet tissottometti lilha nnifisha għall-klawżola ta’ arbitraġġ tal-kuntratt ta’ SEMEA “bl-għarfien tal-kawża […] fir-rigward tat-talba kkontestata”. Il-fatt li n-natura liberatorja tas-suppożizzjoni tad-dejn intenzjonata mill-partijiet ma seħħitx minħabba nuqqas ta’ approvazzjoni tal-kredituri, huwa irrilevanti.

c) Valutazzjoni ta’ proċessi postkuntrattwali b’referenza għall-kriterji li jirriżultaw mill-Artikolu 272 TFUE.

58.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk b’dan il-mod il-muniċipalità ftiehmet klawżola ta’ arbitraġġ li torbot, huma deċiżivi dawk il-kriterji li jirriżultaw ( 20 ), mill-Artikolu 272 TFUE, li barra minn hekk, peress li fir-rigward tal-Artikolu 272 TFUE hija kkonċernata dispożizzjoni derogatorja, għandhom ikunu interpretati b’mod strett ( 21 ).

59.

Il-Qorti Ġenerali ( 22 ) tqis li huwa possibbli li klawżola ta’ arbitraġġ skont il-prinċipji tal-kuntratt favur partijiet terzi tinftiehem għal kollox mingħajr l-involviment tal-Unjoni sakemm din għalkemm ma tkunx tikkonċerna kuntratt li jkun sar mill-Unjoni, madankollu tirrigwarda “kuntratt li jkun sar […] f’isimha” fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE.

60.

Din il-fehma hija dubjuża. Kuntratt li jkun jirrigwarda l-Unjoni jaffettwa l-interessi materjali tal-Unjoni. Peress li l-Artikolu 272 TFUE għandu jiġi partikolarment interpretat b’mod strett bħala dispożizzjoni derogatorja, kuntratt jista’ jiġi konkluż minn korpi, istituzzjonijiet jew organi oħra li jistgħu jaġixxu f’isem l-Unjoni biss. Partijiet terzi ma jistgħux jagħmlu hekk. Kuntratt konkluż purament bil-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi li ma jaġixxux f’isem l-Unjoni u mingħajr ma tqabbdu minn organi tal-Unjoni, bħall-ftehim postkuntrattwali bejn SEMEA u l-muniċipalità f’dan il-każ, għaldaqstant ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 272 TFUE.

61.

Apparti dan, ma hemm ukoll l-ebda evidenza li l-muniċipalità riedet tissuġġetta lilha nnifisha għal klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE. Rieda korrispondenti ta’ parti mill-kuntratt, li kienet tkun indispensabbli għall-ftehim ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, minn naħa, ma tistax tiġi dedotta miċ-ċirkustanzi kollha tal-ftehim postkuntrattwali bejn SEMEA u l-muniċipalità u min-naħa l-oħra ma tiġix suġġetta awtomatikament. Dan huwa ferm iktar minnu kif evidenzjat mid-dokumenti, li jiddokumentaw il-proċess tal-istralċ ta’ SEMEA, li s-sempliċiment eżistenza tal-klawżola ta’ arbitraġġ ma ġietx indirizzata la minn SEMEA u lanqas ġiet espressament rikonoxxuta mill-muniċipalità. Għall-kuntrarju: la d-deċiżjoni tal-kunsill tal-muniċipalità tat-18 ta’ Diċembru 2008 u lanqas ir-rapport tal-istralċ tal-21 ta’ Novembru 2008 ma jinkludu informazzjoni korrispondenti; pjuttost, huma possibbilment jagħtu indikazzjoni żbaljata li fuq il-kwistjoni tal-kuntratt ta’ sussidju inkwistjoni ta’ SEMEA huwa applikabbli d-dritt Franċiż, li fi kwalunkwe każ ma jiġix immedjatament issuġġerit li għad-dejn inkwistjoni tiġi kkunsidrata l-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Unjoni.

62.

B’kont meħud ta’ dan kollu ma jistax jiġi preżunt li klawżola ta’ arbitraġġ kienet tkun miftiehma permezz ta’ kuntratt favur partijiet terzi li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel referenza għalih fil-konfront tal-muniċipalità.

63.

Anki li kieku ġie ppreżentat kunsens minn SEMEA u l-muniċipalità f’dan ir-rigward, tirriżulta wkoll il-mistoqsija li iktar ’il quddiem għad trid tiġi eżaminata, jekk ir-rekwiżiti tal-prova li jistabbilixxi l-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura għall-klawżola ta’ arbitraġġ ġewx sodisfatti.

d) Ir-rekwiżiti tal-prova għall-klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

64.

B’mod konformi mal-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura mal-att promotur għandha tiġi ppreżentata kopja tal-kuntratt li tinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-evidenza dokumentarja fil-każ ta’ eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ.

65.

Rigward il-Commune de Millau, il-Kummissjoni baqgħet ma pprovdietx din il-prova u ma setgħetx tipprovdiha peress li mill-allegat ftehim ta’ klawżola ta’ arbitraġġ favur il-Kummissjoni, kif tirrikonoxxi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 23 ), “mill-għan tal-ftehim bejn SEMEA u l-Commune de Millau kif ukoll miċ-ċirkustanzi tal-każ” ( 24 ) biss jista’ jiġi stabbilit u b’hekk, jekk tiġi ppreżentata, ikollha n-natura ta’ ftehim mhux stabbilit bil-miktub, iżda purament implikat fil-fatt. Dokumenti simili ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ prova tal-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li teħtieġ il-preżentazzjoni lill-qorti ta’ kopja, jiġifieri dokument, li fih il-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni.

66.

Il-ġurisprudenza interpretat din id-dispożizzjoni b’mod wiesa’ u bħala konformi, jekk abbozz ta’ kuntratt mhux iffirmat ikun ġie ppreżentat flimkien ma’ korrispondenza ( 25 ) li tirreferi għalih, jew meta l-partijiet għamlu referenza għal dokumenti li ma humiex parti mill-kuntratt ( 26 ). Madankollu, l-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura msemmija jkun bla sinjifikat, jekk jiġi kompletament imwarrab l-element ewlieni tad-dispożizzjoni; jiġifieri li għandha tiġi ppreżentata kopja bil-miktub tal-klawżola inkwistjoni, li minnha jkun jista’ jiġi immedjatament dedott, liema partijiet għal liema kuntratt qablu fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Unjoni. Il-preżentazzjoni ta’ dokumenti li jippermettu inferenzi biss għal kwalunkwe ftehim verbali jew impliċitu mingħajr ma jkun ġie ddokumentat bil-miktub il-kontenut, f’dan ir-rigward tista’ ma tkunx biżżejjed, minħabba li jista’ jkun diffiċli li ċ-ċirkustanzi li ma jagħmlux parti mid-dokumenti jitqiesu bħala “kopja” ta’ kuntratt ( 27 ). L-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandu jitqies b’rabta mill-qrib mal-pożizzjoni eċċezzjonali li l-Artikolu 272 TFUE bħala regola ta’ ġurisdizzjoni eċċessiva, għalhekk, għandu jiġi interpretat b’mod strett fil-qasam ewlieni tiegħu u ma jkun suġġett għall-ebda fehim, li skontu l-preżentazzjoni ta’ dokument ma kinitx tkun neċessarja, li tinkludi b’mod ċar u espressament il-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni.

67.

F’dan ir-rigward l-Artikolu 44(5)a jservi wkoll biex jiżgura ċ-ċertezza legali u huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kontroargument, differenti mill-formalitajiet elenkati fl-Artikolu 44(3) sa (5) li ma huwa possibbli l-ebda rimedju permezz tal-preżentazzjoni sussegwenti ta’ dokumenti neqsin. Għalhekk, jekk il-kopja tal-klawżola ta’ arbitraġġ tkun nieqsa fil-preżentazzjoni ta’ rikors, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

68.

Peress li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda kopja suffiċjenti tal-klawżola ta’ arbitraġġ fir-rigward tal-Commune de Millau skont l-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni għar-rikors ippreżentat kontra l-muniċipalità. Billi l-Qorti Ġenerali madankollu qieset ir-rikors ippreżentat kontra l-muniċipalità bħala ammissibbli, konsegwentement wettqet żball ta’ liġi.

69.

Għalhekk, l-appell tal-Commune de Millau ġie aċċettat. Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sakemm din tikkundanna l-muniċipalità b’obbligazzjoni in solidum għall-ispejjeż u għall-allokazzjoni tal-ispejjeż, u r-rikors ippreżentat kontriha għandu jiġi miċħud, għaliex f’dan il-punt il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti.

70.

Fid-dawl ta’ dan ir-riżultat intermedju, iktar ’il quddiem għandhom jiġu eżaminati biss l-aggravji ppreżentati minn SEMEA. Sa fejn bihom, fir-rigward ir-regoli tal-preskrizzjoni u tal-istralċ Franċiżi, tiġi kkontestata applikazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tqum fil-bidu l-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni fil-proċedura tal-appell biex teżamina l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Qorti Ġenerali, u jekk iva, sa liema punt. Jekk f’dan ir-rigward partikolarment ma għandhiex mandat jew għandha mandat ristrett, l-aggravji kkonċernati ppreżentati jistgħu jibqgħu ma jiġux eżaminati individwalment. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati iktar ’il quddiem.

C – Dwar l-aggravji ta ’ SEMEA li bihom tiġi kkontestata applikazzjoni skorretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Qorti Ġenerali

71.

L-ewwel nett għandu jiġi diskuss jekk l-aggravji li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali humiex rilevanti fil-proċeduri tal-appell.

72.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura tal-appell hija speċifikata fl-Artikolu 58 tal-Istatut, li skontu “[a]ppell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.”

73.

Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher għalhekk impossibbli, li fil-proċedura tal-appell jiġu kkontestati kwalunkwe żbalji legali fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li setgħet għamlet il-Qorti Ġenerali. Dan minħabba li żbalji legali bħal dawn bħala prinċipju ( 28 ) ma jiksrux id-dritt tal-Unjoni, iżda l-leġiżlazzjoni nazzjonali biss. Skont il-kompetenzi elenkati fl-Artikolu 58 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-proċedura tal-appell ( 29 ).

74.

Fil-każ li l-klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE tkun tinvolvi l-istat attwali tad-dritt għalhekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali għandha, jekk meħtieġ, wara li jiġi ppreżentat ir-rikors fl-ewwel istanza, twettaq eżaminazzjoni komprensiva permezz tal-libertà tal-għażla tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Min-naħa l-oħra, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju tiġi mċaħħda fil-proċedura tal-appell wara s-sentenza fl-ewwel istanza fid-dawl tal-Artikolu 58 tal-Istatut, milli tirrikonoxxi l-aggravji, li bihom biss ġiet ikkontestata l-applikazzjoni skorretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Qorti Ġenerali.

75.

Madankollu, fil-ġurisprudenza stabbilita nstabu sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom fil-proċedura tal-appell, u speċjalment anki fil-każ ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ ( 30 ), l-applikazzjoni fl-ewwel istanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi sottomessa għal eżaminazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jekk ma jsirx hekk, ċertament trid tiġi ġġustifikata fid-dettall fid-dawl tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

76.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta din il-ġurisprudenza kif ġej. Din minn naħa ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, hemm ċertu diskrepanza mas-sentenza tal-Awla Manja fil-kawża Edwin vs UASI ( 31 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu, fl-isfond tal-kwistjoni kkaratterizzata mid-dritt dwar it-trade marks kummerċjali u mingħajr referenza espliċita għall-Artikolu 58 tal-Istatut, tiġbor fil-qosor il-mandat tagħha ta’ reviżjoni fl-appell fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ġej: “F’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fir-rigward tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiema, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titratthom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess” ( 32 ). Il-Qorti Ġenerali għalhekk tikkunsidra, meta tiddeċiedi f’appell, korrezzjoni tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biss f’każijiet ta’ falsifikazzjoni jiġifieri fejn il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi evidenti ( 33 ).

77.

Hawnhekk, ma hawn l-ebda kontradizzjoni tal-Artikolu 58 tal-Istatut, li jeskludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali kompletament skont in-norma tal-eżaminazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tittrasferixxi mutatis mutandis dak l-approċċ tal-verifika għat-trattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jittieħed ukoll bħala bażi fl-appell, fir-rigward tal-falsifikazzjoni tal-fatti kkontestati bid-dritt tal-Unjoni ( 34 ).

78.

Dan l-approċċ tal-verifika jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni u tannulla s-sentenza żbaljata, f’każijiet ta’ applikazzjoni skorretta evidenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Qorti Ġenerali, iżda dan biss f’dawn il-każijiet ( 35 ).

79.

Din is-soluzzjoni li ġiet ipprovduta fil-kawża Edwin vs UASI għal-liġi dwar it-trade marks kummerċjali tista’ tkun iġġeneralizzata mil-lat ta’ termini u fis-sustanza tagħha, u hemm raġunijiet validi biex dawn jiġu ttrasferiti għall-proċedura ta’ appell f’każijiet ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Għalhekk, sa fejn jirriżulta tnaqqis tal-protezzjoni legali, peress li mhux kull ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jwassal għal annullament tas-sentenza tal-ewwel istanza minn qorti fit-tieni istanza, għandu jiġi aċċettat korp ta’ regolamenti ċar tal-Artikolu 256(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti Ġustizzja. Ir-rimedju f’dan ir-rigward ikun jista’ jwettqu biss il-leġiżlatur tal-Unjoni. Ma għandu jkun hemm l-ebda biża’ ta’ sitwazzjoni problematika relatata mal-protezzjoni legali effettiva. Minn naħa, il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva mhux neċessarjament jeħtieġ stadju ta’ appell f’diversi livelli. Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ libera anki fl-appell, li tannulla sentenza tal-ewwel istanza f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata evidenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

80.

B’dan l-approċċ bħala punt tat-tluq, tqum f’dan il-każ minn naħa l-kwistjoni jekk jistax wieħed jipproċedi f’każ ta’ lment ta’ applikazzjoni evidentement żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fi proċedura ta’ appell. Min-naħa l-oħra tqum il-kwistjoni l-oħra, jekk il-kwistjoni msemmija qabel tkun fl-affermattiv, jekk l-appellant, jiġifieri SEMEA, ssostanzjatx biżżejjed anki din iċ-ċirkustanza u kkontestatx l-aggravju b’mod komprensiv fil-każ.

81.

Anki l-ewwel kwistjoni f’dan il-każ għandha tkun miċħuda, sabiex il-verifika tat-tieni ma tkunx meħtieġa iktar. Il-Qorti Ġenerali eżaminat bir-reqqa s-sitwazzjoni legali Franċiża u l-ġurisprudenza dwar il-preskrizzjoni u l-istralċ inkwistjoni u pproduċiet soluzzjonijiet komprensibbli, li kontrihom ma jistgħu jsiru l-ebda allegazzjoni ta’ distorsjoni u l-ebda lment ta’ inkorrettezza evidenti.

82.

Konsegwentement, l-aggravji invokati minn SEMEA għandhom jiġu miċħuda.

83.

Finalment, għandu jiġi eżaminat l-aggravju li invokat SEMEA b’rabta maċ-ċaħda tal-kontrotalba tagħha. Dan l-aggravju huwa bbażat primarjament fuq l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u għalhekk huwa kkaratterizzat mid-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi eżaminat b’mod sħiħ minn dan id-dritt.

D – Dwar il-kontrotalba ta ’ SEMEA

84.

Bil-kontrotalba tagħha SEMEA sussidjarjament qed tagħmel talba għal kumpens li jikkorrispondi għat-talba kkontestata mill-Kummissjoni flimkien mal-interessi u qed tibbaża r-rikors tagħha prinċipalment fuq ir-responsabbiltà nonkuntrattwali tal-Unjoni u d-dritt kostituzzjonalment iggarantit għal amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni konsegwentement kisret l-Artikolu 41 tal-Karta, peress li baqgħet lura milli tfakkar dwar it-talba tagħha, u b’mod partikolari bejn l-ewwel u t-tieni twissija laħqu għaddew madwar tnax-il sena. B’dan il-mod, akkumulaw, fost l-oħrajn, interessi sostanzjali bl-arretrati li kieku setgħu jiġu evitati.

85.

L-arranġament preżenti bħala prinċipju jqajmu l-kwistjoni ta’ jekk nuqqas minn naħa tal-Kummissjoni fl-irkupru tat-talba tagħha jistax jiġi kkontestat mill-perspettiva tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, u jekk talbiet għall-ħlas lill-Kummissjoni minħabba f’hekk, indipendentement minn, u qabel il-preskrizzjoni tagħhom, jistgħux ma jsirux. Il-fatt li SEMEA dan is-suġġett qed tressqu f’kontrotalba jista’ jkun minħabba li fid-dritt Franċiż ma huwiex rikonoxxut il-kunċett ta’ istituzzjoni legali ta’ skwalifika, kif huwa derivat fid-dritt Ġermaniż mill-bona fide ( 36 ). Finalment, il-kawża tikkonċerna oġġezzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet fundamentali kontra talbiet ewlenin u sekondarji tar-rikorrenti. Hawnhekk it-talba għandha tiġi rikonoxxuta wkoll b’mod korrispondenti.

86.

Għalhekk għandu jiġi eżaminat f’liema speċifikazzjoni d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba jista’ jkun rilevanti f’kuntest affettwat minn kuntratt, jekk it-talbiet kuntrattwali jistgħu jwasslu għall-kanċellazzjoni jew ikunu bħala oġġezzjoni li timpedixxi d-dritt li tista’ tkun f’kunflitt mal-ħolqien ta’ interessi moratorji.

87.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet libera li tamministra l-patrimonju tagħha kif tħoss xieraq bi ftehim ma’ SEMEA fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u tutilizza wkoll il-perijodu ta’ preskrizzjoni statutorji tagħha. L-Artikolu 41 tal-Karta jista’ jkun diffiċli biex jinftiehem, li dan b’mod ġenerali jissostitwixxi l-perijodi ċari ta’ preskrizzjoni li japplikaw għal talbiet kuntrattwali, bi “żmien raġonevoli” ftit li xejn konkret. B’hekk dan la jwassal għaċ-ċertezza legali u lanqas ma jaqdi l-interessi reċiproċi tal-partijiet. Fi kliem ieħor: sabiex jiġu ttrattati kwistjonijiet kuntrattwali għandhom primarjament japplikaw dawk il-perijodi meqjusa bħala “xierqa” skont il-Karta, li l-partijiet ikunu qablu fuqhom kuntrattwalment.

88.

Jekk il-Kummissjoni, madankollu, tipproċedi sabiex tirkupra l-ammonti riċevibbli tagħha, din għandha tagħmel hekk fi żmien raġonevoli għall-kwistjoni li tikkonċerna l-kontroparti tagħha peress li hija suġġetta għall-Karta. Dan ma jibdel xejn mill-fatt li l-kontropartijiet tagħha ma jaffettwawlhom l-ebda l-obbligu mill-Karta fil-kontront tagħha. Irrispettivament minn dan, bir-“riferiment għad-dritt privat”, il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli tosserva d-dritt fundamentali tagħha.

89.

F’dan il-każ, l-imġiba tal-Kummissjoni mill-perspettiva tal-adegwatezza hija problematika, minħabba li minn naħa, bit-talba għall-ħlas tas-27 ta’ April 1993, iż-żmien għall-interessi fuq l-arretrati beda jgħodd f’waqtu, u min-naħa l-oħra, madankollu, id-debitur f’madwar tnax-il sena silenzju ħassu żgur, u mbagħad minkejja dan, fit-18 ta’ Novembru 2005 ġie mitlub b’insistenza għall-ħlas tad-dejn pendenti, flimkien mal-interessi kunsiderevoli li saħansitra fil-frattemp spiċċaw jeċċedu t-talba ewlenija kif ippreżentata minn SEMEA mingħajr ma ġiet ikkontestata.

90.

Peress li l-Kummissjoni kellha l-obbligu mid-dritt fundamentali għall-irkupru rapidu tat-talba tagħha, li ma rrispettatx sat-18 ta’ Novembru 2005, fl-irkupru tat-talba tagħha turi aġir li jinsab f’rabta kawżali diretta mal-interess fuq l-arretrati akkumulat matul dan il-perijodu.

91.

Minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet saħansitra wkoll kompletament il-kontrotalba għall-interessi minħabba nuqqas ta’ rabta kawżali, peress li n-nuqqas ta’ ħlas huwa attribwit lil SEMEA biss ( 37 ), u ma rrikonoxxietx li hemm biżżejjed evidenza ta’ ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, qieset li ma għandhiex issir reviżjoni legali. Iċ-ċaħda tal-kontrotalba fil-fatt tiġi sostnuta biss fl-appell, minħabba li din tikkonċerna t-talba ewlenija u l-interess akkumulat mit-18 ta’ Novembru 2005. Barra minn hekk, it-talba magħmula permezz ta’ kontrotalba minn SEMEA finalment twassal għal tnaqqis korrispondenti tat-talba tar-rikorrenti.

92.

Finalment tissemma l-kwistjoni tal-ispejjeż.

E – Spejjeż

93.

Peress li l-appell ippreżentat mill-Commune de Millau kien iġġustifikat, il-Kummissjoni se ġġarrab l-ispejjeż tal-muniċipalità. Peress li SEMEA bl-appell tagħha minn naħa tilfet u min-naħa l-oħra rebħet, hi u l-Kummissjoni jġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess (l-Artikolu 184(2) flimkien mal-Artikolu 138(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja).

VII – Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Semea u Commune de Millau (T‑168/10 u T–572/10) hija annullata, sakemm din tordna lill-Commune de Millau tħallas bħala debitur in solidum ta’ SEMEA l-ammont ta’ EUR 41 012, flimkien mal-interessi fuq l-arretrati lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tħallas l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑572/10.

2)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Semea u Commune de Millau (T‑168/10 u T‑572/10) hija annullata, sakemm din tordna lil SEMEA tħallas l-interessi fuq l-arretrati mis-27 ta’ April 1993 sat-18 ta’ Novembru 2005.

3)

Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑572/10 kontra Commune de Millau huwa miċħud bħala inammissibbli.

4)

Il-kumplament tal-appell ta’ SEMEA huwa miċħud.

5)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tal-Commune de Millau u l-ispejjeż rispettivi tagħha. SEMEA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Din il-kwistjoni tħalliet miftuħa fil-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Jannar 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punti 84 sa 86), peress li ma kinitx rilevanti għad-deċiżjoni.

( 3 ) Fid-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 238 KE u fl-Artikolu 181 tat-Trattat KEE rilevanti għall-konklużjoni tal-kuntratt jirreferu għal “Komunità”.

( 4 ) Punt 132 tas-sentenza appellata.

( 5 ) Punt 138 tas-sentenza appellata.

( 6 ) Punt 139 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Il-fatt li taħt id-dritt nazzjonali Franċiż avukat jista’ jitqies awtorizzat mingħajr prova konkreta ta’ mandat bħala suffiċjenti (mandat ad litem), huwa irrilevanti għall-proċeduri quddiem il-Qrati tal-Unjoni.

( 8 ) Is-sitwazzjoni ġuridika kienet differenti taħt ir-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ fl-aħħar ta’ Ottubru 2012. Ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 38(5)(b) tiegħu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni (C-294/98 P, Ġabra p. I-10079, punt 15), fejn skont din is-sentenza dan ma huwiex applikabbli f’appell.

( 9 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni (C-19/93 P, Ġabra p. I-3319), tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni (C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punti 31 u 36 sa 40), u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (C-77/12 P, punt 65); Artikolu 119(4) tar-Regoli tal-Proċedura għandu natura ta’ dispożizzjoni derogatorja.

( 10 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31).

( 11 ) Is-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9) tistipula dan fil-punt 38: “Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, f’sitwazzjoni bħal din, huwa, f’kull każ, neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors, b’tali mod li l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kollha għandhomx effettivament locus standi hija irrilevanti”.

( 12 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal-Awdituri (193/87 u 194/87, Ġabra p. 1045, punt 33).

( 13 ) Il-punt 42 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon li jinkludu l-każ imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 14 ) F’dan il-każ bħala s-suċċessur indirett tal-Komunità Ekonomika Ewropea.

( 15 ) Ara wkoll l-Artikolu 335 TFUE.

( 16 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1999, Il‑Kummissjoni vs Montorio, (C-344/97, Ġabra p. I-3387), tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Alexiadou (C-436/07 P, Ġabra p. I-152*), u tat-18 ta’ Novembru 2010 ArchiMEDES vs Il‑Kummissjoni (C-317/09 P, Ġabra p. I-150*).

( 17 ) Ara hawnhekk Karpenstein f’Grabitz/Hilf/Nettesheim, l-Artikolu 272 TFUE, punt 9, li jqis dan “mingħajr oġġezzjoni”, bħala “mhux oġġezzjonabbli”, “sa fejn u sakemm jiġi espress, li l-korpi rispettivi aġixxew […] bħala rappreżentanti”.

( 18 ) Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-identità tal-partijiet minn naħa tal-Unjoni, tirriżulta l-problema ta’ rikors li jikkonċerna uffiċjali (Artikolu 270 TFUE) u fl-azzjonijiet għad-danni (Artikolu 340 TFUE) — fid-dawl tat-test li jieħu bħala bażi l-“Unjoni” li hija wkoll ta’ natura ġenerali — li tqajjem l-istess problema bħall-Artikolu 272 TFUE. Fir-rigward tal-każ tal-uffiċjali fil-ġurisprudenza — bħal fil-każ tal-klawżola ta’ arbitraġġ — kuntrarjament għat-test tad-dispożizzjoni titqies ġeneralment l-istituzzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Ara, b’kuntrast mal-ġurisprudenza mhux uniformi għall-Artikolu 340 TFUE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1995, Odigitria vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T-572/93, Ġabra p. II-2025, punt 22 — hawnhekk l-argument ġie bbażat fuq l-istituzzjoni), u tal-4 ta’ Frar 1998 Bühring vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T-246/93, Ġabra p. II-171, punt 26 — hawnhekk l-argument ġie bbażat fuq il-Komunità).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 132 sa 143 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Essenzjali għal dan hija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1976, Pellegrini vs Il‑Kummissjoni u Flexon‑Italia (23/76, Ġabra p. 1807).

( 21 ) Ara fost l-oħrajn is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni (T-271/04, Ġabra p. II-1375, punt 53) u l-punt 116 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 133 sa 136 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Il-punti 140 u 141 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Is-sentenza Pellegrini vs Il‑Kummissjoni u Flexon‑Italia (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 10).

( 26 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1985, Il‑Kummissjoni vs CO.DE.MI. (318/81, Ġabra p. 3693, punti 9 u 10).

( 27 ) Is-sentenza Citymo vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 56) hija ġeneruża ż-żejjed, fejn għandu jkun biżżejjed, “meta d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jippermettu lill-qorti Komunitarja li għandha l-kawża quddiemha sabiex tkun edotta biżżejjed mill-ftehim li sar bejn il-partijiet fil-kawża li jneħħu l-kontroversja bejniethom rigward il-kuntratt mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex iressquha quddiem il-qrati Komunitarji”. Iċ-ċirkustanzi li ma jinsabux fid-dokument ma jistgħux partikolarment jitqiesu bħala deċiżivi.

( 28 ) Għall-każ speċjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali “inkorporata” f’att legali tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tas-27 ta’ Jannar 2011 Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C-401/09 P, Ġabra p. I-4911, punti 71 sa 74).

( 29 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 70 sa 78) jipprovdu dettalji dwar dan il-punt.

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs CCRE, (C-87/01 P, Ġabra p. I-7617, punti 56 sa 64), u s-sentenza ArchiMEDES (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 51 et seq.

( 31 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011 (C-263/09 P, Ġabra p. I-5853).

( 32 ) Sentenza Edwin vs UASI (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 53).

( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tat-28 ta’ Novembru 2013, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, punti 78 sa 87).

( 34 ) Deċiżivi f’dan ir-rigward huma l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.

( 35 ) B’hekk l-approċċ tiegħu huwa simili għall-istandard limitat ta’ reviżjoni, li anki ċerti qrati tal-appell nazzjonali jieħdu bħala bażi fil-kontroll tal-applikazzjoni tal-liġi barranija. Ara hawnhekk in-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwin vs UASI.

( 36 ) Dwar dan huwa essenzjali u jipprovdi analiżi legali komparattiva t-test ta’ F. Ranieri, “Verwirkung et renonciation tacite”, Mélanges en l’honneur de Daniel Bastian, Librairies techniques, Pariġi 1974, p. 427 sa 452.

( 37 ) Ara l-punti 108 sa 111 tas-sentenza appellata.