KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑530/12 PUffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

vs

National Lottery Commission

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 53(2)(c) — Trade mark Komunitarja — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq drittijiet tal-awtur preċedenti bis-saħħa tad-dritt nazzjonali — Konoxxenza u interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali — Rwol tal-qorti tal-Unjoni”

1. 

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2012, National Lottery Commission vs UASI – Mediatek Italia u de Gregorio (Rappreżentazzjoni ta’ id) ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat min-National Lottery Commission ( 3 ), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Ġunju 2010 ( 4 ) dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn, minn naħa, Mediatek Italia Srl u G. De Gregorio ( 5 ) u, min-naħa l-oħra, l-NLC.

2. 

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li tiffissa linji gwida għall-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha teżerċita fir-rigward tal-kontenut u tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt fil-kuntest tal-kontenzjuż dwar it-trade mark Komunitarja.

3. 

L-ewwel aggravju jqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, tistax tirriċerka ex officio l-kontenut tad-dritt pożittiv nazzjonali invokat mill-parti li tkun qiegħda titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja minħabba dritt preċedenti protett minn dan id-dritt nazzjonali.

4. 

F’dan ir-rigward, f’dawn il-konklużjonijiet ser insostni li l-eżerċizzju tal-istħarriġ sħiħ tal-legalità li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tagħti lit-tilwima soluzzjoni li tkun konformi mad-dritt pożittiv nazzjonali u, għal dan il-għan, għandha tkun tista’ tirriċerka, jekk ikun meħtieġ ex officio, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali invokati mill-partijiet insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom.

5. 

Madankollu, ser nindika li, meta l-qorti tal-Unjoni twettaq din ir-riċerka ex officio, hija għandha tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju.

6. 

Peress li l-Qorti Ġenerali ma osservatx dan il-prinċipju, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata.

7. 

Peress li fil-fehma tiegħi t-tilwima ma tinsabx fi stat li tista’ tiġi deċiża, ser nistieden, fl-aħħar nett, lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

8.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( 6 ), tħassar u ġie kkodifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja ( 7 ), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009.

9.

Skont l-Artikolu 53(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009:

“Trade mark tal-Komunità għandha wkoll tkun iddikjarata invalida mal-applikazzjoni lejn l-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontratalba fil-proċedimenti tal-ksur meta l-użu ta’ tali trade mark jista jkun ipprojbit bis-saħħa ta’ dritt aktar kmieni skont leġiżlazzjoni tal-Komunità jew ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni tagħha, u partikolarment:

[...]

(c)

id-dritt tal-awtur”.

10.

L‑Artikolu 76(1) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

“Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

B – Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

11.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 ( 8 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 ( 9 ), jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli applikabbli għall-iżvolġiment quddiem l-UASI tal-proċedimenti għar-revoka jew għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja.

12.

Ir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprovdi:

“Applikazzjoni lill-[UASI] għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [...] għandu jkun fiha:

[...]

(b)

f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni[:]

[...]

(iii)

fil-każ ta’ applikazzjoni skond [l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009], dettalji tal-jedd li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u dettalji li juru li l-applikant huwa l-proprjetarju ta jedd preċedenti kif imsemmi [fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009] jew li huwa intitolat taħt il-liġi nazzjonali applikabbli li jagħmel pretensjoni għal dak il-jedd”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

13.

Fit-2 ta’ Ottubru 2007, l-NLS kisbet, mingħand l-UASI, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva segwenti ( 10 ):

Image

14.

Fl-20 ta’ Novembru 2007, Mediatek Italia ressqet quddiem l-UASI, fuq il-bażi tal-Artiklu 52(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li sar l-Artikolu 53(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 11 ), talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark kontenzjuża minħabba l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur preċedenti allegatament miżmuma minn G. De Gregorio fir-rigward tas-sinjal figurattiv segwenti ( 12 ):

Image

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellament tal-UASI laqgħet din it-talba għar-raġuni, essenzjalment, li Mediatek Italia kienet ipprovat l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur protetti mil-leġiżlazzjoni Taljana li kienu kważi identiċi għat-trade mark kontenzjuża kif ukoll in-natura preċedenti ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront tat-trade mark imsemmija.

16.

L-NLC appellat minn din id-deċiżjoni.

17.

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell.

18.

L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li Mediatek Italia kienet ressqet prova tal-ħolqien tax-xogħol kif ukoll tat-titolu tad-drittijiet tal-awtur permezz tal-produzzjoni tal-fotokopja ta’ kuntratt privat tas-16 ta’ Settembru 1986 ( 13 ), li permezz tiegħu persuna terza li ppreżentat ruħha bħala l-awtur tal-mano portafortuna ddikjarat li kienet qiegħda tittrasferixxi lil waħda mill-persuni li ressqu t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità d-drittijiet tagħha fuq ir-riproduzzjoni u l-użu ta’ dan ix-xogħol, li kien riprodott, flimkien ma’ disinni oħra, fl-anness ta’ dan il-kuntratt.

19.

It-tieni nett, huwa kkunsidra li l-anomaliji osservati mill-NLC, jiġifieri l-fatt li jissemma tul massimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ 70 sena, meta tali tul ma kienx jeżisti qabel l-1996, id-data tat-timbru postali li tikkorrispondi għal Ħadd, ġurnata li matulha jkunu magħluqa l-uffiċċji postali, u d-differenza kwalitattiva u kunċettwali bejn id-disinn tal-mano portafortuna u d-disinni l-oħra li jinsabu fl-anness, ma kinux ta’ natura li jqajmu dubji dwar in-natura awtentika tal-kuntratt tal-1986.

20.

It-tielet nett, huwa ppreċiża li, peress li l-kuntratt privat jikkostitwixxi prova konklużiva tal-provenjenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawk li kkonkludewh sakemm ma jiġix iddikjarat li huwa ffalsifikat, skont l-Artikolu 2702 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, huwa kellu l-kompetenza li jevalwa liberament il-kontenut tiegħu.

III – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, l-NLC ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

22.

Insostenn tar-rikors tagħha, l-NLC invokat tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 53(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq l-illegalità tar-rifjut tal-Bord tal-Appell li jiftaħ proċedura orali u li jordna miżuri istruttorji, kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Bord tal-Appell tal-kompetenza tiegħu li jeżamina n-natura awtentika tal-kuntratt tal-1986.

23.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan ir-rikors u kkundannat lill-UASI għall-ispejjeż.

24.

Il-Qorti Ġenerali, li eżaminat flimkien l-ewwel u t-tielet motivi, l-ewwel nett fakkret, fil-punti 17 sa 21 tas-sentenza appellata, ir-regoli proċedurali applikabbli għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja bbażata fuq l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur preċedenti protetti fil-kuntest ġuridiku nazzjonali.

25.

Fil-punti 18 u 19 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat il-punti 50 sa 52 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI ( 14 ), qabel ma fakkret, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha stess, ibbażata fuq il-kunċett ta’ “fatt magħruf”, li minnha jirriżulta li l-UASI “għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li jidhrulu utli għal dan il-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni ta’ invalidità inkwistjoni u, b’mod partikolari, tar-realtà tal-fatti mressqa jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati”.

26.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 23 u 24 tas-sentenza appellata, li, għalkemm “il-Bord tal-Appell ġustament ibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet legali Taljani li jiddeterminaw is-saħħa probatorja tal-kuntratt tal-1986”, hija xorta waħda kellha “tivverifika [...] jekk [kienx] segwa interpretazzjoni korretta tad-dritt Taljan rilevanti meta kkonkluda li, skont l-Artikoli 2702 u 2703 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, il-kuntratt tal-1986 kien jikkostitwixxi prova konklużiva tal-provenzjenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawk li kkonkludewh sakemm ma tinfetaħx proċedura sabiex jiġi ddikjarat li huwa ffalsifikat”.

27.

Wara li fakkret il-kontenut tal-Artikoli 2702 sa 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, il-Qorti Ġenerali espremiet il-pożizzjoni tagħha b’dan il-mod:

“29

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li minn qari tal-Artikoli 2702 sa 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, tali affermazzjoni tkun korretta biss jekk il-firem tal-partijiet fil-kuntratt ikunu jistgħu jitqiesu li huma legalment irrikonoxxuti sa fejn ikunu ġew awtentikati skont l-Artikolu 2703 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, jew jekk tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2704 ta’ dan l-istess kodiċi.

[...]

31

[...] fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, għandu jiġi enfasizzat li dan jippermetti li jiġi infurzat kontra terzi kuntratt privat li l-firem tiegħu ma jkunux ġew awtentikati, b’effett mill-jum ta’ wara r-reġistrazzjoni tiegħu jew mis-seħħ ta’ fatt li jistabbilixxi b’mod daqstant ieħor ċert li l-kuntratt privat kien redatt preċedentement.

32

Skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ kassazzjoni Taljana), l-ittimbrar ta’ kuntratt privat b’timbru postali jikkostitwixxi fatt li jistabbilixxi d-data ċerta ta’ dan il-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili meta t-timbru postali jkun jinsab fuq il-kontenut tad-dokument stess (sentenza Nru 13912 tal-14 ta’ Ġunju 2007 [ ( 15 )]. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prova kuntrarja tal-veraċità tad-data ta’ timbru postali tista’ tiġi prodotta mingħajr ma jkun meħtieġ li tinfetaħ proċedura għal dikjarazzjoni li l-kuntratt huwa ffalsifikat.”

28.

Wara li osservat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li, “għalkemm, fid-deċiżjoni [kontenzjuża] ma jsir ebda riferiment għall-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, f’din id-deċiżjoni tissemma l-preżenza ta’ timbru postali bid-data tal-21 ta’ Settembru 1986”, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li l-“preżenza ta’ dan it-timbru postali hija prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kuntratt tal-1986 għandu data ċerta b’effett mill-21 ta’ Settembru 1986”, qabel ma żiedet, madankollu, fil-punt 35 tal-istess sentenza, li, “skont il-ġurisprudenza [tal-Corte suprema di cassazione], [l-NLC] setgħet tressaq prova li l-kuntratt tal-1986 kien fil-verità redatt f’data differenti minn dik indikata fit-timbru postali, u dan mingħajr ma kien meħtieġ li tiftaħ proċedura sabiex jiġi ddikjarat li huwa ffalsifikat”.

29.

Minn dan il-Qorti Ġenerali konkludiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata:

“B’hekk, il-Bord tal-Appell, meta kkonkluda [...] li l-kuntratt tal-1986 ‘[kien] kuntratt privat u [kien] għalhekk jikkostitwixxi prova konklużiva tal-provenzjenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawk li [kienu] kkonkludewh sakemm ma jiġix iddikjarat li huwa ffalsifikat skont l-Artikolu 2702 tal-Kodiċi Ċivili’, meta l-ftuħ ta’ tali proċedura ma kienx neċessarju fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, segwa interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, għaldaqstant, evalwa b’mod żbaljat il-portata preċiża tal-kompetenzi tiegħu.”

30.

It-tieni nett, wara li osservat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjonijiet dwar l-anomaliji kkonstatati fil-kuntratt tal-1986 setgħu kienu ppreġudikati mill-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Taljan, sa fejn seta’ “jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kien jagħti iktar importanza lil dawn l-elementi li kieku kkunsidra li [l-NLC] setgħet tikkontesta quddiemu n-natura ċerta tad-data li tinsab fuq it-timbru postali u li, għalhekk, il-kuntratt tal-1986 ma kienx neċessarjament prova konklużiva tal-provenjenza tad-dikjarazzjonijiet magħmula fih”, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali li jirregola l-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti invokati minn Mediatek Italia seta’ kellha impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża.

31.

Għaldaqstant, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

32.

L-UASI qiegħed jitlob li s-sentenza appellata tiġi annullata u li l-NLC tiġi kkundannata għall-ispejjeż tiegħu, filwaqt li l-NLC qiegħda titlob li l-appell jiġi miċħud.

33.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-UASI qiegħed iqajjem tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-Artikolu 53(2) tal-istess regolament, u tar-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ tal-UASI u, it-tielet wieħed, fuq inkoerenza manifesta kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti.

A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni

34.

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali la setgħet tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (l-ewwel parti) u lanqas fuq is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007 (it-tieni parti), peress li dawn iż-żewġ elementi ma kinux tqajmu mill-partijiet u, għaldaqstant, ma kinux jagħmlu parti mis-suġġett tat-tilwima mressqa quddiem il-Bord tal-Appell.

1. L-argumenti tal-partijiet

35.

Peress li jqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jurix b’mod ċar jekk il-Qorti Ġenerali kkunsidratx id-dritt nazzjonali bħala punt ta’ liġi jew bħala fatt magħruf, l-UASI jsostni, b’mod alternattiv:

fil-każ li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tikkostitwixxi punt ta’ liġi, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju, espress fir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li hija l-parti li tinvoka d-dritt nazzjonali li għandha tagħti lill-UASI l-provi li jistabbilixxu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni u b’liema mod tapplika għall-każ ineżami, kif ukoll is-soluzzjoni tas-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li d-dritt nazzjonali huwa punt ta’ fatt li għandu jiġi invokat u pprovat mill-partijiet;

fil-każ li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tikkostitwixxi punt ta’ fatt, li l-Qorti Ġenerali indebitament ikklassifikat il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala “fatt magħruf” li seta’, minħabba f’hekk, jiġi rriċerkat u invokat mill-UASI fuq inizjattiva tiegħu stess u li, barra minn hekk, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bl-evalwazzjoni tagħha u evalwat provi li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell ma kienx ħa pożizzjoni.

36.

L-NLC tirribatti li r-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni u s-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, jikkonċernaw esklużivament l-oneru tal-prova li għandha l-persuna li tressaq it-talba u la jikkonċernaw lill-persuna li kontriha titressaq it-talba u lanqas lill-UASI.

37.

Hija ssostni, barra minn hekk, li l-UASI għandu japplika b’mod korrett id-dritt nazzjonali u għandu jinforma ruħu ex officio dwar dan id-dritt meta dan ikun neċessarju għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità.

38.

L-NLC iżżid li l-Bord tal-Appell ma wettaqx biss evalwazzjoni fattwali iżda ta deċiżjoni dwar punt ta’ liġi. Interpretazzjoni tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li tillimita l-eżami tal-Bord tal-Appell għar-raġunijiet relattivi mqajma mill-persuna li tressaq it-talba biss tkun kuntrarja għall-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt li l-UASI huwa meħtieġ jieħu inkunsiderazzjoni, kif ifakkru l-premessa 13 u l-Artikolu 83 tar-regolament imsemmi.

39.

Fl-aħħar nett, l-NLC tirrileva li l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 2702 u 2703 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li tressqu għall-attenzjoni tiegħu, u li l-kwistjoni tas-saħħa probatorja tal-kuntratt tal-1986 kienet tqajmet quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta introduċiet raġunament dwar l-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u l‑ġurisprudenza relatata, dan l-iżball ma kellux impatt fuq ir-riżultat tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali u għalhekk l-appell għandu jiġi miċħud ( 16 ).

2. L-evalwazzjoni tiegħi

a) Osservazzjonijiet preliminari

40.

L-ewwel aggravju, li permezz tiegħu l-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali li bidlet is-suġġett tat-tilwima minħabba li bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet u fuq ġurisprudenza li ma kinux invokati mill-partijiet, huwa bbażat esklużivament fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

41.

Għalkemm jista’ jitqies bħala motiv ġdid, sa fejn tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aggravju huwa fil-fehma tiegħi ammissibbli peress li, minħabba li joħroġ mir-raġunijiet tas-sentenza appellata, ma setax, preżumibbilment, jitqajjem qabel.

42.

Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jqajjem dubji dwar in-natura effettiva tiegħu.

43.

Iż-żewġ dispożizzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-ilment jikkonċernaw esklużivament l-iżvolġiment tal-proċedimenti quddiem l-UASI. L-ewwel dispożizzjoni tippreċiża r-rwol tal-UASI fir-rigward tal-eżami tal-fatti li għandu jwettaq filwaqt li t-tieni waħda telenka l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fit-talba għar-revoka jew għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja mressqa quddiem l-UASI.

44.

Għaldaqstant, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tikkonċerna l-proċedura ġudizzjarja u ebda waħda minnhom ma tapplika għall-Qorti Ġenerali.

45.

Mill-banda l-oħra, l-UASI ma qiegħed jinvoka ebda ksur tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew ksur tal-Artikoli 44(1), 48(2) jew 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

46.

Peress li d-dispożizzjonijiet li qiegħed jiġi invokat il-ksur tagħhom ma humiex direttament applikabbli għall-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u peress li, fihom infushom, ma joħolqux l-obbligu għal dik il-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni esklużivament il-punti tad-dritt nazzjonali prodotti quddiem l-UASI mill-persuna li tressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-aggravju, li jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies bħala ineffettiv.

47.

Madankollu, il-prinċipji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija għandhom loġikament ikunu applikabbli wkoll għall-proċedura ġudizzjarja segwita quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan sa fejn is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali huwa identiku ( 17 ).

48.

Għalhekk, għandha tiġi eżaminata f’iktar dettall il-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

b) Il-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-kontenzjuż dwar it-trade mark Komunitarja u r-rwol tal-qorti tal-Unjoni u tal-istanzi tal-UASI

i) Tfakkir tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali

49.

Is-soluzzjoni adottata fis-sentenza appellata fir-rigward tal-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali u tar-rwol tal-UASI ssegwi kompletament il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

50.

Bħala regola ġenerali, il-Qorti Ġenerali tagħti lid-dritt nazzjonali n-natura ta’ punt ta’ fatt li l-prova tiegħu għandha titressaq mill-persuna li tkun qiegħda tagħmel l-oppożizzjoni jew mill-persuna li tkun qiegħda titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità. Madankollu, il-Qorti Ġenerali torbot dan il-prinċipju b’riżerva importanti sa fejn timponi fuq l-UASI l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali meta dan ikun fatt magħruf. B’hekk, diversi sentenzi jipprovdu li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li jidhrulu utli għal dan il-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ raġuni ta’ invalidità u, b’mod partikolari, tar-realtà tal-fatti mressqa jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati ( 18 ). Skont il-Qorti Ġenerali, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami mwettaq mill-UASI ma teskludix li dan jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jkunu ta’ natura tali li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi ġeneralment aċċessibbli ( 19 ).

51.

Din l-eċċezzjoni hija wkoll suġġetta għal limitu peress li l-Qorti Ġenerali rabtet b’mod ċar dan l-obbligu tal-UASI li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali mal-“każ li l-UASI [jkollu] diġà indikazzjonijiet relatati [ma’ dan id-dritt], jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ elementi mogħtija waqt it-trattazzjonijiet u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom” ( 20 ).

52.

Skont il-Qorti Ġenerali, “għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-determinazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn [ikunu] indispensabbli għall-attività tagħhom, huma kwistjoni tal-istabbiliment tal-fatti u mhux tal-applikazzjoni tad-dritt[, li] tikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 21 ).

53.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li hija l-parti li tinvoka dritt preċedenti li għandha “tistabbilixxi, quddiem l-UASI, mhux biss li dan id-dritt jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll il-portata ta’ din il-leġiżlazzjoni stess” ( 22 ).

54.

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma hijiex kompletament inekwivoka minħabba li ċerti sentenzi jidhru li jindirizzaw id-dritt nazzjonali mill-perspettiva tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali u mhux mill-perspettiva tal-evalwazzjoni jew tal-interpretazzjoni ta’ fatti.

55.

F’dan is-sens, sabiex tiddetermina l-kontenut tad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali, bħalma tagħmel għal kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra, ma teżaminax biss il-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli iżda teżamina wkoll l-interpretazzjoni fil-ġurisprudenza u l-pożizzjoni tad-duttrina ( 23 ). Fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2011, Olive Line International vs UASI – Knopf (O-Live) ( 24 ), il-Qorti Ġenerali, “fid-dawl tax-xebh qawwi bejn iż-żewġ normi” ( 25 ) ikkostitwiti minn artikolu tal-Liġi dwar it-trade marks Spanjola u minn artikolu tar-Regolament Nru 40/94, ikkunsidrat li kien hemm lok li l-ewwel wieħed jiġi interpretat “fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja” ( 26 ).

56.

Minkejja dawn il-manifestazzjonijiet karatteristiċi tad-diffikultà li d-dritt nazzjonali jitqies bħala sempliċi punt ta’ fatt, ser nikkunsidra, xorta waħda, li l-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, timponi fuq l-UASI l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali meta dan ikollu n-natura ta’ fatt magħruf u, barra minn hekk, tqis lilha nfisha obbligata “tivverifika [...] jekk il-Bord tal-Appell segwiex interpretazzjoni korretta tad-dritt [nazzjonali] rilevanti” ( 27 ).

57.

Għad irid jiġi ddeterminat jekk dawn iż-żewġ obbligi humiex iġġustifikati u jekk teżistix rabta neċessarja u loġika bejniethom, fis-sens li l-obbligu li tingħata interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali rilevanti jimplikax l-obbligu li tinkiseb informazzjoni ex officio dwar dan id-dritt.

58.

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal dawn il-kwistjonijiet, huwa meħtieġ li nindirizza l-informazzjoni testwali applikabbli u l-portata tas-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq.

ii) L-informazzjoni testwali

59.

Insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, l-UASI, fuq il-bażi tat-testi applikabbli, jikkonkludi li d-dritt nazzjonali għandu l-istatus ta’ sempliċi fatt, bil-konsegwenza li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tinvokah u bil-konsegwenza korrelattiva li l-Qorti Ġenerali hija prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tagħha, dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li ma jkunux tqajmu mill-partijiet.

60.

Din il-premessa hija bbażata fuq qari tat-testi li huwa diskutibbli.

61.

Minbarra li mir-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma jistax jiġi konkluż li d-dritt nazzjonali għandu l-istatus ta’ sempliċi fatt li għandu jiġi pprovat mill-partijiet, l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti, mingħajr ebda dubju, ċertu livell ta’ “status ġuridiku” lid-dritt nazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

– Is-sitwazzjoni proċedurali tad-dritt nazzjonali bis-saħħa ta-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni

62.

Wieħed jista’ jiddubita kemm, mir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, jista’ jiġi konkluż li d-dritt nazzjonali għandu l-istatus ta’ fatt li dwaru l-UASI ma huwiex obbligat jinforma ruħu ex officio.

63.

L-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni ma twassalx għal din is-soluzzjoni.

64.

Ir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li tqiegħed fuq id-detentur tad-dritt preċedenti, li jkun qiegħed jitlob dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark Komunitarja sussegwenti, l-oneru tal-allegazzjoni u tal-prova tal-elementi li jistabbilixxu d-dritt preċedenti tiegħu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma tiddeterminax b’mod komplet ir-regoli ġuridiċi applikabbli għad-dritt nazzjonali sa fejn ma hijiex maħsuba li tapplika għal dan id-dritt it-trattament proċedurali ta’ punti ta’ fatt ħlief fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rwol tal-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità. L-obbligu ta’ din tal-aħħar li tipprovdi l-provi b’ebda mod ma jkun imċaħħad mill-kontenut tiegħu jekk jiġi rrikonoxxut li l-qorti tal-Unjoni tista’ tinforma ruħha lil hinn minn dawn il-provi sabiex tkun tista’ tapplika s-soluzzjoni li fil-fehma tagħha tkun tikkorrispondi ma’ dik tad-dritt nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, dan l-obbligu jibqa’ suġġett għas-sanzjoni li t-talba tiġi ddikjarata inammissibbli, skont ir-Regola 39(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

65.

B’mod iktar ġenerali, għandu barra minn hekk jiġi osservat li, għalkemm ma jistax jiġi nnegat li hemm rabta bejn l-oneru tal-prova tad-dritt nazzjonali u s-setgħa tal-qorti tal-Unjoni li tirriċerka ex officio l-kontenut ta’ dan id-dritt, il-fatt li jitqiegħed fuq il-parti li tinvokah l-oneru tal-prova tad-dritt nazzjonali ma jeskludix neċessarjament kull setgħa tal-qorti li tivverifika l-kontenut, is-sens jew il-portata ta’ dan id-dritt.

66.

L-interpretazzjoni sistematika tar-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament ta’ implementazzoni turi, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħti lill-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ta’ oppożizzjoni natura purament akkużatorja, fejn il-qorti tkun biss arbitru u fejn il-partijiet ikollhom kontroll sħiħ fuq il-punti li jitqajmu. Għall-kuntrarju, is-setgħat ta’ investigazzjoni rrikonoxxuti kemm lill-UASI u kif ukoll lill-Qorti Ġenerali jirriflettu komprensjoni iktar ibbilanċjata tal-irwoli rispettivi tad-diversi intervenjenti fil-proċedimenti kollha, inklużi dawk inter partes. B’hekk, l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 57(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistabbilixxu lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri istruttorji li jistgħu jiġu deċiżi mill-UASI ( 28 ). Il-possibbiltà li għalhekk għandhom l-istanzi kompetenti tal-UASI li jordnaw miżuri istruttorji turi li l-produzzjoni tal-prova fil-kontenzjuż dwar it-trade mark Komunitarja ma hijiex iddominata minn prinċipju ta’ newtralità jew ta’ passività. Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali, l-UASI jista’, b’mod partikolari, jistieden lill-partijiet sabiex jipprovdulu indikazzjonijiet dwar il-kontenut tad-dritt nazzjonali ( 29 ).

67.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-affermazzjoni li r-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tirrifletti l-prinċipju li d-dritt nazzjonali huwa sempliċi punt ta’ liġi teħtieġ, fil-fehma tiegħi, lil hinn mill-portata inizjali tagħha, dispożizzjoni li sempliċement tobbliga lil min iressaq it-talba jallega u jipprova d-dritt nazzjonali li jkun qiegħed jinvoka l-protezzjoni tiegħu, mingħajr ma tiġi eskluża kull setgħa ta’ inizjattiva tal-UASI.

– It-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009

68.

Hemm varjetà kbira ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirreferu għad-dritt nazzjonali filwaqt li jagħtuh funzjonijiet differenti. Minbarra din id-diversità fis-sitwazzjonijiet fejn isir tali riferiment, hemm ukoll numru kbir ta’ rimedji ġudizzjarji li permezz tagħhom il-qrati tal-Unjoni jistgħu jkunu meħtieġa jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali.

69.

It-tentattivi sabiex jiġu kkatalogati d-diversi funzjonijiet tad-dritt nazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 30 ) juru d-diffikultà li jiġu kklassifikati f’kategorija ġuridika identifikata b’mod ċar ir-riferimenti magħmula mir-Regolament Nru 207/2009 fil-każ ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jew fil-każ ta’ talba għal dikjrazzjoni ta’ invalidità. Fil-każ ta’ wħud minn dawn ir-riferimenti, tali riferimenti jistgħu jitqiesu bħala sempliċi “teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali” ( 31 ), filwaqt li fil-każ ta’ riferimenti oħra, li jassimilaw is-sitwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni li tkun qiegħda tiddeċiedi fil‑kontenzjuż dwar it-trade mark Komunitarja mas-sitwazzjoni fejn il-qorti msemmija tkun qiegħda tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, dawn ir-riferimenti jawtorizzaw lill-Qorti Ġenerali “tapplika u tinterpreta direttament” id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali ta’ Stat Membru ( 32 ).

70.

Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit li l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għalkemm ma jagħtix lid-dritt nazzjonali n-natura ta’ dritt tal-Unjoni, jobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-każ ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja bbażata fuq dritt preċedenti protett minn dispożizzjoni legali nazzjonali, jiddeterminaw u jinterpretaw din id-dispożizzjoni legali.

71.

F’sitwazzjoni bħal dik ineżami, l-UASI għandu jeżamina jekk, fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni ta’ invalidità invokata humiex issodisfatti. Fil-każ li din ir-raġuni tkun marbuta mal-eżistenza ta’ dritt preċedenti protett mid-dritt nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jillimitaw ruħhom għal stħarriġ tal-valur u tal-portata tal-provi prodotti. Jista’ jirriżulta wkoll neċessarju li jiġi interpretat dan id-dritt u li jiġi applikat, kif toffri eżempju ċar ħafna s-sitwazzjoni ineżami. Fil-preżenza ta’ kontestazzjoni tal-valur probatorju tal-kuntratt tal-1986, li fotokopja tiegħu kienet prodotta minn Mediatek Italia, l-UASI, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali kienu meħtieġa li jinterpretaw ir-regoli dwar il-prova invokati u li japplikawhom. Il-verifika ta’ jekk id-dritt preċedenti invokat huwiex stabbilit u pprovat bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tikkostitwixxi kwistjonijiet preliminari li għandha tiġi riżolta qabel ma tkun tista’ tiġi applikata d-dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tinvalida t-trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, minkejja li l-prinċipju jura novit curia ma japplikax għad-dritt nazzjonali, li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex meqjusa li taf, u minkejja li l-kontenut ta’ dan id-dritt huwa kkunsidrat minn perspettiva proċedurali bħala fatt li l-partijiet għandhom l-oneru li jallegaw u li jipprovaw, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, mill-perspettiva tal-persuna li hija responsabbli sabiex tapplikah, dan id-dritt jokkupa, fir-raġunament intellettwali li jwassal għas-soluzzjoni tat-tilwima, l-istess pożizzjoni bħal kull dispożizzjoni legali, irrispettivament mill-oriġini tagħha.

72.

Dawn huma r-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħi l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lid-dritt nazzjonali ċertu livell ta’ “status ġuridiku” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jipprekludi li d-dritt nazzjonali jiġi kkunsidrat esklużivament bħala sempliċi punt ta’ fatt.

73.

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mit-tagħlim li jista’ jinstilet mis-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq.

iii) Il-portata tas-sentenza Edwin vs UASI

74.

Is-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, tipprovdi dettalji importanti dwar it-tqassim tal-irwoli bejn il-persuna li tressaq it-talba, l-istanzi kompetenti tal-UASI, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

75.

L-ewwel nett, mir-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja tislet l-obbligu, għall-parti li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja minħabba dritt preċedenti protett minn dispożizzjoni legali nazzjonali, li tippreżenta quddiem l-UASI l-provi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni.

76.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-istanzi kompetenti tal-UASI l-oneru li “jeżaminaw l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min jagħmel it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija liġi” ( 33 ).

77.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza li teżerċita “stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjonijiet li l-UASI għamel fuq l-elementi ppreżentati minn min għamel it-talba sabiex [j]istabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni li tagħha huwa jinvoka l-protezzjoni” ( 34 ).

78.

Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-portata tal-istħarriġ tagħha stess filwaqt li taqsmu fi tliet stadji li jikkonċernaw rispettivament il-formulazzjoni, il-kontenut u l-portata tad-dritt pożittiv. Il-“kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titratthom” ( 35 ) huma suġġetti għal stħarriġ ta’ żnaturament, filwaqt li l-kontenut ta’ dawn l-elementi u l-portata ta’ kull wieħed minnhom fir-rigward tal-elementi l-oħra huma suġġetti għal stħarriġ ta’ żball manifest.

79.

L-interpretazzjoni tiegħi ta’ din is-sentenza hija pjuttost differenti minn kif jinterpretaha l-UASI. Għall-kuntrarju tal-affermazzjoni ta’ dan tal-aħħar fis-sens li mis-sentenza msemmija jirriżulta li d-dritt nazzjonali huwa punt ta’ fatt, jiena ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja xaqilbet il-bilanċ favur in-naħa tal-fatt pjuttost milli favur in-naħa tal-liġi.

80.

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja astjeniet milli tieħu pożizzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-“provi” li għandhom jiġu ppreżentati mill-persuna li tressaq it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhux talli ma kklassifikathomx bħala “punti ta’ fatt” iżda, meta eżiġiet li l-Qorti Ġenerali “tevalwa l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min jagħmel it-talba”, użat espressjoni ġdida, differenti minn dik normalment użata sabiex tirreferi għall-istħarriġ imwettaq fir-rigward tal-punti ta’ fatt, sabiex tippreċiża l-portata tal-istħarriġ li għandhom iwettqu l-istanzi kompetenti tal-UASI fir-rigward tal-provi ppreżentati.

81.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-“istħarriġ sħiħ tal-legalità” li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali fuq it-termini tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, li sar l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li tista’ tinfetaħ kawża kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI “fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter” ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espliċitament għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, li kienet ikkunsidrat li l-espressjoni “kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni [tar-Regolament Nru 207/2009]” kienet wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri mhux biss id-dritt tal-Unjoni iżda anki d-dritt nazzjonali li jkun applikabbli fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ( 37 ).

82.

Issa, l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiġġustifika dan l-istħarriġ billi tibbaża ruħha fuq is-setgħa tal-Qorti Ġenerali li tissanzjona l-iżbalji mwettqa fl-evalwazzjoni tal-fatti. Fil-fatt, hija ddeċidiet diversi drabi li, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, il-Qorti Ġenerali tista’ tistħarreġ jekk dawn il-bordijiet għamlux klassifikazzjoni legali eżatta tal-fatti inkwistjoni jew jekk “l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt mressqa quddiem l-imsemmija bordijiet hijiex ivvizzjata bi żbalji” ( 38 ).

83.

Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat id-dritt nazzjonali bħala sempliċi fatt, hija kien ikollha, għalhekk, tiġġustifika l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali permezz tas-setgħa tagħha li tissanzjona l-iżbalji mwettqa fl-evalwazzjoni tal-fatti.

84.

Fl-aħħar nett, jista’ jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja estendiet l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell lil hinn mill-iżnaturament tal-provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali billi rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni ( 39 ). Għalkemm ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat sa fejn jista’ jwassal l-eżami ġudizzjarju tal-legalità fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, wieħed jista’ jaħseb li l-istħarriġ tal-iżnaturament u dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni huma distinti minn xulxin mhux biss, probabbilment, minħabba l-intensità tagħhom, iżda wkoll minħabba s-suġġett tagħhom, u dan sa fejn tal-ewwel jikkonċerna l-kontenut stess tad-dritt nazzjonali filwaqt li tat-tieni jista’ jiġi eżerċitat fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-evalwazzjoni ta’ dan id-dritt.

85.

Fl-aħħar mill-aħħar, mill-formulazzjoni u mill-ispirtu tal-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll mill-interpretazzjoni mogħtija lil din il-leġiżlazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinstiltu żewġ punti prinċipali, wieħed dwar il-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali, u l-ieħor dwar ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni.

86.

Fl-ewwel lok, id-dritt nazzjonali, għalkemm għandu jiġi allegat u pprovat mill-persuna li tressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jistax jitqies bħala sempliċi fatt. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali magħmul fir-Regolament Nru 207/2009 jagħti status ġuridiku lil dan id-dritt li jaqa’, b’ċertu mod, fil-qafas ta’ legalità tal-Unjoni sa fejn huwa suġġett għall-istħarriġ sħiħ tal-legalità min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

87.

Fit-tieni lok, ir-rwol tal-istanzi kompetenti tal-UASI u tal-qorti tal-Unjoni meta jkollhom quddiemhom il-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma huwiex irregolat minn prinċipju ta’ newtralità li jillimitahom f’rwol purament passiv li jċaħħadhom minn kull setgħa ta’ verifika fir-rigward tal-kontenut tad-dritt allegat.

88.

Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ punti li għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex tivverifika ex officio d-dritt nazzjonali applikabbli.

iv) Il-verifika ex officio tad-dritt nazzjonali applikabbli

89.

Fil-fehma tiegħi, l-eżerċizzju tal-istħarriġ sħiħ tal-legalità li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali jeħtieġ li din tal-aħħar għandha tkun tista’ tagħti lit-tilwima soluzzjoni li tkun konformi mad-dritt pożittiv nazzjonali u, għal dan il-għan, li l-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tirriċerka, jekk ikun meħtieġ ex officio, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali invokati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom.

90.

Tliet argumenti jimmilitaw favur din is-soluzzjoni.

91.

L-ewwel argument huwa bbażat fuq l-effettività tar-Regolament Nru 207/2009. Jidhirli li l-għan ta’ protezzjoni tat-trade mark Komunitarja segwit minn dan ir-regolament jiddaħħal inkwistjoni jekk l-invalidità ta’ trade mark tkun tista’ tiġi ddikjarata fuq il-bażi ta’ dritt preċedenti protett minn leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr ma l-istanzi kompetenti tal-UASI u mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ma jkunu jistgħu jirriċerkaw liema soluzzjoni għandha tingħata skont id-dritt pożittiv nazzjonali għall-kwistjoni li jkollhom quddiemhom. Ma hemm ebda dubju li evalwazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ dan id-dritt tista’ twassal sabiex tiġi rrikonoxxuta, b’mod żbaljat, l-eżistenza ta’ dritt preċedenti u sabiex tintlaqa’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

92.

It-tieni argument jikkonċerna r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Is-setgħa li jiġi vverifikat ex officio jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali nazzjonali invokati humiex issodisfatti tirriżulta wkoll, fil-fehma tiegħi, mir-rekwiżit li kull deċiżjoni tal-istanzi kompetenti tal-UASI li jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja mid-dritt tiegħu għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju maħsub sabiex jiżgura l-protezzjoni effettiva ta’ dan id-dritt. Issa, l-istħarriġ ġudizzjarju jkun imċaħħad mis-sustanza tiegħu jekk il-qorti tal-Unjoni jkollha tillimita ruħha għad-dokumenti prodotti mill-persuna li tressaq it-talba, bir-riskju li r-regoli applikabbli jiġu applikati ħażin jew interpretati b’mod żbaljat.

93.

It-tielet argument huwa bbażat fuq ir-rwol li jeżerċitaw l-istanzi kompetenti tal-UASI fil-kontenzjuż dwar it-trade mark Komunitarja. Dawn l-istanzi, mhux talli ma humiex ristretti għal rwol esklużivament amministrattiv, iżda jeżerċitaw funzjoni kważi ġudizzjarja, ekwivalenti għall-funzjoni tal-qrati nazzjonali meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lid-deċiżjoni tagħhom l-awtorità ta’ res judicata. Għalhekk, ma jidhirx loġiku li l-portata tal-istħarriġ imwettaq fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tvarja b’mod kunsiderevoli skont jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità titressaqx b’mod prinċipali quddiem l-UASI jew bħala kontrotalba quddiem il-qorti nazzjonali.

94.

Għandu jiġi enfasizzat li s-setgħa li tinkiseb informazzjoni ex officio dwar id-dritt nazzjonali rilevanti b’ebda mod ma hija maħsuba li tirrimedja l-eventwali nuqqas, min-naħa tal-persuna li tressaq it-talba, li tipproduċi l-prova tal-kontenut tad-dritt nazzjonali, kif huwa l-obbligu tagħha li tagħmel. Għall-kuntrarju, din is-setgħa tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tivverifika r-rilevanza tad-dritt nazzjonali allegat u invokat bħala prova. Jekk it-twettiq ta’ verifika fid-dettall ikun ipprojbit, dan ikun ifisser, fl-aħħar mill-aħħar, li l-istanzi kompetenti tal-UASI jkunu qegħdin jiġu ttrasformati f’sempliċi uffiċċji ta’ reġistrazzjoni tad-dritt nazzjonali prodott mill-persuna li tressaq it-talba.

95.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ivverifikat, billi informat ruħha ex officio dwar il-kontenut tad-dritt Taljan rilevanti, jekk il-Bord tal-Appell kienx segwa interpretazzjoni korretta ta’ dan id-dritt.

96.

Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, il-ġustifikazzjoni ta’ dan id-dmir ta’ verifika ma tinsabx fil-kunċett ta’ fatt magħruf.

97.

Minn naħa, id-dritt nazzjonali ma jistax jingħata n-natura ta’ punt ta’ fatt.

98.

Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ fatt magħruf għad-dritt nazzjonali toħloq inċertezza legali kbira u twassal għal arbitrarjetà. F’dan id-dawl, għandi dubji serji dwar kemm il-prinċipji, kumplessi, li jirregolaw il-prova tal-kuntratti privati fid-dritt Taljan huma aċċessibbli għal kulħadd u jistgħu verament jiġu kklassifikati bħala “fatti magħrufa”.

99.

Kif diġà indikajt, qiegħed nibbażata d-dmir ta’ verifika ex officio fuq in-neċessità li titħares l-effettività tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

100.

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll iżda li dan id-dmir għandu jibqa’ suġġett għal numru ta’ limitazzjonijiet. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali ( 40 ), dan id-dmir għandu japplika biss meta l-UASI jkollu diġà indikazzjonijiet dwar id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, dan id-dmir lanqas ma jippermetti li jinbidel is-suġġett tat-tilwima billi jiġu introdotti punti ta’ fatt ġodda, iżda jippermetti biss li jiġu vverifikati l-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali invokati.

101.

Din il-preċiżazzjoni hija ta’ natura li tirrispondi, minn tal-inqas parzjalment, għall-oġġezzjoni, ta’ natura prattika, imqajma mill-UASI fir-rigward tal-impossibbiltà prattika li jkun magħruf id-dritt applikabbli. Jiena mhux ngħid li l-istanzi kompetenti tal-UASI għandhom jieħdu r-rwol tal-partijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova. Id-dmir ta’ informazzjoni tagħhom għandu portata iktar limitata peress li jkopri biss il-verifika tal-veraċità tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li tressaq it-talba fir-rigward tal-kontenut tad-dritt nazzjonali u tal-portata tal-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt.

102.

Barra minn hekk, mingħajr ma ninjora d-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom l-UASI fir-riċerka tal-kontenut tad-dritt nazzjonali, jidhirli li l-iżvilupp fil-mezzi tal-informatika jipprovdi lil dan l-organu tal-Unjoni li, nerġa’ ngħid, għandu mezzi ta’ investigazzjoni, l-opportunità li jivverifika l-konsistenza ta’ dak li jista’ jiġi invokat mill-persuna li tressaq it-talba fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt nazzjonali.

103.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li l-ewwel aggravju mqajjem mill-UASI għandu jiġi miċħud.

B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tal-UASI

1. L-argumenti tal-partijiet

104.

Skont l-UASI, bis-saħħa ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jolqtu b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu effettivament il-pożizzjoni tagħhom ( 41 ).

105.

Huwa jsostni li, fil-kawża ineżami, huwa ma kellux il-possibbiltà li jesprimi effettivament il-pożizzjoni tiegħu dwar is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007 li ma kinitx issemmiet mill-partijiet matul il-proċedimenti amministrattivi u, għaldaqstant, ma kinitx tagħmel parti mis-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell, u li, li kieku kellu din il-possibbiltà, ir-raġunament u l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali kienu jkunu differenti.

106.

Minn dan l-UASI jikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tiegħu.

107.

L-NLC tirribatti li l-punt ta’ liġi li fir-rigward tiegħu l-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione kienet rilevanti kien tqajjem qabel is-seduta sa fejn, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2012, stiednet lill-UASI sabiex iwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet dwar il-portata tal-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Hija ssostni li b’hekk l-UASI kellu l-possibbiltà li jinstema’ dwar din il-kwistjoni, kemm bil-miktub kif ukoll matul is-seduta, u li ma jistax jiġi sostnut, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni minn qabel dwar kull ġurisprudenza rilevanti jew potenzjalment rilevanti, li sentenza li tagħmel riferiment għal tali ġurisprudenza tikser id-drittijiet tad-difiża.

108.

L-NLC iżżid li, jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma tatx lill-UASI l-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet dwar li-ġurisprudenza, dan l-iżball, fi kwalunkwe każ, ma għandu ebda effett fuq il-konklużjoni tad-deċiżjoni.

2. L-evalwazzjoni tiegħi

109.

Għalkemm, kif diġà indikajt, il-Qorti Ġenerali għandha, taħt ċerti limiti, tinforma ruħha ex officio dwar il-kontenut tad-dritt nazzjonali, huwa fil-fehma tiegħi fundamentali li nindika, f’dan l-istadju, il-portata li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tat lill-prinċipju ta’ kontradittorju li jikkostitwixxi r-rekwiżit fundamentali ta’ kull smigħ xieraq.

110.

Id-dritt għal smigħ xieraq jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 42 ), li jikkonferixxu “protezzjoni [...] ekwivalenti” ( 43 ).

111.

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan id-dritt, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta’ kontradittorju jkun osservat quddiemhom u minnhom stess ( 44 ), prinċipju dan li japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tolqot b’mod kunsiderevoli l-interessi ta’ persuna ( 45 ).

112.

Il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jagħtix biss lil kull parti fil-kawża d-dritt li tieħu konoxxenza tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-parti l-oħra u li tiddiskutihom. Dan il-prinċipju jimplika wkoll id-dritt għall-partijiet li jieħdu konoxxenza ta’ u li jiddiskutu l-elementi mqajma ex officio mill-qorti u li fuq il-bażi tagħhom din ikollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha ( 46 ).

113.

Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet b’mod ċar l-eżistenza ta’ dan id-dritt mhux biss meta l-qorti tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li l-partijiet ma setgħux jieħdu konoxxenza tagħhom ( 47 ), iżda wkoll meta l-qorti tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv legali mqajjem ex officio ( 48 ).

114.

Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ ikopri l-punti kollha li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura ( 49 ) u li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk ikunux punti ta’ fatt jew ta’ liġi, u huma biss il-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta jew l-att stess ta’ deċiżjoni li ma humiex koperti minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

115.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kawża ineżami, il-partijiet ibbenefikawx jew le, matul il-proċedura, mill-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-elementi mqajma ex officio mill-Qorti Ġenerali.

116.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ittri mibgħuta fis-7 ta’ Frar 2012 mill-Qorti Ġenerali u mill-mistoqsijiet li kienu annessi magħhom, il-partijiet, għalkemm setgħu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma ngħatawx l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007.

117.

Minn qari tal-punti 32, 35, 36, 39 u 40 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-kontenut tas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007 kien determinanti fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u li s-soluzzjoni kienet tkun differenti li kieku ma ħadithiex inkunsiderazzjoni. Kien minħabba li kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kienx ħa inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza, li minnha jirriżulta li l-prova kuntrarja tal-veraċità tad-data tat-timbru postali tista’ tiressaq mingħajr ma jkun meħtieġ li tinfetaħ proċedura għal dikjarazzjoni li l-kuntratt huwa ffalsifikat, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Bord tal-Appell seta’ jagħti iktar importanza lill-anomaliji allegati mill-NLC u li għaldaqstant kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża.

118.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq.

119.

Jiena għaldaqstant nikkunsidra li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

120.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tielet aggravju, li huwa bbażat fuq l-inkoerenza manifesta u fuq l-iżnaturament tal-fatti.

V – Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

121.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, hija tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew inkella tista’ tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi.

122.

Fil-kawża ineżami, nikkunsidra li t-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża peress li l-partijiet għandhom ikunu jistgħu jittrattaw, b’mod kontradittorju, il-punti ta’ liġi nazzjonali mqajma ex officio mill-Qorti Ġenerali.

123.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nipproponi li din il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu.

VI – Konklużjoni

124.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2012, National Lottery Commission vs UASI – Mediatek Italia u G. De Gregorio (Rappreżentazzjoni ta’ id) (T‑404/10), hija annullata.

2)

Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tar-rikors.

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑404/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem l-“NLC”.

( 4 ) Każ R 1028/2009-1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem, flimkien, “Mediatek Italia”.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.

( 7 ) ĠU L 78, p. 1.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189.

( 9 ) ĠU L 287 M, 18.10.2006, p. 12; iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”.

( 10 ) Iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”.

( 11 ) Minkejja li l-proċedura nbdiet meta kien fis-seħħ ir-Regolament Nru 40/94, f’dawn il-konklużjonijiet ser isir riferiment biss għar-Regolament Nru 207/2009, li ma bidilx it-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

( 12 ) Iktar ’il quddiem il-“mano portafortuna”.

( 13 ) Iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-1986”.

( 14 ) C-263/09 P, Ġabra p. I-5853.

( 15 ) Iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007”.

( 16 ) L-NLC tirreferi għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret et Cie vs Il-Kunsill (C-94/02 P, Ġabra p. I-10565, punt 63).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li wasslet għas-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq.

( 18 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (T-318/03, Ġabra p. II-1319, punt 35); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T-225/06, T-255/06, T-257/06 u T-309/06, Ġabra p. II-3555, punt 96); tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand) (T-303/08, Ġabra p. II-5659, punt 67), kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2013, El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET) (T‑571/11, punt 39).

( 19 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (punt 35); Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (punt 96), u Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand) (punt 67).

( 20 ) Sentenza El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET), iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).

( 21 ) Ibidem (punt 35).

( 22 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2013, macros consult vs UASI – MIP Metro (makro) (T‑579/10, punt 62). Għalkemm din is-sentenza kienet tikkonċerna talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja mressqa mid-detentur ta’ dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, is-soluzzjoni mogħtija fl-istess sentenza hija, fil-fehma tiegħi, applikabbli, b’analoġija, meta jkun qiegħed jiġi invokat dritt nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 53(2) ta’ dan ir-regolament (ara, għal raġunament simetriku, il-punt 60 tas-sentenza msemmija).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI) (T-165/06, Ġabra p. II-1375, punti 42 sa 61), u tal-14 ta’ April 2011, Lancôme vs UASI – Focus Magazin Verlag (ACNO FOCUS) (T-466/08, Ġabra p. II-1831, punti 33 sa 39).

( 24 ) T‑485/07.

( 25 ) Punt 57. Enfasi tiegħi.

( 26 ) Idem.

( 27 ) Punt 24 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Dawn huma s-smigħ tal-partijiet, it-talba għal informazzjoni, il-produzzjoni ta’ dokumenti u ta’ kampjuni, l-eżami tax-xhieda, il-perizja, dikjarazzjonijiet bil-miktub magħmula taħt ġurament jew fuq l-unur jew li għandhom effett ekwivalenti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn isiru u l-aċċess.

( 29 ) Sentenza Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, G. C. Rodríguez Iglesias, “Le droit interne devant le juge international et communautaire”, Du droit international au droit de l’intégration – Liber amicorum Pierre Pescatore, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 1987, p. 583; H. Chatenloup, “La prise en considération du droit national par le juge communautaire: contribution à la comparaison des méthodes et solutions du droit communautaire et du droit international privé”, Revue critique de droit international privé, 2007, p. 539; punti 38 sa 48 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Gibraltar u Ir-Renju Unit (C-106/09 P u C-107/09 P, Ġabra p. I-11113), kif ukoll il-punti 66 u 76 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C-401/09 P, Ġabra p. I-4911).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, H. Chanteloup, op. cit., li jindika li l-“mekkaniżmu tat-teħid inkunsiderazzjoni jwassal [...] sabiex regola tiġi ttrasformata f’sempliċi data ġuridika li min-naħa tagħha tiġi ttrasformata f’data ta’ fatt li tista’ tinqara mir-regola li għandha tiġi applikata” (punt 14). Din it-trasformazzjoni tad-dritt nazzjonali f’data fattwali hija iktar prominenti fid-dritt tal-Unjoni milli fid-dritt internazzjonali privat minħabba l-prinċipju ta’ interpretazzjoni awtonoma ta’ dan id-dritt, prinċipju li bis-saħħa tiegħu l-qorti tal-Unjoni “fil-parti l-kbira tal-każijiet tirrifjuta li tinħeba wara l-klassifikazzjonijiet interni” (idem).

( 32 ) Ara l-punt 42 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Gibraltar u Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq.

( 33 ) Punt 51.

( 34 ) Punt 52.

( 35 ) Punt 53.

( 36 ) Enfasi miżjuda.

( 37 ) Ara l-punti 61 sa 67 tal-konklużjonijiet imsemmija.

( 38 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman et vs José Manuel Baena (C‑101/11 P u C‑102/11 P, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara L. Coutron, “De l’irruption du droit national dans le cadre du pourvoi”, Revue trimestrielle de droit européen, 2012, p. 170, li josserva li “l-fatt li jissemma diversi drabi stħarriġ tal-iżball manifest jindika pjuttost [...] li [d-dritt nazzjonali] għandu jitqies bħala punt ta’ liġi fl-istadju tal-appell”.

( 40 ) Sentenza El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET), iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).

( 41 ) L-UASI jirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL) (T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 21), u tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY) (T-320/03, Ġabra p. II-3411, punt 22).

( 42 ) Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 43 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 51 u 54), kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, punt 42).

( 45 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (punt 50) kif ukoll Eżami mill-ġdid M vs EMEA (punt 41).

( 46 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 52 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ibidem (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Ibidem (punt 55). Ara wkoll is-sentenzi Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41), u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, punt 30). Il-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali qajmet ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola. Is-soluzzjoni, ibbażata fuq ir-rekwiżiti ġenerali tad-dritt għal smigħ xieraq tista’ madankollu, fil-fehma tiegħi, tiġi ttrasposta għall-qorti tal-Unjoni li jkollha l-intenzjoni ssib soluzzjoni għat-tilwima billi tibbaża ruħha fuq motiv legali mqajjem ex officio.

( 49 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (punt 56), kif ukoll Eżami mill-ġdid M vs EMEA (punt 41).