KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C-521/12

T.C. Briels et

vs

Minister van Infrastructuur en Milieu

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva dwar il-habitats — Proġett li jaffettwa habitat f’sit Natura 2000 — Miżuri ta’ mitigazzjoni — Miżuri kumpensatorji”

1. 

Proġett għat-twessigħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi jaffettwa żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats ( 2 ). B’mod partikolari, dan x’aktarx inaqqas iż-żona u/jew il-kwalità ta’ mergħat tal-molinia ( 3 ) fi ħdan dik iż-żona. Ġew ordnati ċerti miżuri bil-ħsieb li jiġi żgurat ħolqien ta’ mergħat ġodda x’imkien ieħor fl-istess sit, sabiex jissostitwixxu jew ikabbru dawk milquta. Tressqu kontestazzjonijiet legali kontra l-ordnijiet Ministerjali li japprovaw il-proġett li huwa suġġett għal dawn il-miżuri.

2. 

F’dak il-kuntest, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) essenzjalment jixtieq ikun jaf, jekk tkunx affettwata b’mod negattiv l-integrità ta’ żona fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats jekk il-proġett jinkludi l-ħolqien ta’ żona ta’ dak it-tip ta’ habitat naturali ta’ daqs ugwali jew ikbar fi ħdan dik iż-żona; u, jekk inhu hekk, jekk il-ħolqien għandux jitqies bħala “miżura kumpensatorja” fis-sens tal-istess direttiva.

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-habitats

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-habitats jinkludi numru ta’ definizzjonijiet, b’mod partikolari:

“(a)

konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali […] fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) […];

[…]

(e)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq il-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-teritorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali għandu jkun ikkunsidrat “favorevoli” meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu, u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet neċessarji għall-manteniment tiegħu fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-futur qrib, u

l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi tipika tiegħu hija favorevoli …

[…]

(k)

sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[…]

(l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

4.

L-Artikolu 2 jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5.

L-Artikolu 3(1) jipprovdi:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[…]”

6.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi kif ġej:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija [ġestjoni] xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom juru li ma jaqblux dwar dan il-pjan jew proġett biss wara li jiżguraw irwieħhom li mhux ser jhedded l-integrità tas-sit ikkonċernat u wara li jkunu ħadu, jekk ikun il-każ, l-opinjoni tal-pubbliku.

4.   Jekk, minkejja konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ natura soċjali u ekonomika, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 hija protetta. […] Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji [imperattivi] oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

7.

Fl-aħħar nett, il-lista tat-tipi ta’ habitat fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats tinkludi, fost mergħat niedja semi-naturali ta’ ħaxix għoli, “6410 Mergħat tal-molinia fuq art kalkarja, bil-pit, jew b’taħlita ta’ tafal u ħama (Molinion caeruleae)”. Ma huwiex habitat prijoritarju.

Il-gwida tal-Kummissjoni

8.

Il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ gwida (2007/2012; iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida”) dwar l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats u l-punt 1.4.1 tiegħu jipprovdi, inter alia, li fil-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jiġi ddifferenzjati b’mod ċar minn miżuri kumpensatorji. Għalkemm “miżuri kumpensatorji” ma humiex iddefiniti fid-direttiva, skont id-dokument ta’ gwida, mill-esperjenza jidher li:

“–

miżuri ta’ mitigazzjoni fis-sens wiesa’, huma dawk il-miżuri intiżi li jimminimizzaw, jew anki jikkanċellaw, l-impatti negattivi fuq sit li x’aktarx jirriżultaw b’konsegwenza ta’ implementazzjoni ta’ pjan jew proġett. Dawn il-miżuri huma parti integrali mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett […] u

miżuri kumpensatorji sensu stricto: huma indipendenti mill-proġett (inkluż kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni assoċjata). Dawn huma intiżi li jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi tal-pjan jew proġett sabiex tinżamm il-koerenza ekoloġika globali tan-Netwerk Natura 2000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.

Id-dokument ta’ gwida jżid ukoll li miżuri kumpensatorji għandhom ikunu addizzjonali għal dawk li huma prattiki normali skont id-Direttiva dwar il-habitats jew meħtieġa mil-liġi, bħal ma hija l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni; huma għandhom imorru lil hinn mill-miżuri normali jew standard meħtieġa għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ siti Natura 2000. “Konsegwentement, miżuri kumpensatorji ma humiex mezz li jippermetti l-implementazzjoni ta’ pjanijiet jew proġetti filwaqt li jaħarbu mill-obbligi tal-Artikolu 6. Dawn għandhom jiġu kkunsidrati biss wara li jiġi aċċertat impatt negattiv fuq l-integrità ta’ sit Natura 2000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Huwa biss wara li jiġi deċiż li l-proġett jew pjan għandu jipproċedi li huwa xieraq li jiġu kkunsidrati miżuri kumpensatorji; dawn huma “mezzi aħħarin”, meta s-salvagwardji l-oħrajn mogħtija mid-direttiva huma ineffettivi u d-deċiżjoni tittieħed sabiex jiġi kkunsidrat, minkejja kollox, proġett jew pjan li għandu effett negattiv fuq is-sit Natura 2000.

10.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll “Gwida Metodoloġika dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats” (Novembru 2001; il-“gwida metodoloġika”), li tispjega l-opinjonijiet tagħha dwar l-approċċ li għandu jittieħed skont dawk id-dispożizzjonijiet. Hija telenka erba’ stadji konsekuttivi: l-ewwel, preselezzjoni; it-tieni, evalwazzjoni xierqa (li tieħu inkunsiderazzjoni għanijiet ta’ konservazzjoni u tinkludi evalwazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni); it-tielet, evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi; ir-raba’, evalwazzjoni fejn ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi u fejn jibqgħu impatti negattivi (li jinkludu identifikazzjoni u evalwazzjoni ta’ miżuri kumpensatorji).

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats f’numru ta’ okkażjonijiet. L-iktar reċentement, ġabret il-ġurisprudenza tagħha fi Sweetman ( 4 ). Jista’ jkun ta’ għajnuna jekk jiġu ċċitati hawnhekk il-punti rilevanti ta’ dik is-sentenza:

“28

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ‘Habitats’ jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwah b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx se jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit (sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging ( 5 ), iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, punt 66).

29

L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tipprovdi żewġ fażijiet. L-ewwel waħda, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 43).

30

Fid-dawl ta’ dan, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett, li ma huwiex direttament marbut ma jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

31

It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ‘Habitats’, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4).

32

F’dan ir-rigward, sabiex il-portata tal-espressjoni “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit” tiġi evalwata fil-kuntest globali tagħha, għandu jiġi ppreċiżat li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala ħaġa waħda koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxa minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C-404/09, Ġabra p. I-11853, punt 142), filwaqt li l-Artikolu 6(4) tal-istess direttiva jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(3).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ‘Habitats’, li jippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali ta’ preservazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi, u li jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti f’li jiġu evitati deterjorazzjoni u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C-226/08, Ġabra p. I-131, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ‘Habitats’ jipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett għandu xorta waħda jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alernattiva, l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (ara s-sentenzi, tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-304/05, Ġabra p. I-7495, punt 81, kif ukoll Solvay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

35

Fid-dawl ta’dan, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ‘Habitats’, inkwantu eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), għandu jiġi applikat biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(3) (ara s-sentenza Solvay et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

36

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats” jimponu fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk meħtieġ, ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u, b’mod partikolari, taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

[…]

40

Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ‘Habitats’ tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti, ladarba identifikati l-aspetti kollha tal-imsemmi pjan jew proġett li jistgħu, minnhom innifishom jew flimkien ma pjani jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat, u fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, ikunu kisbu ċ-ċertezza li l-pjan jew il-proġett ma għandux effetti li jikkawżaw ħsara fit-tul fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan huwa minnu meta ma jibqa’ l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens. is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 99, kif ukoll Solvay et, punt 67).

41

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, l-awtorità li għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett ikkunsidrat meta jifdal inċertezza dwar l-assenza ta’ effett ħażin għall-integrità tas-sit, l-kriterju ta’ awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-direttiva ‘Habitats’ jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li tiġi evitata, b’mod effettiv, il-ħsara għall-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni anqas strett minn dak inkwistjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettieq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

[…]

43

Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu fit-tul il-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ir-riskju li intervent iwassal għall-għajbien jew għall-qerda parzjali u irreparabbli ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ priorità li jinsab fis-sit ikkonċernat (ara, f’dak li jirrigwarda l-għajbien ta’ speċi ta’ prijorità, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja ( 6 ), punt 21, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 163).

44

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ‘Habitats’, għandu jiġi ppreċiżat li din ma tistax titqies bħala xierqa jekk tinkludi lakuni u ma tinkludix konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

46

[…] jekk, wara l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit, mwettqa abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ‘Habitats’, l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonkludi li dan il-pjan jew proġett għandu jinvolvi t-telf permananti u irreparabbli, totali jew parzjali, ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità li l-għan ta’ konservazzjoni tiegħu ġġustifika t-tniżżil tas-sit inkwistjoni bħala [sit ta’ importanza Komunitarja], għandu jiġi kkunsidrat li tali pjan jew proġett għandu jaffettwa ħażin l-integrità tal-imsemmi sit.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi pjan jew proġett ma jistax jiġi awtorizzat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, jekk ikun meħtieġ din l-awtorità tista’ tagħti awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ‘Habitats’, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).”

12.

Jista’ jkun ta’ għajnuna illi tittieħed inkunsiderazzjoni ċerta gwida partikolarment mogħtija mill-Avukat Ġenerali Kokott, li stqarret, fil-punt 17 tal-konklużjoni tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi: ( 7 )“[… ] jeżistu alternattivi li ma jbiddlux pjanijiet jew proġetti fis-sens li jipprovdu pjanijiet jew proġetti alternattivi, iżda jikkonċernaw biss il-mod kif jiġu mwettqa. [Eżempju,] attivitajiet li jikkawżaw tfixkil jistgħu jitwettqu f’perijodi meta jkun hemm l-inqas tfixkil. Dawn il-metodi alternattivi ta’ twettiq ta’ pjanijiet jew proġetti jistgħu jkunu fost aspetti ta’ pjan jew proġett li diġà jeħtieġ eżami fil-kuntest ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. L-awtoritajiet kompetenti huma mitluba jieħdu nota tal-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) meta jieħdu deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, anki meta l-integrità tas-sit ma jkunx affettwat b’mod negattiv. Obbligi xierqa jistgħu […] jikkontribwixxu għall-manteniment, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni, ta’ habitats naturali u speċi ta’ fawna u flora selvaġġa ta’ interess għall-Komunità. Madankollu, l-Artikolu 6(4) ma japplikax għal dawn il-metodi alternattivi għat-twettiq ta’ pjanijiet u proġetti, iżda għal pjanijiet u proġetti alternattivi.”

13.

Imbagħad, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall ( 8 ), l-Avukat Ġenerali Kokott stqarret: “Fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-effetti negattivi fuq sit għandhom ikunu strettament separati mill-miżuri kumpensatorji. Skont is-sistema regolatorja tad-Direttiva dwar il-habitats, l-effetti negattivi għandhom jiġu evitati bl-aħjar mod possibbli. Preferibbilment dan isir billi jiġi eliminat kull riskju ta’ ħsara jew billi jittieħdu miżuri xierqa li jnaqqsu d-dannu kif ukoll miżuri oħrajn ta’ prevenzjoni. B’kuntrast, miżuri kumpensatorji jistgħu jiġu kkunsidrati biss meta effetti negattivi jridu jiġu aċċettati fl-assenza ta’ xi alternattiva, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali eżistenti huwa ppreferut minn miżuri kumpensatorji sempliċiment għaliex huwa rari li s-suċċess ta’ dawn il-miżuri jkun jista’ jiġi previst b’ċertezza.”

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.

Il-qorti tar-rinviju tagħti r-rendikont segwenti tal-fatti u tal-kwistjoni fil-każ li għandha quddiemha.

15.

Fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Minister van Infrastructuur en Milieu (Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) adotta ordni li tikkonċerna t-twessigħ tal-awtostrada A2, emendata b’deċiżjoni suċċessiva tal-25 ta’ Jannar 2012 (flimkien, l-“ordni dwar l-awtostrada”). Diversi partijiet ikkontestaw dawn l-ordnijiet, iżda ħafna mir-raġunijiet imressqa ġew miċħuda. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għadha ma waslitx għal deċiżjoni dwar motiv li jikkonċerna l-effetti tat-twessigħ tat-triq fuq is-sit Natura 2000 Vlijmens Ven, Moerputten u Bossche Broek (is-“sit Natura 2000”), li b’mod partikolari hija żona speċjali ta’ konservazzjoni għal, b’mod partikolari l-habitat naturali tat-tip mergħat tal-molinia ( 9 ). L-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit huma l-espansjoni taż-żona u titjib fil-kwalità.

16.

Rapport preliminari tal-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali sab illi ma jistgħux jiġu esklużi effetti negattivi serji minn depożiti ta’ nitroġenu. Rapport ieħor iddikjara illi fil-Moerputten, żieda temporanja ta’ depożiti tan-nitroġenu twassal għal daqsxejn aċċelerazzjoni tat-tnaqqis fil-kwalità diġà fis-seħħ. Fil-Bossche Borek, il-kwalità tal-mergħat tal-molinia hija għolja iżda potenzjalment f’periklu. Effetti negattivi minn żieda ta’ depożiti tan-nitroġenu ma jistgħux jiġu esklużi. Barra minn hekk, għalkemm il-mergħat tal-molinia jistgħu jinfirxu matul numru ta’ deċennji, xorta jkun hemm żieda ta’ depożiti tan-nitroġenu fl-2020, u l-firxa tista’ tiġi ristretta. Fi Vlijmens Ven, il-mergħat tal-molinia setgħu jiżviluppaw b’mod mgħaġġel wara li tlestiet is-sistema idroloġika, u ż-żieda temporanja ta’ depożiti tan-nitroġenu ma tikkawżax effetti negattivi. Ir-rapport ikkonkluda li għandhom jiġu adotatti miżuri ta’ mitigazzjoni li jeliminaw l-effetti negattivi tat-twessigħ tat-triq

17.

L-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni dwar l-awtostrada jipprovdi li s-sitwazzjoni idroloġika fi Vlijmens Ven kellha titjieb bħala miżura mitiganti kontra l-possibbiltà ta’ effetti negattivi fuq il-mergħat tal-molinia, u tippermetti l-espansjoni ta’ dak it-tip ta’ habitat naturali fi ħdan is-sit. Il-pjan ta’ mitigazzjoni antiċipa żvilupp mill-ġdid fi Vlijmens Ven fil-bidu tal-2012, b’mergħat tal-molinia ġodda li jidhru għall-ewwel darba fl-2013. Il-mergħat il-ġodda fi Vlijmens Ven fil-parti l-kbira jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi taż-żieda fid-depożiti tan-nitroġenu għall-11.5 ettaru ta’ mergħat tal-molinia fis-sit Natura 2000 bħala riżultat tat-traffiku fuq l-A2 imwessa’.

18.

Numru ta’ partijiet fil-kawża prinċipali jissottomettu li l-ħolqien propost ta’ mergħat tal-molinia ġodda fis-sit Natura 2000 ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi kkunsidrat jekk l-integrità tas-sit kinitx affettwata b’mod negattiv u li l-Ministru huwa żbaljat meta jqis il-ħolqien ta’ mergħat tal-molinia ġodda bħala miżura mitiganti.

19.

Il-Ministru jargumenta li ma hemm l-ebda kwistjoni li s-sit ikun affettwat b’mod ħażin peress illi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal dan it-tip ta’ habitat naturali huma milħuqa b’mod suffiċjenti biż-żriegħ ta’ mergħat tal-molinia ġodda kif stipulat fid-deċiżjoni tal-awtostrada.

20.

Il-qorti tar-rinviju tħoss illi huwa neċessarju li tistabbilixxi jekk il-Ministru legalment setax jieħu l-pożizzjoni li l-integrità tas-sit Natura 2000 ma kinitx ser tiġi affettwata b’mod negattiv.

21.

It-twessigħ tat-triq propju għandu effetti negattivi fuq iż-żona eżistenti tal-mergħat tal-molinia. Madankollu, id-deċiżjoni tal-awtostrada tispeċifika pjan ta’ mitigazzjoni intiż li joħloq żona ikbar ta’ mergħat tal-molinia, ta’ kwalità aħjar minn dik preżenti. Il-pożizzjoni tal-Ministru tassumi li, fejn proġett jista’ jaffettwa b’mod negattiv żona ta’ habitat naturali protett f’sit Natura 2000, l-evalwazzjoni dwar jekk l-integrità tas-sit hijiex affettwata għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħolqien ta’ żona ekwivalenti jew ikbar tat-tip ta’ habitat naturali fi ħdan l-istess sit, li ma jkunx affettwat b’mod negattiv.

22.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li la l-kliem tad-Direttiva dwar il-habitats u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikaw kif issir evalwazzjoni dwar jekk l-integrità tas-sit hijiex affettwata għall-finijiet tal-Artikolu 6(3). Għalhekk hija tagħmel is-segwenti domandi li ġejjin:

“1.   Il-frażi ‘ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat’ kif tidher fl-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitats] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-integrità tas-sit konċernat ma hijiex affettwata jekk, meta l-proġett għandu impatt fuq iż-żona eżistenti ta’ tip ta’ habitat protett fis-sit ikkonċernat, żona ta’ daqs identiku jew superjuri għal dan it-tip ta’ habitat tkun żviluppata fil-kuntest ta’ proġett fiż-żona konċernata?

2.   Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-frażi ‘ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat’ għandha tiġi interpretata fis-sens li [fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel domanda] jkun hemm effett fuq l-integrità ta’ sit Natura 2000, l-iżvilupp ta’ żona ġdida ta’ tip ta’ habitat għandu jiġi kklassifikat bħala miżura kumpensatorji fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva?”

23.

Meta ġie riċevut id-digriet tar-rinviju f’din il-kawża, il-proċeduri fil-kawża Sweetman kienu wisq avvanzati sabiex iż-żewġ kawżi jingħaqdu. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet sospiża sabiex tingħata opportunità lill-partijiet ikkonċernati sabiex jissottomettu l-osservazzjoni tagħhom wara s-sentenza Sweetman.

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn waħda mir-rikorrenti (Stichting Overlast A2 Vught en omstreken, iktar ’il quddiem “Stichting”), mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea, li lkoll kemm huma ressqu argumenti orali fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013, li b’mod partikolari kkonċentrat fuq il-kunċetti ta’ “miżuri ta’ mitigazzjoni” fil-gwida tal-Kummissjoni u “miżuri kumpensatorji” fid-Direttiva dwar il-habitats.

25.

Fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali, kemm Stichting kif ukoll il-Kummissjoni osservaw l-eżistenza ta’ proġett LIFE+ ( 10 ), indipendenti mill-proġett għat-twessigħ tal-awtostrada, bl-għan speċifiku prinċipali jkun li jiġu mkabbra u mtejba, b’mod partikolari, żoni ta’ mergħat tal-molinia fi ħdan is-sit Natura 2000 bħala sit ta’ habitat għal żewġ speċi ta’ friefet. Il-proġett, intitolat ‘Blues in the Marshes’ ( 11 ), jinkludi “170 ettaru ta’ habitats ta’ bur naturalizzati ġodda” fil-parti ikbar tas-sit (Vlijmens Ven u Moerputten). Il-proġett irċieva kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2012 u huwa ppjanat li jiġi implementat bejn dik id-data u Diċembru 2018.

Evalwazzjoni

26.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi żewġ domandi, li jirriżultaw f’dan li ġej. Meta żona eżistenti ta’ tip ta’ habitat naturali protett f’sit Natura 2000 hija affettwata minn proġett li huwa madankollu taħt kundizzjoni li joħloq żona ġdida (ekwivalenti jew ikbar) tal-istess tip ta’ habitat naturali x’imkien ieħor fi ħdan l-istess sit, l-integrità nnifisha tas-sit hija affettwata b’mod negattiv fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats? Jekk inhu hekk, il-ħolqien ta’ żona ġdida għandu jiġi meqjus bħala miżura kumpensatorja fis-sens tal-Artikolu 6(4) tal-istess direttiva?

27.

Il-korrelazzjoni bejn dawk id-domandi — li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom it-tnejn jitwieġbu fl-affirmattiv — hija tali li jkun utli li jiġu kkunsidrati flimkien.

28.

F’dan ir-rigward, analiżi fil-qosor tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats tista’ tipprovdi risposta preliminari. Miżuri kumpensatorji huma meħtieġa mill-Artikolu 6(4) meta (i) kien hemm evalwazzjoni negattiva skont l-Artikolu 6(3), (ii) ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi u (iii) il-pjan jew proġett għandu jsir għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. B’hekk, mill-istruttura taż-żewġ paragrafi kif moqrija flimkien, huwa ċar li dawn il-miżuri ma humiex ikkontemplati fil-kuntest tal-Artikolu 6(3). Loġikament u kronoloġikament, isegwu evalwazzjoni negattiva skont dik id-dispożizzjoni. Jekk miżuri kumpensatorji kif intiżi fl-Artikolu 6(4) kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3), jew (a) ikunu insuffiċjenti li jwaqqfu effett negattiv, li f’każ bħal dan il-pjan jew proġett bl-ebda mod ma jkun jista’ jsir, jew (b) dawn — u l-pjan jew il-proġett — jiġu adottati mingħajr xi rekwiżit li l-ewwel nett jiġi kkunsidrat jekk kienx hemm soluzzjonijiet alternattivi jew raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku sabiex jipproċedi. F’kull eventwalità, l-Artikolu 6(4) jkun ineffettiv. Dan l-approċċ jonqos milli jinterpreta l-Artikolu 6 — bil-paragrafu (4) tiegħu intenzjonat b’mod ċar li jkun effettiv — bħala ħaġa waħda, kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

29.

Madankollu, huwa ssuġġerit li wieħed imur lil hinn minn dik l-analiżi pjuttost formali, u jara s-sustanza tad-dispożizzjonijiet. Qabel isir hekk, huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata l-frażi “miżura ta’ mitigazzjoni” li, għalkemm ma hijiex użata fil-leġiżlazzjoni jew iddefinita fil-ġurisprudenza, kienet ġiet diskussa b’mod wiesa’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

30.

Ġeneralment, speċjalisti tal-ambjent jaqblu, u jidher li hija bażi komuni fost dawk li ressqu l-argumenti waqt is-seduta, li pjanijiet jew proġetti li x’aktarx iħallu effett fuq l-ambjent għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ “ġerarkija ta’ mitigazzjoni”. Il-kontenut ta’ dik il-ġerarkija jista’ jiġi espress f’dettall ikbar jew iżgħar u f’forom li jvarjaw ftit, iżda b’hekk, il-qofol tagħha jista’ jingħad: “kumpens għal dannu permanenti huwa l-aħħar miżura u jiġi wara kunsiderazzjoni dwar kif id-dannu jista’ jiġi evitat minn qabel, u wara, jekk dan ma huwiex possibbli, kif id-dannu jista’ jiġi minimizzat permezz ta’ mitigazzjoni” ( 13 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, it-tliet miżuri jew livelli maġġuri huma, f’ordni dixxendenti ta’ preferenza: evita, immitiga, ikkumpensa ( 14 ).

31.

Ġerarkija paragunabbli tista’ tidher fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, għalkemm ma hemm l-ebda riferiment partikolari għal mitigazzjoni. L-Artikolu 6(1) jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari, skont l-Artikoli 1(a), 2(2) u 3(1), dawk il-miżuri meħtieġa “sabiex jiġu mantnuti jew ripristinati” habitats naturali “fi stat favorevoli”. Dak il-livell huwa pjuttost ogħla minn sempliċement evitar, billi jinvolvi manteniment attiv jew anki titjib fil-kwalità jew il-firxa tal-habitats. Wara, l-Artikolu 6(2) jirrikjedi t-teħid ta’ miżuri xierqa sabiex jiġi evitat xi deterjorazzjoni jew tfixkil. Bil-ħsieb li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni ( 15 ), l-Artikolu 6(3) jippermetti biss l-approvazzjoni ta’ pjanijiet jew proġetti jekk dawn “ma jaffettwawx ħażin l-integrità tas-sit konċernat”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(4) jirrikjedi li għandha tittieħed kull miżura kumpensatorja meta pjan jew proġett, anki jekk jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit, għandu jitwettaq minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi.

32.

Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats ma jsemmix miżuri ta’ mitigazzjoni b’mod speċifiku, ma jistax raġonevolment jintqal li ma hemmx lok għalihom fi ħdan l-istruttura tiegħu. Jien naqbel ma’ dawk kollha li ssottomettew osservazzjonijiet, u mal-Avukat Ġenerali Kokott fit-testi li ċċitajt iktar ’il fuq, li miżuri li jagħmlu parti minn pjan jew proġett u li effettivament jimminimizzaw l-impatt tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati meta jiġi evalwat, skont l-Artikolu 6(3), jekk dak il-pjan jew proġett jaffettwax b’mod negattiv l-integrità ta’ sit. Madankollu, jidher ċar li l-Artikolu 6(1) jirrikjedi ġestjoni ta’ konservazzjoni attiva, iktar milli sempliċement assenza ta’ impatt negattiv, u li l-Artikolu 6(4) jikkonċerna sitwazzjonijiet fejn, kwalunkwe miżura li tista’ tiġi implementata sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv, irriżultat insuffiċjenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3).

33.

Għalhekk, dawk kollha li ssottomettew osservazzjonijiet jaqblu li “miżura ta’ mitigazzjoni” twassal għal kunċett rilevanti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li huwa differenti minn dak ta’ “miżura kumpensatorja” fl-Artikolu 6(4). Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Artikolu 6(3) fl-istruttura sħiħa tal-Artikolu 6 tikkorrispondi mal-pożizzjoni ta’ “mitigazzjoni” jew “minimizzazzjoni” fil-ġerarkija ta’ mitigazzjoni kif ġeneralment aċċettata.

34.

Ngħaddi issa għad-domandi li saru mill-qorti nazzjonali. Essenzjalment, il-kwistjoni kif diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk miżura tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex miżura ta’ mitigazzjoni li (huwa maqbul) tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 6(3), jew miżura kumpensatorja; u, jekk inhu dan l-aħħar każ, jekk tistax tkun ikkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) jew biss f’dak tal-Artikolu 6(4). Ma ingħadx li tali miżuri lanqas ma jistgħu jikkwalifikaw bħala miżuri kumpensatorji, iżda ġie argumentat li l-miżuri speċifiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu mwarrba fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett tat-twessigħ tal-awtostrada jekk fir-realtà huma miżuri ordinarji ta’ ġestjoni tas-sit Natura 2000.

35.

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandhom jiġu maqtugħa żewġ linji diviżorji: bejn miżuri ta’ mitigazzjoni u miżuri kumpensatorji, u bejn miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-Artikolu 6(4). Ma huwiex possibbli li jiġi sostnut, a priori, li ż-żewġ linji diviżorji huma identiċi ( 16 ).

36.

Fl-opinjoni tiegħi, id-distinzjoni semantika bażika bejn mitigazzjoni (jew minimizzazzjoni jew tnaqqis) u kumpens (jew tpaċija) ma tidhirx li hija wisq kontroversjali. Fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats, miżura ta’ mitigazzjoni għandha tkun waħda li tnaqqas l-effetti negattivi ta’ pjan jew proġett, bil-għan li tiżgura, jekk huwa possibbli, li (filwaqt li ċerti effetti insinjifikattivi u/jew temporanji jistgħu ma jkunux eliminati totalment) l-“integrità tas-sit” fiha nnifisha ma tkunx affettwata b’mod negattiv. B’kuntrast, miżura kumpensatorja hija dik li ma tilħaqx dak l-għan f’qafas iktar ristrett tal-pjan jew proġett innifsu iżda teżiġi għal kontrobilanċ tal-falliment li tilħaq dan permezz ta’ effetti differenti u pożittivi intiżi bil-għan li, tal-inqas, jevitaw effett negattiv nett (u, jekk possibbli, jintlaħaq effett pożittiv nett) fi ħdan qafas wiesgħa ta’ ċertu deskrizzjoni ( 17 ).

37.

F’dak il-kuntest, nikklassifika l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li huma, fil-prinċipju, miżuri kumpensatorji. Mid-deskrizzjoni tagħhom, jidher li huwa aċċettat li l-kwalità u/jew l-estensjoni (ta’ parti mill-) mergħat tal-molinia eżistenti fis-sit Natura 2000 jistgħu jiddeterjoraw b’riżultat tat-twessigħ tal-awtostrada. Jidher li dawk il-mergħat huma f’riskju ta’ deterjorazzjoni permezz ta’ żieda (fit-tul) fid-depożiti tan-nitroġenu ikkawżata minn żieda fit-traffiku fuq l-awtostrada u li, filwaqt li l-ebda miżura li ttieħdet jew li hija ppjanata ma hija tali li tipprovdi tnaqqis xieraq ta’ dak it-tniġġis, jew sabiex tipprevenih milli jilħaq iż-żoni tal-mergħat tal-molinia li huma l-eqreb lejn l-awtostrada, hemm ippjanati mergħat ġodda u huma mistennija li jkunu lil hinn miż-żona taż-żieda fit-tniġġis.

38.

Għaldaqstant, jien ma nistax naqbel mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-ħolqien ta’ mergħat tal-molinia ġodda x’imkien ieħor fis-sit Natura 2000 huwa miżura ta’ mitigazzjoni; din hija miżura kumpensatorja.

39.

Madankollu, dik il-konklużjoni fiha nnifisha ma tfissirx li tali miżura ma tistax tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Dik id-dispożizzjoni la ssemmi miżuri ta’ mitigazzjoni u lanqas kumpensatorji iżda tikkonċentra fuq ir-riżultat li jrid jintlaħaq — l-ebda effett negattiv fuq l-“integrità tas-sit”.

40.

Fl-opinjoni tal-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, l-“integrità tas-sit” għandha tiġi kkunsidrata b’mod sħiħ, abbażi ta’ telf jew benefiċċju nett; ma jimpurtax jekk habitat partikolari jintilef f’parti waħda tas-sit, kemm-il darba tinħoloq żona u kwalità tal-istess habitat li tkun tal-inqas ekwivalenti (u preferibbilment ikbar) x’imkien ieħor fl-istess sit. Għalhekk, u b’mod partikolari fis-sottomissjoni tar-Renju Unit, miżura kumpensatorja ta’ dak it-tip tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

41.

Nasal naqbel illi l-“integrità tas-sit” għandha tiġi kkunsidrata globalment fis-sens li hija n-natura essenzjali fit-tul tagħha li għandha tiġi kkunsidrata, iktar milli varjazzjonijiet insinjifikattivi jew temporanji fil-kwalità jew żona ta’ habitat partikolari. Madankollu, għalija jirriżulta li deterjorazzjoni fit-tul ta’ habitat naturali eżistenti hija xi ħaġa li neċessarjament tikkonċerna natura essenzjali fit-tul iktar milli varjazzjonijiet insinjifikattivi u temporanji. L-istess għandu japplika fejn hemm (jew x’iktarx ikun hemm) aċċelerazzjoni ta’ tnaqqis eżistenti fil-kwalità jew limitazzjoni ta’ żieda possibbli fiż-żona (it-tnejn li huma mbassra f’partijiet mis-sit Natura 2000 f’din il-kawża). F’kull każ, l-Artikolu 6(3) jirrikjedi li l-evalwazzjoni ssir “vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit” — li f’din il-kawża, huma espansjoni taż-żona ta’ mergħat tal-molinia u titjib fil-kwalità tagħha. Meta deterjorazzjoni tat-tipi deskritti ma tistax tiġi evitata, fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi konkluż li l-integrità tas-sit, meħuda fid-dawl tal-għajnijiet ta’ konservazzjoni tagħha, hija affettwata b’mod negattiv.

42.

Il-fatt li żoni oħra ta’ habitat jistgħu jinħolqu x’imkien ieħor fl-istess sit ma jidhirlix li huwa rilevanti f’dan ir-rigward, anki jekk huwa previst effett ta’ benefiċċju nett. Xorta hemm effett negattiv — possibbilment anki irreparabbli — fuq il-habitat naturali eżistenti, u għalhekk fuq l-integrità tas-sit. Sa ċertu punt, il-habitat il-ġdid ikun maħluq b’mod artifiċjali u ma jistax isir habitat naturali veru, tal-inqas għal ċertu żmien, possibbilment kunsiderevoli. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-avukat ta’ Stichting waqt is-seduta, ma jista’ jkun hemm l-ebda ċertezza li miżuri sabiex tinħoloq żona ġdida ta’ habitat partikolari jistgħu fil-fatt jilħqu r-riżultat mixtieq u, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, assenza ta’ inċertezza hija kundizzjoni għall-approvazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 18 ). Ir-riżultati ma jistgħux ikunu ggarantiti f’agrikoltura intensa; huwa wkoll iktar diffiċli li jiġu ggarantiti meta n-natura tiġi mħeġġa tieħu l-kors tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandux jifdal dubju xjentifiku qabel jiġi ddikjarat li ma hemmx effetti negattivi fit-tul fuq l-integrità tas-sit. Fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi applikat l-istess standard għal previżjonijiet ta’ suċċess għal żoni ġodda ppjanati għall-ħolqien ta’ habitat “naturali”.

43.

Minix influwenzata mill-argument tar-Renju Unit li l-approċċ li jien nagħti jista’ jwassal għal riżultat “assurd” li pjan li għandu effett negattiv fuq habitat jista’ jiġi approvat skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats minħabba li dak l-effett huwa wisq insinjifikattiv sabiex joħloq effett negattiv fuq l-integrità tas-sit, filwaqt li pjan ieħor li involva d-deterjorazzjoni ta’ żona limitata ta’ habitat u s-sostituzzjoni tagħha b’żona ikbar tal-istess habitat, b’benefiċċju globali nett, ma setax jiġi approvat. Minn naħa, kif diġà għidt, ma jista’ jkun hemm l-ebda garanzija ta’ suċċess għall-habitat il-ġdid jew, għalhekk, tal-benefiċċju nett, sabiex il-pożizzjoni tar-Renju Unit tista’ ma tkunx konsistenti mal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-approvazzjoni ma hijiex possibbli skont l-Artikolu 6(3), fih innifsu ma jipprekludix l-approvazzjoni skont l-Artikolu 6(4), li l-kliem tiegħu speċifikament jikkunsidra miżuri kumpensatorji.

44.

Lanqas ma jien influwenzata mill-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li jgħid li, filwaqt li proġett bħal dak tat-twessigħ tal-awtostrada A2 jista’ mingħajr dubju jilħaq il-livell ta’ “raġunijiet obbligatorji [...] li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku” u għalhekk jikkwalifika għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats permezz tal-miżuri kumpensatorji implementati, dan kien ikun improbabbli f’każ ta’ proġett privat (per eżempju, estensjoni ta’ razzett tal-ħnieżer) anki jekk inkorpora miżuri kumpensatorji ugwali jew iktar effettivi li jwasslu għal benefiċċju nett ugwali jew anki ikbar. Huwa ċar li, fl-Artikolu 6(3) u (4), il-leġiżlatur stabbilixxa kriterji differenti. Skont l-Artikolu 6(3), kull proġett jista’ jikkwalifika għal approvazzjoni, kemm-il darba dan ma jaffettwax b’mod negattiv l-integrità tas-sit. Skont l-Artikolu 6(4), proġett li ma jikkwalifikax għal approvazzjoni skont l-Artikolu 6(3) jista’ madankollu jiġi approvat, kemm-il darba, inter alia, dan jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Il-fatt li ħafna, jekk mhux il-maġġoranza, tal-proġetti privati ma jilħqux dak il-kriterju ma jiġġustifikax riklassifikazzjoni ta’ miżura li ma timminimizzax effett ħażin fuq l-integrità tas-sit bħal waħda li tagħmel dan.

45.

F’dan il-punt, huwa neċessarju li jiġi indirizzat ukoll argument ieħor imressaq mill-Istati Membri preżenti waqt is-seduta, li jgħid li billi l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirrikjedi t-teħid ta’ “l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000” (enfasi miżjud minni), dik id-dispożizzjoni tikkonċerna biss miżuri li jittieħdu barra mis-sit partikolari affettwat b’mod negattiv mill-pjan jew proġett.

46.

Nasal naqbel illi mill-kliem tal-Artikolu 6(4) huwa ċar li l-miżuri kumpensatorji msemmija ma għandhomx għalfejn ikunu fi ħdan is-sit affettwat iżda jistgħu jikkonċernaw siti oħra fi ħdan in-netwerk Natura 2000 ( 19 ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dan ma jfissirx li, huma espliċitament limitati għal siti oħra bħal dawn. Miżura kumpensatorja tvarja minn miżura ta’ mitigazzjoni, minimizzazzjoni jew tnaqqis min-natura tagħha stess u mhux bil-lok ġeografiku tagħha. Għalkemm effett negattiv fuq l-integrità ta’ sit wieħed huwa improbabbli li jiġi mmitigat b’miżuri meħuda f’sit ieħor, dik il-loġika ma tapplikax fejn jikkonċerna l-kumpens. Miżura kumpensatorja hija, min-natura tagħha, separata minn dik li hija intiża li tikkumpensa, filwaqt li għal miżura ta’ mitigazzjoni huwa neċessarju li tintrabat ma’ dak li hija intiża li timmitiga. Madankollu, il-fatt li miżuri kumpensatorji jistgħu jiġu implementati x’imkien ieħor li ma huwiex is-sit affettwat ma jfissirx li ma jistgħux jiġu implementati fi ħdan (possibbilment f’parti oħra ta’) dak is-sit. Miżura, lanqas ma hija inqas probabbli li tipproteġi l-koerenza globali tan-Natura 2000 meta tiġi implementata fi ħdan is-sit affettwat milli meta tiġi implementata f’parti oħra tan-netwerk Natura 2000 (jekk xejn, tista’ tkun iktar probabbli li tagħmel hekk). Hekk ukoll ma nsib l-ebda kliem fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats li jipperswadini mod ieħor.

47.

Punt ieħor rilevanti li tqajjem, li iżda jikkonċerna kwistjonijiet ta’ fatt li jistgħu jiġu ddeterminati biss mill-qorti nazzjonali kompetenti, hija r-relazzjoni bejn il-ħolqien ta’ żoni oħra ta’ mergħat tal-molinia bħala kundizzjoni għall-implementazzjoni tal-proġett għat-twessigħ tal-awtostrada u l-ħolqien ta’ żoni bħal dawn fil-kuntest tal-proġett LIFE+ li għamilt riferiment għalih fil-punt 25 iktar ’il fuq. Stichting u l-Kummissjoni ssuġġerew, jekk fhimt is-sottomissjonijiet tagħhom sew, li l-kundizzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni tal-awtostrada tista’ ma tkunx fil-fatt irrappreżentat rekwiżit ġdid li fuqu tkun saret suġġetta l-implementazzjoni tal-proġett, iżda pjuttost li l-għan kien effettivament sabiex jistrieħ fuq l-effetti ta’ benefiċċju tal-proġett LIFE+ għall-kontrobilanċ tal-effetti dannużi tal-proġett għat-twessigħ tal-awtostrada.

48.

Fl-opinjoni tiegħi jidher li, jekk jirriżulta li dak huwa l-każ, ma jkunx possibbli li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqiesu bħala miżuri kumpensatorji għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats. Il-proġett LIFE+ inkwistjoni jidher li jaqa’ fl-ambitu ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u pjanijiet ta’ ġestjoni meħtieġa fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva. L-Artikolu 6(3) jikkonċerna biss pjanijiet jew proġetti “li [ma humiex] marbut[a] direttament ma’ jew li [ma humiex] meħtieġ[a] għat-tmexxija tas-sit” u jirrikjedihom li jiġu evalwati “in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit”. Jien ninterpreta dan bħala li jfisser li dawk l-għanijiet u dik il-ġestjoni għandhom jiġu kkunsidrati li jiffurmaw parti mill-“integrità tas-sit” kontra liema għandhom jiġu evalwati l-effetti ta’ pjan jew proġett. Ma jistgħux iservu fl-istess ħin bħala (element ta’ mitigazzjoni f’) parti mill-pjan jew proġett innifsu. L-istess huwa minnu a fortiori meta pjan jew proġett li jkun diġà evalwat fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) jaqa’ taħt eżami ulterjuri fil-kuntest tal-Artikolu 6(4).

49.

Għaldaqstant, l-opinjoni tiegħi hi li miżuri tat-tip deskritti fid-digriet tar-rinviju ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, pjan jew proġett jaffettwax b’mod negattiv l-integrità tas-sit, però jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-Artikolu 6(4), kemm-il darba dawn huma speċifiċi għall-pjan jew proġett u mhux parti minn pjan ta’ ġestjoni jew konservazzjoni li jrid jitwettaq fi kwalunkwe każ. Konsegwentement, ma huwiex strettament meħtieġ li jiġi kkunsidrat liema rekwiżiti għandhom jintlaħqu għal miżura ta’ tip differenti li trid tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-Artikolu 6(3). Minkejja dan, jista’ jkun ta’ għajnuna jekk jiġi spjegat fil-qosor il-qofol ta’ dawn ir-rekwiżiti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żewġ aspetti li x’iktarx għadhom ma ġewx spjegati bis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hawnhekk, ninsab fi qbil ġenerali mal-kriterji mressqa mill-Istati Membri preżenti waqt is-seduta.

50.

Fuq naħa, miżura ta’ mitigazzjoni mhux biss hija neċessarjament marbuta bl-effett li hija intiża li timmitiga – sabiex tikkonċerna l-istess sit u l-istess tip ta’ habitat – iżda, sabiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-Artikolu 6(3), għandha tifforma parti integrali mill-pjan jew proġett ikkunsidrat. Kif issottometta r-Renju Unit, tista’ tkun inkluża fil-pjan jew proġett oriġinali jew imdaħħla bħala kundizzjoni fi stadju ulterjuri (iżda qabel l-approvazzjoni tal-pjan jew proġett), sabiex tittratta effetti previsti. Madankollu, il-fatt uniku li miżura x’iktarx timmitiga l-effetti ta’ pjan jew proġett ma huwiex, madankollu, biżżejjed: għandha tkun speċifika għal dak il-pjan jew proġett u mhux tkun parti minn xi qafas indipendenti.

51.

Min-naħa l-oħra, b’żieda għas-suespost, il-miżuri għandhom jifformaw kundizzjoni legali vinkolanti għall-implementazzjoni tal-pjan jew proġett jekk dan jingħata l-approvazzjoni. Barra minn hekk, dawn (bħala, biex ngħid hekk, in-naħa l-oħra tal-munita) ma għandhomx ikunu meħtieġa jekk il-pjan jew proġett ma jkunx approvat. Dan ma jfissirx li dawn ma jistgħux isiru sakemm il-pjan jew proġett jiġi approvat (għaliex jistgħu, bla dubju, iservu xi skop separat u utli) iżda unikament ma jistgħux jitqiesu li ġew speċifikament inklużi fil-pjan jew proġett jekk inhuma fil-fatt suġġetti għal xi rekwiżit legali indipendenti.

Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha mressqa iktar ’il fuq, jien tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula minn Raad vad State f’dan is-sens:

1)

Meta żona eżistenti ta’ tip ta’ habitat naturali protett f’sit Natura 2000 hija affettwata minn proġett li jipprovdi għal ħolqien ta’ żona ġdida (ugwali jew ikbar) tal-istess tip ta’ habitat naturali x’imkien ieħor fl-istess sit, l-integrità tas-sit innifsu għandha titqies bħala affettwata b’mod negattiv fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. Konsegwentement, il-proġett jista’ ma jiġix approvat fil-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni.

2)

F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-ħolqien ta’ żona ġdida jista’ jitqies bħala miżura kumpensatorja fis-sens tal-Artikolu 6(4) tal-istess direttiva, kemm-il darba din hija speċifikament marbuta mal-proġett inkwistjoni u ma kinitx se tkun implementata xorta waħda fil-kuntest ta’ ġestjoni ordinarja tas-sit kif mitlub fl-Artikolu 6(1) u (2). Jekk dak huwa l-każ, il-proġett jista’ jitwettaq kemm-il darba l-kundizzjonijiet kollha u r-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 6(4) huma milħuqa u osservati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 3 ) Molinia caerulea (ħaxix tax-xagħri vjola) hija pjanta li twarrad fil-familja tal-ħxejjex, komuni fuq xagħri niedi, art mistagħdra u art tax-xagħri.

( 4 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013 (C‑258/11).

( 5 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, C-127/02, Ġabra p. I-7405

( 6 ) Ġabra p. I‑4281

( 7 ) Sentenza tal-14 ta’ April 2005, C-441/03, Ġabra p. I-3043

( 8 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, C-239/04, Ġabra p. I-10183.

( 9 ) Is-sit inkwistjoni jinsab fin-Nofsinhar ta’ ’s-Hertogenbosch, fin-Nofsinhar-ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Mapep li jindikaw il-periferiji tiegħu juru li Vlijmens Ven u Moerputten huma parti minn żona kontinwa ikbar fil-Punent tas-sit (partijiet oħra msemmija De Maij u Honderd Morgen), li minnha, iż-żona iżgħar ta’ Bossche Broek hija separata b’kuridur ta’ madwar 500 metru wiesgħa li jinkludi toroq, djar u linja ferrovjarja. L-awtostrada A2, li tgħaqqad lil Amsterdam ma’ Maastricht, tgħaddi mit-tarf ta’ isfel ta’ Brossche Broek, madwar 2 kilometri mill-eqreb punt taż-żona Moerputten u għadd ta’ kilometri minn Vlijmens Ven. Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sit kollu kien maħtur bħala sit Natura 2000 minħabba l-preżenza tal-mergħat tal-molinia.

( 10 ) Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (ĠU 2007 L 149, p. 1) jippermetti fondi għal proġetti ambjentali, inkluż dawk li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ siti Natura 2000 skont id-Direttiva dwar il-habitats (ara l-premessa 5).

( 11 ) ‘Blues in the Marshes – Habitat restoration & development for Scarce and Dusky Large Blue in the N2K area Vlijmens Ven, Moerputten and Bossche Broek’ (LIFE11 NAT/NL/000770).

( 12 ) Ara s-sentenza Sweetman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 32

( 13 ) Meħuda minn “Biodiversity Offsetting Pilots 1 – Guidance for developers” (Marzu 2012), maħruġ mid-Dipartiment tal-Ambjent, Ikel u Affarijiet Rurali tar-Renju Unit, punt 16.

( 14 ) Formulazzjonijiet oħra jinkludu: evita, imminimizza, ikkumpensa; evita, naqqas, irrimedja; evita l-impatt, naqqas l-impatt inevitabbli, għamel tajjeb għall-impatt permanenti; jew (f’iktar dettall) tejjeb, evita, imminimizza, irripristina, ikkumpensa, għamel tajjeb.

( 15 ) Sentenza Sweetman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara l-punt 39 iktar ’il quddiem

( 17 ) Ara wkoll il-punti 47 u 48 iktar ’il quddiem.

( 18 ) Ara s-sentenza Sweetman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 41 u l-punt 35 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott li ppreżentat fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7..

( 19 ) Fil-prattika, huwa probabbli li siti oħra bħal dawn għandu jkollhom xi forma ta’ relazzjoni pjuttost viċina mas-sit affettwat, f’termini ta’ prossimità ġeografika u tip ta’ habitat, jekk għandha tiġi protetta l-“koerenza globali”.