KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PEDRO CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2014 ( 1 )
Kawżi C-516/12, C-517/12 u C-518/12
CTP - Compagnia Trasporti Pubblici SpA
vs
Regione Campania
vs
Provincia di Napoli
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l‑Italja)]
“Trasport — Regolament Nru 1191/69 — Dritt tal-impriżi privati għal kumpens fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn obbligu ta’ servizz pubbliku — Obbligu għall-impriżi ta’ trasport li jitolbu t-tħassir ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li jikkawżalhom żvantaġġi ekonomiċi”
|
1. |
Dan il-każ joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża xi aspett partikolari tas-sistema ta’ kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport ferrovjarju, fit-triq jew f’passaġġi tal-ilma previst fir-Regolament Nru 1191/69 ( 2 ), li l-emendar tiegħu bir-Regolament Nru 1893/91 ( 3 ) iqajjem problemi ta’ integrazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet. |
|
2. |
Iktar konkretament, il-kwistjoni hija bbażata fuq id-determinazzjoni ta’ fuq liema fatti t-talba ta’ kumpens għall-iżvantaġġi ekonomiċi pprovokati mill-prestazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku għandha tkun ippreċeduta minn talba għat-tħassir parzjali jew totali tal-imsemmi obbligu. Il-Qorti Ġenerali s’issa għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar dan il-punt. |
I – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, jipprovdi li: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal intrapriżi tat-trasport li joperaw servizzi fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u passaġġi fuq l-ilma interni. Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta’ dan ir-Regolament kull intrapriżi li l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati esklussivament għall-ħidma ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali. 2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligazzjonijiet kollha li jinsabu fil-kunċett ta’ kull servizz pubbliku kif imfisser f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni. 4. Sabiex jiġi żgurat servizzi ta’ trasport adegwati li b’mod partikolari jieħdu inkonsiderazzjoni fatturi soċjali u ambjentali u l-ippjanar ta’ bliet u rħula, jew bil-għan li jiġu offruti nollijiet partikolari lil ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kuntratti ta’ servizz pubbliċi ma’ kull intrapriża tat-trasport. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat ta’ dawn il-kuntratti huma stabbiliti fit-Taqsima V. 5. Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 dwar servizzi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat, inklużi metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV. […]” |
|
4. |
Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament, “‘Obbligi ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet”. |
|
5. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament jgħid dan li ġej: “1. Huwa f’idejn l-intrapriżi tat-trasport li japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ xi obbligu ta’ servizz pubbliku fejn dan l-obbligu huwa ta’ żvantaġġ ekonomiku għalihom. 2. Fl-applikazzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi tat-trasport jistgħu jipproponu s-sostituzzjoni ta’ xi forma oħra ta’ trasport għall-forom li qegħdin jintużaw. L-intrapriżi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 5 sabiex jikkalkolaw kemm jistgħu jiffrankaw sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.” |
|
6. |
Fl-Artikolu 5 ir-Regolament jipprovdi: “1. Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista’ jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta’ l-obbligu, fir-rigward ta’ operazzjoni jew grupp ta’ operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni. […] L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati billi wieħed jikkunsidra l-effetti ta’ l-obbligu fuq l-attivitajiet ta’ l-impriża b’mod ġenerali. 2. Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta’ dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista’ jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kunsidrati kemm l-ispejjeż ta’ dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.” |
|
7. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament jipprovdi: “1. [...] l-intrapriżi tat-trasport għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti l-applikazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4 L-intrapriżi tat-trasport jistgħu jippresentaw applikazzjonijiet wara l-iskadenza tal-perjodu hawn fuq imsemmi jekk isibu li d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) huma soddisfatti. 2. Deċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta’ servizz pubbliku jew partiminnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta’ perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13. 3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjonijiet fi żmien sena mid-data ta’ meta l-applikazzjoni tiġi preżentata fir-rigward ta’ l-obbligi li wieħed jopera jew li jġorr, u fi żmien sitt xhur fir-rigward ta’ obbligi ta’ tariffi. Id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq fid-data tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti iżda taħt ebda ċirkustanzi mhux qabel l-1 ta’ Jannar 1971. 4. Madanakollu, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jikkunsidraw li hija neċessarja minħabba n-numru u l-importanza ta’ l-applikazzjonijet ippreżentati minn kull intrapriża, huma jistgħu jestendu l-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 sa l-1 ta’ Jannar 1972 sa l-iktar tard. F’dan il-każ, id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq f’dik id-data. Jekk ikunu beħsiebhom jużaw dan il-poter, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-intrapriżi kkonċernati b’dan fi żmien sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet Jekk xi Stat Membru jiltaqa’ ma xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista’, fuq talba ta’ dak l-Istat u fuq proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex jestendi sa l-1 ta’ Jannar 1973 il-limitu ta’ żmien indikat fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. 5. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux waslu għal deċiżjoni saż-żmien preskritt, l-obbligu li fir-rigward tiegħu tkun saret l-applikazzjoni għal terminazzjoni taħt l-Artikolu 4(1) għandu jiġi terminat. 6. Il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta’ rapport ippreżentat mill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 1972, jistudja s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.” |
|
8. |
Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament: “1. L-ammont ta’ kumpens fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi, minħabba l-applikazzjoni ta’ rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni għat-trasport ta’ passiġġieri, għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 11 sa 13. 2. Il-kumpens għandu jibda jitħallas mill-1 ta’ Jannar 1971. Jekk xi Stat Membru jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista’, fuq talba ta’ dak l-Istat u proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex ibiddel dik id-data għall-1 ta’ Jannar 1972.” |
|
9. |
Fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, l-Artikolu 14 tar-Regolament jipprovdi dan li ġej: “1. ‘Kuntratt ta’ servizz pubbliku’ ifisser kull kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u kull intrapriża tat-trasport sabiex jiġi pprovdut lill-pubbliku servizz ta’ trasport adegwat. Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-aktar:
2. Kull kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkopri, fost l-oħrajn, il- punti segwenti:
3. Dawk l-assi involuti fl-għoti ta’ servizzi ta’ trasport li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jistgħu jappartienu lill-intrapriża jew ikunu għad-dispożizzjoni tagħha. 4. Kull intrapriża li beħsiebha li ma tibqax jew li tagħmel modifiki sostanzjali lil kull servizz ta’ trasport li tipprovdi lill-pubbliku fuq bażi kontinwa u regolari u li ma tkunx koperta bis-sistema tal-kuntratt jew l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku għandha tavża lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru b’dan mill-inqas tliet xhur bil-quddiem. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux din in-notifika. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax proċeduri oħra nazzjonali applikabbli dwar intitolament biex jiġu tterminati jew immodifikati servizzi tat-trasport. 5. Wara li jirċievu l-informazzjoni li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4 l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinsistu fuq iż-żamma tas-servizz inkwistjoni sa sena mid-data tan-notifika u dawn għandhom jinfurmaw lill-intrapriża mill-inqas xahar qabel l-iskadenza tan-notifika. Dawn jistgħu ukoll jieħdu l-inizjattiva biex jinnegozjaw it-twaqqif jew il-modifikazzjoni ta’ dak is-servizz ta’ trasport. 6. Spejjeż li jirriżultaw lill-intrapriżi ta’ trasport mill-obbligazzjonijiet li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 5 għandhom ikunu kkumpensati skond il-proċeduri komuni stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.” |
|
10. |
Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 14 kien jipprovdi kif ġej: “1. Ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3), wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq intrapriża tat-trasport biss sa fejn dawn l-obbligi ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata il-provvista adegwata ta’ servizzi tat-trasport. 2. Meta obbligi imposti b’dan il-mod joħolqu għall-intrapriżi tat-trasport żvantaġġi ekonomiċi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1) u (2) jew piżijiet finanzjarji skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 9, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom, waqt li jkunu qegħdin jiddeċiedu li jimponu dawn l-obbligi, jipprovdu għal għotjiet ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minnhom. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 sa 13 għandhom japplikaw.” |
B – Id-dritt nazzjonali
|
11. |
L-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422, tad-19 ta’ Novembru 1997, dwar it-trasferiment lir-reġjuni u lill-korpi lokali ta’ funzjonijiet u doveri fil-qasam tat-trasport pubbliku lokali skont l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59, tal-15 ta’ Marzu ( 4 ), jistabbilixxi li ġej: “Ir-reġjuni, il-provinċji u l-komuni, bil-għan li jiżguraw il-mobbiltà tal-utenti, għandhom jiddefinixxu, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91, l-obbligi ta’ servizz pubbliku u għandhom jipprevedu, fil-kuntratti ta’ servizzi li jirreferi għalihom l-Artikolu 19, il-kumpens ekonomiku korrispondenti għall-impriżi li jipprovdu dawn is-servizzi, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, skont id-dispożizzjoni Komunitarja ċċitata, id-dħul li jirriżulta mit-tariffi, kif ukoll dawk li joriġinaw, skont il-każ, mill-ġestjoni ta’ servizzi kumplimentarji ta’ mobbiltà.” |
II – Il-fatti
|
12. |
Il-Compagnia Trasporti Pubblici SpA (iktar ’il quddiem, “CTP”) tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku lokali fil-Provinċja ta’ Napoli u talbet ripetutament lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, mingħajr ebda suċċess, kumpens għall-iżvantaġġ ekonomiku sostnut minħabba l-provvista tal-imsemmija servizzi. |
|
13. |
CTP ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali ta’ Campania, li ċaħdet l-appell tagħha minħabba li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69, il-kumpens jista’ jintalab biss jekk qabel ikun intalab it-tħassir tal-obbligu ta’ servizz pubbliku u jekk din it-talba tkun ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti, li ma kienx il-każ. |
|
14. |
Wara li sar appell, il-Consiglio di Stato għamel id-domandi preliminari inkwistjoni. |
III – Id-domandi preliminari
|
15. |
It-tliet domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato huma fformulati f’termini identiċi: “Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, id-dritt għal kumpens jinħoloq biss jekk, wara li titressaq applikazzjoni espliċita, l-awtoritajiet kompetenti ma pprovdewx għat-terminazzjoni tal-obbligu ta’ servizz li jinvolvi żvantaġġ ekonomiku għall-impriża tat-trasport, jew inkella din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-obbligi ta’ servizz li fir-rigward tagħhom ir-regolament jipprovdi li għandhom jiġu tterminati u li ma jippermettix li dawn jinżammu?” |
|
16. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikoli 1, 4 u 6 tar-Regolament Nru 1191/69 jistgħu jingħataw żewġ interpretazzjonijiet differenti fir-rigward tad-dritt għal kumpens. |
|
17. |
Skont interpretazzjoni li tikkwalifika bħala “teleoloġika”, u li hija dik adottata mit-Tribunal Amministrattiv, id-dritt għal kumpens jeżisti biss jekk qabel tkun ġiet miċħuda talba ta’ tħassir tal-obbligu ta’ servizz. |
|
18. |
Skont interpretazzjoni li tikkwalifika bħala “sistematika”, id-dritt għal kumpens iqum mingħajr il-bżonn ta’ talba preliminari għat-twaqqif tas-servizz, sa fejn dan huwa obbligu li ż-żamma tiegħu tista’ tiġi imposta skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69. |
IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
19. |
It-tliet domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato ngħaqdu permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2012. |
|
20. |
Minbarra CTP, intervjenew fil-proċeduri, ir-Reġjun ta’ Campania, il-Provinċja ta’ Napoli, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. |
|
21. |
Fis-seduta, li nżammet fl-20 ta’ Novembru 2013, dehru CTP, ir-Reġjun ta’ Campania, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. |
V – Argumenti
|
22. |
CTP tiċħad in-natura sinallagmatika tal-kuntratt, li tikkwalifika bħala “kuntratt pont” u li jirriproduċi l-istess kundizzjonijiet tal-konċessjoni li ppreċedietu. Tali kundizzjonijiet huma imposti mir-Reġjuni fuq l-impriżi ta’ trasport kollha, mingħajr ma s-servizzi inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku. |
|
23. |
Min-naħa tiegħu, ir-Reġjun ta’ Campania jallega li l-obbligi ta’ CTP jirriżultaw minn kuntratt sinallagmatiku fis-seħħ minn Frar 2003. |
|
24. |
CTP taqbel mal-interpretazzjoni msejħa “sistematika” spjegata iktar ’il fuq. Hija tosserva wkoll, li l-Istat Taljan ma bediex il-proċess li jippermetti l-ipproċessar tat-talbiet ta’ tħassir tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, u b’hekk naqas milli josserva l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1191/69. |
|
25. |
Fl-aħħar nett, CTP ssostni li l-proċedura prevista fl-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 1191/69 kienet tranżitorja, li kienet tipprovdi għal terminu ta’ sena mill-1 ta’ Jannar 1973 sabiex jitressqu t-talbiet għat-tħassir tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Fil-fehma tagħha, ikun assurd li l-kumpens ikun suġġett għat-tressiq ta’ din it-talba, peress li dan jippreżupponi li jiġi nnegat id-dritt ta’ kumpens lil kull impriża li fuqha jkun ġie impost l-obbligu ta’ servizz pubbliku wara l-1 ta’ Jannar 1973. |
|
26. |
Ir-Reġjun ta’ Campania, il-Provinċja ta’ Napoli u l-Gvern Taljan jaqblu mal-interpretazzjoni “teleoloġika”, billi jsostnu li n-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba għat-tħassir tas-servizz jippreżupponi l-intenzjoni tal-impriża li tassumi dan l-obbligu, li jimplika l-assenza ta’ żvantaġġ ekonomiku u, għaldaqstant, l-ineżistenza ta’ dritt ta’ kumpens. |
|
27. |
B’mod partikolari, il-Gvern Taljan isostni li, għalkemm fil-bidu r-Regolament Nru 1191/69 kien jeżiġi t-talba għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz biss għall-każ tal-obbligi ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, is-sitwazzjoni nbidlet sostanzjalment bl-emenda introdotta bir-Regolament Nru 1893/91, li permezz tiegħu ġie redatt mill-ġdid l-Artikolu 1, fejn ġie introdott il-paragrafu 5, li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku skont il-kundizzjonijiet u l-metodi (inklużi l-metodi ta’ kumpens) stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV tar-Regolament Nru 1191/69, fejn fosthom jinsab, preċiżament, l-Artikolu 4, jiġifieri, l-artikolu li jeżiġi talba minn qabel għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. |
|
28. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 1191/69 jistabbilixxi doveri differenti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (Artikolu 1(5) u Taqsima IV) u għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku (Artikolu 1(4) u Taqsima V). Kieku l-obbligi ta’ CTP kienu jirriżultaw minn kuntratt ta’ servizz pubbliku, kieku dan il-kuntratt kien jistabbilixxi l-prezz tas-servizzi u ma kienx ikun applikabbli l-obbligu li titressaq it-talba għal tħassir prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament. |
|
29. |
Issa, fil-fehma tal-Kummissjoni, mid-digriet tar-rinviju ma jinftiehemx jekk is-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn CTP humiex kawża ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku impost unilateralment mill-poter pubbliku jew jekk joriġinawx minn kuntratt ta’ servizz. |
|
30. |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li l-obbligu li titressaq talba għat-tħassir tas-servizz japplika biss għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li diġà kienu jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69, jiġifieri, l-1 ta’ Lulju 1969. F’dan is-sens, tfakkar li l-Artikolu 14 tar-Regolament, qabel ma ġie emendat bir-Regolament Nru 1893/91, kien jippermetti li l-Istati Membri jimponu unilateralment obbligi ta’ servizz pubbliku wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69 mingħajr ma d-dritt għall-kumpens ma jkun suġġett għat-tressiq ta’ talba għat-twaqqif tas-servizz. Wara r-Regolament Nru 1893/91, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi pubbliku mingħajr ma tinbidel is-sistema applikabbli għall-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti unilateralment wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. |
|
31. |
Il-Kummissjoni żżid, fl-aħħar nett, li l-kunċetti ta’ “itemmu [terminazzjoni]” u ta’ “iżommu [żamma]” tal-obbligi ta’ servizz pubbliku użati fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 1191/69 jirreferu għal sitwazzjonijiet eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
VI – Evalwazzjoni
|
32. |
Lil hinn mit-termini stretti li hija fformulata bihom id-domanda preliminari, l-għan tagħha, kif jikkorrobora d-dibattitu bejn il-partijiet, huwa li jiġi ddeterminat f’liema każijiet il-kumpens għall-iżvantaġġi ekonomiċi prodotti minħabba t-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku għandu jkun ippreċedut minn talba għat-tħassir totali jew parzjali ta’ tali obbligu. |
A – In-natura ġuridika tar-relazzjoni kontenzjuża
|
33. |
L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali hija n-natura tar-relazzjoni ġuridika li torbot lil CTP mal-Amministrazzjoni lokali. |
|
34. |
Fil-fatt, fil-każ li dan huwa “kuntratt ta’ servizz pubbliku” jkun japplika l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1191/69, li permezz tiegħu kuntratt ta’ dan it-tip għandu jinkludi, inter alia, “(ċ) ir-regoli dwar emendi u modifikazzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari biex jieħu in konsiderazzjoni tibdiliet li m’humiex imbassra”. L-eventwali emendi tal-kuntratt, skont il-paragrafi 4 sa 6 tal-istess Artikolu 14, huma suġġetti għas-sistema segwenti: 1) Preavviż (3 xhur) tal-impriża lill-Amministrazzjoni bl-intenzjoni tagħha li tannulla jew temenda l-kuntratt; 2) Possibbiltà li l-Amministrazzjoni, fi żmien xahar, timponi fuq l-impriża l-obbligu li żżomm is-servizz matul sena, bħala massimu, bla ħsara għall-possibbiltà li l-awtoritajiet jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jinnegozjaw; 3) Kumpens għall-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligu ta’ żamma tas-servizz matul sena. |
|
35. |
Jekk, kuntrarjament, ikun każ ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” hemm lok eventwalment għall-applikazzjoni, skont l-argument tal-partijiet, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69, li jikkundizzjona l-possibbiltà ta’ kumpens għat-talba minn qabel tat-tħassir totali jew parzjali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. |
|
36. |
Mill-proċess kollu ma jidhirx b’mod ċar liema hija r-risposta għal din id-domanda. Hemm indizzji, minn naħa, li dan huwa kuntratt, iżda jiġi affermat ukoll, min-naħa l-oħra, li din hija konċessjoni amministrattiva b’elementi ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. |
|
37. |
Lanqas waqt is-seduta ma setgħu jiġu ċċarati d-dubji dwar dan il-punt. |
|
38. |
Fil-fehma tiegħi, hemm raġunijiet sinjifikattivi sabiex jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ CTP taqbel mal-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1191/69, jiġifieri “obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet”. Fi kwalunkwe każ, nifhem li hija l-qorti tar-rinviju li għandha fl-aħħar mill-aħħar tiddetermina n-natura ġuridika tar-relazzjoni inkwistjoni. |
|
39. |
Jekk il-Consiglio di Stato jikkonkludi li r-relazzjoni eżaminata tikkorrispondi għal kuntratt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69, li huwa s-suġġett tat-talba magħmula f’dawn il-proċeduri, ma jkunx japplika, fl-ebda każ, minħabba dak li ngħad fil-punt 34. |
|
40. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda ta’ jekk talba minn qabel għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz pubbliku hijiex kundizzjoni neċessarja għat-talba għal kumpens hija neċessarja biss minħabba l-fatt li, fil-fehma tal-Consiglio di Stato, ir-rabta eżaminata taqa’ taħt il-figura ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Il-kunsiderazzjonijiet segwenti għandhom jinftiehmu fil-kuntest ta’ din l-ipoteżi. |
B – Il-kumpens għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tar-Regolament Nru 1191/69
|
41. |
Kif rajna, il-partijiet li intervjenew f’dawn il-proċeduri ddefendew interpretazzjonijiet kontradittorji tas-sistema li tirregola l-kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
42. |
Minn naħa, ir-Reġjun ta’ Campania, il-Provincia ta’ Napoli u l-Gvern Taljan jadottaw interpretazzjoni kkwalifikata bħala “teleoloġika”, billi kkonkludew li d-dritt għall-kumpens iqum biss ladarba tkun saret talba għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz. |
|
43. |
CTP, min-naħa tagħha, tiddefendi interpretazzjoni “sistematika”, li tgħid li, fil-każ ta’ obbligu impost unilateralment, id-dritt għall-kumpens jeżisti mingħajr il-bżonn ta’ talba minn qabel għat-tħassir tal-obbligu. |
|
44. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddefendi t-tielet possibbiltà ta’ interpretazzjoni, fis-sens li t-talba minn qabel għat-tħassir tapplika biss għall-obbligi ta’ servizz eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 1969. |
|
45. |
Fil-fehma tiegħi, din it-tielet possibbiltà hija dik li tosserva l-aħjar is-sistema normattiva tar-Regolament Nru 1191/69. |
|
46. |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Istati Membru kellhom iħassru l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, fit-triq u passaġġi fuq l-ilma. Minkejja dan, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, tali obbligi setgħu jinżammu jekk ikunu indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-provvista suffiċjenti ta’ servizz ta’ trasport. |
|
47. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament — li ma ġiex emendat fl-1991 — kien jipprovdi, u għadu jipprovdi, li l-impriżi ta’ trasport għandhom iressqu talbiet għat-tħassir ta’ obbligu ta’ servizz jekk minħabba fih jirriżultawlhom żvantaġġi ekonomiċi. Skont l-Artikolu 6(1) — li lanqas dan ma ġie emendat — dawn it-talbiet għandhom jittressqu “[f]i żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”, jiġifieri, mill-1 ta’ Lulju 1969. Għaldaqstant, huwa evidenti li l-Artikolu 4 kien jikkontempla — u għadu jikkontempla — biss il-każ ta’ obbligi li, għalkemm kienu jeżistu qabel l-1969, inżammu wara din id-data. |
|
48. |
Ċertament, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) jistabbilixxi li “[l]-intrapriżi tat-trasport jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet wara l-iskadenza tal-perjodu hawn fuq imsemmi jekk isibu li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) huma ssoddisfati”, jiġifieri, jekk l-obbligu jkun joħolqilhom żvantaġġi finanzjarji. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn it-talbiet jistgħu jitressqu mill-impriżi li ġew suġġetti għal obbligi wara l-1 ta’ Lulju 1969, iżda, sempliċement, li dawk li f’terminu ta’ sena ma jkunux ressqu t-talba tagħhom għat-tħassir ta’ obbligu diġà eżistenti meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1191/69 jistgħu jagħmlu dan wara fil-każ fejn, ovvjament, iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4(1) jkunu seħħew iktar tard. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni oriġinali tiegħu u l-Artikoli 4 u 6 tal-istess regolament jirreferu biss għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li diġà kienu jeżistu fl-1 ta’ Lulju 1969. |
|
49. |
Minkejja li l-għan tar-Regolament Nru 1191/69 kien it-tħassir tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, fit-triq u fil-passaġġi tal-ilma eżistenti fl-1 ta’ Lulju 1969, huwa minnu li, kif ingħad diġà, ir-regolament stess kien jippermetti ż-żamma ta’ dawn l-obbligi f’ċirkustanzi partikolari u, dak li huwa l-iktar rilevanti għal dan il-każ, kien jawtorizza wkoll l-impożizzjoni ta’ obbligi ġodda fil-futur. |
|
50. |
Għaldaqstant, skont l-Artikolu 14(1) fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Istati Membri setgħu jimponu obbligi ta’ servizz wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69, iżda dejjem billi jipprovdu, meta jkun il-każ, għall-“għotjiet ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minnhom”. L-għoti ta’ dan il-kumpens ma kinitx ġie suġġett għan-neċessità ta’ talba minn qabel għat-tħassir tas-servizz pubbliku, peress li l-Artikolu 14(2) kien jillimita ruħu li jiddisponi li l-Istati Membri, “waqt li jkunu qegħdin jiddeċiedu li jimponu [obbligi ta’ servizz pubbliku], jipprovdu għal għotjiet ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minnhom”, jiġifieri, is-sistema prevista fl-Artikoli 4 u 6 ma kinitx tapplika. U dan b’mod perfettament konsegwenti, peress li, kif rajna, dawn id-dispożizzjonijiet kienu jirreferu għat-tħassir tal-obbligi preċedenti għar-Regolament Nru 1191/69, u mhux għall-obbligi imposti abbażi, preċiżament, ta’ dan ir-regolament. |
|
51. |
Minħabba f’hekk, it-talba għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz pubbliku kienet biss kundizzjoni neċessarja għall-każ fejn kienet issir talba għal kumpens għall-piżijiet finanzjarji li joriġinaw mill-obbligi assunti qabel l-1 ta’ Lulju 1969. Min-naħa tiegħu, il-kumpens għall-iżvantaġġi li jirriżultaw minn obbligu sussegwenti kellu jiġi stabbilit fid-deċiżjoni li timponi l-obbligu u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu u, eventwalment, għall-emendar tal-kontenut tiegħu, kellhom jiġu stabbiliti wkoll f’dik id-deċiżjoni. |
|
52. |
Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex imminata bl-argument tal-Gvern Taljan, li jgħid li l-portata tal-Artikolu 14 inbidlet wara r-riforma tal-1991. Il-loġika tal-argument tiegħu hija li għalkemm qabel kien l-Artikolu 14 li kien jippermetti li l-Istati Membri jimponu obbligi ġodda ta’ servizz pubbliku, issa din il-possibbiltà tinsab fl-Artikolu 1 ġdid tar-Regolament Nru 1191/69, frott tar-riforma li saret bir-Regolament Nru 1893/91, li l-paragrafu 5 ġdid tiegħu jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku”, li “[l]-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat [tagħhom], inklużi metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV”. Infatti, ġustament, parti mit-Taqsima II huwa l-Artikolu 4, jiġifieri, l-artikolu li jikkundizzjona l-kumpens għal talba minn qabel għat-tħassir tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 1 tippermetti li jiġi kkontestat dan l-argument. |
|
53. |
Skont kif intwera, l-Artikolu 6 jistabbilixxi terminu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69 sabiex jitressqu t-talbiet għat-tħassir ikkontemplati fl-Artikolu 4. Din il-previżjoni ma ġietx emendata u, għaldaqstant, id-data ta’ riferiment tibqa’ l-1 ta’ Lulju 1969. Konsegwentement, f’dan il-punt ir-riforma tal-1991 ma pproduċiet l-ebda tibdil, fis-sens li, illum, bħal qabel, it-talba għat-tħassir tapplika biss għall-obbligi diġà eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69. |
|
54. |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni jirriżulta diffiċli li jinftiehem li r-riferiment għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV tar-Regolament Nru 1191/69 għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-portata rispettiva tad-diversi obbligi ta’ servizz ikkontemplati fl-Artikolu 1(5) il-ġdid. |
|
55. |
Fil-fatt, dan l-artikolu l-ġdid jawtorizza lill-Istati Membri, litteralment, sabiex “iżommu” jew “jimponu” obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-każ ta’ “żamma” jkompli japplika għal obbligi preċedenti għall-1 ta’ Lulju 1969, li għalihom japplikaw fl-estensjoni kollha tagħhom kull wieħed mill-artikoli li jagħmlu parti mit-Taqsimiet II, III u IV, inkluż, għaldaqstant, l-Artikoli 4 u 6, speċifikament intiżi għal dan it-tip ta’ obbligi. Min-naħa tiegħu, fil-każijiet ta’ “impożizzjoni” ta’ obbligi ġodda, ir-riferiment għat-Taqsimiet II, III u IV jista’ jkun biss għal dawk l-artikoli li jkunu applikabbli għalihom naturalment, jiġifieri, dawk kollha, ħlief, preċiżament, l-Artikoli 4 u 6, li r-raġuni tal-eżistenza tagħhom tista’ tkun spjegata biss fir-rigward tal-obbligi li kienu jeżistu qabel. |
|
56. |
Fl-aħħar mill-aħħar, fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni tad-domanda magħmula tiddependi, fl-ewwel lok, fuq il-fatt jekk ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni għandhiex tiġi kkwalifikata bħala kuntratt ta’ servizz jew bħala obbligu ta’ servizz pubbliku, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ li din tikkonkludi li huwa kuntratt ta’ servizz pubbliku, ikollhom jiġu segwiti t-termini tal-imsemmi kuntratt. Jekk, għall-kuntrarju, ikun każ ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex obbligu ta’ qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1191/69, b’mod li fl-ewwel każ biss ikun neċessarju li ssir talba minn qabel għat-tħassir tal-obbligu għall-kumpens għall-iżvantaġġ ekonomiku sostnut. |
|
57. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li tgħid li d-dritt għall-kumpens iqum biss jekk, wara li tkun tressqet it-talba korrispondenti, l-awtoritajiet kompetenti ma jħassrux l-obbligu ta’ servizz pubbliku li joħloq żvantaġġ ekonomiku lill-impriża ta’ trasport li tagħmel it-talba, tapplika biss fir-rigward ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. |
VII – Konklużjoni
|
58. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod li ġej: “L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri li tikkonċerna l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li tgħid li d-dritt għall-kumpens iqum biss jekk, wara li tkun tressqet it-talba korrispondenti, l-awtoritajiet kompetenti ma jħassrux l-obbligu ta’ servizz pubbliku li joħloq żvantaġġ ekonomiku lill-impriża ta’ trasport li tagħmel it-talba, tapplika biss fir-rigward ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri li tikkonċerna l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314).
( 4 ) GURI Nru 287, tat-10 ta’ Diċembru 1997, p. 4.