KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2013 ( 1 )
Kawżi magħquda C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12
Thomas Specht (C-501/12), Jens Schombera (C-502/12), Alexander Wieland (C-503/12), Uwe Schönefeld (C-504/12),
Antje Wilke (C-505/12),Gerd Schini (C-506/12)
vs
Land Berlin
u
Rena Schmeel (C-540/12),
Ralf Schuster (C-541/12)
vs
Bundesrepublik Deutschland
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja)]
“Politika soċjali — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-ħaddiema — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li s-salarju bażiku tal-uffiċjali jiġi stabbilit skont l-età tal-uffiċjal”
1. |
F’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest ġuridiku huwa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ). |
2. |
B’mod iktar partikolari, id-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) ser iwasslu, l-ewwel nett, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffoka sussegwentement fuq il-validità tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, sussegwentement fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età kif espress fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tistabbilixxi l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn eventwali ksur ta’ dan il-prinċipju. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina jekk regola nazzjonali, kif inhi dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, tirrispettax id-dritt għal rimedju effettiv. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
4. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
5. |
L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din id-direttiva għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. |
6. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi kif ġej: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[...]” |
7. |
Skont l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jitneħħew kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
B – Id-dritt Ġermaniż
1. Il-leġiżlazzjoni li tapplika għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin
a) Il-liġi federali fuq ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali li kienet fis-seħħ sax-xahar ta’ Ġunju 2011
8. |
Sat-30 ta’ Ġunju 2011, l-Artikoli 27 et seq tal-liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali (Bundesbesoldungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“verżjoni antika tal-BBesG”), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2006, kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin. |
9. |
Fil-verżjoni antika tal-BBesG, hija l-età ta’ riferiment, stabbilita skont l-età reali, li kienet tikkostitwixxi l-kriterju ta’ riferiment għall-klassifikazzjoni inizjali fi skala waħda kif ukoll il-punt ta’ tluq li minnu wieħed jibda l-progressjoni fl-iskala tar-remunerazzjonijiet tas-sistema ta’ remunerazzjoni. |
10. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-verżjoni antika tal-BBesG jipprovdi li s-salarju bażiku huwa kkalkolat fi skali, u dan bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji tas-sistemi ta’ remunerazzjoni. Il-progress fl-iskali huwa bbażat fuq l-età ta’ riferiment u fuq il-mertu tal-uffiċjal. L-uffiċjal jew is-suldat jirċievi tal-inqas is-salarju bażiku inizjali tal-grad li fih jinħatar. Dejjem skont din id-dispożizzjoni, is-salarju bażiku jiżdied kull sentejn sal-ħames skala, imbagħad kull tliet snin sad-disa’ skala, u wara kull erba’ snin. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-uffiċjali u s-suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li jiddistingwu ruħhom b’livell ta’ prestazzjoni konsistenti u fit-tul jistgħu jirċievu bil-quddiem is-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-livell immedjatament ogħla (skala tal-mertu) qabel iż-żmien. Għand l-istess persuna li timpjega, in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw għalhekk minn skala tal-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali u suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Jekk jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal jew tas-suldat ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti medji marbuta mal-pożizzjoni okkupata, dan jibqa’ kklassifikat fl-iskala tiegħu sakemm il-livell ta’ prestazzjoni tiegħu jiġġustifika l-progress fl-iskala immedjatament ogħla. |
11. |
Skont l-Artikolu 28 tal-verżjoni antika tal-BBesG, l-età ta’ riferiment tibda tiġi kkalkolata mill-ewwel jum tax-xahar tal-wieħed u għoxrin sena tal-uffiċjal jew tas-suldat. |
12. |
Dan il-punt tat-tluq tal-kalkolu tal-età ta’ riferiment jiġi pospost għall-perijodi ta’ wara l-età ta’ 31 magħluqa li ma tawx id-dritt għar-remunerazzjoni bħala uffiċjal jew suldat, sa kwart tal-perijodu li jwassal sal-età ta’ 35 sena magħluqa, u mbagħad sa nofs il-perijodu li jiġi wara. Jitqiesu bħala remunerazzjonijiet ta’ uffiċjal jew suldat dawk ir-remunerazzjonijiet li jittieħdu għal attività professjonali ekwivalenti prinċipalment għas-servizz ta’ persuna li timpjega rregolata taħt id-dritt pubbliku, ta’ komunitajiet kulturali rregolati taħt id-dritt pubbliku jew il-gruppi tagħhom, kif ukoll kull prinċipal ieħor li japplika l-ftehim kollettivi li jkunu fis-seħħ fis-settur pubbliku jew ftehim kollettivi li jkollhom kontenut kważi simili u li fihom l-Istat jew persuni pubbliċi oħra jkollhom parteċipazzjoni sostanzjali, kemm jekk bi ħlas ta’ kontribuzzjonijiet jew sussidji jew b’xi mod ieħor. |
13. |
Permezz tat-tieni liġi li temenda r-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku (Zweites Dienstrechtsänderungsgesetz), tal-21 ta’ Ġunju 2011, il-Land Berlin integrat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-verżjoni l-antika tal-BBesG fid-dritt tal-Land Berlin bħala liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fil-verżjoni tranżitorja tagħha għal Berlin (Bundesbesoldungsgesetz in der Überleitungsfassung für Berlin, iktar ’il quddiem il-“verżjoni antika tal-BBesG Bln”). |
b) Il-liġi federali fuq ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2011
14. |
Permezz tal-liġi li tirriforma r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Gesetz zur Besoldungsneuregelung für das Land Berlin – Berliner Besoldungsneuregelungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BerlBesNG”), tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-Land Berlin emenda l-verżjoni preċedenti tal-BBesG Bln. Minn dakinhar, leġiżlazzjonijiet differenti japplikaw għall-uffiċjali tal-Land Berlin, u dan skont jekk dawn daħlux fis-servizz wara l-1 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali l-ġodda”) jew jekk kinux diġà impjegati fil-31 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali eżistenti”). L-Artikolu 1(1) tal-BerlBesNG emenda l-verżjoni preċedenti tal-BBesG Bln b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011. Għall-uffiċjali l-ġodda, hija l-verżjoni emendata tal-ex verżjoni tal-BBesG Bln (iktar ’il quddiem il-“verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln”) li tapplika. |
i) Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali l-ġodda
15. |
Il-klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjali l-ġodda fi skala (ta’ esperjenza) u l-progressjoni ulterjuri tar-remunerazzjoni, permezz ta’ kull skala, fi ħdan is-sistema ta’ remunerazzjoni A ma għadhomx marbuta mal-età ta’ riferiment, stabbilita skont l-età reali, imma mat-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti mitluba ta’ esperjenza. |
16. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jipprovdi li s-salarju bażiku huwa kkalkolat fi skali (skali ta’ esperjenza), ħlief għal dispożizzjonijiet li jmorru kontra s-sistemi ta’ remunerazzjoni. Il-progress fl-iskala immedjatament ogħla jsir skont l-esperjenza miksuba. Skont dan l-artikolu, għal kull l-ewwel ħatra f’impjieg li tagħti dritt għal remunerazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln, hemm salarju bażiku li jikkorrispondi mal-livell 1, u dan bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti skont l-Artikolu 28(1) tal-istess. L-Artikolu 27(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jindika li s-salarju bażiku jiżdied fi tmiem perijodu ta’ sentejn esperjenza fl-iskala 1, fi tmiem perijodu ta’ tliet snin ta’ esperjenza fl-iskali 2 sa 4, u mbagħad fi tmiem perijodu ta’ 4 snin esperjenza fl-iskali 5 sa 7. Il-perijodi li ma jagħtux dritt għal remunerazzjoni bħala uffiċjal itawwlu, minħabba t-tul rispettiv tagħhom, il-progress fil-karriera tal-uffiċjal, u dan bla ħsara għall-Artikolu 28(2) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln. |
17. |
Skont l-Artikolu 27(4) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln, l-uffiċjali li jaqgħu taħt is-sistemi ta’ remunerazzjoni A li jiddistingwu ruħhom b’livell ta’ prestazzjoni sostenibbli u fit-tul, jistgħu jirċievu s-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-iskala ta’ esperjenza immedjatament ogħla (skala skont il-mertu) qabel iż-żmien. Mal-istess persuna li timpjega, in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw għalhekk minn skala skont il-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt is-sistemi ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Jekk jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti medji marbuta mal-pożizzjoni okkupata, dan jibqa’ kklassifikat fl-iskala skont l-esperjenza tiegħu sakemm il-livell ta’ prestazzjoni tiegħu jiġġustifika li javvanza fl-iskala immedjatament ogħla. |
18. |
L-Artikolu 28(1) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln jipprovdi li, waqt l-iffissar tal-iskala inizjali skont l-Artikolu 27(2) tal-istess BBesG Bln, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-perijodi li jikkorrispondu mal-eżerċizzju ta’ attività professjonali ekwivalenti prinċipalment mas-servizz ta’ prinċipal irregolat taħt id-dritt pubbliku, ta’ komunitajiet kulturali rregolati taħt id-dritt pubbliku jew il-gruppi tagħhom, u dan sakemm din l-attività professjonali ma tkunx kundizzjoni għall-aċċettazzjoni tagħhom għall-karriera kkonċernata. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodi li għandu jsir ħlas għalihom skont il-liġi dwar iż-żamma tal-impjieg fis-servizz militari jew ċivili obbligatorju (Arbeitsplatzschutzgesetz), meta d-dħul fis-servizz pubbliku jkun ġie ttardjat minħabba l-obbligu ta’ żmien fis-servizz militari jew ċivili. |
ii) Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali diġà rreklutati
19. |
L-Artikolu 2(1) tal-BerlBesNG ħoloq regola derogatorja għall-uffiċjali eżistenti. Din hija l-liġi ta’ Berlin li tiddefinixxi l-modalitajiet għall-klassifikazzjoni mill-ġdid fis-sistema ġdida tal-uffiċjali diġà rreklutati (Berliner Besoldungsüberleitungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BerlBesÜG”), tad-29 ta’ Ġunju 2011. |
20. |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-BerlBesÜG, fl-1 ta’ Awwissu 2011, l-uffiċjali għandhom, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-paragrafi segwenti, jiġu kklassifikati fl-iskali jew fl-iskali tranżitorji previsti fl-Anness 3 tal-BerlBesNG skont l-impjieg okkupat fil-31 ta’ Lulju 2011 u skont is-salarju bażiku li għalih ikollhom dritt fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali 2010/2011 għal Berlin (Gesetz zur Besoldungs- und Versorgungsanpassung für Berlin), tat-8 ta’ Lulju 2010. Skont l-Artikolu 2(2) tal-BerlBesÜG l-uffiċjal jiġi kklassifikat fl-iskala jew fil-livell tranżitorju li jikkorrispondi mal-ammont tas-salarju bażiku arrotondat ’il fuq sad-diviżjoni ogħla. |
21. |
L-Artikolu 3(1) tal-BerlBesÜG jindika li l-klassifikazzjoni fi skala kif previst fl-Anness 3 tal-BerlBesNG tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-tul tal-esperjenza mitluba għall-finijiet tal-progress skont l-Artikolu 27(3) tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG Bln. |
22. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-leġiżlatur iġġustifika din ir-riforma billi sostna li, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, is-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni kienet dejjem iktar kontroversjali minħabba l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażata fuq l-età, speċjalment wara l-ġurisprudenza reċenti li tikkonċerna l-membri tal-persunal bil-kuntratt. |
23. |
Fir-rigward tal-uffiċjali fil-veru sens tal-kelma, il-leġiżlatur kkonstata li, għalkemm sa issa hemm biss sentenzi mogħtija minn qrati tal-ewwel istanza li ma kkonstatawx il-preżenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, xorta waħda kien wasal iż-żmien li ssir għażla favur sistema bbażata fuq l-esperjenza, peress li ma setax jiġi eskluż li l-qrati ta’ grad ogħla u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jevalwaw din il-kwistjoni b’mod differenti, ħaġa li, jekk ikun il-każ, tista’ tinvolvi spejjeż supplimentari annwali stmati fl-ammont ta’ EUR 109 miljun. Kien xieraq, konsegwentement, li r-remunerazzjoni inizjali u l-progressjoni ulterjuri tagħha ma jibqgħux jiġu stabbiliti abbażi tal-età ta’ riferiment, ikkalkolata skont l-età reali, iżda li jiġi ppreferut kriterju bbażat fuq it-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti mitluba. Il-leġiżlatur iżid jgħid li r-riforma msemmija tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tiegħu, l-għan tas-sistema l-ġdida huwa wkoll, madankollu, li ma tinvolvi la tnaqqis u lanqas żieda fid-dħul tal-uffiċjali. L-iskala l-ġdida ta’ remunerazzjonijiet, konsegwentement, ġiet maħluqa l-ewwel nett “bi spiża kostanti” u tiddevja għall-massimu bejn wieħed u ieħor sa 1 % mid-dħul fittizju fil-grad rispettiv li kien jintlaħaq mill-uffiċjal fl-età ta’ 65 sena, mingħajr promozzjoni. Id-dispożizzjoni derogatorja prevista għall-uffiċjali eżistenti kienet ispirata wkoll mix-xewqa li jiġu ppreservati d-drittijiet kweżiti tal-uffiċjali. |
2. Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-uffiċjali federali
24. |
Sat-30 ta’ Ġunju 2009, l-Artikoli 27 et seq tal-verżjoni l-antika tal-BBesG, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fis-6 ta’ Awwissu 2002, kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali federali. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu identiċi għal dawk esposti preċedentement, dwar il-verżjoni l-antika tal-BBesG, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2006. |
25. |
Il-liġi li rriformat u mmodernizzat id-dritt federali tas-servizz pubbliku (Gesetz zur Neuordnung und Modernisierung des Bundesdienstrechts), tal-5 ta’ Frar 2009, bidlet is-sistema ta’ kalkolu tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali federali, ibbażata fuq l-età ta’ riferiment. Għaldaqstant, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikoli 27 et seq tal-verżjoni l-ġdida tal-BBesG, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fil-5 ta’ Frar 2009, din is-sistema saret ibbażata fuq skali msejħa “ta’ esperjenza”, u dawn stess kienu ffissati skont il-perijodi ta’ servizz imwettqa skont ir-rekwiżiti meħtieġa. |
II – Il-fatti tal-kawżi prinċipali
26. |
Il-fatti tal-kawżi prinċipali jistgħu jinġabru bil-mod kif ġej. T. Specht (Kawża C‑501/12), J. Schombera (Kawża C‑502/12), A. Wieland (Kawża C‑503/12), U. Schönefeld (Kawża C‑504/12), A. Wilke (Kawża C‑505/12) u G. Schini (Kawża C‑506/12), min-naħa waħda, kif ukoll R. Schmeel (Kawża C‑540/12) u R. Schuster (Kawża C‑541/12), min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), inħatru bħala uffiċjali permanenti tal-Land Berlin u uffiċjali permanenti tal-Bundesrepublik Deutschland, rispettivament. |
27. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew inizjalment ikklassifikati fis-sistema ta’ remunerazzjonijiet skont il-verżjoni l-antika tal-BBesG, jiġifieri skont l-età ta’ riferiment tagħhom fil-ġurnata tal-ħatra tagħhom. |
28. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom u quddiem il-qorti tar-rinviju jsostnu li huma ġew iddiskriminati minħabba l-età. |
29. |
Fil-Kawżi C‑502/12 u C‑506/12, J. Schombera u G. Schini talbu li titħallas lilhom somma li tikkorrispondi mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huma kienu jirċievu kieku ġew ikklassifikati fl-ogħla skala u dik li huma rċevew effettivament għall-perijodu kollu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-1 ta’ Awwissu 2011, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq l-esperjenza. |
30. |
Fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, T. Specht u A. Wieland kif ukoll A. Wilke, rispettivament, jitolbu li jitħallsu, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Settembru 2006 u l-31 ta’ Lulju 2011 (Kawża C‑501/12) kif ukoll għall-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Lulju 2011 (Kawżi C‑503/12 u C‑505/12), ir-remunerazzjoni relatata mal-iskala l-iżjed għolja. Għall-perijodu wara l-31 ta’ Lulju 2011, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, huma qegħdin jitolbu li jirċievu remunerazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik li huma kienu jirċievu kieku l-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-salarji skont il-BerlBesÜG kienet saret abbażi tal-ogħla livell tal-grad ta’ salarju antik tagħhom. |
31. |
Fil-Kawża C‑504/12, U. Schönefeld jikkontesta l-modalitajiet tal-klassifikazzjoni tiegħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida u jitlob li jitħallsu lilu arretrati li jikkorrispondu mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huwa effettivament rċieva u dik li suppost kellu jirċievi, skont hu, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011. |
32. |
Fl-aħħar nett, fil-Kawżi C‑540/12 u C‑541/12, R. Schmeel u R. Schuster jikkontestaw il-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom u jitolbu l-ħlas ta’ arretrati li jikkorrispondu mad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li huma kienu jirċievu kieku ġew ikklassifikati fl-ogħla skala u dik li huma rċevew effettivament għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar 2008 u x-xahar ta’ Lulju 2009, li hija d-data li fiha bdiet is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida. |
III – Id-domandi preliminari
33. |
Id-domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12 huma identiċi. Dawk magħmula fil-Kawżi C-502/12 u C‑506/12 huma identiċi mill-ewwel sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12. L-ewwel sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C‑504/12 jikkorrispondu mal-ewwel sat-tielet u s-sitt sat-tmien domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12. Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑540/12 u C‑541/12 huma identiċi wkoll għall-ewwel sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, bl-unika differenza hija r-riferiment għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali federali u mhux dik tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin. |
34. |
Għaldaqstant, jiena ser nittraskrivi d-domandi magħmula fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, u dan peress li dawn il-kawżi jiġbru d-domandi kollha magħmula fil-kawżi li għandna quddiemna hawnhekk. |
35. |
Il-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
IV – Analiżi
A – Fuq il-validità tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u l-applikazzjoni tiegħu għall-kundizzjonijiet ta ’ remunerazzjoni tal-uffiċjali
36. |
L-ewwel domanda, li tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinqasam, fil-fehma tiegħi, f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva japplikax għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali. F’dan ir-rigward, hija turi dubji dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tat-Trattat TFUE. |
37. |
Għaldaqstant, hija tfakkar li l-imsemmija direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 19 TFUE (li jikkorrispondi mal-ex Artikolu 13 KE) li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] [...] jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq [...] l-età ( 3 )”. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni tat-tneħħija tal-eventwali diskriminazzjoni minħabba l-età fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali tmiss ukoll dik tar-remunerazzjoni bħala tali, qasam li fih id-dritt primarju, fil-prinċipju, ma jagħti ebda ġurisdizzjoni lill-Unjoni skont l-Artikolu 153(5) TFUE. Peress li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi espressament li din tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, il-validità tagħha tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE. |
38. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li jiġi deċiż li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa invalidu, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt jew l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ) jistgħux jiġu applikati b’mod indipendenti fil-każijiet li għandna quddiemna f’dawn il-kawżi. |
39. |
Il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-direttiva msemmija hija valida u li tapplika għal dan il-każ. Jiena naqbel ma’ din il-fehma u dan għar-raġunijiet segwenti. |
40. |
Huwa ċertament minnu li l-użu tal-Artikolu 19 TFUE bħala bażi għal leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa limitat għal oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jadotta test biex jiġġieled id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi elenkati f’dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiżgura ruħu li l-qasam ikkonċernat ikun fil-fatt wieħed mill-oqsma li għalihom l-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni biex taġixxi, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, bir-riskju, altrimenti, li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattati jiġi estiż. |
41. |
Issa, l-Artikolu 153 TFUE, li jinsab fit-Titolu X dwar il-politika soċjali u li jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jilleġiżla fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jeskludi espressament fil-paragrafu (5) tiegħu, il-pagi [remunerazzjonijiet] mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
42. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni minn kull stħarriġ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha rabta mar-remunerazzjoni, tkun xi tkun? L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa invalidu minħabba din l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE? Jien ma naħsibx. |
43. |
Teżisti differenza, li għalkemm huwa minnu li prima facie tista’ tidher artifiċjali, hija madankollu essenzjali, bejn il-kelma “pagi” [remunerazzjoni] kif użata f’din id-dispożizzjoni, u l-espressjoni “kundizzjonijiet għall-paga” użata fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. |
44. |
Fil-fatt, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso ( 5 ), wara li fakkret li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, peress li l-Artikolu 153(5) TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni li tidderoga mill-paragrafi (1) sa (4) tal-istess artikolu, l-oqsma rriżervati minn dan il-paragrafu għandhom jiġu interpretati b’mod strett b’mod li ma tiġix affettwata indebitament il-portata tal-imsemmija paragrafi 1 sa 4 u lanqas li jiġu ppreġudikati l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 151 TFUE ( 6 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, għal dak li jikkonċerna b’mod iżjed partikolari l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-“pagi” [remunerazzjonijiet] msemmija fl-Artikolu 153(5) TFUE, din hija dovuta għall-fatt li l-iffissar tal-livell tal-pagi jaqa’ taħt l-awtonomija kuntrattwali ta’ l-imsieħba soċjali fuq skala nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie deċiż li huwa xieraq, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, li tiġi eskluża d-determinazzjoni tal-livell tal-pagi minn armonizzazzjoni taħt l-Artikoli 151 TFUE et seq ( 7 ). |
45. |
Għaldaqstant huwa ċar li l-kelma “pagi” [remunerazzjonijiet] fis-sens tal-Artikolu 153(5) TFUE, ma tinkludix il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. Dawn tal-aħħar jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet ta’ impjieg. Dawn ma humiex intiżi direttament għall-iffissar tal-livell ta’ remunerazzjoni, imma ċ-ċirkustanzi li fihom l-impjegat jingħata dik ir-remunerazzjoni jew oħra, remunerazzjoni li tiġi stabbilita minn qabel mill-partijiet ikkonċernati, kemm jekk bejn il-persuni fis-settur privat jew bejn l-imsieħba soċjali u l-Istat. |
46. |
Is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Ġermaniżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali turi ċar, fil-fehma tiegħi, din id-differenza bejn remunerazzjoni u kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. Fil-fatt, il-livell ta’ salarju tal-uffiċjali Ġermaniżi huwa stabbilit permezz ta’ gradi u mbagħad bi skali. L-ammont ta’ kull grad u dak ta’ kull skala huma stabbiliti liberament mill-awtoritajiet kompetenti u b’ebda mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jista’, abbażi tal-Artikolu 153(5) TFUE, jintervjeni fid-determinazzjoni ta’ dawn l-ammonti billi jimponi, pereżempju, livell minimu. F’dawn l-aħħar każijiet, din hija kompetenza esklużiva tal-Istati Membri ( 8 ). Id-differenzi fis-salarju li jeżistu fi ħdan l-Unjoni ma jistgħux, fl-istat attwali tad-dritt, ikunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
47. |
Min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni f’dawn il-gradi u f’dawn l-iskali ma jistgħux ikollhom l-effett li jiddiskriminaw l-uffiċjali minħabba, b’mod partikolari, l-età tagħhom. |
48. |
Kif indika l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-remunerazzjonijiet jikkostitwixxu element essenzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol ( 9 ), u jista’ jkun li huwa l-iktar element importanti u l-iktar li huwa suġġett għal diskriminazzjonijiet ( 10 ). Għaldaqstant, kieku l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni kellhom jiġu inklużi fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE, dan ineħħi l-parti l-kbira mis-sens tal-Artikolu 19 TFUE li, għandu jitfakkar, huwa intiż li jiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet. |
49. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa validu. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont dan l-artikolu, din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u remunerazzjoni ( 11 ). |
50. |
Konsegwentement, jiena nemmen li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali. |
51. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda. |
B – Fuq id-diskriminazzjoni minħabba l-età
52. |
Qabel ma neżamina t-tieni u t-tielet domandi, huwa utli, fil-fehma tiegħi, li nerġa’ ndur għas-sistema ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u li nispjegahom bl-għajnuna ta’ eżempji konkreti sabiex jinftiehem aħjar il-funzjonament tagħhom. |
53. |
Skont il-verżjoni antika tal-BBesG, il-klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjal fi skala ta’ remunerazzjoni fi grad partikolari ssir skont l-età ta’ riferiment li tibda fl-ewwel jum tal-wieħed u għoxrin anniversarju tal-uffiċjal. Sal-età ta’ 31 sena magħluqa, l-uffiċjal jiġi rreklutat fl-iskala li fiha kien ikun ikklassifikat kieku ġie rreklutat fl-età ta’ 21 sena. F’ċerti ċirkustanzi, din l-età ta’ riferiment hija posposta bit-tul tal-perijodi ta’ wara l-età ta’ 31 magħluqa sa kwart tal-perijodu li jwassal sal-età ta’ 35 sena magħluqa, u mbagħad sa nofs il-perijodu li jiġi wara. |
54. |
L-eżempji segwenti juru b’mod konkret il-mod li bih tiġi kkalkolata l-età ta’ riferiment ( 12 ). |
55. |
Persuna li twieldet fl-1 ta’ April 1977 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fl-1 ta’ Ottubru 1994 laħqet l-età ta’ 21 sena magħluqa fil-31 ta’ Marzu 1998. Għaldaqstant, l-età ta’ riferiment tagħha hija ffissata għall-1 ta’ Marzu 1998. |
56. |
Persuna li twieldet fl-1 ta’ April 1967 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fis-16 ta’ Ottubru 2000 laħqet l-età ta’ 21 sena magħluqa fil-31 ta’ Marzu 1988. Peress li kellha 33 sena meta ġiet irreklutata, l-età ta’ riferiment ma tkunx iffissata għall-1 ta’ Marzu 1988. Il-perijodu inkluż bejn il-31 ta’ Marzu 1998 (età ta’ 31 sena magħluqa) u s-16 ta’ Ottubru 2000 (data ta’ reklutaġġ) huwa ta’ sentejn, sitt xhur u 16-il jum. Skont l-Artikolu 28(2) tal-verżjoni l-antika tal-BBesG, l-età ta’ riferiment tiġi posposta bi kwart ta’ dan il-perijodu, jiġifieri minn seba’ xhur u 19-il jum, arrotondat għal seba’ xhur. Għaldaqstant, l-età ta’ riferiment hija ffissata għall-1 ta’ Marzu 1988 miżjuda b’seba’ xhur, jiġifieri fil-1 ta’ Ottubru 1988. |
57. |
Persuna li twieldet fl-10 ta’ Settembru 1964 u li ġiet irreklutata bħala uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2001 tkun laħqet l-età ta’ 21 sena fid-9 ta’ Settembru 1985. L-età ta’ riferiment kellha tkun dik tal-1 ta’ Settembru 1985. Madankollu, fil-mument tar-reklutaġġ, din il-persuna kellha 36 sena. Għaldaqstant, tapplika l-istess dispożizzjoni. Għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kwart tal-perijodu ta’ erba’ snin li hemm bejn id-9 ta’ Settembru 1995 (età ta’ 31 sena magħluqa) u d-9 ta’ Settembru 1999 (età ta’ 35 sena magħluqa), jiġifieri perijodu ta’ sena. Imbagħad, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni nofs il-perijodu ta’ sena, seba’ xhur u 21 jum li hemm bejn id-9 ta’ Settembru 1999 (età ta’ 35 sena magħluqa) u t-30 ta’ April 2001 (data ta’ reklutaġġ), jiġifieri perijodu ta’ disa’ xhur. L-età ta’ riferiment tiġi hekk posposta b’sena u 9 xhur u tiġi ffissata għall-1 ta’ Ġunju 1987. |
58. |
Għaldaqstant, permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li biha l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku, jiddependi b’mod deċiżiv mill-età tiegħu u jiżdied imbagħad essenzjalment abbażi tal-anzjanità tiegħu fis-servizz pubbliku. |
59. |
Barra minn hekk, permezz tas-sitt u seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema tranżitorja, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali eżistenti fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, tikkunsidra biss is-salarju bażiku preċedenti u li, għall-progressjoni ulterjuri fl-iskali, tikkunsidra biss l-esperjenza miksuba b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema tranżitorja, indipendentement mit-tul totali tal-esperjenza tal-uffiċjal. |
1. Fuq is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita bil-verżjoni antika tal-BBesG
60. |
Infakkar li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet tiġi jew ser tiġi ttrattata oħra f’sitwazzjoni simili, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din l-istess direttiva, fosthom l-età. |
61. |
Fid-dawl tal-funzjonament tas-sistema ta’ remunerazzjoni implementata mill-verżjoni antika tal-BBesG, kif deskritta preċedentement, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li din toħloq diskriminazzjoni minħabba l-età, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
62. |
Fil-fatt, kif rajna diġà, din is-sistema tipprevedi klassifikazzjoni inizjali fi skala, fi ħdan grad, skont kriterju wieħed, jiġifieri dak tal-età. Minn dan jirriżulta li żewġ uffiċjali b’età differenti, iżda li għandhom esperjenza professjonali ekwivalenti, li jkunu rreklutati fl-istess grad, jingħataw remunerazzjoni differenti peress li jiġu kklassifikati fi skali differenti li jikkorrispondu biss mal-età tagħhom. Dawn iż-żewġ uffiċjali, minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, jiġu ttrattati b’mod differenti, u dan peress li wieħed minnhom jirċievi salarju bażiku inqas favorevoli mill-ieħor u dan unikament minħabba li għandu inqas età. |
63. |
Is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-verżjoni antika tal-BBesG toħloq għaldaqstant differenza ta’ trattament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Mill-bqija, din is-sistema ta’ remunerazzjoni hija analoga għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai ( 13 ), u li ġiet meqjusa li hija diskriminatorja mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ). |
64. |
Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni ladarba dawn id-differenzi jkunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. |
65. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż isostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata diskriminazzjoni minħabba l-età, din tkun iġġustifikata bil-fatt li s-sistema ta’ remunerazzjoni taħt il-verżjoni antika tal-BBesG, li għandha bħala prinċipju r-remunerazzjoni skont l-età ta’ riferiment, kellha l-għan fundamentalment leġittimu li tieħu inkunsiderazzjoni flimkien, waqt ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali ġodda, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali miksuba ġewwa u barra s-servizz pubbliku. Barra minn hekk, din is-sistema kienet intiża bħala l-garanzija ta’ prattika uniformi fil-każijiet kollha ta’ reklutaġġ. Hija kienet intiża li tirrimedja l-inkonvenjenzi ta’ prattika ta’ klassifikazzjoni preċedenti, ċertament ġusta, ta’ każ b’każ, iżda kkumplikata u, għaldaqstant, applikata b’mod mhux uniformi. Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Ġermaniż, l-imsemmija sistema kellha bħala għan li żżid l-attenzjoni lejn is-servizz pubbliku għall-kandidati li jixtiequ t-tieni karriera. |
66. |
Jien ma naħsibx li dawn l-għanijiet huma leġittimi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
67. |
Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma leġittimi u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali ( 15 ). |
68. |
Għal dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan l-għan għandu, fil-prinċipju, jitqies li huwa jiġġustifika “oġġettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tad-dritt nazzjonali”, trattament differenti bbażat fuq l-età, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 16 ). Fil-fatt, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba minn ħaddiem, li tpoġġih f’pożizzjoni li jwettaq aħjar id-doveri tiegħu, tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali għan leġittimu ta’ politika salarjali ( 17 ). |
69. |
F’dan il-każ, jiena ma naħsibx li l-mezzi implementati biex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. Huwa minnu li l-użu tal-kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq dan il-għan peress li l-anzjanità tmur flimkien mal-esperjenza professjonali ( 18 ). |
70. |
Madankollu, peress li s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Ġermaniżi taħt il-verżjoni antika tal-BBesG kienet ibbażata biss fuq l-età tal-uffiċjal, hija ma tippermettix verament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba. Fil-fatt, uffiċjal li jkollu 30 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu fi grad partikolari, mingħajr ebda esperjenza professjonali, jiġi kklassifikat direttament fl-iskala 5. Għaldaqstant, huwa jibbenefika minn remunerazzjoni bażika ekwivalenti għal dik li jirċievi uffiċjal li kien ġie rreklutat ta’ 21 sena u li, b’kuntrast miegħu, jibbenefika minn anzjanità u minn esperjenza professjonali ta’ disa’ snin f’dan l-istess grad. Bl-istess mod, l-uffiċjal li jkollu 30 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu jibbenefika mill-istess progress fl-iskali, sakemm jasal sal-aħħar skala, bħall-uffiċjal li jkollu 21 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu, minkejja li dan tal-aħħar jiġġustifika l-grad tiegħu b’esperjenza professjonali ħafna ikbar. |
71. |
Ċertament, l-Artikolu 27 tal-verżjoni antika tal-BBesG jipprevedi progress fil-livell tal-mertu għall-uffiċjali li juru livell ta’ prestazzjoni konsistenti u fit-tul. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istess prinċipal, in-numru ta’ persuni li għaldaqstant jibbenefikaw minn skala tal-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi l-15 % tan-numru ta’ uffiċjali u suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Din il-miżura mhux biss ma tippermettix lill-uffiċjali kollha li ħaqqhom jibbenefikaw minn progress, imma, iktar minn hekk, ma tikkorreġix l-assenza ta’ esperjenza professjonali billi tikklassifika l-uffiċjali fi skala iktar baxxa li tikkorrispondi mal-livell reali ta’ esperjenza tagħhom fil-grad. |
72. |
Konsegwentement, jidhirli li s-sistema ta’ remunerazzjoni implementata mill-verżjoni antika tal-BBesG tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq bix jintlaħaq l-għan leġittimu invokat mill-Gvern Ġermaniż, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali. |
73. |
Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, kriterju li jistrieħ ukoll fuq l-anzjanità jew l-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr riferiment għall-età, jidher, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, iktar adattat għat-twettiq ta’ dan l-għan ( 19 ). |
74. |
Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Ġermaniż ibbażat fuq l-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jidher li dan ma huwiex tali li jiġġustifika diskriminazzjoni minħabba l-età. Fil-fatt, rajna kif l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż ma jistax jinvoka biss il-kumplessità ta’ prattika, li, kif jammetti huwa stess, kienet tkun iktar ġusta, biex jiġġustifika diskriminazzjoni minħabba l-età. |
75. |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż jinvoka l-għan intiż li jżid l-attrazzjoni lejn is-servizz pubbliku għall-kandidati li jixtiequ t-tieni karriera sabiex jiġġustifika d-diskriminazzjoni li stabbilixxiet il-verżjoni antika tal-BBesG. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi inkontestabbilment għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri ( 20 ), jiena tal-fehma, madankollu li, f’dan il-każ, il-verżjoni antika tal-BBesG tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq biex jintlaħaq dan l-għan, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-anzjanità jew tal-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr riferiment għall-età, kienet tkun biżżejjed biex tinkoraġġixxi lill-persuni li kellhom diġà karriera fis-settur privat sabiex iressqu kandidatura għal impjieg fis-servizz pubbliku Ġermaniż. |
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz pubbliku, ikun jiddependi b’mod deċiżiv fuq l-età tiegħu u jiżdied sussegwentement essenzjalment skont l-anzjanità tiegħu fis-servizz pubbliku. |
2. Fuq is-sistema tranżitorja
77. |
Permezz tas-sitt u seba’ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, ukoll, jekk is-sistema tranżitorja applikabbli għall-uffiċjali eżistenti tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età. |
78. |
Fil-fatt, infakkar li skont l-Artikolu 2 tal-BerlBesÜG, huwa biss is-salarju bażiku preċedenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali eżistenti fi skala tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tal-BerlBesÜG, hija biss l-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-progressjoni fl-iskali. |
79. |
Fis-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi tieħu bħala bażi għall-iffissar tar-remunerazzjoni ta’ riferiment — jiġifieri r-remunerazzjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid biex wieħed jgħaddi għal sistema konvenzjonali ta’ remunerazzjoni ġdida — ir-remunerazzjoni mħallsa qabel, is-sistema tranżitorja kompliet il-fatt li membri tal-persunal jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu membri tal-persunal oħra meta jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li kellhom waqt ir-reklutaġġ tagħhom ( 21 ). |
80. |
L-istess japplika f’dawn il-kawżi, peress li kif tindika l-qorti tar-rinviju, is-salarju bażiku preċedenti kien stabbilit abbażi ta’ kriterju diskriminatorju, jiġifieri dak tal-età; id-diskriminazzjoni li kienet teżisti taħt il-verżjoni antika tal-BBesG baqgħet teżisti waqt l-applikazzjoni tas-sistema tranżitorja għall-uffiċjali eżistenti. |
81. |
B’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, il-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ma jeliminawx progressivament id-diskriminazzjonijiet minħabba l-età li kienu jeżistu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-verżjoni antika tal-BBesG. |
82. |
Fil-fatt, anki jekk, skont l-Artikolu 3 tal-BerlBesÜG, hija biss l-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi li ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-progressjoni fl-iskali waħda jibqa’ l-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, il-klassifikazzjoni mill-ġdid fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida għandha bħala riferiment inizjali s-salarju bażiku preċedenti kkunsidrat bħala diskriminatorju. Għaldaqstant, bl-istess esperjenza, il-progressjoni fl-iskali tibqa’ dejjem diskriminatorja għall-uffiċjal b’inqas età. |
83. |
Jekk wieħed jieħu l-eżempju ta’ żewġ uffiċjali, b’esperjenza ndaqs, fejn l-uffiċjal A jkollu 20 sena fil-ġurnata tar-reklutaġġ tiegħu u l-uffiċjal B ikollu 30 sena, dan tal-aħħar jiġi kklassifikat mill-ġdid, fil-mument li tibda s-sistema tranżitorja, fi skala ogħla minn dik li fiha jiġi kklassifikat l-uffiċjal A, peress li jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-salarju bażiku preċedenti li huwa bbażat fuq l-età. Barra minn hekk, il-progressjoni fl-iskali tas-sistema l-ġdida tkun dejjem iktar vantaġġuża għall-uffiċjal B milli għall-uffiċjal A u dan peress li l-uffiċjal B jilħaq l-iskali qabel u, għaldaqstant, jibbenefika minn salarju ogħla. |
84. |
Il-Gvern Ġermaniż, waqt is-seduta, indika li fis-sistema tranżitorja ma teżistix diskriminazzjoni peress li l-uffiċjali eżistenti, u li kienu ddiskriminati taħt is-sistema preċedenti, jilħqu iktar malajr l-ogħla skala milli kieku huma komplew javvanzaw taħt din is-sistema l-antika. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, b’esperjenza ndaqs, uffiċjal li jkollu iktar età jibbenefika matul perijodu itwal mill-ogħla skala, u għaldaqstant minn salarju bażiku iktar favorevoli meta pparagunat mal-uffiċjal b’inqas età. Id-diskriminazzjoni, iktar milli tisparixxi biż-żmien, tkompli. |
85. |
F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk din id-diskriminazzjoni tistax tkun iġġustifikata minħabba għan leġittimu bħal dak li ġie invokat mill-Gvern Ġermaniż, li jikkonsisti fil-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fid-data ta’ riferiment li fiha bdiet is-sistema l-ġdida. |
86. |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba minn kategorija ta’ persuna tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika din ir-restrizzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li l-miżura restrittiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal din il-protezzjoni ( 22 ). |
87. |
Skont il-Gvern Ġermaniż, it-telf ta’ remunerazzjoni għall-uffiċjali eżistenti jekk kienet saret applikazzjoni tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, mingħajr ma tiġi applikata s-sistema tranżitorja, ikun ekwivalenti għal skala, li tikkorrispondi mas-somma li tista’ tvarja minn EUR 80 sa EUR 150. |
88. |
Madankollu, b’kuntrast mal-fatti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura tranżitorja ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti ( 23 ), f’dan il-każ rajna kif l-effetti diskriminatorji ma humiex intiżi hawnhekk li jieqfu progressivament mal-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali. |
89. |
Is-sistema tranżitorja diskriminatorja tibqa’ għaddejja, għaldaqstant, mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Għaldaqstant, għalkemm din is-sistema tranżitorja tista’, effettivament, titqies li hija xierqa biex jiġi evitat it-telf ta’ dħul għall-uffiċjali eżistenti, jidhirli, madankollu, li hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti. Il-leġiżlatur Ġermaniż seta’, fil-fatt, jipprovdi għal sistema tranżitorja li telimina l-effetti tad-diskriminazzjoni ratione temporis billi jersaq bil-mod lejn is-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq l-esperjenza professjonali indipendentement mill-età. |
90. |
Kif tindika l-qorti tar-rinviju, kien possibbli li tiġi applikata sistema tranżitorja li tiggarantixxi lill-uffiċjal eżistenti li kien ivvantaġġat indebitament, il-livell ta’ remunerazzjoni preċedenti għaż-żmien kollu li huwa ma kienx kiseb l-esperjenza meħtieġa mis-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida biex jibda jirċievi remunerazzjoni ogħla. Għaldaqstant, id-diskriminazzjoni kienet tiġi eliminata progressivament, mingħajr ma l-uffiċjali eżistenti, li kienu jgawdu minn vantaġġ meta pparagunati ma’ dawk ta’ inqas età, jaraw ir-remunerazzjoni tagħhom tonqos f’daqqa. |
91. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ piż relattivament sinjifikattiv li timplika soluzzjoni bħal dik li ġiet deskritta hawn fuq, jiġifieri l-klassifikazzjoni mill-ġdid individwali tal-uffiċjali eżistenti skont it-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom, humiex tali li jiġġustifikaw diskriminazzjoni minħabba l-età. Jien ma naħsibx. Kif indikajt diġà, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali. Kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika għall-amministrazzjoni ma jistgħux, minnhom infushom, jikkostitwixxu għan imfittex minn din il-politika u li jista’ jiġġustifika l-ksur ta’ prinċipju fundamentali, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, u dan speċjalment peress li d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali turi ċar il-possibbiltà, għall-amministrazzjoni, li tikklassifika individwalment l-uffiċjali skont l-esperjenza professjonali tagħhom. |
92. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema tranżitorja, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali eżistenti fl-iskali tas-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-salarju bażiku preċedenti u li, għall-progressjoni fl-iskali, tikkunsidra biss l-esperjenza professjonali miksuba bid-dħul fis-seħħ ta’ din is-sistema tranżitorja, indipendentement mit-tul totali tal-esperjenza professjonali tal-uffiċjal. |
C – Fuq il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta ’ ksur tal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età
93. |
Permezz tar-raba’ u t-tmien domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma l-konsegwenzi legali li għandhom jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età mwettaq minħabba dispożizzjonijiet bħalma huma dawk previsti mill-verżjoni antika tal-BBesG u mill-BerlBesÜG. |
94. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, huwa impossibbli għaliha li tapplika l-metodu tal-interpretazzjoni konformi. |
95. |
Barra minn hekk, hija ssostni li lanqas ma tista’ tapplika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jingħad li hija l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq kawża dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett totali tiegħu billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 24 ). |
96. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega, għaldaqstant, li l-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-verżjoni antika tal-BBesG, tal-verżjoni antika tal-BBesG Bln jew tal-BerlBesÜG ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali mill-bażi legali u, għaldaqstant, li ċċaħħad lill-uffiċjal mir-remunerazzjoni. |
97. |
Peress li din is-soluzzjoni toħloq lakuna legali li d-dritt nazzjonali Ġermaniż ma jistax jimla, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk is-soluzzjoni pprovduta fis-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve ( 25 ), u tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová ( 26 ), tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, wara li kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida ( 27 ). |
98. |
F’dan il-każ, dan isarraf, skont il-qorti tar-rinviju, f’ugwaljanza retroattiva tar-remunerazzjonijiet permezz ta’ żieda, fejn l-uniku rimedju għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età huwa li titħallas, sussegwentement, lill-uffiċjali ddiskriminati r-remunerazzjoni korrispondenti skont l-iskala l-iktar għolja. |
99. |
Il-punt ċentrali f’dan il-każ huwa dak li nsiru nafu kif id-diskriminazzjonijiet minħabba l-età li huma kontra d-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu miġġielda. L-involviment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa l-unika soluzzjoni li għandha tiġi kkunsidrata, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, minkejja li din is-soluzzjoni teħtieġ il-preżentata ta’ rikors ġdid quddiem il-qorti nazzjonali u, għaldaqstant, piż ieħor għall-persuni ddiskriminati? |
100. |
Kieku nadotta l-fehma tal-Kummissjoni fis-sens li l-klassifikazzjoni retroattiva tal-persuni ddiskriminati fl-ogħla skala tal-grad li fih jappartjenu twassal għal diskriminazzjonijiet oħra u, għaldaqstant, ma hijiex is-soluzzjoni xierqa, jiena nemmen, xorta waħda, li huwa possibbli li tiġi applikata l-ġurisprudenza Landtová, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kawżi prinċipali preżenti. |
101. |
Kif rajna diġà, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi li, biex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, meta ma tkun ġiet adottata ebda miżura nazzjonali f’dan is-sens, għandu jingħata lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata l-istess trattament bħal dak li jibbenefikaw minnu l-persuni tal-kategorija privileġġata. Għal dan il-għan, għandhom jiġu identifikati b’mod preċiż iż-żewġ kategoriji kkonċernati. |
102. |
Huwa minnu li d-diffikultà li tinsab fiż-żewġ kawżi hija marbuta mal-fatt li l-identifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ma hijiex daqshekk faċli bħal fil-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sa issa. Il-kategoriji kkonċernati ma humiex, pereżempju, l-irġiel min-naħa, u n-nisa minn oħra ( 28 ). |
103. |
Fil-kawżi prinċipali, ma jeżistux kategoriji omoġenji ta’ persuni ddiskriminati u ta’ persuni ffavoriti. Fil-fatt, id-diskriminazzjoni stabbilita mis-sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq il-verżjoni antika tal-BBesG isseħħ fuq diversi livelli. Kif rajna diġà, id-diskriminazzjoni tmiss lill-iktar persuni żgħar fl-età, meta jkun hemm esperjenza professjonali ekwivalenti ( 29 ). Il-kategoriji li għandhom jiġu pparagunati huma, għaldaqstant, ħafna, peress li jista’ jkun hemm kategoriji daqs kemm jeżistu persuni ta’ etajiet differenti li għandhom esperjenza professjonali ekwivalenti. |
104. |
Għaldaqstant, ma narax raġuni għalfejn ma għandhiex tiġi applikata l-ġurisprudenza bħalma hija dik li ssemmiet fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Terhoeve u Landtová, li ilha stabbilita minn żmien ilu ( 30 ), għall-kawżi prinċipali. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza hija intiża li tiżgura, mingħajr dewmien, liċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun ġie ddiskriminat, ir-rispett tad-drittijiet li dan għandu taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u meta ma jkunux ġew adottati miżuri nazzjonali biex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tipproteġi dawn id-drittijiet. |
105. |
F’dan il-każ, mid-Direttiva 2000/78 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw id-dritt li ma jkunux iddiskriminati minħabba l-età tagħhom. L-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament mingħajr dewmien huwa ħafna iktar essenzjali tant li l-konsegwenza marbuta mad-diskriminazzjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u, minħabba f’hekk, parti sinjifikattiva tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Francovich et ( 31 ) jista’ jkollha l-effett li tobbliga lill-imsemmija rikorrenti sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qrati nazzjonali bil-konsegwenzi kollha, b’mod partikolari dawk pekunjarji u ratione temporis, li dan jinvolvi. |
106. |
Il-fatt li, f’dawn il-kawżi, il-kategoriji kkonċernati ma humiex perfettament omoġenji ma jidhirlix li huwa xi ostakolu insurmontabbli. Fil-fatt, jidhirli li sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, lill-uffiċjali ddiskriminati għandu jiġi żgurat lilhom mhux il-klassifikazzjoni fl-ogħla skala tal-grad, iżda l-klassifikazzjoni fl-istess skala bħal dik li fiha jkun ġie kklassifikat uffiċjal ikbar fl-età li għandu esperjenza professjonali ekwivalenti. Mill-bqija, il-Gvern Ġermaniż isemmi din is-soluzzjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu meta jispjega li, inkwantu d-dritt tal-Unjoni jeżiġi rettifika, din għandha tieħu iktar inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjonijiet individwali. Għaldaqstant, huwa jkompli billi jindika li kumpens individwali xieraq jippreżumi li jiġi eżaminat liema kandidati, fis-sitwazzjoni ta’ reklutaġġ konkreta, ġew irreklutati minħabba li huma ikbar fl-età, b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn oħrajn, minkejja li għandhom profil simili ( 32 ). |
107. |
Din is-soluzzjoni, li għalija tidher l-iktar ġusta, għandha l-mertu li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tibbaża fuq sistema ta’ referenza eżistenti, jiġifieri, is-sistema antika ta’ remunerazzjoni, u li b’hekk telimina malajr id-diskriminazzjoni subita mill-uffiċjal. Huwa veru li, f’ċerti każijiet, jista’ jkun li quddiem il-qorti nazzjonali titressaq kawża rigward in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ profil ekwivalenti għal dak tal-uffiċjal li jkun ġie żvantaġġat minħabba l-età tiegħu. F’każ bħal dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, b’mod l-iktar ġust possibbli, is-soluzzjoni li l-iktar li, fil-fehma tagħha, tasal għal teħid inkunsiderazzjoni l-iktar ġust possibbli tal-karriera ta’ tali uffiċjal. Pereżempju hija tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li tippermettilu l-klassifikazzjoni skont l-esperjenza professjonali. |
108. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, jiena tal-fehma li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tista tiġi żgurata biss billi l-uffiċjali ddiskriminati jiġu kklassifikati fl-istess skala bħal dik li fiha jkun ġie kklassifikat uffiċjal ikbar fl-età li għandu esperjenza professjonali ekwivalenti. |
D – Fuq id-dritt għal rimedju effettiv
109. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal trattament ugwali bil-kundizzjoni li dawn ikunu talbuh mingħand il-persuni li jimpjegawhom fi żmien relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja fis-seħħ, jiksrux id-dritt għal rimedju effettiv. Il-Gvern Ġermaniż jippreċiża li l-baġit huwa stabbilit u deċiż mil-liġi tal-finanzi fuq bażi annwali. |
110. |
L-ewwel nett, infakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”. |
111. |
It-tieni nett, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke ( 33 ), l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jħossuhom leżi min-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħhom tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li tali obbligi tal-Istati Membri jkunu bla ħsara għar-regoli nazzjonali dwar termini mogħtija għall-preżentata ta’ rikors f’dak li jikkonċerna dan il-prinċipju. Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta l-fatt li l-kwistjoni tat-termini sabiex tinbeda proċedura intiża sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni ( 34 ). |
112. |
B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jirregola modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet ( 35 ). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali issa stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx fil-prattika jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 36 ). |
113. |
Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-osservanza tiegħu tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili. Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali ddettaljati applikabbli, li tevalwa x-xebh bejn l-azzjonijiet ikkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom ( 37 ). |
114. |
F’dan il-każ, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-prinċipju ġurisprudenzjali Ġermaniż, l-uffiċjal għandu jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri, f’kull każ, qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja fis-seħħ. Hija tkompli billi tispjega li l-karatteristiċi tal-istatus tal-uffiċjal, permezz tal-obbligu reċiproku ta’ lealtà li dan jimplika, għandhom bħala konsegwenza li jissuġġettaw għal restrizzjonijiet, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà għall-uffiċjali li jressqu tali talbiet. |
115. |
Ir-rekwiżit ta’ terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel tmiem is-sena finanzjarja, jidher għalhekk li jikkonċerna kemm ir-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali vittmi ta’ ksur tad-dritt nazzjonali kif ukoll uffiċjali li huma vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, jidher li din ir-regola nazzjonali tosserva l-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 38 ). Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan. |
116. |
Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li għandha bħala kuntest ġuridiku d-Direttiva 2000/78, li ma jidhirx li l-impożizzjoni ta’ terminu ta’ xahrejn biex jitressaq ilment quddiem il-persuna li timpjega tista’ tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 39 ). |
117. |
Għaldaqstant, a fortiori, l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka d-dritt għal benefiċċji finanzjarji, li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ ma jidhirlix li fil-prinċipju jista’ jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, inkwantu s-sena finanzjarja tikkorrispondi ma’ sena kalendarja ( 40 ). |
118. |
Madankollu, il-kwistjoni tal-effettività ta’ tali rimedju tqum meta l-uffiċjal ikun jaf bil-ksur tad-dritt tiegħu li ma jiġix iddiskriminat fi tmiem is-sena finanzjarja. Fil-fatt, fil-każ, pereżempju, fejn dak l-uffiċjal isir jaf bid-diskriminazzjoni kontrih ftit jiem qabel tmiem is-sena finanzjarja, hu jkun kważi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jippreżenta rikors. |
119. |
Għaldaqstant, jidher li uffiċjal f’sitwazzjoni bħalma hija dik li ġiet deskritta qabel jista’ jiġi mċaħħad minn rimedju effettiv quddiem qorti sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. |
120. |
Hija l-qorti tar-rinviju, b’kuntrast mal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, li għandha ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti tal-kawżi prinċipali u li tinterpreta d-dritt Ġermaniż, li tivverifika jekk regola nazzjonali inkwistjoni f’ dawn il-kawżi, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji li ma joħorġux direttament mil-liġi qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, tiksirx il-prinċipju ta’ effettività. |
121. |
Fid-dawl ta’ dak kollu invokat hawn fuq, jiena tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludux regola nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu tal-uffiċjal li jinvoka dritt għal benefiċċji finanzjarji, li ma joħorġux direttament mil-liġi, qabel tmiem is-sena finanzjarja fis-seħħ, sakemm ir-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma jiġux eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi li jipproteġu d-drittijiet pekunjarji bbażati fuq id-dritt nazzjonali u li tali regola nazzjonali ma tikkaġunax lill-partijiet fil-kawża inkonvenjenzi proċedurali marbuta mat-terminu ta’ dekadenza b’mod li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
V – Konklużjoni
122. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Verwaltungsgericht Berlin bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.
( 3 ) Il-korsiv miżjud minni.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 5 ) C‑307/05, Ġabra p. I‑7109.
( 6 ) Punti 37 sa 39.
( 7 ) Punt 40.
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).
( 9 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat l-importanza li għandha r-remunerazzjoni fil-punt 33 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (C‑425/02, Ġabra p. I‑10823).
( 10 ) Ara l-paġna 10 tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ kuntest ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol [COM(1999) 565 finali].
( 11 ) Għal applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-uffiċjali, ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I‑5325); tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, Ġabra p. I‑1); tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, Ġabra p. I‑6919); kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et (C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11).
( 12 ) Dawn l-eżempji ttieħdu mis-siti internet li ġejjin: http://www.dz-portal.de/003_menue_links/008_bezuege/BDA.html u http://www.pc-gehalt.de/Seiten/Besoldungsdienstalter.htm.
( 13 ) C-297/10 u C-298/10, Ġabra p. I-7965.
( 14 ) Punti 54 sa 59.
( 15 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑286/12, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).
( 17 ) Idem.
( 18 ) Ibidem (punt 74).
( 19 ) Ibidem (punt 77).
( 20 ) Ara s-sentenzi Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Punt 84 ta’ din is-sentenza.
( 22 ) Ara s-sentenza Hennigs u Mai, iċċitata iktar ’il fuq (punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ibidem (punti 96 sa 98).
( 24 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p I-9981, punt 77), u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, Ġabra p. I-47, punt 81).
( 25 ) C‑18/95, Ġabra p. I‑345.
( 26 ) C‑399/09, Ġabra p. I‑5573.
( 27 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Terhoeve (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Landtová (punt 51).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová (C‑401/11).
( 29 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1986, Federatie Nederlandse Vakbeweging (71/85, Ġabra p. 3855); tal-24 ta’ Marzu 1987, McDermott u Cotter (286/85, Ġabra p. 1453); tat-13 ta’ Diċembru 1989, Ruzius-Wilbrink (C‑102/88, Ġabra p. 4311); tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C-33/89, Ġabra p. I-2591); u tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297).
( 31 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991 (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).
( 32 ) Ara l-punt 78 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.
( 33 ) C-246/09, Ġabra p. I-7003.
( 34 ) Punt 24.
( 35 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C-93/12, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ibidem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C-429/09, Ġabra p. I-12167, punt 73).
( 39 ) Ara s-sentenza Bulicke, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 u 39). Ara wkoll id-digriet tat-18 ta’ Jannar 2011, Berkizi-Nikolakaki (C‑272/10, punt 51).
( 40 ) Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Finanzjarju Federali (Bundeshaushaltsordnung) jipprovdi li s-sena finanzjarja hija s-sena kalendarja u li l-Ministeru Federali tal-Finanzi jista’ jistabbilixxi regoli differenti għal oqsma partikolari.