KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑482/12

Peter Macinský

Eva Macinská

vs

Getfin s.r.o.

Financreal s.r.o.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Okresný súd Prešov (is-Slovakkja))

“Ammissibbiltà — Direttiva 93/13/KEE — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur — Klawżoli inġusti — Ħlas ta’ kreditu garantit permezz ta’ irkant pubbliku ta’ proprjetà immobbli — Possibbiltà taċ-ċediment ta’ proċeduri ġudizzjarji skont id-dritt nazzjonali — Prinċipju ta’ effettività — Limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza”





1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija qorti tad-dritt. L-għan tagħha huwa li tiddeċiedi t-tilwim bejn il-partijiet skont regoli ġuridiċi sostantivi u proċedurali. Hija tieħu deċiżjonijiet vinkolanti u ma huwiex soltu li tagħti l-pariri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ipotetiċi (2). Fuq dan l-isfond, il-kawża inkwistjoni għandha l-karatteristiċi kollha ta’ sitwazzjoni kompletament astratta, minħabba li ma huwiex ċar għaliex huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar id-domanda magħmula. Filwaqt li ma hemmx dubju li kawżi kumplessi jirriżultaw f’liġijiet ta’ kwalità ħażina, huwa possibbli li t-tilwim fittizju jipproduċi liġijiet ħafna agħar.

2.        Din hija sfortuna, minħabba li l-kwistjoni sostantiva li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti deċiżjoni fil-kawża preżenti hija ta’ ftit jew ta’ ebda importanza. Fil-fatt, għal darba oħra, l-isforzi biex l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jsiru iżjed effiċjenti qegħdin ikollhom jikkumbattu kontra d-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva — jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi.

3.        Permezz tat-talba tagħha għal-deċiżjoni preliminari, l-Okresný súd Prešov (Qorti Distrettwali ta’ Prešov) (is-Slovakkja) qiegħda titlob li tiġi ggwidata dwar jekk ir-regoli Slovakki li skonthom kreditur jista’ jikseb il-ħlas ta’ dejn permezz ta’ proċedura extraġudizzjarja li bis-saħħa tagħha l-kreditur ikun jista’ jeżegwixxi t-titolu ggarantit tiegħu fil-konfront tal-assi tad-debitur (iktar ’il quddiem il-“proċedura inkwistjoni”) humiex kompatibbli ma’, inter alia, id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (3).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-UE

4.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Il-Kodiċi Ċivili Slovakk (Občianský zákonník) għandu fih, inter alia, id-dispożizzjonijiet segwenti f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ titolu ta’ sigurtà:

“Artikolu 151j

1.      Meta dejn iggarantit ma jitħallasx kollu fiż-żmien dovut, il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jieħu passi biex tiġi eżegwita garanzija fuq l-immobbli. Għal dawn l-iskopijiet, il-kreditur kopert b’garanzija jista’ jipproċedi permezz tal-mod stipulat fil-kuntratt jew permezz ta’ irkant pubbliku skont id-dispożizzjonijiet statutorji speċifiċi […] jew […] billi jbiegħ it-titolu ta’ sigurtà skont id-dispożizzjonijiet statutorji speċifiċi […] sakemm ma jkunx ġie pprovdut mod ieħor fil-Kodiċi preżenti jew f’xi leġiżlazzjoni speċifika.

2.      Meta dejn iggarantit ma jkunx tħallas kollu fiż-żmien dovut, il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jikseb jew jitlob il-ħlas permezz tal-eżekuzzjoni tat-titolu ta’ sigurtà anki meta d-dejn iggarantit ikun suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni.

[…]

Artikolu 151m

1.      Sakemm ma jkunx ġie pprovdut mod ieħor f’xi leġiżlazzjoni speċifika, il-kreditur kopert bil-garanzija jista’ jbigħ it-titolu ta’ sigurtà bil-mezz speċifikat fil-kuntratt li permezz tiegħu tkun saret il-garanzija fuq l-immobbli, jew b’irkant pubbliku, mill-iktar fis possibbli wara li jkun skada perijodu ta’ 30 ġurnata minn meta l-garanti u d-debitur, fil-każ li d-debitur u l-garanti ma jkunux l-istess persuna, ikunu ġew avżati li qegħdin jittieħdu l-passi għall-eżekuzzjoni tat-titolu ta’ sigurtà […]

2.      Wara li jkun sar l-avviż dwar l-eżekuzzjoni, il-garanti u l-kreditur koperti bil-garanzija jistgħu jiftiehmu biex dan tal-aħħar jiġi awtorizzat ibiegħ it-titolu ta’ sigurtà bil-mezz speċifikat fil-kuntratt li permezz tiegħu tkun saret il-garanzija fuq l-immobbli, jew b’irkant pubbliku, anki qabel ma jkun skada t-terminu ta’ 30 ġurnata skont is-subparagrafu 1.

3.      Meta kreditur kopert b’garanzija jkun beda l-eżekuzzjoni bil-mezz miftiehem fil-kuntratt li permezz tiegħu tkun saret il-garanzija fuq l-immobbli, huwa jista’ jbiddel il-mezz tal-eżekuzzjoni fi kwalunkwe żmien matul il-perijodu tal-eżekuzzjoni tat-titolu ta’ sigurtà u jista’ jbiegħ it-titolu ta’ sigurtà b’irkant pubbliku, jew inkella japplika biex tinstab soluzzjoni għall-pretensjoni tiegħu permezz tal-bejgħ tat-titolu ta’ sigurtà skont id-dispożizzjonijiet statutorji speċifiċi. Il-kreditur kopert bil-garanzija għandu javża lill-garanti dwar it-tibdil fil-mezz tal-eżekuzzjoni.”

7.        Il-Liġi Nru 527/2002 dwar l-Irkant Pubbliku Volontarju (Zákon č. 527/2002 Z.z. o dobrovol’ných dražbách) tipprovdi:

“Artikolu 17 – Avviż ta’ Irkant pubbliku

1.       L-irkantatur għandu jħabbar il-bejgħ billi jippubblika avviż ta’ irkant pubbliku […]

3.       Jekk l-oġġett li għandu jiġi rkantat ikun appartament, dar [jew] xi bini ieħor […], l-irkantatur għandu jippubblika avviż ta’ irkant pubbliku mhux iżjed tard minn 30 ġurnata qabel ma jibda l-irkant. Barra dan, l-irkantatur għandu, mingħajr dewmien, jibgħat l-avviż tal-irkant pubbliku lill-Ministeru biex dan jiġi ppubblikat fil-ġurnal [uffiċjali] tal-kummerċ […]

[…]

5.       L-irkantatur għandu, fiż-żmien speċifikati fis-subparagrafi 2 sa 4 iktar ’il fuq, jibgħat l-avviż tal-irkant pubbliku lill-persuni segwenti:

(a)       lill-persuna li tkun ser tibda l-irkant pubbliku; lid-debitur tal-kreditur kopert bil-garanzija; u, jekk dan ma jkunx id-debitur innifsu, lill-proprjetarju tal-proprjetà li tkun ser tiġi irkantata […]

[…]

Artikol21 – Inadempjenza minn naħa tal-irkantatur u n-nullità tal-irkant pubbliku

[…]

2.       Fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni ta’ dan il-Kodiċi, persuna li tikkontendi li l-ksur ippreġudika d-drittijiet tagħha tista’ tagħmel rikors biex tannulla l-irkant pubbliku. Dan id-dritt jispiċċa hekk kif jiskadu tliet xhur minn meta jibda l-irkant pubbliku, kemm-il darba l-irkant ma jkunx jikkonċerna dar jew appartament li jkunu proprjetà ta’ din l-istess persuna li fiha kienet uffiċjalment residenti fiż-żmien tal-irkant, u jekk il-motiv li fuqu jkun qed jinikiseb l-annullament ikun jikkostitwixxi reat […], f’liema każ ir-rikors għall-annullament tal-bejgħ jista’ jsir wara li jkun skada l-perijodu ta’ tliet xhur.

[…]

5.      Fil-każ li x-xerrej ikun inadempjenti jew jekk l-imħallef jannulla l-bejgħ, l-irkant jiġi ddikjarat mingħajr effett mill-mument li fih tinqata’ s-sentenza.

[…]

Artikolu 29 – Ċediment tal-proprjetà mixtrija bl-irkant

[…]

2.      Meta l-proprjetà mixtrija bl-irkant [tkun appartament, dar jew xi bini ieħor], il-proprjetarju preċedenti huwa meħtieġ, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-irkant pubbliku u mingħajr dewmien, iċedi din il-proprjetà hekk kif ix-xerrej bl-irkant jippreżenta att notarili flimkien mal-provi tal-identità tiegħu […]”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

8.        Peter Macinský u Eva Macinská huma rtirati u jgħixu flimkien fi Presov, fl-Islovakkja. Fid-29 ta’ April 2011, il-koppja Macinský ħadet self ta’ EUR 5 000 mingħand Financreal s.r.o. biex tkun tista’ tħallas xi djun oħra li kellha. Bħala garanzija għas-self inħoloq titolu fuq l-appartament li fih kienu jgħixu l-koppja Macinský. Skont il-kuntratt tas-self, id-dejn kellu jitħallas fi 84 pagament ta’ EUR 209.52, li kienu pagabbli kull xahar. Meta l-koppja Macinský allegatament naqset, f’diversi okkażjonijiet, milli tħallas il-pagamenti ta’ kull xahar tagħha, Financreal iddeċidiet li tieħu l-passi kontriha.

9.        Fis-17 ta’ Ottubru 2011, Financreal ċediet il-pretensjonijiet li kellha kontra l-koppja Macinský bis-saħħa tas-self, lill-Getfin s.r.o., kumpannija li tiġbor id-djun. B’ittra ddatata 26 ta’ Ottubru 2011, Getfin talbet il-ħlas sħiħ tas-self. Skont Getfin, id-dejn issa ammonta għal EUR 21 057.

10.      B’ittra ddatata 12 ta’ Novembru 2011, il-koppja Macinský ikkontestat il-validità ta’ din il-pretensjoni u talbet lil Financreal li tirrevedi ż-żieda fid-dejn (iżjed minn 300 % tul perijodu ta’ sitt xhur), li deherilhom li kienet esaġerata.

11.      Fil-21 ta’ Novembru 2011, Getfin bdiet proċeduri legali kontra l-koppja Macinský quddiem l-Okresný súd Prešov. Fl-istess żmien hija qabbdet lil Dražby a reality s.r.o. (iktar ’il quddiem “Dražby”), impriża privata, sabiex teżegwixxi l-pretensjoni b’mezzi extraġudizzjarji.

12.      Fl-1 ta’ Diċembru 2011, Dražby avżat lill-koppja Macinský li kienet ser teżegwixxi l-garanzija fuq l-immobbli b’mezzi extraġudizzjarji permezz tal-bejgħ tal-appartament tagħhom b’“irkant pubbliku vonlontarju”, jiġifieri li kellha l-intenzjoni tipproċedi permezz tal-proċedura inkwistjoni. Il-koppja Macinský ġiet ukoll informata li issa d-dejn kien jammonta għal EUR 22 646.

13.      Fil-11 ta’ Jannar 2012, il-koppja Macinský ippreżentat rikors quddiem l-Okresný súd Prešov għal proċeduri għal miżuri provviżorji fil-forma tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-garanzija fuq l-immobbli (4).

14.      Fl-1 ta’ Frar 2012, Dražby abbandunat il-pjan tagħha li tbigħ l-appartament tal-koppja Macinský b’irkant pubbliku “volontarju”.

15.      F’dak li jirrigwarda l-proċeduri msemmija iktar ’il fuq fil-punt 11, permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 (inkluża fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja), l-Okresný súd Prešov kkundannat lill-koppja Macinský tħallas lil Getfin is-somma ta’ EUR 4 290.48, billi dehrilha li r-rata tal-imgħax stipulata fil-kuntratt kienet moralment inaċċettabbli u għaldaqstant iddikjarat il-kuntratt bħala null u bla effett. Skont id-digriet tar-rinviju din is-sentenza għadha ma saritx finali. Madankollu, b’ittra ddatata 4 ta’ Settembru 2013, li ntbagħtet bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-koppja Macinský iddikjarat li kienet saret finali. Dan ġie kkonfermat mill-Gvern Slovakk waqt is-seduta (5).

16.      Fir-rigward tal-proċeduri għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, l-Okresný súd Prešov tispjega li “irkant pubbliku volontarju”, kif previst fil-Liġi dwar l-Irkanti Pubbliċi Volontarji, huwa metodu li permezz tiegħu tkun tista’ tiġi eżegwita l-garanzija fuq l-immobbli b’mod extraġudizzjarju. Ebda qorti jew tribunal indipendenti ma jeżamina ir-raġonevolezza ta’ dawn il-passi, u l-kelma “volontarju” tikkostitwixxi terminu legali li japplika anki meta d-debitur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-irkant pubbliku. Barra dan, l-Okresný súd Prešov tispjega li “irkant pubbliku volontarju” jippermetti lill-kreditur jiddetermina l-ammont tad-dejn mingħajr deċiżjoni tal-qorti (6).

17.      Billi kellha d-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura inkwistjoni mad-Direttiva 93/13, l-Okresný súd Prešov iddeċidiet, fis-27 ta’ Awwissu 2012, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru, bħal dik tal-Artikolu 151j(1) tal-Občiansky zákonník (Kodiċi Ċivili) moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil kreditur li jikseb l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti billi jeżegwixxi garanzija fuq immobbli permezz tal-bejgħ ta’ immobbli mingħajr il-kunsens tal-konsumatur, mingħajr in-natura kontenzjuża tal-kawża u mingħajr ma l-imsemmija klawżoli kuntrattwali jiġu evalwati minn qorti jew istanza ġudizzjarja indipendenti oħra?”

18.      Il-koppja Macinský, il-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja, u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tal-11 ta’ Settembru 2013, saru sottomissjonijiet orali mill-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja, u mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

19.      Din il-kawża preżenti tqajjem numru ta’ kwistjonijiet differenti.

20.      L-ewwel nett, fid-dawl tal-fatti spjegati iktar ’il fuq, qiegħda tiġi ddubitata l-ammissibbiltà ta’ din il-kawża, b’mod partikolari mill-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja.

21.      It-tieni nett, dwar is-sustanza, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-proċedura inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-Direttiva 93/13. Il-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja jsostnu li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv, filwaqt li l-koppja Macinský u l-Kummissjoni huma ta’ fehma opposta.

22.      It-tielet nett, saret talba mill-Gvern Slovakk biex jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenza, fil-każ li jinsab li l-proċedura inkwistjoni tkun inkompatibbli mad-Direttiva 93/13.

23.      Fil-kunsiderazzjonijiet tiegħi li ġejjin, jien ser nittratta r-raġunijiet li jwassluni biex nemmen li d-domanda magħmula hija inammissibbli.

24.      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tas-sustanza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tieħu deċiżjonijiet f’kawżi b’ċirkustanzi pjuttost simili (7). Dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu regola ċara, għalkemm wieħed jista’ jgħid li din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tirfina din il-ġurisprudenza.

25.      Madankollu, fil-każ li minħabba raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali — peress li jeżistu bosta kawżi li jikkonċernaw l-istess kwistjonijiet (8) — il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tirrispondi għad-domandi magħmula, jien nispjega għaliex fil-fehma tiegħi, suġġett għal ċerti dispożizzjonijiet restrittivi, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix proċeduri bħal din inkwistjoni (9).

26.      Fl-aħħar nett jien ser nittratta fil-qosor it-talba li saret biex jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenza.

A –    Ammissibbiltà

27.      Kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u kif ukoll waqt is-seduta, il-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja kkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

28.      Skont il-Gvern tal-Islovakkja, id-digriet tar-rinviju ma għandux fih l-informazzjoni fattwali u ġuridika kollha neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda magħmula. Barra dan, il-Gvern Slovakk jikkontendi li t-tilwima hija purament ipotetika u li l-qorti tar-rinviju ma tindikax għaliex hemm bżonn ta’ risposta għal din id-domanda sabiex tingħata soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dan il-gvern jikkontendi wkoll li d-digriet tar-rinviju ma jispjegax ir-rilevanza tal-istrumenti leġiżlattivi l-oħra tal-UE msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, id-Direttiva 2005/29/KE (10) u d-Direttiva 2009/22/KE (11). Il-Gvern Ġermaniż jaqbel mal-pożizzjoni bażika adottata mill-Gvern Slovakk.

29.      Fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Settembru 2013, il-koppja Macinský tikkontendi li s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 saret finali, iżda li xorta waħda tista’ titwettaq il-proċedura inkwistjoni fir-rigward tad-dejn li għadu dovut lill-Getfin, u li jammonta għal EUR 4 290.48. Għaldaqstant, xorta għad hemm il-bżonn ta’ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni wkoll ikkontendiet li l-kawża ma hijiex ipotetika.

30.      Skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà fir-rigward tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun trid tittieħed, li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jsirulha.

31.      Fil-fehma tiegħi, u għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed materjal fattwali u legali biex tkun tista’ tipprovdi risposta.

32.      Madankollu, fil-kuntest tar-risposti li rċeviet il-Qorti tal-Ġustizzja għal xi domandi li hija għamlet, jien naqbel ma’ dawn il-gvernijiet li d-domanda magħmula ma għandhiex tkun ammissibbli, minħabba li r-risposta ma hu ser ikollha ebda effett fuq ir-riżultat tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

33.      Fil-fatt, nixtieq l-ewwel nett insemmi li d-digriet tar-rinviju jgħid li Dražby abbandunat l-idea tal-irkant pubbliku. Madankollu, l-Okresný súd Prešov tiġġustifika t-talba tagħha għar-raġuni li “[m]eta jiskadu l-effetti tal-miżura provviżorja, il-kreditur ikun jista’ jerġa’ jibda l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-pretensjoni sakemm il-garanzija fuq il-immobbli tiġi eżegwita b’dan il-mezz jew inkella b’xi mezz ieħor”.

34.      Nammetti li ma fhimtx kompletament kif jista’ jkun li, skont il-liġi proċedurali Slovakka, l-Okresný súd Prešov baqgħet adita, meta kien ċar li l-irkant mhux ser isir u minkejja r-riskju li Dražby tista’ terġa tibda l-proċedura inkwistjoni. Huwa possibbli li r-riskju seta’ eżista fiż-żmien li sar id-digriet tar-rinviju fis-27 ta’ Awwissu 2012. Madankollu, kif semmejt fil-punt 15 ’iktar il-fuq, skont l-informazzjoni li sussegwentement irċeviet il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 saret finali. Fil-fatt, il-Gvern Slovakk wasal biex waqt is-seduta ppreċiża li Getfin kienet, fir-realtà, ikkontestat is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, rikuża li finalment ġiet miċħuda fit-13 ta’ Mejju 2013 (12). Jien għalhekk ma nara li hemm ebda possibbiltà li Dražby terġa’ tibda l-istess proċedura.

35.      Barra dan, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, li — għall-kuntrarju ta’ dak li kkontendiet il-Kummissjoni waqt is-seduta — kienet tikkonċerna l-istess partijiet, ħlief Financreal, ikkunsidrat li l-kuntratt tas-self ta’ bejn dawn il-partijiet huwa null u bla effett. Din il-kunsiderazzjoni għandha tkopri l-klawżoli kollha ta’ dan il-kuntratt, inklużi dawk relatati mal-proċedura inkwistjoni.

36.      Sfortunatament, minkejja l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jirrenja fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, l-Okresný súd Prešov ma dehrilhiex li huwa neċessarju li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sua sponte, b’informazzjoni dwar l-effetti legali tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 u r-riżultat ta’ din is-sentenza (13). Din is-sentenza, li kienet annessa mad-digriet tar-rinviju, ngħatat mill-Okresný súd Prešov innifisha, anki jekk dak iż-żmien kienet komposta mod ieħor.

37.      Għaldaqstant jidher li ma għadx hemm kuntratt li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-proċedura inkwistjoni fir-rigward tad-dejn ta’ EUR 21 057 allegatament dovut lill-Getfin, għallinqas mit-13 ta’ Mejju 2013 ’l hawn. Għaldaqstant, ma hemm ebda bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar id-domanda magħmula.

38.      Ma kien hemm ebda dubju dwar din il-fehma fis-sentenza Aziz.

39.      Fis-sentenza Aziz, l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula wkoll ġiet ikkontestata. L-ewwel waħda miż-żewġ domandi magħmula f’dik il-kawża tixbah iżjed mill-qrib id-domanda magħmula mill-Okresný súd Prešov. B’mod iżjed speċifiku, ġie essenzjalment sostnut li r-risposta mitluba mill-Juzgado de lo Mercantil No 3 de Barcelona (Spanja) — li kienet qiegħda tisma’ l-kawża fuq il-merti — fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dritt Spanjol dwar l-eżekuzzjoni ġudizzjarja ma kien ser ikollha ebda effett fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja quddiem il-Juzgado de Primera Instancia No 5 de Martorell (Spanja). Dan minħabba li fiż-żmien li fih il-qorti nazzjonali ħarġet id-digriet tar-rinviju fir-rigward ta’ dik il-kawża, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni kienet diġà seħħet. Ġie sostnut li dak li kellu jsir sar, biex ngħidu hekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma dehrilhiex li dan kien jirrendi d-domanda inammissibbli.

40.      Madankollu, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kawża inkwistjoni hija waħda differenti. L-eżekuzzjoni (f’dan il-każ l-irkant pubbliku) ma pproċediex u fi kwalunkwe każ, il-kuntratt, li skont il-fatti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikkunsidrat null u bla effett, ma kienx għadu jipprovdi bażi legali għall-proċedura inkwistjoni.

41.      Huwa veru li jidher li fis-sentenza Aziz, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ pjuttost ġeneruż fir-rigward tar-rilevanza tar-risposta mitluba għat-tilwim pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, minħabba li jidher li f’dan il-każ lill-qorti nazzjonali tatha l-benefiċċju sħiħ tad-dubju (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment ippreċiżat li d-domanda “għandha tinftiehem f’sens wiesa’” u li “ma jidhirx b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba […] ma għandhiex konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (15)”.

42.      Madankollu, dan l-approċċ ma huwiex iġġustifikat fil-kawża preżenti. Fil-fatt, peress li Dražby abbandunat il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u minħabba li l-kuntratt ġie kkunsidrat null u bla effett, ma jidhirx li huwa possibbli li risposta għad-domanda magħmula tista’ tkun rilevanti għall-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali (jekk jista’ jingħad li din it-tilwima fil-fatt teżisti), jew anki għal xi kwistjonijiet sekondarji oħra (bħal dik imsemmija fil-punt 55 iktar ’il quddiem). Dan jidher li huwa kkonfermat mill-fatt li la Getfin u lanqas Financreal ma wrew xi interess fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Madankollu, huwa neċessarju li wieħed jittratta fil-qosor ċerti punti li ssemmew waqt is-seduta.

44.      Waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk ippreċiża li, skont l-informazzjoni li kiseb mill-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali ma għandhiex bħala s-suġġett tagħha l-kuntratt tas-self bejn il-koppja Macinský u Financreal (li d-drittijiet tagħha skont dak il-ftehim ġew sussegwentement ċeduti lil Getfin), iżda pjuttost il-ftehim ta’ garanzija fuq l-immobbli, li huwa kompletament differenti mill-kuntratt tas-self. B’risposta għad-domanda li saritlu sabiex jiġu kkjarifikati l-implikazzjonijiet ta’ din l-allegazzjoni, dan il-gvern stqarr li, skont id-dritt Slovakk, il-kuntratti ta’ garanzija fuq l-immobbli normalment ma jibqalhomx effett ġuridiku jekk l-obbligu li fir-rigward tiegħu jkunu qed jiggarantixxu l-eżekuzzjoni jkun spiċċa, sakemm il-kuntratt ta’ garanzija fuq l-immobbli ma jipprovdix b’mod speċifiku li għandu jibqa’ jkollu effett f’sitwazzjoni bħal din.

45.      Din ir-rivelazzjoni pjuttost tissorprendini.

46.      Bħala punt ta’ tluq, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja “għandha s-setgħa tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-[UE] biss abbażi tal-fatti ppreżentati lilha mill-qorti nazzjonali (16)”. Barra dan, ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet fattwali u legali mqajma u diskussi għall-ewwel darba waqt seduta quddiemha, u li ma jkunux ġew indikati la fid-digriet tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati (17).

47.      F’dan il-każ, id-digriet tar-rinviju sempliċiment jindika li l-proċeduri quddiemha jikkonċernaw “[i] is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ titolu ta’ sigurtà, [ii] l-invalidità ta’ sanzjoni kuntrattwali u tal-ispejjeż relatati mal-għoti u mal-immaniġġar tal-kreditu, u [iii] il-kumpens finanzjarju”. Barra dan, il-kontenut proprju tad-digriet jirreferi biss għal kuntratt wieħed, u mhux għal tnejn. Peress li ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jsostni t-teorija li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa differenti mill-kuntratt annullat permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, dan l-argument ma jistax jiġi ttrattat.

48.      Madankollu, anki li kieku fl-interess tal-argument kellu jiġi sostnut li fil-fatt kien hemm kuntratt separat ta’ garanzija fuq l-immobbli, dan ma kien ikollu ebda effett fuq il-kawża inkwistjoni.

49.      L-ewwel nett, jista’ jiġi sostnut li tali ftehim ta’ garanzija fuq l-immobbli separat jista’ jservi bħala bażi biex jiġi eżegwit id-dejn ta’ EUR 4 290.48 li ġie ordnat jitħallas lil Getfin permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012. Jidher li bejn wieħed u ieħor il-koppja Macinský hi tal-istess fehma peress li fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Settembru 2013 tindika li, għalkemm is-sentenza saret finali, ma tipproteġihiex milli terġa’ tiġi ssuġġettata għall-proċedura inkwistjoni (18).

50.      Dwar dan il-punt nixtieq nenfasizza li l-pretensjoni li Getfin issa għandha kontra l-koppja Macinský hija waħda ta’ restituzzjoni. Fil-fatt, fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li r-rata tal-imgħax speċifikata fil-kuntratt kienet moralment inaċċettabbli u għaldaqstant li l-kuntratt ġie ddikjarat null u bla effett. Għalhekk, il-qorti ordnat fid-dispożittiv tas-sentenza, li l-bqija tas-self oriġinali — jiġifieri, EUR 4 290.48 — kellu jitħallas lura f’84 rata. Dan id-dejn issa jeżisti abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u mhux abbażi ta’ kuntratt, anki jekk huwa ftehim kuntrattwali li ta lok għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti.

51.      Din il-pretensjoni, min-natura tagħha stess, taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13, skont kif definit fl-Artikolu 1(1), li jirrigwarda l-kuntratti konklużi minn konsumaturi. Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma jkollha ebda effett fuq il-kawża prinċipali.

52.      It-tieni nett, wieħed jista’ wkoll isostni li l-qorti tar-rinviju fil-fatt tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk hijiex kompatibbli mad-Direttiva 93/13, leġiżlazzjoni li tippermetti li jsiru kuntratti ġenerali ta’ garanzija fuq l-immobbli bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti, li jistipulaw li l-proċedura inkwistjoni għandha tiġi attivata kull meta konsumatur jonqos minn kwalunkwe wieħed mill-obbligi tiegħu lejn il-kummerċjant.

53.      Għalkemm domanda interessanti, ma hemm assolutament ebda bażi għaliha fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tar-rinviju. Ma għandi ebda ħajra nagħti opinjoni dwar kwistjoni ipotetika.

54.      Għal dawn ir-raġunijiet mhux ser inkompli nittratta t-teorija ta’ “żewġ ftehim separati” imsemmija mill-Gvern Slovakk.

55.      F’dak li jikkonċerna t-talba għad-danni, li apparentement ukoll tifforma parti mill-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, ma hemm xejn li jimplika li hemm bżonn ta’ risposta għad-domanda magħmula f’dak li jirrigwarda jekk Getfin u/jew Financreal humiex responsabbli jħallsu dawn id-danni talli bdew il-proċedura inkwistjoni kontra l-koppja Macinský. Fil-fatt, għalkemm id-digriet tar-rinviju jgħid li l-koppja Macinský qiegħda tfittex dan it-tip ta’ kumpens, il-qorti tar-rinviju la tindirizza din il-kwistjoni fid-domanda magħmula, u lanqas ma tispjega jekk u b’liema mod għandha s-setgħa li tagħti l-kumpens fil-kuntest ta’ proċeduri rregolati mill-Artikolu 21(2) u (5) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji. B’mod iżjed importanti, jirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 li l-koppja Macinský fil-fatt ippreżentat kontrotalba għad-dannu kontra Getfin fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, li ġiet miċħuda bħala infondata fid-dispożittiv tagħha (19). Kif diġà ssemma’, din is-sentenza saret finali u għalhekk id-deċiżjoni dwar id-danni saret res judicata u l-kwistjoni issa hija magħluqa (20).

56.      F’dak li jirrigwarda r-referenzi għad-Direttiva 2005/29 u d-Direttiva 2009/22 fid-digriet tar-rinviju, ma jidhirx li — kif ġie osservat mill-Gvernijiet tal-Islovakkja u tal-Ġermanja — dawn huma rilevanti għal din il-kawża. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju sempliċiment issemmi dawn id-direttivi — u xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom (21) — mingħajr ma tispjega għaliex dawn għandhom japplikaw. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju la tippreċiża għaliex jidhrilha li l-proċedura inkwistjoni tikkostitwixxi prassi kummerċjali inġusta, u lanqas b’liema mod il-kwistjoni inkunsiderazzjoni tinvolvi rikors għal inġunzjoni ppreżentat minn entità kkwalifikata għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (22). B’mod sinjifikattiv, lanqas fit-test tad-domanda magħmula ma jissemmew dawn id-direttivi. Għalhekk, dawn ma jistgħux jirrendu d-domanda magħmula ammissibbli.

57.      Konsegwentement, ma narax għaliex hemm bżonn ta’ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha, meta fil-fatt kull ma tkun qiegħda tagħmel huwa li tagħti evalwazzjoni astratta tal-kompatibbiltà tal-proċedura inkwistjoni mad-Direttiva 93/13. Tajba kemm hi tajba l-intenzjoni tal-qorti tar-rinviju meta tkun qiegħda tipprova tħares l-interessi tal-konsumaturi, meta ma jkunx hemm proċeduri “attwali” ma jkunx possibbli li ssir evalwazzjoni bħal din. Barra dan, ma hemm ebda bżonn li wieħed jirrakkomanda li terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ domandi ipotetiċi (23).

58.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li d-domanda magħmula hija inammissibbli.

59.      Madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw kemm il-bżonn kif ukoll il-vantaġġ ta’ risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kwistjoni quddiemhom, u anki l-mument opportun. Jekk għal xi raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tixtieqx tinterferixxi fl-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju u, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li dejjem għandu jieħu preċedenza fil-kuntest tal-proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, tagħżel li tirrispondi d-domanda magħmula, jien noffri l-kunsiderazzjonijiet segwenti.

B –    Kompatibbiltà tal-proċedura inkwistjoni mad-Direttiva 93/13

1.      Osservazzjonijiet ġenerali dwar id-dmir tal-konsumatur li jaġixxi

60.      Kif jidher mill-kriżi finanzjarja dinjija li minnha qegħdin jirkupraw bil-mod l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, sistema ta’ kreditu soda u li tiffunzjona sew hija waħda mill-elementi fundamentali ta’ suq miftuh b’kompetizzjoni libera. Dan jista’ jwassal biex il-leġiżlaturi jifformulaw skemi partikolari ta’ titolu ta’ sigurtà u eżekuzzjoni li jkunu bejn wieħed u ieħor favorevoli għas-settur tal-kummerċ sabiex isostnu s-sistema tal-kreditu. Il-kawża preżenti tqajjem id-dubji dwar jekk il-proċedura inkwistjoni hijiex qiegħda teċċedi l-limiti biex tiffavorixxi lill-kummerċjanti iżjed mill-konsumaturi.

61.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tipprova tiddetermina jekk imurx kontra d-Direttiva 93/13 li Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jippermettu pretensjoni bbażata fuq klawżola inġusta f’kuntratt konkluż minn konsumatur li tiġi eżegwita b’mezzi extraġudizzjarji u allura — potenzjalment — mingħajr ebda sorveljanza ġudizzjarja.

62.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tindirizza kwistjoni li ma kinitx iddeċidiet dwarha fis-sentenza Banco Español de Crédito jew fis-sentenza Aziz, iżda li l-Avukat Ġenerali Kokott qajmet fil-konklużjonijiet tagħha (24), billi staqsiet: huwa kompatibbli mad-Direttiva 93/13 li Stat Membru jeżiġi li l-konsumaturi jieħdu l-passi biex jissospendu jew iwaqqfu l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li allegatament għandu fih xi klawżola inġusta? Fi kliem ieħor, huwa kompatibbli mad-Direttiva 93/13 il-fatt li l-konsumatur irid “jieħu l-ewwel pass?”

63.      Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltajiet u r-rwol tal-qrati nazzjonali skont id-Direttiva 93/13. Fil-fatt skont din il-ġurisprudenza, qorti nazzjonali għandha, sua sponte, u meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi fattwali neċessarji biex tagħmel dan, teżamina jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 hijiex inġusta, biex b’dan il-mod tikkumpensa għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (25).

64.      Għar-raġunijiet li ġejjin, jien ninsab sodisfatt li l-proċedura inkwistjoni tipprovdi b’mod suffiċjenti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi kif mitlub mid-Direttiva 93/13.

65.      Jien ser nibda billi nikkunsidra l-kliem tad-Direttiva 93/13. Wara dan ser inkompli biex nittratta l-ġurisprudenza rilevanti (jiġifieri l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Banco Español de Crédito u Aziz), qabel ma nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, id-domanda magħmula fil-punt 62 iktar ’il fuq għandha tiġi risposta fl-affermattiv.

66.      Id-Direttiva tistabbilixxi ċerti regoli pożittivi fir-rigward ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi minn konsumaturi, u b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ dawn il-klawżoli kif stipulat fl-Artikolu 3(1). Ir-riżultat ta’ dan, huwa li l-Artikolu 6(1) jeżiġi li l-Istati Membri jagħmlu provvediment għal regoli li skonthom, klawżoli bħal dawn “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. Barra dan, l-Artikolu 7(1) jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu “mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti”.

67.      Minħabba li fid-Direttiva 93/13 ma jissemma xejn dwar l-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet, inklużi l-pretensjonijiet kontra l-konsumatur, ma jistax jitqies li dan il-punt speċifiku huwa rregolat minnha. Għalhekk, bħala prinċipju, dawn ir-regoli jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, iżda suġġetti għaż-żewġ prinċipji korrispondenti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (26). Nista’ nżid ma’ dan li ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju jew fil-fajl tal-kawża nazzjonali ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jindika li r-regoli proċedurali Slovakki applikabbli lill-konsumaturi skont id-Direttiva 93/13 huma differenti minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili abbażi tad-dritt nazzjonali (27). Għalhekk, hi biss l-effettività tad-Direttiva 93/13 li tidher li hi inkwistjoni.

68.      Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ proċedura bħal din inkunsiderazzjoni, mal-prinċipju ta’ effettività, tirrikjedi li l-ġurisprudenza rilevanti, jiġifieri s-sentenzi Banco Español de Crédito u Aziz, tiġi eżaminata iżjed bir-reqqa (28). Fil-fatt, bħall-kawża preżenti, dawn iż-żewġ sentenzi kkonċernaw id-definizzjoni tad-dmirijiet tal-qorti nazzjonali skont id-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ proċedura speċjali (29), pjuttost milli l-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax, jew saħansitra għandhiex, taġixxi sua sponte. Jien ninterpreta dawn iż-żewġ sentenzi fis-sens li bażikament qegħdin jgħidu li l-użu ta’ proċedura speċjali prevista fid-dritt nazzjonali mill-kummerċjanti, sabiex iċaħħdu lill-konsumaturi mill-benefiċċju tal-ħarsien intiż skont id-Direttiva 93/13, imur kontra l-prinċipju ta’ effettività minħabba li fil-prattika jagħmilha impossibbli jew eċċessivament diffiċli li wieħed jinvoka l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13 fir-rigward ta’ dawn il-konsumaturi (30). Ma jidhirlix li l-proċedura inkwistjoni ċċaħħad lill-konsumaturi mill-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni.

69.      Ninsab konvint li, meta l-proċeduri tal-eżekuzzjoni kontra l-konsumaturi jikkonsistu f’irkanti pubbliċi, għandu jkun hemm ċerti garanziji fil-liġi proċedurali sabiex il-parti d-dgħajfa — f’dan il-każ, il-konsumatur — tiġi mħarsa (31). Naturalment, dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ tal-proċeduri extraġudizzjarji. In-nuqqas ta’ dawn il-garanziji jfisser li l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 li jistabbilixxu regoli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jintrabtu bi klawżoli inġusti, u li jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu l-użu kontinwat ta’ dawn il-klawżoli.

70.      Madankollu xorta wieħed irid jistaqsi: f’liema punt isir impossibbli jew, kif jiġri iktar is-soltu, eċċessivament diffiċli li tiġi applikata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tixtieq tagħti lill-konsumaturi? Ir-risposta għal din id-domanda ma hijiex ċara u teħtieġ li kull każ jiġi ttrattat għalih. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li wieħed jeżamina, bħala sistema kompleta, ir-rwol tar-regoli nazzjonali fir-rigward tal-proċedura, id-diversi stadji tal-proċedura u l-karatteristiċi speċjali ta’ din il-proċedura, quddiem id-diversi korpi nazzjonali (32). Dan jista’ jinvolvi kunsiderazzjoni ġenerali tar-rimedji disponibbli lill-konsumaturi u l-possibbiltà tal-qrati nazzjonali li jintervjenu.

71.      F’dan ir-rigward, huwa utli li wieħed jerġa’ jikkunsidra l-lezzjonijiet li ħadna mis-sentenzi Aziz u Banco Español de Credito.

72.      Fil-fatt, kif issemma’ fil-punt 39 iktar ’il fuq, anki s-sentenza Aziz irrigwardat diversi proċeduri: proċeduri ta’ eżekuzzjoni u proċeduri li jikkonċernaw is-sustanza. Fiż-żmien li fih inbdew il-proċeduri dikjaratorji dwar jekk humiex ġusti l-klawżoli tal-kuntratt tas-self, il-proċeduri tal-eżekuzzjoni kienu kważi kkompletati. Barra dan, il-konsumatur kien diġà tkeċċa mid-dar tiegħu. Skont id-dritt Spanjol, peress li l-qorti tal-eżekuzzjoni ma kellhiex il-jedd li teżamina jekk humiex ġusti l-klawżoli, il-konsumatur ma kellux għażla ħlief li jibda proċeduri dikjaratorji f’dan ir-rigward. B’żieda ma’ dan, l-unika rimedju ġeneralment disponibbli skont id-dritt Spanjol f’sitwazzjonijiet bħal dawn kien jikkonsisti f’kumpens monetarju sussegwenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li sitwazzjoni bħal din kienet inkompatibbli mad-Direttiva 93/13 (33).

73.      Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Aziz tikkostitwixxi eżempju taċ-ċirkustanzi li fihom l-applikazzjoni tal-protezzjoni effettiva tal-konsumatur issir impossibbli (34). Fil-fatt, il-qorti li sussegwentement semgħet il-każ fuq il-merti, ma setgħetx tannulla l-ordni tal-eżekuzzjoni — għall-inqas kien tard wisq biex tagħmel dan. Din il-qorti setgħet biss tipprovdi kumpens monetarju, li kien meqjus insuffiċjenti.

74.      Min-naħa l-oħra jidher li is-sentenza Banco Español de Crédito tikkostitwixxi eżempju ta’ ċirkustanzi li fihom ma huwiex kompletament impossibbli għall-konsumaturi li jipproteġu d-drittijiet tagħhom b’mod effettiv, iżda eċċessivament diffiċli.

75.      Is-sentenza Banco Español de Crédito kienet tirrigwarda regoli dwar proċedura ta’ “ordni ta’ ħlas” ex parte. Għalhekk, dawn il-proċeduri ma kinux strettament “proċeduri eżekuttivi”, iżda proċeduri ssimplifikati li jittrattaw kwistjonijiet sostantivi. Id-dritt Spanjol rilevanti kien jgħid, inter alia, li d-debitur għandu joġġezzjona fi żmien 20 jum mid-data li fiha jkun ġie nnotifikat dwar l-ordni ta’ ħlas. Jekk issir oġġezzjoni, il-proċeduri sommarji jitwaqqfu, u l-proċeduri jsiru kontradittorji (35). Għal diversi raġunijiet (36), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-konsumaturi ma kinux ġeneralment predisposti joġġezzjonaw għall-proċedura, u għalhekk ikkonkludiet li d-dritt Spanjol inkwistjoni kien inkompatibbli mad-Direttiva 93/13.

76.      Jekk nerġgħu nduru lura għall-kwistjoni dwar f’liema punt isir eċċessivament diffiċli għall-konsumaturi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv, naraw li dan jidher li jiddependi wkoll fuq l-importanza tal-interessi li jkunu qed jirrestrinġu l-protezzjoni tal-konsumatur. Jidher li l-ġurisprudenza tindika li ċerti interessi leġittimi qegħdin f’pożizzjoni aħjar minn oħrajn biex jieħdu preċedenza fuq il-protezzjoni tal-konsumatur (37).

77.      Madankollu, wieħed għandu jagħmilha perfettament ċara li, kif ippreċiża l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi biss li r-regoli proċedurali nazzjonali ma għandhomx jagħmluha eċċessivament diffiċli għall-konsumaturi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. B’mod partikolari, dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet għandu jkun “faċli” jew suġġett għal xi trattament partikolarment favorevoli (38). Li kieku kellha tiġi adottata din il-fehma, il-kunċett tal-awtonomija proċedurali ma jibqagħlux effett prattiku u, barra dan, ikun imur kontra l-fatt li d-Direttiva 93/13 tipprovdi biss għal armonizzazzjoni minima (39).

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirlix li, meta wieħed iqis kollox, huwa eċċessiv li wieħed jeżiġi lill-konsumaturi jibdew il-proċeduri legali kontra l-kummerċjant sabiex jissospendu jew iwaqqfu proċedura ta’ eżekuzzjoni bħal din inkwistjoni.

79.      Dan jidher li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza. Fis-sentenza Banco Español de Crédito, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li ċaħdet kompletament il-fehma li, bħala prinċipju, hija ħaġa leġittima li l-kredituri jkollhom aċċess faċli għall-ġustizzja u li l-proċeduri jitwettqu b’ħeffa (40). Barra dan, fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, ġie kkonstatat li qorti nazzjonali la hi obbligata tipprovdi l-kumpens għal ommissjoni proċedurali min-naħa tal-konsumatur li ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu, u lanqas li tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ aġir min-naħa tal-konsumatur (41). Għalhekk, jien naqbel mal-Avukat Ġenerali Kokott li b’mod ġenerali, il-fatt fih innifsu li l-konsumatur għandu qabel xejn jibda l-proċeduri li permezz tagħhom jistgħu jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet sabiex il-qorti adita bil-kawża tkun tista’ teżamina l-klawżoli tal-kuntratt, ma jidhirx li jikkostitwixxi impediment eċċessiv għall-protezzjoni legali effettiva tal-konsumaturi (42). Fil-fatt, ma jkunx kompletament korrett li wieħed jikkaratterizza d-dmir tal-konsumatur bħala dmir li jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu mingħajr motivazzjoni minn qabel; iżda pjuttost huwa d-dmir li jirreaġixxi għal passi li jkun qed jippjana li ser jieħu l-kummerċjant. Nixtieq nenfasizza li fis-sentenza Aziz, il-Qorti tal-Ġustizzja ma oġġezzjonatx speċifikament għall-fatt li l-konsumatur kellu jibda l-proċeduri dikjaratorji quddiem il-Juzgado de lo Mercantil No 3 de Barcelona; pjuttost, kien il-fatt li dawn il-proċeduri kienu kompletament inutli li wassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja eventwalment tieħu d-deċiżjoni li ħadet.

80.      Barra dan, nibża’ li rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju obbligatorju ex ante, li jidher li għandu l-appoġġ tal-Kummissjoni, fil-prattika ma jkun iservi ebda skop (43). Fil-fatt, l-eżami dwar jekk klawżola hijiex inġusta jirrikjedi evalwazzjoni ta’ kull waħda miċ-ċirkustanzi rilevanti (44). Għalkemm, fis-sentenza Banco Español de Crédito, il-qorti li kienet qed tittratta l-kwistjoni fl-ewwel istanza setgħet tieħu pożizzjoni mingħajr ebda kontribut mill-konsumatur, dan ma huwiex ġeneralment il-każ. Għall-kuntrarju, ħlief meta qorti jkollha quddiemha l-elementi legali u fattwali kollha neċessarji, la tkun tista’ — u lanqas hija obbligata — taġixxi indipendentement mill-konsumatur.

81.      Fl-aħħar nett, il-fatt fih nnifsu li l-proprjetà inkwistjoni tista’ tkun ir-residenza tal-familja tal-konsumatur, ma jbiddillix fehmti. Fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati, l-Istati Membri ma għandhomx jiġu pprevenuti milli jeżiġu lill-konsumatur jibda l-proċeduri kontra eżekuzzjoni extraġudizzjarja, sempliċiment minħabba l-fatt li l-proprjetà inkwistjoni hija d-dar fejn jgħix il-konsumatur.

82.      Minkejja dan, nixtieq nenfasizza li meta l-proprjetà kkonċernata fil-proċedura inkwistjoni tkun id-dar tal-konsumatur, għandu jkun hemm garanziji speċifiċi. In-nuqqas li jiġu pprovduti dawn il-garanziji jista’ jkun problematiku mill-prespettiva tad-drittijiet fundamentali (45). Fil-fatt, it-telf ta’ dar ta’ familja tikkostitwixxi waħda mill-iżjed forom estremi ta’ interferenza fid-drittijiet tal-konsumatur (46). Minħabba li r-rispett tad-dar fejn tgħix persuna jikkostitwixxi dritt skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fid-dawl tagħha għandha tiġi interpretata d-Direttiva 93/13 (47), kull persuna li tinsab f’riskju ta’ interferenza ta’ dan il-livell għandha jkollha d-dritt li l-proporzjonalità ta’ din il-miżura tiġi evalwata minn korp ġudizzjarju (48).

83.      Fil-qosor, jidhirli li huwa kompatibbli mad-Direttiva 93/13 li Stat Membru jeżiġi li konsumatur jieħu l-passi sabiex jissospendi jew iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li allegatament jinkorpora fih klawżola inġusta. Issa li ċċarajt dan il-punt ta’ prinċipju, ser inkompli biex nittratta l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura inkwistjoni.

2.      Evalwazzjoni tal-proċedura inkwistjoni

84.      F’dak li jirrigwarda l-proċedura inkwistjoni, jirriżulta mill-Artikolu 151m(1) tal-Kodiċi Ċivili Slovakk li — ħlief fejn jeżistu regoli speċifiċi dwar is-suġġett — irkant pubbliku jista’ jsir hekk kif jiskadu 30 jum minn meta d-debitur (jew il-garanti, skont kif ikun il-każ) ikun ġie avżat dwar l-eżekuzzjoni. B’mod simili, skont l-Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, irkant pubbliku jista’ jsir hekk kif jiskadu 30 jum minn meta l-irkant ippjanat ikun ġie nnotifikat fil-Ġurnal tal-Kummerċ. L-Artikolu 17(5) ta’ din il-liġi jipprovdi wkoll li l-irkantatur għandu javża lill-persuna li tkun qiegħda tipproponi l-irkant pubbliku, kif ukoll id-debitur u l-proprjetarju tal-immobbli (jekk id-debitur u l-proprjetarju ma jkunux l-istess persuna) dwar l-irkant pubbliku li jkun ser isir, qabel ma jagħlaq dan iż-żmien. Waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk ikkonferma li dawn il-limiti taż-żmien jistgħu jiddekorru b’mod konkorrenti, li jfisser li jkun disponibbli perijodu ta’ minn tal-inqas 30 ġurnata wara li jkunu ġew avżati l-partijiet u l-korpi kollha rilevanti.

85.      Wara li jkun sar l-irkant pubbliku skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, il-bejgħ tal-proprjetà jista’ ġeneralment jiġi kkontestat sa tliet xhur wara.

86.      Matul dan il-perijodu, id-debitur jista’ jkompli jgawdi l-użu tal-proprjetà li tkun tqiegħdet għall-bejgħ fl-irkant pubbliku. Madankollu, skont l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, fejn il-proprjetà li tkun ser tinbiegħ b’irkant pubbliku tkun proprjetà immobbli, id-debitur (jew il-garanti, skont kif ikun il-każ) għandu, wara li tinbiegħ il-proprjetà, u hekk kif dan il-bejgħ b’irkant pubbliku jiġi rreġistrat f’att notarili, iċediha mingħajr dewmien.

87.      Il-Kummissjoni tikkontendi li dan jikkostitwixxi t-tneħħija furzata tal-konsumatur minn dik il-proprjetà. Sa ċertu punt jien nissimpatizza ma’ din il-fehma (49). Madankollu, ninsab sodisfatt bl-argumenti ppreżentati mill-Gvern Slovakk, li skonthom, l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji ma jipprevjenix lid-debitur milli jippreżenta talba f’qorti biex jissospendi l-proċedura inkwistjoni, anki wara li l-bejgħ ikun seħħ (50). Jekk din l-interpretazzjoni tal-liġi hija korretta — u dan għandha tivverifikah il-qorti tar-rinviju — ma narax għaliex fih innifsu, l-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jiggrava s-sitwazzjoni, sakemm il-qorti adita tieħu l-passi deskritti fil-punt 97 iktar ’il quddiem.

88.      Barra dan, meta d-debitur ikun fil-fatt ċeda l-proprjetà tiegħu, ikun għad hemm il-possibbiltà li jirkupraha jekk l-irkant pubbliku jiġi annullat skont l-Artikolu 21(5) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, u r-rikuża tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-artijiet (51). Skont l-Artikolu 21(3) ta’ din il-liġi, il-parti li tkun qiegħda tikkontesta l-bejgħ bl-irkant pubbliku għandha l-obbligu tinforma lill-awtorità kompetenti b’din ir-rikuża.

89.      Għaldaqstant, skont kif ninterpreta d-dritt nazzjonali, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li konsumatur għandu ta’ mill-inqas 30 ġurnata minn meta jkunu ntbagħtu l-avviżi rilevanti kollha, biex jikkontesta irkant pubbliku ex ante (52), u sa tliet xhur wara li jkun sar il-bejgħ biex jikkontestah ex post (u anki iżjed meta l-bejgħ ikun konness ma’ xi attività kriminali).

90.      Għalhekk, potenzjalment, konsumatur għandu b’kollox, minimu ta’ erba’ xhur li fihom jista’ jikkontesta bejgħ b’irkant pubbliku.

91.      Dan ma jistax jitqabbel mal-limitu ta’ 20 ġurnata li fihom setgħet issir l-oġġezzjoni fis-sentenza Banco Español de Crédito, li għamilha eċċessivament diffiċli għall-konsumaturi li jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni skont id-Direttiva 93/13.

92.      Barra dan, ma jidhirlix li l-proċedura inkwistjoni jillimita d-drittijiet tal-konsumaturi għal sempliċi kumpens monetarju sussegwenti, li wieħed għandu jammetti, ma huwiex suffiċjenti skont is-sentenza Aziz.

93.      Fil-fatt, huwa veru li l-kawża prinċipali tikkostitwixxi, f’xi modi, “Aziz bil-kontra (53)”. Madankollu, għall-kuntrarju tar-regoli Spanjoli li japplikaw fir-rigward tal-proċeduri tal-eżekuzzjoni fis-sentenza Aziz (54), jidher, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li skont id-dritt Slovakk teżisti l-possibbiltà ta’ oġġezzjoni għall-proċedura inkwistjoni — anki l-possibbiltà tas-sospensjoni ta’ dik il-proċedura għar-raġuni li hija inkompatibbli mad-Direttiva 93/13. Dan ikompli jiġi affermat miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

94.      Dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-proċedura inkwistjoni ma tirrendix l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur eċċessivament diffiċli. Fil-fatt minħabba li l-qorti tar-rinviju kellha quddiemha l-materjal legali u fattwali neċessarju li permezz tiegħu setgħet tesprimi d-dubji tagħha dwar, inter alia, kemm huma ġusti xi wħud mill-klawżoli ta’ penalità inkorporati fil-kuntratt ikkontestat bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, hija ħarġet miżura provviżorja biex tissospendi l-irkant pubbliku u rrinvijat il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan għamlitu minkejja l-argument imqajjem mill-Kummissjoni li ma huwiex kompletament ċar mill-kliem tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji jekk din il-qorti fil-fatt għandhiex il-kompetenza li tannulla l-proċess tal-irkant pubbliku abbażi tal-fatt li ċerti klawżoli kuntrattwali kienu inġusti (55). Il-qorti tar-rinviju għalhekk, b’mod korrett applikat, sa fejn setgħet tagħmel dan, ir-regoli proċedurali interni tagħha b’tali mod li tikseb ir-riżultat mitlub mill-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, meta jinqraw konġuntament (56).

95.      Wieħed jista’ naturalment isostni li l-fatt li l-koppja Macinský irnexxielha tieħu l-passi fiż-żmien xieraq biex tikkontesta l-bejgħ bl-irkant pubbliku juri biss li huma mimlija b’riżorsi, u ma jistax jittieħed bħala prova li l-protezzjoni tal-konsumatur qiegħda tiġi żgurata b’mod effettiv, partikolarment f’dak li jirrigwarda dawk il-konsumaturi li jkunu iżjed vulnerabbli (57).

96.      Madankollu, wieħed ma jistax jinnega li l-Artikolu 21 tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji fil-fatt jipprovdi lill-konsumaturi b’rimedju ġuridiku kontra irkant pubbliku. Għalkemm huwa veru li dan ir-rimedju jirrikjedi li l-konsumatur jieħu l-passi. Madankollu, kif diġà indikajt fil-punti 78 u 79 iktar ’il fuq, ma jidhirlix li fih innifsu, dan il-fatt, jirrestrinġi b’mod eċċessiv il-protezzjoni tal-konsumatur. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw il-livell ta’ protezzjoni li huma jidhrilhom li hu suffiċjenti għall-konsumaturi, u sakemm il-konsumaturi ma jiġux miċħuda mill-protezzjoni intiża mid-Direttiva 93/13. Madankollu, fil-każ ta’ persuni partikolarment vulnerabbli, huwa mifhum li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mad-drittijiet fundamentali (58).

97.      Barra dan, wieħed għandu jagħmilha ċara ħafna li, ladarba konsumatur ikun ikkontesta bejgħ bl-irkant pubbliku quddiem il-qrati Slovakki skont l-Artikolu 21 tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, issir applikabbli l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-qrati nazzjonali skont id-Direttiva 93/13, kif imsemmi fil-punt 63 iktar ’il fuq. Dan ifisser li, meta qorti nazzjonali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-materjal legali u fattwali neċessarju biex twettaq dan id-dmir, tkun meħtieġa teżamina sua sponte jekk tkunx klawżola inġusta f’kuntratt konkluż minn konsumatur li jifforma l-bażi ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni bħal din inkwistjoni. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola. Dan jista’ jirrikjedi — fejn ikun neċessarju — li jiġu ordnati miżuri provviżorji li jissospendu l-bejgħ jew l-effetti tiegħu waqt li tkun għada trid tittieħed deċiżjoni finali dwar kemm hi ġusta din il-klawżola; pereżempju fil-każ li din id-deċiżjoni taqa’ taħt il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni differenti (59).

98.      Minħabba li l-fatti tal-kawża juru li dan huwa possibbli skont id-dritt Slovakk, jien nirrakkomanda, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tirrispondi għad-domanda magħmula, li — sakemm il-qorti nazzjonali jkollha l-kompetenza tieħu l-passi msemmija fil-punt preċedenti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix proċedura bħal din inkwistjoni.

C –    It-talba biex jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenza

99.      Il-Gvern Slovakk talab biex, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-proċedura inkwistjoni tmur kontra d-Direttiva 93/13, jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenza. L-osservazzjonijiet segwenti huma għalhekk rilevanti biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi kemm dwar il-punt tal-ammissibbiltà kif ukoll dwar il-merti tal-kawża.

100. Mill-bidu nett, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-UE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża biex tikkjarifika u tiddefinixxi t-tifsira u l-iskop ta’ din ir-regola skont kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li fih tkun daħlet fis-seħħ. Għaldaqstant, ir-regola — skont kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja — għandha tiġi applikata fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi kollha, inklużi dawk li jkunu seħħu u ġew stabbiliti qabel ma tkun inqatgħet is-sentenza li permezz tagħha tkun ingħatat id-deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tagħha. Għalhekk, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha, biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (60).

101. Il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti ta’ sentenza biss meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet (kumulattivi). L-ewwel nett għandu jiġi stabbilit li jeżisti “riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji”. Dawn ir-riperkussjonijiet iridu jkunu ġejjin, b’mod partikolari, minn numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu ġew stabbiliti b’intenzjoni tajba abbażi tar-regoli li f’dak iż-żmien ikunu meqjusa li huma fis-seħħ u validi. It-tieni nett, l-attivitajiet illegali għandhom ikunu bbażati fuq inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari lill-aġir tal-Istati Membri l-oħra u tal-Kummissjoni, li seta’ kkontribwixxa għall-attività illeġittima inkwistjoni (61).

102. Fit-talba tiegħu, il-Gvern Slovakk ipprovda tabella li tispeċifika n-numru ta’ drabi li l-proċedura inkwistjoni twettqet bejn l-2003 u l-2012. Dan in-numru żdied minn 217 fl-2003 sa 3 916 fl-2012. Dan il-gvern jgħid li bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2012, ġew konklużi total ta’ 17 309 bejgħ pubbliku. Abbażi ta’ dan, il-Gvern Slovakk jikkontendi li ġew konklużi numru kbir ta’ tranżazzjonijiet b’intenzjoni tajba u b’fiduċja fil-fatt li l-proċedura inkwistjoni kienet kompatibbli mad-Direttiva 93/13.

103. Madankollu, b’risposta għal domanda magħmula waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk ippreċiża li dawn il-figuri kienu figuri meħuda f’daqqa. Għalhekk, ma setgħax jindika kemm-il wieħed minn dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ pubbliku kien ir-riżultat ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi, jiġifieri ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu konsumatur u kummerċjant, pjuttost milli sitwazzjonijiet kuntrattwali oħra. Lanqas ma seta’ jagħti stima bbażata fuq inferenza informata.

104. Minħabba li l-Gvern Slovakk lanqas ma jista’ jipprovdi stima oġġettiva tan-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li involvew konsumatur, u li allegatament ġew stabbiliti b’intenzjoni tajba, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi żgurata dwar il-bżonn li tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk din it-talba ma għandhiex tintlaqa’.

105. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li wieħed jindirizza l-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjonijiet ġuridiċi li allegatament ġew stabbiliti b’intenzjoni tajba għandhomx jingħataw iżjed importanza mid-dritt tal-konsumatur li jipprova jikseb rimedju kontra l-ksur tad-Direttiva 93/13 billi jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-istess raġuni ma hemm ebda bżonn li wieħed jeżamina jekk il-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi Banco Español de Crédito u Aziz (fejn ma ġiet mitluba ebda limitazzjoni ratione temporis fuq l-effetti ta’ dawn is-sentenzi) setgħux eliminaw xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura inkwistjoni mad-Direttiva 93/13.

106. Xorta waħda, iċ-ċaħda tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli Slovakki dwar il-preskrizzjoni ordinarja, sa fejn dawn ikunu konsistenti mal-prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jgħid li skont it-tabella pprovduta mill-Gvern Slovakk, xi uħud mill-irkanti pubbliċi seħħew iżjed minn 10 snin ilu.

107. Għal din ir-raġuni, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-domanda magħmula hija ammissibbli u li l-proċedura inkwistjoni hija kompatibbli mad-Direttiva 93/13, ma nagħtix parir li l-effetti tas-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

IV – Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domanda magħmula mill-Okresný súd Prešov (Slovakkja) inammissibbli.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, Ġabra p. I‑615, punt 24), ara wkoll il-konklużjonijiet tal-14 ta’ Diċembru 1991 (1/91, Ġabra p. I‑6079, punt 61).


3 – Id-Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


4 – Il-qorti tar-rinviju ma tindikax, fid-digriet tar-rinviju, meta għandha tiskadi din il-miżura (jekk fil-fatt għandha tiskadi).


5 – Barra dan, il-Gvern Slovakk ippreċiża li, meta kien qiegħed iħejji għas-seduta kien — b’mod eċċezzjonali — qiegħed f’kuntatt informali mal-qorti tar-rinviju, u kien sar jaf li s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 kienet ġiet ikkontestata minn Getfin, u li iżda dik ir-rikuża ġiet miċħuda fit-13 ta’ Mejju 2013.


6 – Għalhekk nintebaħ li l-uniku element “volontarju” fi proċedura bħal din huwa l-fatt li l-ftehim oriġinali, li għandu fih klawżola li tippermetti lill-kreditur jirrikorri għal proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tip, kien (ovvjament) sar bil-kunsens tad-debitur.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10 li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) u s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2012 Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) li essenzjalment tikkonferma s-sentenza Aziz.


8 – Ara C‑34/13, Kušionová, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-Krajský súd v Prešove (Qorti Reġjonali ta’ Prešov) (Slovakkja) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar serje ta’ domandi li essenzjalment jirrigwardaw l-istess kwistjonijiet bħal dawk imqajma fil-kawża preżenti. Ara ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2013, Barclays Bank (C‑280/13), kollha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


9 – Peress li huwa mifhum li fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-UE. Madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’interpretazzjoni tad-dritt tal-UE sabiex tippermetti lil din il-qorti tiddetermina dan hi nnifisha.


10 – Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2002, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22).


11 – Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30).


12 – Madankollu, din l-aħħar biċċa informazzjoni madankollu ma setgħetx tiġi vverifikata, minħabba li la Getfin u lanqas il-koppja Macinský ma pparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


13 – F’dan ir-rigward, nixtieq nindika li hekk kif intqal fil-punt 30 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1), f’proċeduri bħal dawn, l-obbligu huwa fuq il-qorti tar-rinviju li tinforma b’mod xieraq lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kwalunkwe proċedura li tista’ taffettwa r-rinviju, fl-interess tal-iżvolġiment korrett tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex tinżamm l-effettività tagħha.


14 – Hemm evidenza ta’ dan fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Aziz, li qablet li l-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża dehret, prima facie, ipotetika, minkejja l-fatt li l-għoti ta’ risposta jista’ jkollu effett fuq il-possibbiltà li jingħata l-kumpens wara li tkun ġiet konkluża l-proċedura tal-eżekuzzjoni.


15 – Ara s-sentenza Aziz, punti 38 u 39.


16 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment (C‑235/95, Ġabra p. I‑4531, punt 25) u l-ġurisprudenza ċċitata.


17 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Slob (C‑236/02, Ġabra p. I‑1861, punt 29) u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln/Bonn (C‑226/07, Ġabra p. I‑5999, punt 37).


18 – Huma jargumentaw li s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 la tannulla l-kuntratt tas-self u lanqas it-titolu ggarantit u li Getfin ma hijiex allegatament marbuta bir-rikalibrazzjoni tad-dejn magħmul fid-dispożittiv tas-sentenza. Madankollu, dwar din l-aħħar talba, huma jgħidu wkoll fl-istess ittra li taħt l-Artikolu 151(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Slovakk, id-dispożittiv tas-sentenza jorbot lill-partijiet.


19 – Skont il-motivi indikati fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, il-kuntratt ġie ddikjarat null abbażi tar-regoli komuni dwar l-invalidità ta’ kuntratti stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili Slovakk, u mhux abbażi tar-regoli speċjali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li, skont din is-sentenza, għandhom jiġu invokati jekk wieħed ikun jixtieq jikseb id-danni bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 250/2007 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi.


20 – Għandu jitfakkar li Financreal ċediet id-dritt tagħha li titħallas lil Getfin skont il-kuntratt tas-self, li sussegwentement ġie ddikjarat bla effett. Il-qorti tar-rinviju ma ssemmix il-possibbiltà li Financreal — jew Getfin — jistgħu jinżammu responsabbli biex iħallsu d-danni lill-konsumaturi għal raġunijiet oħra apparti n-natura ġusta jew inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.


21 – L-Artikolu 11(1) u  (2) tad-Direttiva 2005/29, u l-Artikoli 1(1) u 2 tad-Direttiva 2009/22.


22 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Banco Español de Crédito, punti 59 u 60, kif ukoll il-punti 85 sa 87.


23 – Għal applikazzjonijiet reċenti ta’ din il-ġurisprudenza, ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2013, Società cooperativa Madonna dei miracoli (C‑82/13, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 12 u 14); is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47); u s-sentenza Romeo (C‑313/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 u 40).


24 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Aziz, punti 55 u 56.


25 – Ara, inter alia, is-sentenza Aziz, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26 – Nirreferi għas-sentenza Banco Español de Crédito, punt 46, u s-sentenza Aziz, punt 50; ara wkoll, għal dan il-għan, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50). Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, aspetti tal-prinċipju ta’ effettività huma wkoll stabbiliti fl-Artikolu 19(1) TUE.


27 – L-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji jippermetti għal perijodu itwal li fih wieħed jista’ jibda l-proċeduri għall-annullament ta’ bejgħ bl-irkant pubbliku f’ċerti każijiet fejn il-bejgħ ikun riżultat ta’ xi reat kriminali. Madankollu, dan naturalment ma jeskludix l-irkant pubbliku ta’ proprjetà ta’ konsumatur skont klawżola inġusta f’kuntratt li setgħa ġie konkluż fil-kuntest ta’ dan ir-reat.


28 – Fir-rigward tad-dmirijiet tal-qrati nazzjonali skont id-Direttiva 93/13, ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra p. I‑9579), fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ; u s-sentenza Jőrös, fir-rigward ta’, inter alia, il-fatt li d-dritt nazzjonali alloka l-kompetenza tas-smigħ ta’ ċerti każijiet li jinvolvu l-klawżoli inġusti allegati, lil ċerti qrati biss (ara t-tieni domanda magħmula f’din il-kawża).


29–      Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, punt 45, u s-sentenza Aziz, punt 49. Filwaqt li fil-punt 49 tas-sentenza Aziz il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni, prima facie bejn din il-kawża u dik tal-Banco Español de Crédito, jidher li r-raġuni hi sempliċiment is-sistema proċedurali differenti taż-żewġ kawżi (ara l-punti 72 u 75 iktar ’il quddiem).


30 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Banco Español de Crédito, punti 55 u 56, u s-sentenza Aziz, punti 62 u 63.


31 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, punt 39, u s-sentenza Aziz, punt 44.


32 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, punt 49, u s-sentenza Aziz, punt 53.


33 – Ara s-sentenza Aziz, punti 59 u 60.


34 – Għall-kuntrarju, id-digriet reċenti fi Banco Popular Español u Banco de Valencia jidher li jikkostitwixxi wkoll każ ta’ impossibbiltà (ara l-punti 54 u 55).


35 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, punti 25 u 26. Barra dan, fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukat Ġenerali Trstenjak semmiet li jekk l-ordni tal-ħlas tiġi appellata, il-proċeduri jsiru wkoll kontradittorji, ara l-punti 51 u 68.


36 – Il-Qorti tal-Ġustizzja irreferiet għall-qosor tal-perijodu mogħti; l-ispejjeż potenzjalment eżorbitanti; in-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumaturi tad-drittijiet tagħhom; u l-kontenut lakoniku tar-rikors għall-ordni tal-ħlas (ara l-punt 54).


37 – Fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, il-ħarsien effettiv tal-konsumaturi ġie meqjus kontra l-prinċipju ta’ res judicata. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet favur dan il-prinċipju tal-aħħar, billi enfasizzat l-importanza tiegħu (ara l-punti 35 sa 37). Madankollu, fis-sentenza Banco Español de Crédito, instab li l-inkoraġġiment tal-aċċess faċli għall-ġustizzja u l-proċeduri mħaffa ma setgħux, fiċ-ċirkustanzi, jegħlbu l-applikazzjoni tal-protezzjoni effettiva tal-konsumatur. B’mod interessanti, jidher li fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, il-Qorti tal-Ġustizzja baxxiet il-livell tal-protezzjoni effettiva tal-konsumatur, u fis-sentenza Banco Español de Crédito, għollietu. Iżjed reċenti, fis-sentenza Jőrös, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sistema ġuridika tagħhom jista’ bħala prinċipju, jegħleb id-dritt ta’ qorti nazzjonali li tannulla klawżola inġusta sua sponte, jekk il-kompetenza biex isir dan tkun taqa’ taħt ġurisdizzjoni oħra. Madankollu, ir-regoli proċedurali interni ta’ din il-qorti għandhom, sa fejn hu possibbli, jiġu interpretati b’tali mod li jinkiseb ir-riżultat previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (ara s-sentenza Jőrös, punti 50 sa 52).


38 – Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż biss biex jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn il-konsumatur u l-kummerċjant; ara, inter alia, is-sentenza Aziz, punt 45.


39 – Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 u t-12-il premessa fil-preambolu tagħha.


40 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, punt 51.


41 – Ara s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 47.


42 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Aziz, punt 55. Din il-fehma ġiet ukoll espressa mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fis-sentenza Banco Español de Crédito, punt 74; għalkemm wieħed għandu jammetti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx ma din il-fehma.


43 – Nixtieq insemmi wkoll li stħarriġ ġudizzjarju obligatorju ex ante jista’ jinvolvi iżjed spejjeż għall-kummerċjant (bħal pereżempju l-ispejjeż tal-qorti biex jinbdew il-proċeduri), anki meta l-kuntratt inkwistjoni ma jkollux fih klawżoli inġusti.


44 – Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikolu 3(3), li jirreferi għal lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu bħala inġusti, annessa mad-Direttiva 93/13; ara wkoll, għal dan il-għan, is-sentenza Aziz, punti 66 u 68 sa 71.


45 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Rousk vs L‑Isvezja, 27183/04, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Lulju 2013, li tirrigwarda l-bejgħ pubbliku tad-dar tad-debitur u tkeċċija tiegħu minnha fuq talba ta’ awtorità pubblika fir-rigward ta’ pretensjoni għal ħlas ta’ dejn fiskali li kien jammonta għal SEK 6 721 (bejn wieħed u ieħor EUR 800) (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ din il-qorti fil-punti 91, u 137 sa 139); u s-sentenza Zehentner vs L-Awstrija, 20082/02, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 2009, li tirrigwarda l-bejgħ b’subbasta ta’ proprjetà privata biex jiġi garantit l-irkupru ta’ dejn ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 2 150 fi kwistjoni bejn żewġ partijiet privati, fejn id-debitur kienet legalment inkapaċitata u għalhekk mhux f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha b’mod adegwat kontra l-pretensjoni (ara, b’mod partikolari, l-punti 54, 59, 61, 75 u 76).


46 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Aziz, punt 61.


47 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fi Z (C‑363/12) attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 tagħha. Ara wkoll, inter alia, K. Lenaerts, “Exploring the Limits of the EU Charter of Fundamental Rights”, European Constitutional Law Review, (8)2012, p. 376. Għall-interazzjoni bejn l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u l-Karta, ara s-sentenza Agrokonsulting (C‑93/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 59 sa 61).


48 – Ara s-sentenza Rousk vs L-Isvezja, punt 137.


49 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Zehentner vs L-Awstrija, punt 54.


50 – Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Slovakk fis-sentenza Kušionová, l-Artikoli 74(1) u 76(1)(f) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Slovakk fil-fatt jagħtu lill-qrati is-setgħat ġenerali biex joħorġu miżuri provviżorji fir-rigward ta’ proċeduri quddiemhom.


51 – Għal iżjed dettall, nirreferi għall-Artikoli 39(3) u 43(2) tal-Liġi Nru 162/1995 dwar ir-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistrazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà u Drittijiet Oħra fir-Rigward ta’ Beni Immobbli. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, jekk informati b’xi rikuża, is-Servizzi tar-Reġistru tal-Artijiet għandhom jirreġistraw din l-informazzjoni sakemm ikun hemm soluzzjoni għall-kontestazzjoni. Ara, f’kuntest differenti, is-sentenza Aziz, punti 56 sa 58.


52 – Nixtieq inżid li ma hemm xejn x’jipprevjeni lill-konsumatur milli jitlob dikjarazzjoni tal-qorti li xi klawżola kuntrattwali hija inġusta anki qabel ma jkun ħareġ l-avviż tal-bejgħ.


53 – Għall-kuntrarju tas-sentenza Aziz, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura inkwistjoni mad-Direttiva 93/13 tqajmet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-pretensjoni kontra l-konsumaturi u mhux fil-proċeduri dwar is-sustanza. Barra dan, il-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-eżekuzzjoni, infetħet mill-konsumaturi, filwaqt li l-proċeduri dwar il-merti nbdew mill-kummerċjant.


54 – Ara s-sentenza Aziz, punti 54 u 55.


55 – B’referenza għall-Artikolu 7(2) tal-Liġi dwar l-Irkanti Volontarji, il-Gvern Slovakk ikkonferma waqt is-seduta li l-qrati Slovakki jgawdu minn din il-kompetenza.


56 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Jőrös, punt 52.


57 – F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ma tagħmilhiex ċara kemm għandu jkun infurmat sewwa u attiv konsumatur. Jidher li s-sentenzi Banco Español de Crédito u Aziz jiffavorixxu tip ta’ konsumatur li huwa iżjed vulnerabbli, filwaqt li s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones pjuttost tidher li tirrikjedi li l-konsumatur ikun litigant iżjed tat-tip bonus pater familias. Din in-nuqqas ta’ ċarezza hija aggravata mill-fatt li, fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, l-Avukat Ġenerali Trstenjak ħeġġet lill-Qorti tal-Ġustizzja tobbliga lill-qrati nazzjonali jwaqqfu d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija abbażi ta’ kuntratt li għandu fih klawżola inġusta (ara l-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones) — li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx — u wara dan, fis-sentenza Banco Español de Crédito, ikkontendiet (iżda xorta waħda għal xejn) b’referenza speċjali għal dan ir-riżultat, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta mudell ta’ konsumatur li huwa “normalment informat u raġonevolmanet attent u avzat” (ara l-punti 72 u 73 fil-konklużjonijiet tagħha fis-sentenza Banco Español de Crédito).


58 – Fiż-żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imsemmija iktar ’il fuq, wieħed jista’ jgħid li d-debitur kien jinsab f’pożizzjoni iżjed vulnerabbli mis-soltu. Fis-sentenza Rousk vs L-Isvezja, il-kreditur kien l-Istat, u fis-sentenza Zehentner vs L-Awstrija, id-debitur kien legalment inkapaċitat.


59 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenza Jőrös, punti 50 sa 52.


60 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, FIM Santander Top 25 Euro Fi (C‑338/11 sa C‑347/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59) u l-ġurisprudenza ċċitata. Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li restrizzjoni bħal din tista’ tiġi permessa biss fid-deċiżjoni tas-sentenza dwar l-interpretazzjoni mitluba. Ara pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 36) u l-ġurisprudenza ċċitata.


61 – Ara, inter alia, is-sentenza FIM Santander Top 25 Euro Fi, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.